Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1828

Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat-12 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

OJ L 266, 13.10.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1828/oj

13.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/1828

tat-12 ta' Ottubru 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 (2) jagħti effett lill-parti l-kbira tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(2)

Fit-12 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 tistipula l-kriterji biex jiġu elenkati persuni, entitajiet u korpi fl-Anness I u II ta' dik id-Deċiżjoni. Ir-raġunijiet għal dawk il-listi jinsabu fil-premessi tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 u d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(3)

Il-miżuri tal-iffriżar tal-assi jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 15, jinżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Il-lista fl-Anness II għandha tikkonsisti wkoll f'persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f'konformità mal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK (*), ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja;

(b)

membri tal-familji Assad jew Makhlouf;

(c)

Ministri tal-Gvern Sirjan fil-poter wara Mejju 2011;

(d)

membri tal-Forza Armata Sirjana fil-grad ta' ‘Kurunell’ jew ekwivalenti jew ogħla li kellhom din il-pożizzjoni wara Mejju 2011;

(e)

membri tas-servizzi ta' sigurtà u tas-servizzi tal-intelligence Sirjani li kellhom din il-pożizzjoni wara Mejju 2011;

(f)

membri tal-milizji affiljati mar-reġim;

(g)

persuni, entitajiet, unitajiet, aġenziji, korpi jew istituzzjonijiet li joperaw fis-settur tal-proliferazzjoni tal-armi kimiċi;

u persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet assoċjati magħhom, u li għalihom ma japplikax l-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament.

1b.   Persuni, entitajiet u korpi f'xi waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1a m'għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta' persuni, entitajiet u korpi fl-Anness II jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li huma mhumiex, jew m'għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta' ċirkomvenzjoni.

(*)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.).”."

(2)

L-Artikolu 32(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu dwar l-elenkar imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż ir-raġunijiet għalih, lill-persuna, lill-entità jew lill-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, fejn jagħtu lil tali persuna, entità jew korp l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. B'mod partikolari, fejn persuna, entità jew korp huma elenkati fl-Anness II fuq il-bażi li jaqgħu f'waħda mill-kategoriji ta' persuni, entitajiet jew korpi stipulati fl-Artikolu 15(1a), il-persuna, l-entità jew il-korp jistgħu jippreżentaw prova u osservazzjonijiet dwar ir-raġuni għalfejn huma jikkunsidraw li l-elenkar tagħhom mhux ġustifikat, minkejja li jaqgħu taħt tali kategorija.”.

(3)

It-titolu tal-Anness II huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS II

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikoli 14, 15(1)(a) u 15(1a)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta' Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat-12 ta' Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ara l-paġna 75 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top