Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1094

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1094 tal-5 ta' Mejju 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 177, 8.7.2015, p. 2–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1094/oj

8.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/2


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1094

tal-5 ta' Mejju 2015

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/30/UE titlob li l-Kummissjoni tadotta atti delegati fir-rigward tat-tikkettar tal-prodotti relatati mal-enerġija li għandhom potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u li għandhom differenzi kbar fil-livelli tal-prestazzjoni b'funzjonalità ekwivalenti.

(2)

L-enerġija kkunsmata mill-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali tammonta għal proporzjon sinifikanti mid-domanda totali għall-elettriku fl-Unjoni, u hemm differenza kbira bejn l-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali b'funzjonalità ekwivalenti f'termini tal-effiċjenza enerġetika. Hemm possibbiltà sinifikanti li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali għalhekk għandhom ikunu koperti b'rekwiżiti dwar it-tikkettar tal-enerġija.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet armonizzati dwar it-tikkettar u l-informazzjoni standard dwar il-prodotti fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika tal-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali sabiex jipprovdu inċentivi għall-manifatturi biex itejbu l-effiċjenza enerġetika ta' dawk il-prodotti, jinkoraġġixxu lill-utenti finali biex jixtru prodotti effiċjenti fl-enerġija u jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern.

(4)

L-effett kombinat ta' dan ir-Regolament u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1095 (2) huwa mistenni li jwassal għal iffrankar annwali stmat ta' madwar 1,8 TWh ta' enerġija fl-2020 u 4,1 TWh fl-2030, li jikkorrispondu għal 0,7 u 1,4 miljun tunnellata ekwivalenti ta' CO2, meta mqabbel ma' dak li jiġri kieku ma tittieħed l-ebda miżura.

(5)

L-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta għandha tinkiseb permezz ta' proċeduri tal-kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli bbażati fuq l-aktar metodi moderni rikonoxxuti, inkluż, fejn ikunu disponibbli, l-istandards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet għall-istandardizzazzjoni Ewropej, kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea (3).

(6)

Dan ir-Regolament għandu jispeċifika disinn u kontenut uniformi tat-tikketti tal-prodott għall-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali.

(7)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika r-rekwiżiti għall-iskeda tal-prodott u d-dokumentazzjoni teknika għall-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali.

(8)

Fuq kollox, dan ir-Regolament għandu jispeċifika r-rekwiżiti għall-informazzjoni li għandha tingħata fi kwalunkwe forma ta' bejgħ ta' kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali li jsir mill-bogħod u fi kwalunkwe reklam u materjal promozzjonali tekniku għal dawn il-prodotti.

(9)

Huwa xieraq li jsir provvediment għal eżami tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jieħu kont tal-progress teknoloġiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar ta', u l-provvediment ta' informazzjoni supplimentari tal-prodott, dwar il-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali li jaħdmu bid-dawl, inklużi dawk mibjugħa għar-refriġerazzjoni ta' prodotti alimentari u għalf tal-annimali.

3.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-prodotti li ġejjin:

(a)

kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali li s-sors tal-enerġija prinċipali tagħhom mhuwiex l-elettriku;

(b)

kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali li jaħdmu b'unità ta' kondensazzjoni remota;

(c)

kabinetti miftuħa, fejn il-ftuħ tagħhom huwa rekwiżit fundamentali għall-funzjonalità primarja tagħhom;

(d)

kabinetti mfasslin speċifikament għall-ipproċessar tal-ikel, fejn il-preżenza biss ta' kompartiment wieħed, b'volum nett ekwivalenti għal anqas minn 20 % tal-volum nett totali tal-kabinett u mfassal speċifikament għall-ipproċessar tal-ikel, mhijiex biżżejjed għall-eżenzjoni;

(e)

kabinetti mfasslin speċifikament għall-iskop li jwaqqgħu b'mod ikkontrollat is-silġ ta' prodotti alimentari ffriżati, fejn il-preżenza biss ta' kompartiment wieħed imfassal speċifikament għat-twaqqigħ b'mod ikkontrollat tas-silġ ta' prodotti alimentari ffriżati, mhijiex suffiċjenti għall-eżenzjoni;

(f)

friġġijiet għall-insalata (saladettes);

(g)

bankijiet ta' qadi (serve-over) u forom simili oħra ta' kabinetti maħsuba prinċipalment għat-turija u l-bejgħ ta' prodotti alimentari flimkien mar-refriġerazzjoni u l-ħażna;

(h)

kabinetti li ma jużawx ċiklu ta' refriġerazzjoni bil-kompressjoni tal-fwar;

(i)

kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali magħmulin ta' darba skont speċifikazzjonijiet ta' konsumatur individwali u li mhumiex ekwivalenti għal kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali oħra kid imfissra fid-definizzjoni 9 tal-Anness I;

(j)

friġġijiet-friżers;

(k)

kabinetti tal-arja statika;

(l)

kabinetti inkorporati;

(m)

kabinetti bil-karru u kabinetti jinfdu miż-żewġ naħat;

(n)

friżers bil-bieba minn fuq.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali” tfisser apparat ta' refriġerazzjoni iżolat li jintegra kompartiment wieħed jew aktar aċċessibbli permezz ta' bieba jew kexxun wieħed jew aktar, li kapaċi jżomm b'mod kontinwu t-temperatura tal-prodotti alimentari sal-limiti preskritti f'temperatura operatorja refriġeratorja jew tal-friża, billi juża ċiklu ta' kompressjoni tal-fwar, u maħsub għall-ħażna ta' prodotti alimentari f'ambjenti mhux domestiċi iżda mhux għat-turija lil jew għall-aċċess mill-konsumaturi;

(b)

“prodotti alimentari” tfisser ikel, ingredjenti, xorb, inkluż l-inbid, u prodotti oħra maħsuba primarjament għall-konsum u li jeħtieġu tkessiħ f'temperaturi speċifiċi;

(c)

“kabinett inkorporat” tfisser apparat ta' refriġerazzjoni fiss insulat maħsub biex jiġi installat f'kabinett, fi spazju vojt f'ħajt jew f'xi post simili, u li jeħtieġ finitura bl-għamara;

(d)

“kabinett bil-karru” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali li jinkludi kompartiment wieħed uniku li jagħmilha possibbli li jiddaħħlu xtillieri bir-roti tal-prodott;

(e)

“kabinett jinfed miż-żewġ naħat” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali aċċessibbli miż-żewġ naħat;

(f)

“kabinett tal-arja statika” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali mingħajr ċirkolazzjoni interna furzata tal-arja, imfassal speċifikament biex jaħżen prodotti alimentari sensittivi għat-temperatura jew biex jevita l-effett tat-tnixxif fuq prodotti alimentari maħżuna mingħajr għeluq issiġillat, fejn kompartiment wieħed tal-arja statika fi ħdan il-kabinett mhuwiex suffiċjenti biex il-kabinett jiġi kklassifikat bħala kabinett tal-arja statika;

(g)

“kabinett miftuħ” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali li l-għeluq imkessaħ tiegħu jista' jintlaħaq minn barra mingħajr ma tinfetaħ bieba jew kexxun, fejn is-sempliċi preżenza ta' kompartiment wieħed li jista' jintlaħaq minn barra bla ma tinfetaħ bieba jew kexxun, b'volum nett ekwivalenti għal anqas minn 20 % tal-volum totali tal-kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali, mhix biżżejjed biex tikkwalifikah bħala tali;

(h)

“saladette” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali b'bieba waħda jew aktar jew partijiet ta' quddiem tal-kxaxen fil-pjan vertikali li għandu qtugħ fil-wiċċ ta' fuq li fih jistgħu jiddaħħlu kontenituri ta' ħżin temporanji għall-ħażna b'aċċess faċli ta' prodotti alimentari bħal, imma mhux biss, ingredjenti li jitpoġġew fuq il-pizza jew affarijiet tal-insalata;

(i)

“kabinett kombinat” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali li jinkludi żewġ kompartimenti jew aktar b'temperaturi differenti għat-tkessiħ u l-ħażna ta' prodotti alimentari;

(j)

“friġġ friżer” tfisser tip ta' kabinett kombinat li jinkludi mill-anqas kompartiment wieħed maħsub esklussivament għal temperatura operatorja friġeratorja u kompartiment maħsub esklussivament għal temperatura operatorja tal-friża;

(k)

“friżer bil-bieba li tinfetaħ minn fuq” tfisser friżer għall-ikel li fiha l-kompartiment(i) hu(ma) aċċessibbli min-naħa ta' fuq tat-tagħmir jew li għandha kemm kompartimenti tat-tip li jinfetħu kemm minn fuq kif ukoll tat-tip bil-wieqfa, meta, iżda l-volum gross tal-kompartiment(i) tat-tip li jinfetaħ minn fuq jaqbeż il-75 % tal-volum gross totali tat-tagħmir.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet tal-fornituri u l-iskeda ta' żmien

1.   Mill-1 ta' Lulju 2016, il-fornituri li jqiegħdu kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali fis-suq jew ipoġġuhom fis-servizz għandhom jassiguraw li jintlaħqu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għal kull kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali għandha tiġi pprovduta tikketta stampata fil-format u li tinkludi l-informazzjoni stipulata fl-Anness III;

(b)

għal kull mudell ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali għandha ssir disponibbli għan-negozjanti tikketta elettronika fil-format u li tinkludi l-informazzjoni stipulata fl-Anness III;

(c)

għandha tkun disponibbli skeda dwar il-prodott, kif stipulat fl-Anness IV;

(d)

għal kull mudell ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali għandha ssir disponibbli għan-negozjanti skeda elettronika dwar il-prodott, kif stipulat fl-Anness IV;

(e)

id-dokumentazzjoni teknika, kif stipulata fl-Anness V, għandha tingħata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri meta dawn jitolbuha;

(f)

kwalunkwe reklam relatat ma' mudell speċifiku ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali u li jkun fih informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz għandu jinkludi referenza għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta' dak il-mudell;

(g)

kwalunkwe materjal promozzjonali tekniku dwar mudell speċifiku ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali u li jiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi tiegħu għandu jinkludi referenza għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta' dak il-mudell.

2.   It-tikketti fl-Anness III għandhom jakkumpanjaw il-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali li jitqiegħdu fis-suq skont l-iskeda ta' żmien li ġejja:

mill-1 ta' Lulju 2016: it-tikketta 1 jew it-tikketta 2;

mill-1 ta' Lulju 2019: it-tikketta 2.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tan-negozjanti

In-negozjanti ta' kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali għandhom jassiguraw li jintlaħqu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

fil-punt tal-bejgħ, kull kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali għandu jkollu t-tikketta pprovduta mill-fornituri skont l-Artikolu 3(1) fuq il-faċċata jew fuq il-wiċċ ta' fuq tal-apparat, b'mod li tkun tidher ċar;

(b)

il-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali offruti għall-bejgħ, kiri jew lokazzjoni, fejn l-utent finali ma jistax ikun mistenni li jara l-prodotti muri, għandhom ikunu mmarkati bl-informazzjoni pprovduta mill-fornituri skont l-Anness VI, ħlief meta l-offerta ssir fuq l-Internet, f'liema każ għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Anness VII;

(c)

kwalunkwe reklam relatat ma' mudell speċifiku ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali u li jkun fih informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz għandu jinkludi referenza għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta' dak il-mudell;

(d)

kwalunkwe materjal promozzjonali tekniku dwar mudell speċifiku ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali u li jiddeskrivi l-parametri tekniċi tiegħu għandu jinkludi referenza għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta' dak il-mudell.

Artikolu 5

Kejl u kalkolu

L-informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikoli 3 u 4 għandha tinkiseb permezz ta' proċeduri ta' kejl u kalkolu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, ibbażati fuq l-aktar metodi moderni rikonoxxuti, kif stipulat fl-Anness IX.

Artikolu 6

Proċedura tal-verifika għal finijiet ta' sorveljanza tas-suq

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura stipulata fl-Anness X meta jivvalutaw il-konformità tal-klassi tal-effiċjenza enerġetika, il-konsum annwali tal-enerġija u l-volumi dikjarati.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress tekniku mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-reviżjoni għandha tivvaluta b'mod partikolari:

(a)

kwalunkwe tibdil sinifikanti fl-ishma mis-suq tad-diversi tipi ta' apparat;

(b)

il-verifika tat-tolleranzi stabbiliti fl-Anness X;

(c)

l-addattezza tal-introduzzjoni ta' metodu għad-determinazzjoni tal-konsum tal-enerġija annwali standard għar-refriġiranti-friżers;

(d)

l-addattezza tal-introduzzjoni ta' metodu revedut għall-konsum tal-enerġija annwali standard ta' kabinetti ta' mal-bankijiet.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1095 tal-5 ta' Mejju 2015 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali, kabinetti ta' refriġerazzjoni rapida, unitajiet ta' kondensazzjoni u refriġeranti tal-proċess (ara l-paġna 19 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


ANNESS I

Definizzjonijiet applikabbli għall-Annessi II sa X

Għall-finijiet tal-Annessi II sa X, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“volum nett” tfisser il-volum li jesa' l-prodotti alimentari sal-limitu tat-tagħbija;

(2)

“temperatura operatorja friġeratorja” tfisser li t-temperatura tal-prodotti alimentari maħżuna fil-kabinett tinżamm kontinwament f'temperatura bejn – 1 °C u 5 °C;

(3)

“temperatura operatorja tal-friża” tfisser li t-temperatura tal-prodotti alimentari maħżuna fil-kabinett tinżamm kontinwament f'temperatura aktar baxxa minn – 15 °C, li tinftiehem bħala l-ogħla temperatura tal-pakkett tat-test l-aktar sħun;

(4)

“kabinett polivalenti” tfisser li kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali jew kompartiment separat tal-istess kabinett jistgħu jiġu ssettjati f'temperaturi differenti għal prodotti alimentari mkessħa jew iffriżati;

(5)

“kabinett vertikali” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali b'għoli globali daqs jew ogħla minn 1 050 mm b'bieba jew kexxun ta' quddiem wieħed jew aktar ta' aċċess għall-istess kompartiment;

(6)

“kabinett bank” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali b'għoli globali aktar baxx minn 1 050 mm b'bieba jew kexxun ta' quddiem wieħed jew aktar ta' aċċess għall-istess kompartiment;

(7)

“kabinett light-duty”, li jissejjaħ ukoll “kabinett semiprofessjonali”, tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali li kapaċi biss iżomm temperatura operatorja friġeratorja jew tal-friża fil-kompartiment(i) kollu/kollha tiegħu b'mod kontinwu f'kundizzjonijiet ambjentali li jikkorrispondu għall-klassi klimatika 3, kif dettaljata fit-Tabella 3 tal-Anness IX; jekk il-kabinett kapaċi jżomm temperatura f'kundizzjonijiet ambjentali li jikkorrispondu għall-klassi klimatika 4, huwa m'għandux jitqies bħala kabinett light-duty.

(8)

“kabinett heavy-duty” tfisser kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali li kapaċi jżomm temperatura operatorja friġeratorja jew tal-friża b'mod kontinwu fil-kompartiment(i) kollu/kollha tiegħu f'kundizzjonijiet ambjentali li jikkorrispondu għall-klassi klimatika 5, kif dettaljata fit-Tabella 3 fl-Anness IX;

(9)

“apparat ekwivalenti għal-kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali” tfisser mudell ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali mqiegħed fis-suq bl-istess volum nett, l-istess karatteristiċi tekniċi, ta' effiċjenza u prestazzjoni, u l-istess tipi u volumi ta' kompartiment bħal mudell ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali ieħor imqiegħed fis-suq taħt numru ta' kodiċi kummerċjali differenti mill-istess manifattur.


ANNESS II

Klassijiet tal-effiċjenza enerġetika

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali għandha tiġi determinata fuq il-bażi tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika (EEI), kif stabbilit fit-Tabella 1.

Tabella 1

Klassijiet tal-effiċjenza enerġetika tal-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali

Klassi tal-effiċjenza enerġetika

EEI

A+++

EEI < 5

A++

5 ≤ EEI < 10

A+

10 ≤ EEI < 15

A

15 ≤ EEI < 25

B

25 ≤ EEI < 35

C

35 ≤ EEI < 50

D

50 ≤ EEI < 75

E

75 ≤ EEI < 85

F

85 ≤ EEI < 95

G

95 ≤ EEI < 115

L-EEI għandu jiġi kkalkulat kif spjegat fl-Anness VIII.


ANNESS III

Tikketti

1.   Tikketta 1 — Kabinetti tal-ħżin refriġeraotrji professjonali fil-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika A sa G

Image

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fit-tikketta:

I.

l-isem tal-fornitur jew il-marka kummerċjali;

II.

l-identifikatur tal-mudell tal-fornitur;

III.

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika, determinata skont l-Anness II; ir-ras tal-vleġġa li tinkludi l-klassi tal-effiċjenza enerġetika għandha titpoġġa fl-istess għoli bħal dak għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika rilevanti;

IV.

il-konsum annwali tal-elettriku f'kWh f'termini tal-konsum finali ta' enerġija kull sena, ikkalkulat skont l-Anness IX u aġġustat sal-eqreb numru sħiħ;

V.

it-total tal-volumi netti, espress f'litri, tal-kompartimenti tat-tkessiħ kollha li jaħdmu f'temperatura operattiva mkessħa; fejn l-ebda kompartimenti li jaħdmu f'temperatura operattiva mkessħa m'huma preżenti, il-fornitur għandu jiddikjara “-L” minflok valur;

VI.

it-total tal-volumi netti, espress f'litri, tal-kompartimenti kollha li jaħdmu f'temperatura operattiva ffriżata; fejn l-ebda kompartimenti li jaħdmu f'temperatura operattiva ffriżata m'huma preżenti, il-fornitur għandu jiddikjara “-L” minflok valur;

VII.

il-klassi tal-klima (3, 4 jew 5), flimkien mat-temperatura tal-bozza niexfa assoċjata (f'°C) u l-umdità relattiva (f' %), kif imsemi fit-Tabella 3, Anness IX.

Id-disinn tat-tikketta għandu jkun skont il-punt 3. Permezz ta' deroga, meta mudell ikun ingħata “ekotikketta tal-UE” (1), tista' tiżdied ukoll kopja tal-ekotikketta.

2.   Tikketta 2 — Kabinetti tal-ħsin refriġeranti professjonali fil-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika A+++ sa G

Image

L-informazzjoni elenkata fil-punt 1 għandha tiġi inkluża f'din it-tikketta.

Id-disinn tat-tikketta għandu jkun skont il-punt 3. Permezz ta' deroga, meta mudell ikun ingħata “ekotikketta tal-UE”, tista' tiżdied kopja tal-ekotikketta.

3.   Id-disinn tat-tikketta għall-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali għandu jkun kif ġej:

Image

Fejn:

(a)

It-tikketta għandha tkun mill-anqas 110 mm wiesgħa u 220 mm għolja. Fejn it-tikketta tkun stampata f'format akbar, il-kontenut tagħha xorta waħda jibqa' proporzjonat mal-ispeċifikazzjonijiet ta' hawn fuq;

(b)

L-isfond tat-tikketta għandu jkun abjad.

(c)

Il-kuluri għandhom ikunu CMYK — cyan, maġenta, isfar u iswed; pereżempju, 00-70-X-00 jindika 0 % cyan, 70 % maġenta, 100 % isfar, 0 % iswed.

(d)

It-tikketta għandha tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin (in-numri jirreferu għad-dijagramma li tidher hawn fuq):

Image

Il-linja tal-bordura tat-tikketta tal-UE: 5 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm;

Image

Il-logo tal-UE: kuluri: X-80-00-00 u 00-00-X-00;

Image

It-tikketta tal-enerġija: kulur: X-00-00-00;

Pittogramma kif murija (logo tal-UE + tikketta tal-enerġija): 92 mm wisa' × 17 mm għoli;

Image

Bordura tal-logos iż-żgħar: 1 pt — kulur: Cyan 100 % — 92,5 mm tul;

Image

Skala A-G

Vleġġa

:

7 mm għoli, spazju 0,75 mm — kuluri:

 

L-ogħla klassi: X-00-X-00,

 

It-tieni klassi: 70-00-X-00,

 

It-tielet klassi: 30-00-X-00,

 

Ir-raba' klassi: 00-00-X-00,

 

Il-ħames klassi: 00-30-X-00,

 

Is-sitt klassi: 00-70-X-00,

 

L-aħħar klassijiet: 00-X-X-00.

Test

:

Calibri tipa skura 19 pt, ittri superskritti u abjad; “+” simboli: Calibri tipa skura 13 pt, ittri kbar, abjad, allinjati fuq ringiela waħda;

Image

Klassi tal-effiċjenza enerġetika

Vleġġa

:

26 mm wisa' × 14 mm għoli, 100 % iswed;

Test

:

Calibri tipa skura 29 pt, ittri kapitali u abjad; “+” simboli: Calibri tipa skura 18 pt, ittri superskritti, abjad u allinjati fuq ringiela waħda;

Image

Enerġija

Test

:

Calibri regolari 11 pt, ittri kbar, 100 % iswed;

Image

Konsum annwali tal-enerġija

Bordura

:

2 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm;

Valur

:

Calibri tipa skura 32 pt, 100 % iswed;

It-tieni linja

:

Calibri regolari 14 pt, 100 % iswed;

Image

Is-somma tal-volumi netti tal-kompartimenti kollha li jaħdmu f'temperatura operattiva mkessħa

Bordura

:

2 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm;

Valur

:

Calibri tipa skura 25 pt, 100 % iswed; Calibri regolari 17 pt, 100 % iswed;

Image

Klassi tal-klima flimkien mat-temperatura tal-bozza niexfa assoċjata u l-umdità relattiva

Bordura

:

2 pt — kulurr: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm;

Valur

:

Calibri tipa skura 25 pt, 100 % iswed;

It-tieni linja

:

Calibri regolari 14 pt, 100 % iswed;

Image

Somma tal-volumi netti tal-kompartimenti kollha li jaħdmu f'temperatura operattiva ffriżata

Bordurar

:

2 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm;

Valur

:

Calibri tipa skura 25 pt, 100 % iswed; Calibri regolari 17 pt, 100 % iswed;

Image

Isem tal-fornitur jew il-marka kummerċjali

Image

Identifikatur tal-mudell tal-fornitur

Image

Isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali u l-identifikatur tal-mudell għandhom joqogħdu fi spazju ta' 90 × 15 mm

Image

Numru tar-Regolament

Test

:

Calibri tipa skura 11 pt


(1)  Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1).


ANNESS IV

Skeda tal-prodott

1.

L-informazzjoni fl-iskeda dwar il-prodott tal-kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali għandha tingħata fl-ordni li ġej u għandha tkun inkluża fil-fuljett tal-prodott jew f'letteratura oħra mogħtija mal-prodott:

(a)

isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali;

(b)

l-isem tal-mudell tal-fornitur;

(c)

it-tip ta' mudell skont id-definizzjonijiet fl-Anness I;

(d)

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-indiċi tal-effiċjenza enerġetika tal-mudell, determinata skont l-Anness II;

(e)

fejn il-mudell ikun ingħata “ekotikketta tal-UE” skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, dik l-informazzjoni tista' tiġi inkluża;

(f)

il-konsum ta' enerġija tal-kabinett fuq perjodu ta' 24 siegħa (E24h) u l-konsum annwali tal-enerġija f'kWh, ikkalkulati skont l-Anness IX u aġġustati sal-eqreb numru sħiħ;

(g)

il-volum nett ta' kull kompartiment;

(h)

il-klassi klimatika skont it-Tabella 3 fl-Anness IX;

(i)

għall-kabinetti light-duty, is-sentenza li ġejja: “Dan l-apparat huwa maħsub għall-użu f'temperaturi ambjentali sa 25 °C u għaldaqstant mhuwiex xieraq għall-użu fi kċejjen professjonali sħan”;

(j)

għall-kabinetti heavy-duty, is-sentenza li ġejja: “Dan l-apparat huwa maħsub għall-użu f'temperaturi ambjentali sa' 40 °C”;

2.

Skeda waħda tista' tkopri firxa ta' mudelli ta' kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali forniti mill-istess fornitur.

3.

L-informazzjoni fl-iskeda tista' tingħata fil-forma ta' kopja tat-tikketta, bil-kulur jew l-iswed u l-abjad, f'liema każ għandha tiġi pprovduta wkoll l-informazzjoni elenkata fil-punt 1 u li ma tidhirx fuq it-tikketta.


ANNESS V

Dokumentazzjoni teknika

1.

Id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 3(1)(c) għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-fornitur;

(b)

deskrizzjoni suffiċjenti tal-kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali biex dan ikun jista' jiġi identifikat mingħajr dubju;

(c)

fejn ikun xieraq, ir-referenzi tal-istandards armonizzati applikati;

(d)

fejn ikun xieraq, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħra użati;

(e)

l-identifikazzjoni u l-firma tal-persuna awtorizzata li torbot lill-fornitur;

(f)

ir-riżultati tal-kejl u l-kalkoli għall-parametri tekniċi speċifikati fl-Anness IX.

2.

Fejn l-informazzjoni li tkun inkluża fil-fajl tad-dokumentazzjoni teknika għal mudell ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali tkun inkisbet permezz ta' kalkolu bbażat fuq mudell ekwivalenti ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dettalji ta' dawn il-kalkoli u tat-testijiet imwettqa mill-fornituri biex jivverifikaw il-preċiżjoni tal-kalkoli li jsiru. L-informazzjoni teknika għandha tinkludi wkoll lista tal-mudelli ta' kabinetti tal-ħżin refriġeranti l-oħra kollha fejn l-informazzjoni tkun inkisbet fuq l-istess bażi.

3.

L-informazzjoni kontenuta f'din id-dokumentazzjoni teknika tista' tiġi amalgamata mad-dokumentazzjoni teknika pprovduta skont il-miżuri taħt id-Direttiva 2009/125/KE.


ANNESS VI

Informazzjoni li għandha tingħata f'każijiet fejn l-utenti finali ma jistgħux ikunu mistennija li jaraw il-prodott muri, ħlief fuq l-Internet

1.

Informazzjoni li għandha tingħata f'każijiet fejn l-utenti finali ma jistgħux ikunu mistennija li jaraw il-prodott muri, ħlief fuq l-Internet:

(a)

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-mudell, skont l-Anness II;

(b)

il-konsum annwali tal-enerġija f'kWh kull sena, aġġustat sal-eqreb numru sħiħ u kkalkulat skont l-Anness IX;

(c)

il-volum tal-ħżin ta' kull kompartiment;

(d)

il-klassi klimatika skont l-Anness IX.

2.

Meta tingħata informazzjoni oħra li tinsab fl-iskeda tal-prodott, din għandha tkun fil-forma u l-ordni speċifikati fl-Anness IV.

3.

Id-daqs u t-tipa li bihom tkun stampata jew murija l-informazzjoni msemmija f'dan l-Anness għandhom ikunu tali li tkun tista' tinqara.


ANNESS VII

Informazzjoni li għandha tingħata fil-każ ta' bejgħ, kiri jew lokazzjoni minn fuq l-Internet

1.

Għall-finijiet tal-punti minn 2 sa 5 ta' dan l-Anness għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“mekkaniżmu tad-displej” tfisser kwalunkwe skrin, inkluż skrin tattili, jew teknoloġija viżwali oħra użata sabiex jintwera kontenut tal-Internet lill-utenti;

(b)

“displej nisġa” tfisser interfaċċa viżwali fejn stampa jew sett ta' dejta jiġu aċċessati b'għafsa tal-mouse, mogħdija bil-mouse jew espansjoni tattili tal-iskrin fuq stampa jew sett ta' dejta ieħor;

(c)

“skrin tattili” tfisser skrin li jirrispondi għall-mess, bħal dak ta' tablet, slate jew smartphone;

(d)

“test alternattiv” tfisser test ipprovdut bħala alternattiva għal grafika u li jagħmilha possibbli li l-informazzjoni tiġi ppreżentata f'forma mhux grafika meta l-apparat tad-displej ma jkunx jista' jirrendi l-grafika jew bħala għajnuna għall-aċċessibbiltà bħall-applikazzjonijiet ta' sinteżi tal-input għall-vuċi.

2.

It-tikketta xierqa magħmula disponibbli mill-fornituri skont l-Artikolu 3(1)(b) għandha tintwera fuq il-mekkaniżmu tad-displej qrib il-prezz tal-prodott skont l-iskedi ta' żmien indikati fl-Artikolu 3(2). Id-daqs tat-tikketta għandu jkun tali li din tkun tidher u tinqara b'mod ċar u għandu jkun proporzjonat mad-daqs speċifikat fil-punt 3 tal-Anness III. It-tikketta tista' tintwera billi jintuża displej nisġa, f'liema każ l-istampa użata għall-aċċess tagħha trid tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet li hemm fil-punt 3 ta' dan l-Anness. Jekk jintuża displej nisġa, it-tikketta għandha tidher mal-ewwel għafsa tal-mouse, mogħdija bil-mouse jew espansjoni tal-iskrin tattili fuq l-istampa.

3.

L-istampa użata biex tiġi aċċessata t-tikketta fil-każ ta' displej nisġa għandha:

(a)

tkun vleġġa li l-kulur tagħha jikkorrispondi għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott fuq it-tikketta;

(b)

tindika l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott b'kulur abjad u bl-istess daqs ta' tipa bħal dak użat għall-prezz; u

(c)

tkun f'waħda miż-żewġ formati li ġejjin:

Image

4.

Fil-każ ta' displej nisġa, is-sekwenza tad-displej tat-tikketta għandha tkun kif ġej:

(a)

l-istampa msemmija fil-punt 3 ta' dan l-Anness tidher fuq il-mekkaniżmu tad-displej qrib il-prezz tal-prodott;

(b)

l-istampa tagħmel link mat-tikketta;

(c)

it-tikketta tintwera wara għafsa tal-mouse, mogħdija bil-mouse jew espansjoni tal-iskrin tattili fuq l-istampa;

(d)

it-tikketta tintwera permezz ta' pop up, tab ġdida, paġna ġdida jew displej ta' skrin inset;

(e)

għat-tkabbir tat-tikketta fuq skrins tattili, japplikaw il-konvenzjonijiet tal-apparat għat-tkabbir tattili;

(f)

id-displej tat-tikketta jingħalaq permezz ta' opzjoni ta' għeluq jew mekkaniżmu standard ieħor tal-għeluq;

(g)

it-test alternattiv għall-grafika, li għandu jintwera f'każ li ma tidhirx it-tikketta, huwa l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott fl-istess daqs ta' tipa bħal dak użat għall-prezz.

5.

L-iskeda xierqa tal-prodott magħmula disponibbli mill-fornituri skont l-Artikolu 3(1)(d) għandha tintwera fuq il-mekkaniżmu tad-displej qrib il-prezz tal-prodott. Id-daqs għandu jkun tali li l-iskeda tal-prodott tkun tista' tidher u tinqara b'mod ċar. L-iskeda tal-prodott tista' tintwera billi jintuża displej nisġa, f'liema każ il-link li tintuża biex tiġi aċċessata għandha tindika b'mod ċar u li jinqara “Skeda tal-prodott”. Jekk jintuża displej nisġa, l-iskeda għandha tidher mal-ewwel għafsa tal-mouse, mogħdija bil-mouse jew espansjoni tal-iskrin tattili fuq il-link.


ANNESS VIII

Metodu għall-kalkolu tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika għall-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali

Għall-kalkolu tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika (EEI) ta' mudell ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali, il-konsum tal-enerġija annwali tal-kabinett għandu jiġi mqabbel mal-konsum tal-enerġija annwali standard tiegħu.

L-EEI għandu jiġi kkalkulat bħala:

EEI = (AEC/SAEC) × 100

Fejn:

AEC = E24h × af × 365

AEC

=

il-konsum tal-enerġija annwali tal-kabinett f'kWh/sena

E24h

=

il-konsum ta' enerġija tal-kabinett f'24 siegħa

af

=

fattur ta' aġġustament li għandu jiġi applikat biss għall-kabinetti light-duty, skont l-Anness IX, punt 2

SAEC = M × Vn + N

SAEC

=

il-konsum tal-enerġija annwali tal-kabinett f'kWh/sena

Vn

=

il-volum nett tal-apparat, li huwa t-total tal-volumi netti tal-kompartimenti kollha tal-kabinett, espress f'litri.

M u N huma mogħtija fit-Tabella 2.

Tabella 2

Valuri tal-koeffiċjenti M u N

Kategorija

Valur għal M

Valur għal N

Vertikali Friġeratorja

1,643

609

Vertikali tal-Friża

4,928

1 472

Bank Friġeratorja

2,555

1 790

Bank tal-Friża

5,840

2 380


ANNESS IX

Kejl u kalkolu

1.

Għall-finijiet ta' konformità u verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru billi jintużaw standards armonizzati, li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew billi jintużaw metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli oħra li jqisu l-aktar metodi moderni rikonoxxuti b'mod ġenerali. Huma għandhom jissodisfaw id-definizzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet, l-ekwazzjonijiet u l-parametri stabbiliti f'dan l-Anness.

2.

Biex jiġu stabbiliti l-valuri tal-konsum tal-enerġija annwali u l-indiċi tal-effiċjenza enerġetika għall-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali, il-kejl għandu jsir fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

It-temperatura tal-pakketti tat-test għandha tkun bejn – 1 °C u 5 °C għall-kabinetti friġeratorji u anqas minn – 15 °C għall-kabinetti tal-friża.

Il-kundizzjonijiet ambjentali għandhom jikkorrispondu għall-klassi klimatika 4 kif dettaljat fit-Tabella 3, ħlief għall-kabinetti light-duty, li għandhom jiġu ttestjati f'kundizzjonijiet ambjentali li jikkorrispondu għall-klassi klimatika 3. Imbagħad għandhom jiġu applikati fatturi ta' aġġustament ta' 1,2 għall-kabinetti light-duty f'temperatura operatorja friġeratorja u ta' 1,1 għall-kabinetti light-duty f'temperatura operatorja tal-friża għar-riżultati tal-ittestjar miksuba għall-kabinetti light-duty.

Il-kabinetti friġeratorji tal-ħżin refriġeranti professjonali għandhom jiġu ttestjati:

fit-temperatura operatorja friġeratorja fil-każ ta' kabinett kombinat li jkollu mill-anqas kabinett wieħed maħsub esklussivament għat-temperatura operatorja friġeratorja;

fit-temperatura operatorja tal-friża fil-każ ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali li jkollu biss kompartiment wieħed maħsub esklussivament għat-temperatura operatorja tal-friża;

fit-temperatura operatorja tal-friża fil-każijiet l-oħra kollha.

3.

Il-kundizzjonijiet ambjentali tal-klassijiet klimatiċi 3, 4 u 5 huma murija fit-Tabella 3.

Tabella 3

Kundizzjonijiet ambjentali tal-klassijiet klimatiċi 3, 4 u 5

Klassi klimatika tal-kamra tat-test

Temperatura b'termometru niexef, °C

Umdità relattiva, %

Punt tan-nida, °C

Massa tal-fwar tal-ilma fl-arja niexfa, g/kg

3

25

60

16,7

12,0

4

30

55

20,0

14,8

5

40

40

23,9

18,8


ANNESS X

Proċedura tal-verifika għall-finijiet ta' sorveljanza tas-suq

Għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta' verifika li ġejja:

1.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw unità waħda għal kull mudell.

2.

Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-volum imkejjel ma jkunx aktar baxx mill-valur nominali b'aktar minn 3 %;

(b)

il-valur imkejjel tal-konsum tal-enerġija ma jkunx akbar mill-valur nominali (E24h) b'aktar minn 10 %.

3.

Meta ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu b'mod aleatorju tliet unitajiet addizzjonali tal-istess mudell għall-ittestjar. Bħala alternattiva, it-tliet unitajiet addizzjonali magħżula jistgħu jkunu ta' mudell jew aktar differenti li ġew elenkati bħala prodott ekwivalenti fid-dokumentazzjoni teknika.

4.

Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-medja tat-tliet unitajiet għall-volum imkejjel ma tkunx aktar baxxa mill-valur nominali b'aktar minn 3 %;

(b)

il-medja tat-tliet unitajiet għall-valur imkejjel tal-konsum tal-enerġija ma tkunx abkar mill-valur nominali (E24h) b'iżjed minn 10 %.

5.

Meta ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punt 4, il-mudell u l-mudelli ta' kabinett tal-ħżin refriġeranti professjonali ekwivalenti l-oħra kollha għandhom jitqiesu li ma jikkonformawx ma' dan ir-Regolament. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżultati tat-test u informazzjoni rilevanti oħra lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien xahar mit-teħid tad-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta' konformità tal-mudell.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi ta' kejl u kalkolu stabbiliti fl-Annessi VIII u IX.

It-tolleranzi tal-verifika stipulati f'dan l-Anness għandhom jiġu applikati biss għall-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, u jkunu jirrappreżentaw il-varjazzjonijiet permessi tar-riżultati tal-kejl tat-testijiet tal-verifika, u ma għandhomx jintużaw mill-fornitur fl-istabbiliment tal-valuri fid-dokumentazzjoni teknika jew fl-interpretazzjoni ta' dawn il-valuri bil-ħsieb li tinkiseb klassifika aħjar tat-tikkettar jew biex bi kwalunkwe mod tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar.


Top