EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1839

Regolament (UE) 2015/1839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja

OJ L 270, 15.10.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1839/oj

15.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/1


REGOLAMENT (UE) 2015/1839 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Ottubru 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Greċja ġiet affettwata mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja b'mod uniku. Il-kriżi wasslet għal rati negattivi persistenti ta' tkabbir tal-prodott domestiku gross fil-Greċja matul numru ta' snin, li, ikkawżat nuqqas serju ta' likwidità u nuqqas ta' fondi pubbliċi disponibbli għall-investiment pubbliku meħtieġ biex jitrawwem irkupru sostenibbli. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jeħtieġ li tiġi indirizzata b'miżuri speċifiċi.

(2)

Huwa vitali li n-nuqqas ta' likwidità u ta' fondi pubbliċi fil-Greċja ma jxekklux l-investiment taħt programmi appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (“il-Fondi”) u mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-Greċja jkollha biżżejjed mezzi finanzjarji biex tibda l-implimentazzjoni tal-programmi 2014–2020 appoġġati mill-Fondi u l-FEMS fl-2015 u fl-2016, huwa xieraq li jiżdied il-livell tal-prefinanzjament inizjali mħallas għall-programmi operazzjonali tagħha skont il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u għall-programmi appoġġati mill-FEMS permezz tal-pagament ta' ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali f'dawk is-snin.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali jintuża b'mod effettiv u jilħaq lill-benefiċjarji tal-Fondi u tal-FEMS malajr kemm jista' jkun sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-investimenti ppjanati u jiġu rimborsati malajr wara l-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet ta' pagament tagħhom, l-ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni jekk ma jkunx segwit minn livell adegwat ta' applikazzjonijiet għall-pagament sottomessi lill-Kummissjoni sa ċerta data ta' skadenza.

(5)

Sabiex jittejjeb l-użu effettiv tal-fondi disponibbli għall-finanzjament ta' operazzjonijiet taħt programmi operazzjonali għall-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u impjiegi appoġġati mill-Fondi li kienu adottati għall-perjodu 2007-2013 fil-Greċja, ir-rati massimi ta' kofinanzjament għandhom jiżdiedu u l-limitu massimu ta' pagamenti għal programmi fi tmiem il-perjodu ta' pprogrammar għandu jiżdied. Sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi disponibbli jintużaw b'mod effettiv għall-finanzjament ta' investimenti fuq il-post, għandu jiġi pprovdut mekkaniżmu ta' rappurtar.

(6)

Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandu għalhekk jiġi emendat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 134, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Minbarra l-pagamenti previsti fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali ta' 3,5 % tal-ammont ta' appoġġ mill-Fondi u l-FEMS għall-perjodu kollu ta' programmar għandu jitħallas għall-programmi operazzjonali fil-Greċja kull sena fl-2015 u fl-2016.

Il-prefinanzjament inizjali addizzjonali ma għandux japplika għal programmi taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea u lanqas għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi fost iż-Żgħażagħ.

Jekk, sal-31 ta' Diċembru 2016, l-ammont totali ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas fuq il-bażi ta' dan il-paragrafu fl-2015 u fl-2016 għal programm operazzjonali mill-Fond, fejn applikabbli, mhuwiex kopert minn applikazzjonijiet ta' pagament mibgħuta mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni għal dak il-programm, il-Greċja għandha tħallas lura lill-Kummissjoni l-ammont totali ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali għal dak il-Fond imħallas għal dak il-programm. Dawk il-pagamenti lura m'għandhomx jikkostitwixxu korrezzjoni finanzjarja u m'għandhomx inaqqsu l-appoġġ mill-Fondi jew l-FEMS għall-programmi operazzjonali. Il-pagamenti lura għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat skont il-punt (c) tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Finanzjarju.”

(2)

fl-Artikolu 152, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   B'deroga mill-Artikolu 79(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-limitu massimu għall-ammont totali kumulattiv ta' prefinanzjament u ta' pagamenti interim għandu jkun ta' 100 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-programmi operazzjonali għall-objettivi ta' Konverġenza u ta' kompetittività Reġjonali u impjiegi fil-Greċja.

5.   B'deroga mill-Artikoli 53(2) u 77(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minkejja d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiffissaw ir-rata massima u l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għal kull programm operazzjonali Grieg u għal kull assi prijoritarju, il-pagamenti interim u l-pagamenti tal-bilanċ finali għandhom jiġu kkalkolati billi tiġi applikata rata massima ta' kofinanzjament ta' 100 % għan-nefqa eliġibbli indikata għall-programmi operazzjonali Griegi għall-objettivi ta' Konverġenza u ta' kompetittività Reġjonali u impjiegi taħt kull assi prijoritarju f'kull dikjarazzjoni tan-nefqa ċertifikata mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni. L-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 m'għandux japplika għal programmi operazzjonali fil-Greċja.

6.   Il-Greċja għandha tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat li ammonti addizzjonali li saru disponibbli bħala riżultat tal-miżuri stipulati fil-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu jintużaw biss għal pagamenti lil benefiċjarji u għal operazzjonijiet għall-programmi operazzjonali tagħha.

Il-Greċja għandha tissottometti rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu sal-aħħar tal-2016 u għandha tirrapporta wkoll fir-rapport ta' implimentazzjoni finali li għandu jiġi ppreżentat skont il-punt (a) tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ottubru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015(għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Ottubru 2015.

(2)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


Top