EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1137

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1137 tat-13 ta' Lulju 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-livell massimu ta' Okratossina A fil-ħwawar Capsicum spp. (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 185, 14.7.2015, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1137/oj

14.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1137

tat-13 ta' Lulju 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-livell massimu ta' Okratossina A fil-ħwawar Capsicum spp.

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi livell massimu ta' Okratossina A fil-ħwawar Capsicum spp.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 105/2010 (3), li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006, jistabbilixxi livell massimu ta' Okratossina A fil-ħwawar, li jintlaħaq billi jiġu applikati prattiki tajba. Biex il-pajjiżi li jipproduċu l-ħwawar jistabbilixxu miżuri ta' prevenzjoni u sabiex jiġi evitat ix-xkiel għall-kummerċ b'mod li ma jkunx aċċettabbli, ir-Regolament (UE) Nru 105/2010 jistipula livell massimu ogħla ta' 30 μg/kg għal perjodu limitat ta' żmien qabel ma jiġi applikat il-livell massimu ta' 15 μg/kg. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 594/2012 (4) jestendi dan il-perjodu għall-ħwawar Capsicum spp. sal-31 ta' Diċembru 2014. Is-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mal-esperti governattivi tal-Istati Membri wettqu valutazzjoni tal-kisba billi applikaw prattiki tajba f'reġjuni produtturi differenti fid-dinja ta' livelli aktar baxxi ta' Okratossina A. Għalkemm sar titjib sinifikanti fl-applikazzjoni tal-prattiki tajba f'reġjuni produtturi differenti, il-livell massimu aktar baxx previst ta' 15 μg/kg għall-Okratossina A ma jistax jinkiseb fil-ħwawar Capsicum spp. fuq bażi kostanti, minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp li xi kultant ikun hemm matul it-tkabbir u l-ħsad. Għalhekk jixraq li jiġi stabbilit livell massimu differenti għall-Okratossina A fil-ħwawar Capsicum spp. li jkun jista' jinkiseb bl-applikazzjoni ta' prattiki tajba u li jibqa' jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem.

(3)

Għalhekk, l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Peress li l-livell massimu ogħla ta' 30 μg/kg kien japplika sal-31 ta' Diċembru 2014, jixraq li jiġi stipulat li l-livell massimu stabbilit b'dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-ħwawar Capsicum spp. li ma jikkonformawx mal-livell massimu ta' Okratossina A skont il-punt 2.2.11 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, kif emendat b'dan ir-Regolament, li tqiegħdu legalment fis-suq qabel l-1 ta' Jannar 2015, jistgħu jibqgħu jiġu kkumerċjalizzati wara dik id-data sad-data minima ta' durabbiltà jew sad-data ta' skadenza tagħhom.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 105/2010 tal-5 ta' Frar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel fir-rigward tal-okratossina A (ĠU L 35, 6.2.2010, p. 7).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 594/2012 tal-5 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-kontaminanti okratossina A, PCBs li ma jixbhux lid-dijossini u l-melamina fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 176, 6.7.2012, p. 43).


ANNESS

Il-punt 2.2.11 fit-Taqsima 2.2. Okratossina A fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jinbidel b'dan li ġej:

“2.2.11.

Ħwawar, inklużi l-ħwawar imnixxfa

 

Piper spp (frott tiegħu, inkluż bżar abjad u iswed)

Myristica fragrans (noċemuskata)

Zingiber officinale (ġinġer)

Curcuma longa (żagħfran tal-Indja)

15 μg/kg

Capsicum spp. (il-frott imnixxef tiegħu, sħiħ jew mitħun, inklużi l-bżar aħmar jaħraq, it-trab tiegħu, il-kajenn u l-paprika)

20 μg/kg

Taħlitiet ta' ħwawar li fihom waħda mill-ħwawar imsemmija hawn fuq

15 μg/kg”


Top