Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1348

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1348 tat-3 ta' Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 208, 5.8.2015, pp. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1348/oj

5.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1348

tat-3 ta' Awwissu 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv fid-19 ta' Ġunju 2015

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (2) jistabbilixxi regoli rigward — fost l-oħrajn — investigazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni u aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni.

(2)

Il-kartelli huma ftehimiet jew prattiki miftehma bejn żewġ kompetituri jew iktar bl-iskop li jikkoordinaw l-imġiba kompetittiva tagħhom fuq is-suq jew jinfluwenzaw il-parametri tal-kompetizzjoni rilevanti permezz ta' prattiki bħall-iffissar jew il-kordinazzjoni tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew kundizzjonijiet oħra tal-kummerċ, l-allokazzjoni ta' kwoti ta' produzzjoni jew bejgħ, il-kondiviżjoni tas-suq u tal-klijenti inkluż l-immanuvrar tal-offerti, ir-ristrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u azzjonijiet kontra l-kompetizzjoni kontra kompetituri oħra. Prattiki bħal dawn huma fost l-iktar ksur serju tal-Artikolu 101 tat-Trattat.

(3)

Min-natura stess tagħhom, il-kartelli sigrieti huma ta' sikwit diffiċli biex jiġu identifikati u investigati mingħajr il-koperazzjoni tal-impriżi jew individwi implikati fihom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li huwa fl-interess tal-Unjoni li tippremja lill-impriżi involuti f'dan it-tip ta' prattiki illegali li huma disposti li jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom u li jtemmuha u li jikkooperaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, independentement mill-bqija tal-impriżi involuti fil-kartell. L-interessi tal-konsumaturi biex jiġi żgurat li kartelli sigrieti jinkixfu u jkunu kkastigati huma akbar mill-interess li jiġu imposti multi, f'livell proporzjonat mal-aġir illegali tagħhom, fuq dawk l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiki. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ilha topera programm ta' klemenza sa mill-1996. Fil-programm ta' klemenza tagħha, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom tista' tippremja lil impriżi għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Il-programm ta' klemenza wera li huwa għodda effettiva biex il-Kummissjoni tiskopri u tippenalizza bosta kartelli sigrieti. Barra minn hekk, billi jgħin biex jinkixfu iktar kontravenzjonijiet u billi jagħmel l-infurzar pubbliku aktar effettiv, il-programm ta' klemenza jservi wkoll bħala deterrent kontra l-kartelli u, fl-aħħar mill-aħħar, jipprovdi bażi biex il-partijiet li ġarrbu d-dannu jitolbu kumpens għad-dannu subit minn dan il-ksur.

(4)

Bħala parti mill-kooperazzjoni tagħhom l-impriżi jistgħu volontarjament jippreżentaw għall-prospetti korporattivi ta' klemenza, li jistgħu jinkludu dikjarazzjonijiet minn impjegati u rappreżentanti attwali u/jew preċedenti tal-impriża. Madankollu, l-impriżi jistgħu jiġu dissważi milli jikkooperaw mal-Kummissjoni jekk li jagħmlu dan jista' jkollu konsegwenzi negattivi għall-pożizzjoni tagħhom fi proċeduri ta' qorti ċivili.

(5)

Il-partijiet fil-proċeduri quddiem il-Kummissjoni kif ukoll partijiet terzi, bħalma huma l-ilmentaturi u persuni oħra interessati, jistgħu jiksbu ċerta informazzjoni mill-fajl tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 773/2004.

(6)

L-informazzjoni miksuba skont ir-Regolament (KE) Nru 773/2004 tista' tintuża għall-iskopijiet ta' proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat. Madankollu, ma għandux ikun possibbli li jużaw din l-informazzjoni fi proċeduri quddiem qrati nazzjonali fejn dan jista' jaffettwa b'mod mhux dovut l-effikaċja tal-infurzar mill-Kummissjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-impriżi ma jkunux skoraġġuti milli volontarjament jirrikonoxxu s-sehem tagħhom fi ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar programm ta' klemenza jew proċedura ta' riżolviment, partijiet oħra se jingħataw aċċess għal tali rikonoxximent permezz ta' aċċess għall-fajl skont ir-Regolament (KE) Nru 773/2004 sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' difiża fi proċedimenti quddiem il-Kummissjoni. Din l-informazzjoni tista' tintuża biss fi proċess ġdid quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea jew quddiem il-qrati nazzjonali f'każijiet li huma direttament relatati mal-każ li għalihom l-aċċess ġie mogħti u li jew jikkonċernaw l-allokazzjoni ta' multa bejn parteċipanti fil-kartell jew ir-rieżami ta' deċiżjoni ta' ksur adottata minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

(8)

Barra minn hekk, l-użu ta' informazzjoni miksuba skont ir-Regolament (KE) Nru 773/2004 fi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali ma għandux jinterferixxi bla bżonn ma' investigazzjoni pendenti tal-Kummissjoni ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Fejn tali informazzjoni tħejjiet mill-Kummissjoni matul il-proċeduri tagħha għall-infurzar tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni (bħal pereżempju dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet) jew minn parti f'dawk il-proċeduri (bħal tweġibiet għat-talbiet ta' informazzjoni tal-Kummissjoni), parti ma għandhiex tkunu tistà tuża tali informazzjoni fi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali biss wara li l-Kummissjoni tkun temmet il-proċeduri tagħha kontra l-partijiet kollha investigati bl-adozzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikoli 7, 9 jew 10 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew tkun mod ieħor temmet il-proċedura amministrattiva tagħha.

(9)

Ir-regoli f'dan ir-Regolament li jirregolaw it-trattament ta' dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolviment għandhom japplikaw ukoll meta dawn id-dikjarazzjonijiet ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolviment kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar azzjonijiet għad-danni dwar l-antitrust huma trażmessi lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 773/2004 għaldaqstant għandu jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 773/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

Jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

Il-Programm ta' Klemenza tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ta' kooperazzjoni li bihom tista' tippremja lill-impriżi li huma jew li kienu partijiet f'kartelli sigrieti, għall-kooperazzjoni tagħhom biex ikun żvelat il-kartell u fl-iffaċilitar tal-istabbiliment ta' ksur, b'immunità jew tnaqqis fil-multi li kieku jiġu imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (il-programm ta' klemenza tal-Kummissjoni).

L-impriża li hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettulha twettaq ispezzjoni mmirata jew issib ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat b'konnessjoni mal-allegat kartell, tista' tingħata immunità minn multi. Tnaqqis fil-multi jista' jingħata lil impriżi li jipprovdu lill-Kummissjoni prova tal-ksur allegat, li tirrappreżenta valur miżjud sinifikanti fir-rigward tal-provi li jkunu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tagħti biss l-immunità mill-multa jew tnaqqis tagħha skont il-programm ta' klemenza tagħha jekk, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, l-impriża tkun issodisfat ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ta' kooperazzjoni previsti fil-kuntest tal-programm ta' klemenza. Dawn jistgħu jkopru, fost oħrajn, it-tip ta' informazzjoni u evidenza li l-impriżi huma meħtieġa li jippreżentaw u koperazzjoni ulterjuri mistennija mill-impriżi matul il-proċedimenti amministrattivi.

2.   Sabiex tikkwalifika għal immunità jew tnaqqis tal-multa li kieku tkun imposta, l-impriżi jipprovdu lill-Kummissjoni bi preżentazzjonijiet volontarji dwar l-għarfien tagħhom dwar kartell sigriet u r-rwol tagħhom fih, li jistgħu jkunu wkoll f'forma ta' preżentazzjonijiet volontarji dwar l-għarfien tal-impjegati jew rappreżentanti preċedenti jew attwali tal-impriża (dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza). Tali dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza jitfasslu b'mod speċifiku biex jitressqu lill-Kummissjoni bil-ħsieb li tinkiseb immunità jew tnaqqis fil-multi fil-programm ta' klemenza tal-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni se toffri lill-partijiet metodi xierqa biex jipprovdu dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza li mhumiex sottomissjoni bil-miktub, inklużi dawk orali. Id-dikjarazzjonijiet korporattivi orali jistgħu jkunu rrekordjati u traskritti fil-bini tal-Kummissjoni. L-impriża tingħata l-opportunità li tivverifika l-akkuratezza tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni orali tagħha fil-bini tal-Kummissjoni, u, fejn meħtieġ, li tikkoreġi s-sustanza tad-dikjarazzjoni mingħajr dewmien. Ir-regoli f'dan ir-Regolament dwar id-dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza japplikaw għal tali dikjarazzjonijiet irrispettivament mill-mezz li fuqhom huma maħżuna. Informazzjoni li kienet diġà teżisti, jiġifieri evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti tal-Kummissjoni u li hija ppreżentata lill-Kummissjoni minn impriża fil-kuntest tat-talba tagħha għal immunità minn multa jew għat-tnaqqis tagħha, ma tagħmilx parti minn dikjarazzjoni korporattiva ta' klemenza.”

(2)

Fl-Artikolu 8, jitħassar il-paragrafu 2.

(3)

Fl-Artikolu 10 a(2), it-tielet subparagrafu hu mibdul b'dan li ġej:

“Jekk isir progress fid-diskussjonijiet għar-riżolviment, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih il-partijiet jistgħu jimpenjaw ruħhom li jsegwu l-proċedura għar-riżolviment billi jressqu sottomissjonijiet għar-riżolviment li jirriflettu r-riżultati tad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment u jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat kif ukoll ir-responsabbiltà tagħhom. Dawn is-sottomissjonijiet ta' riżolviment ikunu speċifikament imfassla mill-impriżi kkonċernati bħala talba formali lill-Kummissjoni biex tadotta kwalunkwe deċiżjoni fil-każ tagħhom skont il-proċediment ta' riżolviment. Qabel ma l-Kummissjoni tistabbilixxi l-limitu taż-żmien għall-introduzzjoni ta' sottomissjonijiet ta' riżolviment, il-partijiet konċernati jkunu intitolati li jkollhom l-informazzjoni speċifikata fl-ewwel subparagrafu, żvelata lilhom, fuq talba, fil-ħin. Il-Kummissjoni ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet ta' riżolviment wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien.

Il-Kummissjoni se toffri lil partijiet metodi xierqa biex jipprovdu sottomissjonijiet ta' riżolviment li mhumiex sottomissjoni bil-miktub, inklużi dawk orali. Is-sottomissjonijiet ta' riżolviment orali jistgħu jkunu rrekordjati u traskritti fil-bini tal-Kummissjoni. L-impriża tingħata l-opportunità li tivverifika l-akkuratezza teknika tar-reġistrazzjoni tas-sottomissjoni orali tagħha fil-bini tal-Kummissjoni, u, fejn meħtieġ, li tikkoreġi s-sustanza tas-sottomissjoni tagħha mingħajr dewmien. Ir-regoli f'dan ir-Regolament dwar sottomissjonijiet ta' riżolviment japplikaw għal tali dikjarazzjonijiet irrispettivament mill-mezz li fuqhom huma maħżuna.”

(4)

L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Aċċess għall-fajl”

(b)

il-paragrafu (1a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1a.   Wara li jibdew il-proċeduri skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u sabiex tkun tista' tgħin lill-partijiet biex jippreżentaw sottomissjonijiet ta' riżolviment, il-Kummissjoni tiżvelalhom il-provi u d-dokumenti deskritti fl-Artikolu 10a(2) meta jintalbu u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi rilevanti. Fid-dawl ta' dan, meta jippreżentaw is-sottomissjonijiet miktuba tagħhom għal riżolviment, il-partijiet jikkonfermaw lill-Kummissjoni li se jinħtieġu biss aċċess għall-fajl skont il-paragrafu 1 wara li l-irċevuta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jekk id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tirriflettix il-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għal riżolviment. Meta d-diskussjonijiet għal riżolviment ma jitkomplewx ma' parti waħda jew aktar, tali Parti tingħata l-aċċess għall-fajl skont il-paragrafu 1 meta dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tkun indirizzata lilha.”

(c)

għandu jiddaħħal il-paragrafu 1b li ġej:

“1b.   L-aċċess skont il-paragrafu 1 jew 1a għal dikjarazzjoni korporattiva ta' klemenza skont it-tifsira tal-Artikolu 4a(2) jew għal sottomissjoni ta' riżolviment skont it-tifsira tal-Artikolu 10a(2), jingħata biss fil-bini tal-Kummissjoni. Il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom ma jikkopjawx dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza jew sottomissjonijiet ta' riżolviment permezz ta' kwalunkwe mezzi mekkaniċi jew elettroniċi.”

(d)

il-paragrafu 4 jitħassar.

(5)

Wara l-Artikolu 16, jiddaħħal il-Kapitolu VIa li ġej:

“KAPITOLU VIa

LIMITAZZJONIJIET GĦALL-UŻU TA' INFORMAZZJONI MIKSUBA FIL-KORS TAL-PROĊEDIMENTI TAL-KUMMISSJONI

Artikolu 16a

1.   L-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament tintuża biss għall-iskopijiet ta' proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.

2.   L-aċċess għal dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza skont it-tifsira tal-Artikolu 4a(2) jew għas-sottomissjonijiet ta' riżolviment skont it-tifsira tal-Artikolu 10a(2) jingħata biss għall-finijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet ta' difiża fi proċedimenti quddiem il-Kummissjoni. Informazzjoni meħuda minn tali dikjarazzjonijiet u s-sottomissjonijiet tista' tintuża mill-parti li tkun kisbet aċċess għall-fajl biss fejn ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha fil-proċeduri:

(a)

quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jirrieżaminaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew

(b)

quddiem il-qrati tal-Istati Membri f'każijiet li huma direttament relatati mal-każ li għalihom l-aċċess ġie mogħti, u li jirrigwardaw:

(i)

l-allokazzjoni bejn parteċipanti fil-kartell ta' multa in solidum imposta fuqhom mill-Kummissjoni; jew

(ii)

ir-rieżami ta' deċiżjoni li biha awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru sabet ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

3.   Dawn il-kategoriji ta' informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament ma jintużawx fi proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali sakemm il-Kummissjoni ttemm il-proċedimenti tagħha kontra l-partijiet kollha investigati bl-adozzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 7, 9 jew 10 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew xorta oħra tkun temmet il-proċedimenti tagħha:

(a)

l-informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti tal-Kummissjoni; kif ukoll

(b)

l-informazzjoni li l-Kummissjoni fasslet u bagħtet lill-partijiet matul il-proċedimenti tagħha.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1792/2006 (ĠU L 362, 20.12.2006, p. 1) u mir-Regolament (KE) Nru 622/2008 (ĠU L 171, 1.7.2008, p. 3).

(3)  Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjoni għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1).


Top