Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1832

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1832 tat-12 ta' Ottubru 2015 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'rabta mal-użu tal-Eritritol (E 968) bħala sustanza li ttejjeb it-togħma f'xarbiet bit-togħma b'enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 266, 13.10.2015, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1832/oj

    13.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 266/27


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1832

    tat-12 ta' Ottubru 2015

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'rabta mal-użu tal-Eritritol (E 968) bħala sustanza li ttejjeb it-togħma f'xarbiet bit-togħma b'enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista ta' addittivi tal-ikel tal-Unjoni approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara talba.

    (3)

    Fit-28 ta' Mejju 2014 intbagħtet talba għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-eritritol (E 968) bħala sustanza li ttejjeb it-togħma f'xarbiet bit-togħma, il-kategorija tal-ikel 14.1.4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Sussegwentement l-applikazzjoni tpoġġiet għad-disponibbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (4)

    L-użu tal-eritritol (E 968) huwa mitlub biex jittejbu l-profil tat-togħma u l-mod kif jinħassu fil-ħalq ix-xarbiet b'enerġija mnaqqsa u x-xarbiet mingħajr zokkor miżjud, b'tali mod li dawn jintiegħmu simili għal prodotti li fihom iz-zokkor. F'livelli baxxi, l-eritritol jaġixxi bħala sustanza li ttejjeb it-togħma u jgħin biex jittaffew it-togħmiet ħżiena u persistenti ta' ħlewwa assoċjati mal-użu ta' dolċifikanti ta' intensità qawwija f'dawn ix-xarbiet. Għalhekk, il-konsumaturi jibbenefikaw mid-disponibbiltà ta' xarbiet b'enerġija mnaqqsa jew xarbiet bla zokkor miżjud li jintiegħmu aħjar.

    (5)

    Fl-2003, il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (SCF) ikkonkluda li l-eritritol (E 968) huwa sikur għall-użu fl-ikel. L-approvazzjoni tal-eritritol (E 968) mill-Unjoni għadha ma tkoprix l-użu tiegħu fix-xorb għax l-opinjoni tal-SCF sostniet li jista' jkun li l-limitu lassattiv jinqabeż, speċjalment minn konsumaturi żgħażagħ, permezz tal-inġestjoni tal-eritritol fix-xorb.

    (6)

    Fit-12 ta' Frar 2015, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjoni (3) dwar is-sikurezza tal-estensjoni proposta dwar l-użu tal-eritritol (E 968) bħala addittiv tal-ikel. L-Awtorità kkonkludiet li l-konsum ta' bolus akut (okkażjoni waħda ta' xorb) ta' eritritol permezz ta' xorb mhux alkoħoliku f'livell massimu ta' 1,6 % ma joħloqx tħassib dwar effetti lassattivi. L-Awtorità bbażat il-konklużjoni tagħha fuq dejta li tinkludi stima ta' esponiment filwaqt li tqiesu l-livell massimu propost ta' 1,6 % ta' eritritol f'xorb mhux alkoħoliku, l-istorja tal-użu tal-eritritol, il-karatteristiki tal-assorbiment tiegħu u n-nuqqas ta' sejbiet negattivi, inklużi effetti lassattivi, wara esponiment għas-sustanza.

    (7)

    Għal dik ir-raġuni, jixraq li l-użu tal-eritritol (E 968) bħala sustanza li ttejjeb it-togħma f'xarbiet bit-togħma, il-kategorija tal-ikel 14.1.4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, jiġi awtorizzat, f'livell massimu ta' 1,6 %.

    (8)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  The EFSA Journal 2015;13(3):4033.


    ANNESS

    Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

    (a)

    Fil-kategorija tal-ikel 14.1.4: “Xarbiet bit-togħma” l-entrata għall-Addittivi tal-Grupp I hija emendata kif ġej:

     

    “Grupp I

    Addittivi

     

     

    E 420, E 421, E 953, E 965, E 966 u E 967 ma jistgħux jintużaw

    E 968 ma jistax jintuża ħlief kif stipulat f'din il-kategorija tal-ikel”

    (b)

    Fil-kategorija tal-ikel 14.1.4: “Xarbiet bit-togħma”, l-entrata li jmiss tiddaħħal wara l-entrata għall-E 962:

     

    “E 968

    Eritritol

    16 000

     

    f'xarbiet b'enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud biss, bħala addittiv biex itejjeb it-togħma biss”


    Top