EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0757

Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/oj

19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/55


REGOLAMENT (UE) 2015/757 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta' April 2015

dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jsejħu għal kontribuzzjonijiet mis-setturi kollha tal-ekonomija biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet, inkluż is-settur tat-trasport marittimu internazzjonali, ipprevedu li fil-każ li l-ebda ftehim internazzjonali li jinkludi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali fil-miri ta' tnaqqis tiegħu permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ma jkun ġie approvat mill-Istati Membri jew ebda tali ftehim permezz tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ma jkun ġie approvat mill-Komunità sal-31 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta biex ikunu inklużi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali fl-impenn għat-tnaqqis Komunitarju, bil-għan li l-att propost jidħol fis-seħħ sal-2013. Tali proposta kellha timminimizza kull impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-Komunità waqt li tikkunsidra l-benefiċċji ambjentali li jista' jkun hemm.

(2)

It-trasport marittimu għandu impatt fuq il-klima globali u fuq il-kwalità tal-arja, b'riżultat tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u ta' emissjonijiet oħra li huwa jiġġenera, bħall-ossidi tan-nitroġenu (NOx), l-ossidi tal-kubrit (SOx), il-metan (CH4), il-materja partikolata (PM) u l-iswed tal-karbonju (BC).

(3)

It-trasport marittimu internazzjonali jibqa' l-uniku mezz ta' trasportazzjoni li mhuwiex inkluż fl-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Skont il-valutazzjoni tal-impatt li takkompanja l-proposta għal dan ir-Regolament, l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-Unjoni mit-trasport marittimu internazzjonali żdiedu bi 48 % bejn l-1990 u l-2007.

(4)

Fid-dawl tal-fehim xjentifiku, li qed rapidament jiżviluppa, tal-impatt ta' emissjonijiet relatati mhux ta' CO2 mit-trasport marittimu fuq il-klima globali, għandha ssir regolarment valutazzjoni aġġornata ta' dak l-impatt fil-kuntest ta' dan ir-Regolament. Abbażi tal-valutazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-implikazzjonijiet għall-politiki u l-miżuri, sabiex dawk l-emissjonijiet jitnaqqsu.

(5)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 appellat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffissaw mira vinkolanti tal-UE għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi ta' gass b'effett ta' serra ta' mill-inqas 40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Parlament Ewropew indika wkoll li s-setturi kollha tal-ekonomija ser ikunu meħtieġa jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emisssjonijiet ta' gass b'effett ta' serra jekk l-Unjoni trid tagħti s-sehem ġust tagħha għall-isforzi globali.

(6)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew approva mira vinkolanti tal-UE ta' tnaqqis domestiku ta' mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990. Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll l-importanza li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u r-riskji relatati mad-dipendenza fuq il-fjuwil fossili fis-settur tat-trasport u stieden lill-Kummissjoni biex teżamina aktar l-istrumenti u l-miżuri għal approċċ komprensiv u teknoloġikament newtrali, fost oħrajn, għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-settur tat-trasport.

(7)

Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP) (5) jissottolinja li s-setturi kollha tal-ekonomija ser ikunu meħtieġa jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emisssjonijiet ta' gass b'effett ta' serra jekk l-Unjoni trid tagħti s-sehem ġust tagħha għall-isforzi globali. F'dan il-kuntest is-Seba' EAP jissottolinja li l-White paper tal-2011 dwar it-trasport teħtieġ li tiġi sostnuta minn qafas ta' politika b'saħħtu.

(8)

F'Lulju 2011, l-IMO adottat miżuri tekniċi u operazzjonali, b'mod partikolari l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika tad-Disinn (EEDI) għall-bastimenti ġodda u l-Pjan ta' Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti (SEEMP), li ser iġibu titjib f'termini ta' tnaqqis fiż-żieda mistennija ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, iżda li waħedhom ma jistgħux iwasslu għat-tnaqqis assolut meħtieġ fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mit-trasport marittimu internazzjonali biex jinżammu l-isforzi skont l-objettiv globali li ż-żidiet fit-temperaturi globali jiġu limitati għal 2 °C.

(9)

Skont id-data provduta mill-IMO, il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' CO2 speċifiċi tal-bastimenti jistgħu jitnaqqsu sa 75 % bl-applikazzjoni ta' miżuri operazzjonali u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji eżistenti; parti sinifikanti ta' dawk il-miżuri jistgħu jitqiesu bħala kosteffettivi u bħala li jistgħu joffru benefiċċji netti għas-settur, billi t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-fjuwil jiżgura l-irkupru ta' kwalunkwe spejjeż operazzjonali jew ta' investiment.

(10)

Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport marittimu fil-livell tal-Unjoni, l-aqwa alternattiva possibbli tibqa' l-istabbiliment ta' sistema għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (is-sistema MRV) tal-emissjonijiet ta' CO2 ibbażati fuq il-konsum tal-fjuwil tal-bastimenti bħala l-ewwel pass ta' approċċ fi stadji għall-inklużjoni tal-emissjonijiet tat-trasport marittimu fl-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis ta' gass b'effett ta' serra, flimkien ma' emissjonijiet minn setturi oħra li diġà qed jikkontribwixu għal dak l-impenn. L-aċċess pubbliku għad-data dwar l-emissjonijiet ser jikkontribwixxi biex jitneħħew l-ostakoli tas-suq li jimpedixxu t-teħid ta' ħafna miżuri b'kost negattiv li għandu jnaqqas l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mit-trasport marittimu.

(11)

L-adozzjoni ta' miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u tal-konsum tal-fjuwil hija mxekkla minħabba l-eżistenza ta' ostakoli tas-suq bħan-nuqqas ta' informazzjoni affidabbli dwar l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil ta' bastimenti jew dwar teknoloġiji disponibbli għall-modifikar ta' bastimenti, bħan-nuqqas ta' aċċess għal finanzi għal investimenti fl-effiċjenza tal-bastimenti u inċentivi maqsuma, billi s-sidien tal-bastimenti ma jibbenefikawx mill-investimenti tagħhom fl-effiċjenza tal-bastiment meta l-kontijiet tal-fjuwil jitħallsu mill-operaturi.

(12)

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u tad-diskussjonijiet ma' sħab internazzjonali jindikaw li approċċ fi stadji għall-inklużjoni tal-emissjonijiet tat-trasport marittimu fl-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis ta' gass b'effett ta' serra għandu jiġi applikat fl-implimentazzjoni ta' sistema MRV robusta għall-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport marittimu bħala l-ewwel pass u l-ipprezzar ta' dawk l-emissjonijiet fi stadju aktar tard. Dan l-approċċ jiffaċilita li jsir progress sinifikanti fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-ftehim dwar miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u dwar miżuri oħra biex dak it-tnaqqis jinkiseb bi spejjeż minimi.

(13)

L-introduzzjoni ta' sistema MRV tal-Unjoni mistennija li twassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet li jammontaw għal sa 2 % meta mqabbla maż-żamma tal-istatus quo u tnaqqis fl-ispejjeż netti aggregati sa EUR 1,2 biljun sal-2030 billi tista' tikkontribwixxi għat-tneħħija ta' ostakoli tas-suq, b'mod partikolari dawk relatati man-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-effiċjenza tal-bastimenti, billi tipprovdi informazzjoni komparabbli u affidabbli dwar il-konsum tal-fjuwil u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għas-swieq rilevanti. Dan it-tnaqqis ta' spejjeż tat-trasport għandu jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali. Barra minn hekk, sistema MRV robusta hija prerekwiżit għal kwalunkwe kejl ibbażat fuq is-suq, standard ta' effiċjenza jew miżura oħra, jekk tiġi applikata kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell globali. Hija tipprovdi wkoll data affidabbli biex jiġu stabbiliti miri preċiżi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet u biex jiġi evalwat il-progress tal-kontribut tat-trasport marittimu lejn il-kisba ta' ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. Fid-dawl tan-natura internazzjonali tat-trasport marittimu, il-metodu preferut u l-aktar effettiv għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra fit-trasport marittimu internazzjonali jkun bi ftehim globali.

(14)

Il-vjaġġi interni kollha tal-Unjoni, il-vjaġġi kollha li jaslu mill-aħħar port mhux tal-Unjoni lejn l-ewwel port ta' waqfa tal-Unjoni u l-vjaġġi kollha lli joħorġu minn port tal-Unjoni lejn port ta' waqfa li jmiss mhux tal-Unjoni, inklużi l-vjaġġi b'saborra,għandhom jiġu kkunsidrati rilevanti għall-finijiet ta' monitoraġġ. L-emissjonijiet ta' CO2 fil-portijiet tal-Unjoni inklużi emissjonijiet minn bastimenti li jkunu fl-irmiġġ jew li jiċċaqalqu ġewwa port, għandhom ikunu koperti wkoll, b'mod partikolari minħabba li jeżistu miżuri speċifiċi għat-tnaqqis jew l-evitar ta' dawn. Dawn ir-regoli għandhom jiġu applikati b'mod mhux diskriminatorju għall-bastimenti kollha irrispettivament mill-bandiera li jtajru. Madankollu, billi dan ir-Regolament jiffoka fuq it-trasport marittimu, huwa ma għandux jistabbilixxi rekwiżiti ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika għall-movimenti u l-attivitajiet ta' bastimenti li ma jkunux qed iservu l-finijiet tat-trasportazzjoni ta' merkanzija jew passiġġieri għal finijiet kummerċjali, bħal tħammil, tkissir ta' silġ, tqegħid ta' pajpijiet jew attivitajiet ta' installazzjoni offshore.

(15)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti għall-bastimenti li joperaw f'kondizzjonijiet klimatiċi inqas favorevoli, għandu jkun possibbli li tiġi inkluża informazzjoni speċifika relatata mal-klassi tas-silġ ta' bastiment, u relatata man-navigazzjoni tiegħu fis-silġ, fid-data mmonitorjata abbażi ta' dan ir-Regolament.

(16)

Is-sistema MRV proposta għandha tieħu l-forma ta' Regolament minħabba n-natura kumplessa u ferm teknika tad-dispożizzjonijiet li jeħtieġu jiġu introdotti, il-ħtieġa għal regoli uniformi applikabbli fl-Unjoni kollha biex tiġi riflessa n-natura internazzjonali tat-trasport marittimu b'bosta bastimenti li jkunu mistennija li jidħlu f'portijiet fi Stati Membri differenti, u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni fl-Unjoni kollha.

(17)

Sistema MRV robusta tal-Unjoni speċifika għall-bastimenti għandha tkun ibbażata fuq il-kalkolu ta' emissjonijiet mill-fjuwil ikkonsmat fuq vjaġġi lejn u minn portijiet tal-Unjoni, għaliex id-data dwar il-bejgħ tal-fjuwil ma tistax tipprovdi stimi preċiżi b'mod xieraq dwar il-konsum tal-fjuwil f'dan il-kamp ta' applikazzjoni speċifiku minħabba l-kapaċitajiet kbar tat-tankijiet tal-bastimenti.

(18)

Is-sistema MRV tal-Unjoni għandha tkopri wkoll informazzjoni oħra rilevanti li tippermetti d-determinazzjoni tal-effiċjenza tal-bastimenti jew l-analiżi ulterjuri tal-kawżi tal-iżvilupp ta' emissjonijiet, filwaqt li tippreserva l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali jew industrijali. Dan il-kamp ta' applikazzjoni jallinja wkoll is-sistema MRV tal-Unjoni ma' inizjattivi internazzjonali ta' standards ta' effiċjenza għal bastimenti eżistenti, li jkopru wkoll miżuri operazzjonali, u jikkontribwixxi għat-tneħħija tal-ostakoli tas-suq relatati man-nuqqas ta' informazzjoni.

(19)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għas-sidien tal-bastimenti u għall-operaturi, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u biex isir l-aħjar użu mill-proporzjon tal-kost u l-benefiċċji tas-sistema MRV mingħajr ma jiġi mhedded l-objettiv li jkun kopert sehem predominanti ħafna tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mit-trasport marittimu, ir-regoli għall-MRV għandhom japplikaw biss għal emittenti kbar. Intagħżel limitu ta' 5 000 tunnellaġġ gross (TG) wara analiżi dettaljata oġġettiva tal-qisien u l-emissjonijiet tal-bastimenti li jmorru lejn portijiet tal-Unjoni u dawk li jiġu minnhom. Il-bastimenti b'aktar minn 5 000 TG jammontaw għal madwar 55 % tal-għadd ta' bastimenti li jidħlu f'portijiet tal-Unjoni u jirrappreżentaw madwar 90 % tal-emissjonijiet relatati. Dan il-limitu mhux diskriminatorju għandu jiżgura li jiġu koperti l-emittenti l-aktar rilevanti. Limitu aktar baxx għandu jirriżulta f'piż amministrattiv akbar filwaqt li limitu ogħla jillimita l-kopertura tal-emissjonijiet u għalhekk l-effettività ambjentali tas-sistema MRV.

(20)

Sabiex jitnaqqas aktar il-piż amministrattiv għas-sidien u l-operaturi tal-bastimenti, ir-regoli ta' monitoraġġ għandhom jiffokaw fuq is-CO2 billi huwa l-gass b'effett ta' serra l-aktar rilevanti li jiġi emess mit-trasport marittimu.

(21)

Ir-regoli għandhom jieħdu kont ta' rekwiżiti eżistenti u data li hija diġà disponibbli abbord il-bastimenti; għalhekk, il-kumpanniji għandhom jingħataw l-opportunità li jagħżlu wieħed mill-erba' metodi ta' monitoraġġ li ġejjin: l-użu ta' Noti ta' Kunsinna tal-Fjuwil tal-Bastiment, il-monitoraġġ abbord tat-tank tal-fjuwil ta' bastiment, arloġġi għall-kejl tal-flussi għal proċessi ta' kombustjoni applikabbli jew kejl dirett tal-emissjonijiet. Pjan ta' monitoraġġ speċifiku għal kull bastiment għandu jiddokumenta l-għażla magħmula u għandu jipprovdi aktar dettalji dwar l-applikazzjoni tal-metodu magħżul.

(22)

Kwalunkwe kumpannija b'responsabbiltà għal perijodu ta' rappurtar sħiħ għal bastiment li jagħmel attivitajiet tat-trasport marittimu għandha titqies li hija responsabbli mill-obbligi kollha ta' monitoraġġ u ta' rappurtar li jirriżultaw fir-rigward ta' dak il-perijodu ta' rappurtar, inkluż il-preżentazzjoni ta' rapport dwar l-emissjonijiet ivverifikati b'mod sodisfaċenti. Fil-każ ta' bidla tal-kumpannija, il-kumpannija l-ġdida għandha tkun responsabbli biss għall-obbligi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar relatati mal-perijodu ta' rappurtar li matulu seħħet il-bidla tal-kumpannija. Sabiex tiffaċilita t-twettiq ta' dawn l-obbligi, il-kumpannija l-ġdida għandha tirċievi kopja tal-aħħar pjan ta' monitoraġġ, u dokument ta' konformità, jekk applikabbli.

(23)

Gassijiet oħra b'effett ta' serra, sustanzi b'impatti klimatiċi jew sustanzi li jniġġsu l-arja ma għandhomx ikunu koperti mis-sistema MRV tal-Unjoni f'dan l-istadju sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti għall-installazzjoni ta' tagħmir ta' kejl li mhuwiex suffiċjentement affidabbli jew kummerċjalment disponibbli, ħaġa li tista' xxekkel l-implimentazzjoni tas-sistema MRV tal-Unjoni.

(24)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-IMO għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (MARPOL) tipprovdi għall-applikazzjoni mandatorja tal-EEDI għal bastimenti ġodda u l-użu tas-SEEMPs għall-flotta tad-dinja kollha.

(25)

Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż amministrattiv għas-sidien u l-operaturi tal-bastimenti, ir-rappurtar u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni rappurtata għandhom jiġu organizzati kull sena. Permezz ta' restrizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-emissjonijiet, tal-konsum ta' fjuwil u ta' informazzjoni relatata mal-effiċjenza għal medji annwali u ċifri aggregati, il-kwistjonijiet tal-kunfidenzjalità għandhom ikunu ġew indirizzati. Sabiex jiġi żgurat li ma tiġix imminata l-protezzjoni ta' interessi ekonomiċi leġittimi li ma għandhox jiġu żvelati lill-pubbliku, għandu jiġi applikat livell differenti ta' aggregazzjoni f'każijiet eċċezzjonali fuq talba ta' kumpannija. Id-data rappurtata lill-Kummissjoni għandha tiġi integrata fl-istatistika sakemm dik id-data tkun rilevanti għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/504/UE (6).

(26)

Verifiki minn verifikaturi akkreditati għandhom jiżguraw li l-pjanijiet ta' monitoraġġ u r-rapporti tal-emissjonijiet ikunu korretti u konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament. Bħala element importanti għas-simplifikar tal-verifiki, il-verifikaturi għandhom jiċċekkjaw il-kredibbiltà tad-data billi jqabblu d-data rappurtata ma' data stimata abba¿i ta' data u karatteristiċi tat-traċċar tal-bastiment. Stimi bħal dawn jistgħu jiġu provduti mill-Kummissjoni. Sabiex tiġi ¿gurata l-imparzjalità, il-verifikaturi għandhom ikunu entitajiet ġuridiċi indipendenti u kompetenti u għandhom jiġu akkreditati minn korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(27)

Għandu jinżamm abbord il-bastimenti dokument ta' konformità maħruġ minn verifikatur sabiex tintwera l-konformità mal-obbligi għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika. Il-verifikaturi għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-ħruġ ta' tali dokumenti.

(28)

Fuq il-bażi ta' esperjenza minn kompiti simili relatati mas-sikurezza marittima, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għandha, fil-qafas tal-mandat tagħha, tappoġġa lill-Kummissjoni billi twettaq ċerti kompiti.

(29)

L-infurzar tal-obbligi relatati mas-sistema MRV għandu jkun ibbażat fuq strumenti eżistenti, jiġifieri dawk stabbiliti taħt id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u d-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u fuq informazzjoni dwar il-ħruġ ta' dokumenti ta' konformità. Id-dokument li jikkonferma l-konformità tal-bastiment mal-obbligi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar għandu jiżdied mal-lista ta' ċertifikati u dokumenti msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2009/16/KE.

(30)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jispezzjonaw il-bastimenti li jidħlu fil-portijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u li għalihom ċerta informazzjoni meħtieġa dwar id-dokument ta' konformità ma tkunx disponibbli.

(31)

In-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandu jirriżulta fl-applikazzjoni ta' penali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar dawk il-penali. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(32)

Fil-każ ta' bastimenti li jkunu naqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' monitoraġġ u ta' rappurtar għal żewġ perijodi ta' rappurtar konsekuttivi jew aktar u fejn miżuri oħra ta' infurzar ikunu naqsu milli jiżguraw konformità, ikun xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà ta' tkeċċija. Tali miżura għandha tiġi applikata b'tali mod li tippermetti li s-sitwazzjoni ta' non-konformità tiġi rettifikata f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

(33)

L-Istati Membri li ma għandhomx portijiet marittimi fit-territorju tagħhom u li ma għandhomx bastimenti jtajru l-bandiera tagħhom u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew li jkunu għalqu r-reġistri nazzjonali tagħhom tal-bastimenti għandhom ikunu jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar il-penali, dment li ebda tali bastiment ma jtajjar il-bandiera tagħhom.

(34)

Is-sistema MRV tal-Unjoni għandha sservi bħala mudell għall-implimentazzjoni ta' sistema MRV globali. Sistema MRV globali hija preferuta peress li tista' titqies bħala iżjed effikaċi minħabba l-ambitu usa' tagħha. F'dan il-kuntest, u bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' regoli internazzjonali fi ħdan l-IMO għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha tikkondividi informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolamentmal-IMO u korpi internazzjonali rilevanti oħra fuq bażi regolari u għandhom isiru preżentazzjonijiet rilevanti lill-IMO. Fejn jintlaħaq ftehim dwar sistema MRV globali, il-Kummissjoni għandha tirrivedi s-sistema MRV tal-Unjoni bil-għan li tallinjaha mas-sistema MRV globali.

(35)

Sabiex jittieħed kont ta' regoli internazzjonali rilevanti u standards internazzjonali u Ewropej kif ukoll ta' żviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi, is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rieżami ta' ċerti aspetti tekniċi tal-monitoraġġ u tar-rappurtar tal-emissjonijiet ta' CO2 minn bastimenti u biex jiġu speċifikati aktar ir-regoli għall-attivitajiet ta' verifika u l-metodi ta' akkreditazzjoni ta' verifikaturi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adegwati waqt il-ħidma preparatorja, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal atti ta' delega, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adegwata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(36)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-użu ta' mudelli standard għall-monitoraġġ ta' emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra, għall-użu ta' sistemi awtomatizzati u ta' mudelli elettroniċi standard għar-rappurtar koerenti ta' emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati tal-bandiera konċernati, għall-ispeċifikazzjoni ta' regoli tekniċi li jispeċifikaw il-parametri applikabbli għal kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners u għar-reviżjoni ta' dawk il-parametri, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Huwa meħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(37)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-bastimenti bħala l-ewwel pass ta' approċċ fi stadji sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba n-natura internazzjonali tat-trasport marittimu, iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan.

(38)

Ir-regoli li jistabbilixxu s-sistema MRV għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(39)

Jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2015 biex jiġi żgurat li l-Istati Membri u l-partijiet kkonċernati jkollhom żmien biżżejjed biex jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament qabel ma jibda l-ewwel perijodu ta' rappurtar fl-1 ta' Jannar 2018,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika preċiżi tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u ta' informazzjoni oħra rilevanti minn bastimenti li jaslu jew ikunu f'portijiet, jew jitilqu minn portijiet, taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, sabiex jippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport marittimu b'mod kosteffiċjenti.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti b'aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross fir-rigward ta' emissjonijiet CO2 rilaxxati matul il-vjaġġi tagħhom mill-aħħar port ta' waqfa tagħhom lejn port ta' waqfa taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u minn port ta' waqfa li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru għal port ta' waqfa li jmiss tagħhom, kif ukoll f'portijiet ta' waqfa taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal bastimenti tal-gwerra, bastimenti awżiljarji navali, bastimenti tal-qbid ta' ħut jew bastimenti tal-ipproċessar tal-ħut, bastimenti tal-injam b'binja primittiva, bastimenti li ma jitħaddmux b'mezzi mekkaniċi, jew bastimenti tal-gvern użati għal skopijiet mhux kummerċjali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“emissjonijiet ta' CO2” tfisser ir-rilaxx ta' CO2 fl-atmosfera minn bastimenti;

(b)

“port ta' waqfa” tfisser port fejn bastiment jieqaf biex jgħabbi jew iħott merkanzija jew biex jimbarka jew jiżbarka passiġġieri; konsegwentement, waqfiet għall-finijiet uniċi ta' riforniment ta' fjuwil, akkwist ta' provvisti, bdil ta' ekwipaġġ, dħul f'baċiri jew tiswijiet lill-bastiment u/jew lit-tagħmir tiegħu, waqfiet f'port għaliex il-bastiment ikun jeħtieġ assistenza jew jinsab fil-periklu, trasbordi barra mill-portijiet, u waqfiet għall-iskop uniku ta' rifuġju minn temp ħażin jew li jsiru meħtieġa minħabba attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ huma esklużi;

(c)

“vjaġġ” tfisser kwalunkwe moviment ta' bastiment li joriġina minn port, jew jispiċċa f'port, ta' waqfa u li jaqdi l-funzjoni ta' trasport ta' passiġġieri jew merkanzija għal finijiet kummerċjali;

(d)

“kumpannija” tfisser is-sid ta' bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer jew il-bareboat charterer, li jkunu assumu r-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-bastiment minn sid il-bastiment;

(e)

“tunnellaġġ gross” (TG) tfisser it-tunnellaġġ gross ikkalkolat skont ir-regolamenti tal-kejl tat-tunnellaġġ li jinsab fl-Anness I mal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Kejl tat-Tunnellaġġ Metriku tal-Bastimenti, adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) f'Londra fit-23 ta' Ġunju 1969, jew kwalunkwe konvenzjoni suċċessura tagħha;

(f)

“verifikatur” tfisser entità ġuridika li tagħmel attivitajiet ta' verifika li tkun akkreditata minn korp ta' akkreditazzjoni nazzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u dan ir-Regolament;

(g)

“verifika” tfisser l-attivitajiet li jsiru minn verifikatur sabiex jivvaluta l-konformità tad-dokumenti mibgħuta mill-kumpannija mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;

(h)

“dokument ta' konformità” tfisser dokument speċifiku għal bastiment, maħruġ għal kumpannija minn verifikatur, li jikkonferma li dak il-bastiment sar konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għal perijodu speċifiku ta' rappurtar;

(i)

“informazzjoni oħra rilevanti” tfisser informazzjoni relatata ma' emissjonijiet ta' CO2 mill-konsum ta' fjuwils, ma' xogħol ta' trasport u mal-effiċjenza enerġetika ta' bastimenti, li tiffaċilita l-analiżi tax-xejriet fl-emissjonijiet u l-valutazzjoni tal-prestazzjonijiet ta' bastimenti;

(j)

“fattur ta' emissjoni” tfisser ir-rata medja ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra relattivament għad-data dwar l-attivitajiet ta' fluss minn sors, bil-preżunzjoni ta' ossidazzjoni kompleta għall-kombustjoni u ta' konverżjoni kompleta għar-reazzjonijiet kimiċi l-oħrajn kollha;

(k)

“inċertezza” tfisser parametru, assoċjat mar-riżultat tad-determinazzjoni ta' kwantità, li jikkaratterizza d-dispersjoni tal-valuri li jkunu jistgħu raġonevolment jiġu attribwiti lill-kwantità partikolari, inklużi l-effetti ta' fatturi sistematiċi kif ukoll ta' fatturi aleatorji, espress bħala perċentwal, u jiddeskrivi intervall ta' kunfidenza madwar il-valur medju li jinkludi 95 % tal-valuri dedotti b'kont meħud ta' kwalunkwe assimetrija tad-distribuzzjoni tal-valuri;

(l)

“konservattiv” tfisser li sett ta' suppożizzjonijiet jkun ġie definit sabiex jiġi żgurat li ma ssir l-ebda sottovalutazzjoni ta' emissjonijiet annwali jew sovravalutazzjoni ta' distanzi jew ta' ammonti ta' merkanzija li nġarru;

(m)

“perijodu ta' rappurtar” tfisser sena kalendarja waħda, li matulha jkollhom jiġu mmonitorjati u rrapportati emissjonijiet ta' CO2. Għal vjaġġi li jibdew u jispiċċaw f'sentejn kalendarji differenti, il-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data għandhom jitqiesu taħt l-ewwel sena kalendarja kkonċernata;

(n)

“bastiment fl-irmiġġ” tfisser bastiment li jkun sorġut jew ankrat b'mod sikur f'port li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru waqt li jkun qed jgħabbi, iħott jew jakkomoda persuni, inkluż il-ħin li fih ma jkunx involut fl-operazzjonijiet ta' merkanzija;

(o)

“klassi tas-silġ” tfisser in-notazzjoni mogħtija lill-bastiment mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat tal-bandiera, jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta minn dak l-Istat, li turi li l-bastiment ġie mfassal għan-navigazzjoni f'kondizzjonijiet ta' silġ fuq il-baħar.

KAPITOLU II

MONITORAĠĠ U RAPPURTAR

TAQSIMA 1

Prinċipji u metodi għall-monitoraġġ u r-rappurtar

Artikolu 4

Prinċipji komuni għall-monitoraġġ u r-rappurtar

1.   F'konformità mal-Artikoli 8 sa 12, il-kumpanniji għandhom, għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom, jimmonitorjaw u jirrapportaw il-parametri rilevanti matul perijodu ta' rappurtar. Huma għandhom jimmonitorjaw u jirrapportaw fil-portijiet kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u għal kull vjaġġ lejn jew minn port taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

2.   Il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu kompluti u għandhom ikopru l-emissjonijiet CO2 mill-kombustjoni tal-fjuwils, waqt li l-bastimenti jkunu jbaħħru kif ukoll meta jkunu fl-irmiġġ. Il-kumpanniji għandhom japplikaw miżuri xierqa sabiex jevitaw kwalunkwe nuqqas fid-data fil-perijodu ta' rappurtar.

3.   Il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu konsistenti u komparabbli tul iż-żmien. Għal dak il-għan, il-kumpanniji għandhom jużaw l-istess metodoloġiji ta' monitoraġġ u l-istess settijiet ta' data soġġetti għal modifiki evalwati mill-verifikatur.

4.   Il-kumpanniji għandhom jiksbu, jirreġistraw, jikkompilaw, janalizzaw u jiddokumentaw data ta' monitoraġġ, inklużi suppożizzjonijiet, referenzi, data dwar fatturi ta' emissjoni u attivitajiet ta' emissjoni, b'mod trasparenti li jippermetti r-riproduzzjoni tad-determinazzjoni ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-verifikatur.

5.   Il-kumpanniji għandhom jiżguraw li d-determinazzjoni ta' emissjonijiet ta' CO2 ma tkun la sistematikament u lanqas konsapevolment impreċiża. Huma għandhom jidentifikaw u jnaqqsu kwalunkwe sors ta' impreċiżjoni.

6.   Il-kumpanniji għandhom jiffaċilitaw garanzija raġonevoli tal-integrità tad-data dwar l-emissjonijiet ta' CO2 li jkollha tiġi mmonitorjata u rrappurtata.

7.   Il-kumpanniji għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu kont tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapporti ta' verifika maħruġin taħt l-Artikolu 13(3) jew (4) fil-monitoraġġ u r-rappurtar sussegwenti tagħhom.

Artikolu 5

Metodi għall-monitoraġġ ta' emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 4(1), (2) u (3), il-kumpanniji għandhom jiddeterminaw, għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom, l-emissjonijiet ta' CO2, skont kwalunkwe mill-metodi stabbiliti fl-Anness I, u jimmonitorjaw informazzjoni oħra rilevanti skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness II jew adottati b'mod konformi miegħu.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-metodi stabbiliti fl-Anness I u r-regoli stabbiliti fl-Anness II, sabiex jieħdu kont tar-regoli internazzjonali rilevanti kif ukoll tal-istandards internazzjonali u Ewropej. Il-Kummissjoni hija wkoll mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-Annessi I u II sabiex tirfina l-elementi tal-metodi ta' monitoraġġ stabbiliti fihom fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi.

TAQSIMA 2

Pjan ta' monitoraġġ

Artikolu 6

Kontenut u sottomissjoni tal-pjan ta' monitoraġġ

1.   Sal-31 ta' Awwissu 2017, il-kumpanniji għandhom jissottomettu lill-verifikaturi pjan ta' monitoraġġ, għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom, li jindika l-metodu magħżul sabiex jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni oħra rilevanti.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, għal bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ewwel darba wara l-31 ta' Awwissu 2017, il-kumpannija għandha tissottometti pjan ta' monitoraġġ lill-verifikatur mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahrejn wara l-ewwel waqfa ta' kull bastiment f'port li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

3.   Il-pjan ta' monitoraġġ għandu jikkonsisti minn dokumentazzjoni kompluta u trasparenti dwar il-metodu ta' monitoraġġ għall-bastiment ikkonċernat u għandu jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni u t-tip tal-bastiment inkluż ismu, in-numru tiegħu ta' identifikazzjoni tal-IMO, il-port tiegħu ta' reġistrazzjoni jew port ta' domiċilju, u l-isem ta' sid il-bastiment;

(b)

l-isem tal-kumpannija u l-indirizz, u d-dettalji tat-telefown u l-posta elettronika għal persuna tal-kuntatt;

(c)

deskrizzjoni tas-sorsi ta' emissjonijiet ta' CO2 li ġejjin abbord il-bastiment: magni prinċipali, magni awżiljari, turbini tal-gass bojlers u ġeneraturi tal-gass inert, u t-tipi ta' fjuwils użati;

(d)

deskrizzjoni tal-proċeduri, sistemi u responsabbiltajiet użati għall-aġġornament tal-lista tas-sorsi ta' emissjonijiet ta' CO2 matul il-perijodu ta' rappurtar;

(e)

deskrizzjoni tal-proċeduri użati għall-monitoraġġ tal-kompletezza tal-lista tal-vjaġġi;

(f)

deskrizzjoni tal-proċeduri ta' monitoraġġ tal-konsum tal-fjuwil tal-bastiment, inklużi:

(i)

il-metodu magħżul minn fost dawk imsemmija fl-Anness I għall-kalkolu tal-konsum tal-fjuwils ta' kull sors ta' emissjonijiet ta' CO2, inkluża, fejn applikabbli, deskrizzjoni tat-tagħmir tal-kejl użat,

(ii)

proċeduri għall-kejl tal-ammonti tal-karburant ippompjat u tal-karburant fit-tankijiet, deskrizzjoni tat-tagħmir tal-kejl użat u l-proċeduri sabiex tiġi ddokumentata, irkuprata, trasmessa u maħżuna informazzjoni dwar kejl, kif applikabbli,

(iii)

il-metodu magħżul għad-determinazzjoni tad-densità, fejn applikabbli,

(iv)

proċedura sabiex jiġi żgurat li l-inċertezza totali tal-kejl tal-karburant tkun konsistenti mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, fejn possibbli b'referenza għal-liġijiet nazzjonali, għal-klawżoli fil-kuntratti tal-konsumatur jew għall-istandards ta' preċiżjoni tal-fornituri tal-fjuwil;

(g)

fatturi ta' emissjoni użati għal kull tip ta' fjuwil, jew fil-każ ta' fjuwils alternattivi, il-metodoloġiji għad-determinazzjoni tal-fatturi ta' emissjoni, inklużi l-metodoloġija għat-teħid ta' kampjuni, il-metodi ta' analiżi u deskrizzjoni tal-laboratorji użati, bl-akkreditazzjoni ISO 17025 ta' dawk il-laboratorji, fejn rilevanti;

(h)

deskrizzjoni tal-proċeduri użati għad-determinazzjoni tad-data tal-attività għal kull vjaġġ, inkluż:

(i)

il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet u s-sorsi tad-data għad-determinazzjoni u d-dokumentazzjoni tad-distanza,

(ii)

il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, il-formuli u s-sorsi tad-data biex jiġu determinati u rreġistrati l-merkanzija li nġarret u l-għadd ta' passiġġieri, kif applikabbli,

(iii)

il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, il-formuli u s-sorsi tad-data biex jiġi ddeterminat u rreġistrat il-ħin ta' tbaħħir bejn il-port tat-tluq u l-port tal-wasla;

(i)

deskrizzjoni tal-metodu li għandu jintuża għad-determinazzjoni tad-data ta' sostituzzjoni biex jiġu rrimedjati nuqqasijiet fid-data;

(j)

folja ta' reġistrazzjoni ta' reviżjoni biex tirreġistra d-dettalji kollha tal-istorja ta' reviżjoni.

4.   Il-pjan ta' monitoraġġ jista' wkoll ikun fih informazzjoni dwar il-klassi tas-silġ tal-bastiment u/jew il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, il-formuli u s-sorsi tad-data għad-determinazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-distanza mbaħħra u ż-żmien ta' tbaħħir waqt li kien qed jinnaviga minn ġos-silġ.

5.   Il-kumpanniji għandhom jużaw pjanijiet ta' monitoraġġ standardizzati bbażati fuq mudelli stabbiliti. Dawk il-mudelli, inklużi r-regoli tekniċi għall-applikazzjoni uniformi tagħhom, għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 7

Modifiki fil-pjan ta' monitoraġġ

1.   Il-kumpanniji għandhom jikkontrollaw regolarment, u tal-anqas kull sena, jekk il-pjan ta' monitoraġġ jirriflettix in-natura u l-funzjonament tal-bastiment u jekk il-metodoloġija ta' monitoraġġ tistax tittejjeb.

2.   Il-kumpanniji għandhom jimmodifikaw il-pjan ta' monitoraġġ fi kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn isseħħ bidla fil-kumpannija;

(b)

fejn iseħħu emissjonijiet ġodda ta' CO2 minħabba sorsi ġodda ta' emissjonijiet jew minħabba l-użu ta' fjuwils ġodda li jkunu għadhom mhux inklużi fil-pjan ta' monitoraġġ;

(c)

fejn isseħħ bidla fid-disponibbiltà tad-data, minħabba l-użu ta' tipi ġodda ta' tagħmir tal-kejl, ta' metodi ġodda għat-teħid ta' kampjuni jew ta' metodi ġodda ta' analiżi, jew għal raġunijiet oħra, li tista' taffettwa l-eżattezza tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta' CO2;

(d)

fejn id-data li tirriżulta mill-metodu ta' monitoraġġ applikat tinstab li mhijiex korretta;

(e)

fejn kwalunkwe parti mill-pjan ta' monitoraġġ hija identifikata bħala mhux konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jkun meħtieġ li l-kumpannija tirrivediha skont l-Artikolu 13(1).

3.   Il-kumpanniji għandhom jinnotifikaw lill-verifikaturi mingħajr dewmien eċċessiv bi kwalunkwe proposta għal modifika fil-pjan ta' monitoraġġ.

4.   Il-modifiki għall-pjan ta' monitoraġġ taħt il-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni mill-verifikatur skont l-Artikolu 13(1). Wara l-valutazzjoni, il-verifikatur għandu jinnotifika lill-kumpannija jekk dawk il-modifiki humiex konformi.

TAQSIMA 3

Monitoraġġ ta' emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra

Artikolu 8

Monitoraġġ tal-attivitajiet fil-perijodu ta' rappurtar

Mill-1 ta' Jannar 2018, il-kumpanniji għandhom, fuq il-bażi tal-pjan ta' monitoraġġ ivvalutat skont l-Artikolu 13(1), jagħmlu monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 għal kull bastiment abbażi ta' kull vjaġġ u kull sena billi japplikaw il-metodu xieraq għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta' CO2 fost dawk stabbiliti fil-Parti B tal-Anness I u billi jikkalkulaw l-emissjonijiet ta' CO2 skont il-Parti A tal-Anness I.

Artikolu 9

Monitoraġġ abbażi ta' kull vjaġġ

1.   Fuq il-bażi tal-pjan ta' monitoraġġ ivvalutat skont l-Artikolu 13(1), għal kull bastiment li jasal fi, jew jitlaq minn, port, u għal kull vjaġġ lejn jew minn port, li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, il-kumpanniji għandhom jimmonitorjaw, skont il-Parti A tal-Anness I u l-Parti A tal-Anness II, il-parametri li ġejjin:

(a)

il-port tat-tluq u l-port tal-wasla inkluża d-data u l-ħin tat-tluq u tal-wasla;

(b)

l-ammont u l-fattur ta' emissjoni għal kull tip ta' fjuwil totalment ikkonsmat;

(c)

CO2 emess;

(d)

id-distanza vjaġġata;

(e)

il-ħin fuq il-baħar;

(f)

il-merkanzija li nġarret;

(g)

ix-xogħol ta' trasport.

Il-kumpanniji jistgħu wkoll jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni relatata mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u dik relatata man-navigazzjoni minn ġos-silġ, fejn applikabbli.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, kumpannija għandha tiġi eżentata mill-obbligu ta' monitoraġġ tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fuq bażi ta' kull vjaġġ fir-rigward ta' bastiment speċifiku, jekk:

(a)

il-vjaġġi kollha tal-bastiment matul il-perijodu ta' rappurtar jibdew minn port jew jintemmu f'port li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru; u

(b)

il-bastiment, skont l-iskeda tiegħu, jagħmel aktar minn 300 vjaġġ matul il-perijodu ta' rappurtar.

Artikolu 10

Monitoraġġ abbażi ta' kull sena

Fuq il-bażi tal-pjan ta' monitoraġġ ivvalutat skont l-Artikolu 13(1), għal kull bastiment u għal kull sena kalendarja, il-kumpanniji għandhom jimmonitorjaw, skont il-Parti A tal-Anness I u l-Parti B tal-Anness II, il-parametri li ġejjin:

(a)

l-ammont u l-fattur ta' emissjoni għal kull tip ta' fjuwil ikkonsmat bħala total;

(b)

l-ammont totali ta' CO2 aggregat emess fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(c)

l-emissjonijiet ta' CO2 aggregati mill-vjaġġi kollha bejn portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

(d)

l-emissjonijiet ta' CO2 aggregati mill-vjaġġi kollha li telqu minn portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

(e)

l-emissjonijiet ta' CO2 aggregati mill-vjaġġi kollha lejn portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

(f)

l-emissjonijiet ta' CO2 li seħħew fl-irmiġġ fi ħdan il-portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

(g)

it-totali tad-distanza vjaġġata;

(h)

it-totali tal-ħin ta' tbaħħir;

(i)

it-totali tax-xogħol ta' trasport;

(j)

il-medju tal-effiċjenza enerġetika.

Il-kumpanniji jistgħu jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni marbuta mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u dik marbuta man-navigazzjoni minn ġos-silġ, fejn applikabbli.

Il-kumpanniji jistgħu wkoll jagħmlu monitoraġġ tal-fjuwil ikkunsmat u ta' CO2 emess billi jiddifferenzjaw abbażi ta' kriterji oħra definiti fil-pjan ta' monitoraġġ.

TAQSIMA 4

Rappurtar

Artikolu 11

Il-kontenut tar-rapport dwar l-emissjonijiet

1.   Mill-2019, sat-30 ta' April ta' kull sena, il-kumpanniji għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati tal-bandiera kkonċernati, rapport dwar l-emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni oħra rilevanti għall-perijodu kollu ta' rappurtar għal kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tagħhom, li jkun ġie vverifikat bħala sodisfaċenti minn verifikatur skont l-Artikolu 13.

2.   Fejn isseħħ bidla ta' kumpannija, il-kumpannija l-ġdida għandha tiżgura li kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tagħha ikun konformi ma' dan ir-Regolament fir-rigward tal-perijodu kollu tar-rappurtar li matulu hija tieħu responsabbiltà għall-bastiment ikkonċernat.

3.   Il-kumpanniji għandhom jinkludu fir-rapport dwar l-emissjonijiet l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-data li tidentifika l-bastiment u l-kumpannija, inklużi:

(i)

l-isem tal-bastiment,

(ii)

in-numru ta' identfikazzjoni tal-IMO,

(iii)

il-port tar-reġistrazzjoni jew il-port ta' domiċilju,

(iv)

klassi tas-silġ tal-bastiment, jekk inkluża fil-pjan ta' monitoraġġ,

(v)

l-effiċjenza teknika tal-bastiment (Indiċi tal-Effiċjenza tal-Enerġija (EEDI) jew Valur tal-Indiċi Stmat (EIV) skont ir-Riżoluzzjoni tal-IMO MEPC.215 (63), fejn applikabbli)

(vi)

l-isem ta' sid il-bastiment,

(vii)

l-indirizz ta' sid il-bastiment u l-post prinċipali tan-negozju tiegħu,

(viii)

l-isem tal-kumpannija (jekk mhuwiex is-sid tal-bastiment),

(ix)

l-indirizz tal-kumpannija (jekk mhux is-sid tal-bastiment) u l-post prinċipali tan-negozju tagħha,

(x)

l-indirizz, id-dettalji tat-telefon u tal-posta elettronika ta' persuna ta' kuntatt;

(b)

l-identità tal-verifikatur li jkun ivvaluta r-rapport dwar l-emissjonijiet;

(c)

informazzjoni dwar il-metodu ta' monitoraġġ użat u l-livell ta' inċertezza relatat;

(d)

ir-riżultati mill-monitoraġġ annwali tal-parametri skont l-Artikolu 10.

Artikolu 12

Format tar-rapport dwar l-emissjonijiet

1.   Ir-rapport dwar l-emissjonijiet għandu jiġi sottomess bl-użu ta' sistemi awtomatizzati u ta' formats tal-iskambju tad-data, inklużi mudelli elettroniċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, ir-regoli tekniċi li jistabbilixxu mudelli għall-formats tal-iskambju tad-data, inklużi l-mudelli elettroniċi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

KAPITOLU III

VERIFIKA U AKKREDITAZZJONI

Artikolu 13

Kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet ta' verifika u tar-rapport ta' verifika

1.   Il-verifikatur għandu jivvaluta l-konformità tal-pjan ta' monitoraġġ mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Fejn il-valutazzjoni tal-verifikatur tidentifika nonkonformitajiet ma' dawk ir-rekwiżiti, il-kumpannija konċernata għandha tirrivedi l-pjan ta' monitoraġġ tagħha kif meħtieġ u tippreżenta pjan rivedut għall-valutazzjoni finali mill-verifikatur qabel ma jibda l-perijodu ta' rappurtar. Il-kumpannija għandha taqbel mal-verifikatu dwar qafas ta' żmien meħtieġ biex tintroduċi dawk ir-reviżjonijiet. Dak il-qafas ta' żmien ma għandux, fi kwalunkwe każ, jiskorri l-bidu tal-perijodu ta' rappurtar.

2.   Il-verifikatur għandu jivvaluta l-konformità tar-rapport dwar l-emissjonijiet mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 12 u l-Annessi I u II.

B'mod partikolari l-verifikatur għandu jivvaluta jekk l-emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra inklużi fir-rapport dwar l-emissjonijiet kinux ġew determinati f'konformità mal-Artikoli 8, 9 u 10 u l-pjan ta' monitoraġġ.

3.   Fejn il-valutazzjoni tal-verifika tikkonkludi, b'assigurazzjoni raġonevoli mill-verifikatur, li r-rapport dwar l-emissjonijiet huwa ħieles minn-dikjarazzjonijiet skorretti materjali, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika li jiddikjara li r-rapport dwar l-emissjonijiet ġie vverifikat bħala sodisfaċenti. Ir-rapport ta' verifika għandu jispeċifika l-kwistjonijiet kollha rilevanti għall-ħidma mwettqa mill-verifikatur.

4.   Fejn il-valutazzjoni tal-verifika tikkonkludi li r-rapport dwar l-emissjonijiet jinkludi dikjarazzjonijiet skoretti jew nonkonformitajiet mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-verifikatur għandu jinforma lill-kumpannija dwarhom f'waqtu. Il-kumpannija għandha konsegwentement tikkorreġi d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nonkonformitajiet sabiex tippermetti li jiġi ffinalizzat il-proċess ta' verifika fil-ħin u għandha tippreżenta lill-verifikatur ir-rapport rivedut dwar l-emissjonijiet u kull informazzjoni oħra li kienet meħtieġa biex tikkorreġi n-nonkonformitajiet identifikati. Fir-raport ta' verifika tiegħu, il-verifikatur għandu jiddikjara jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nonkonformitajiet identifikati waqt il-valutazzjoni tal-verifika ġewx ikkorreġuti mill-kummpannija. Fejn ma jkunux ġew ikkorreġuti d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nonkonformitajiet ikkomunikati, u b'mod individwali jew kombinat, iwasslu għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika li jiddikjara li r-rapport dwar l-emissjonijiet mhuwiex konformi ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Obbligi u prinċipji ġenerali għall-verifikaturi

1.   Il-verifikatur għandu jkun indipendenti mill-kumpannija jew mill-operatur ta' bastiment u għandu jagħmel l-attivitajiet meħtieġa taħt dan ir-Regolament fl-interess pubbliku. Għal dak l-iskop, la l-verifikatur u l-ebda parti tal-istess entità legali ma għandhom ikunu kumpannija jew operatur tal-bastiment, is-sid ta' kumpannija, jew ikunu l-proprjetà tagħhom, u l-verifikatur lanqas ma għandu jkollu relazzjonijiet mal-kumpannija li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.

2.   Meta jikkunsidra l-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet u tal-proċeduri ta' monitoraġġ applikati mill-kumpannija, il-verifikatur għandu jivvaluta l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-eżattezza tas-sistemi ta' monitoraġġ u tad-data u l-informazzjoni relatati mal-emissjonijiet ta' CO2, b'mod partikolari:

(a)

il-mod kif jiġi attribwit il-konsum tal-fjuwil għal vjaġġi;

(b)

id-data dwar il-konsum tal-fjuwil irrappurtati u l-kejl u l-kalkoli relatati;

(c)

l-għażla u l-użu tal-fatturi tal-emissjonijiet;

(d)

il-kalkoli li jwasslu sabiex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet globali ta' CO2;

(e)

il-kalkoli li jwasslu sabiex tiġi stabbilita l-effiċjenza enerġetika.

3.   Il-verifikatur għandu jikkunsidra biss rapporti dwar emissjonijiet li jkunu sottomessi skont l-Artikolu 12 jekk data u informazzjoni affidabbli u kredibbli jippermettu li l-emissjonijiet ta' CO2 jiġu ddeterminati b'livell raġonevoli ta' ċertezza u bil-kondizzjoni li jkun żgurat kif ġej:

(a)

id-data rappurtata hija koerenti relattivament għal data estimata li tkun ibbażata fuq id-data tat-traċċar tal-bastimenti u karatteristiċi bħall-qawwa tal-magna installata;

(b)

id-data rrappurtata hija ħielsa minn inkonsistenzi, b'mod partikolari meta jitqabbel il-volum totali tal-fjuwil mixtri kull sena minn kull bastiment mal-aggregat tal-fjuwil ikkonsmat matul vjaġġi;

(c)

il-ġbir tad-data sar f'konformità mar-regoli applikabbli; u

(d)

ir-registri rilevanti tal-bastiment huma kompleti u konsistenti.

Artikolu 15

Proċeduri ta' verifika

1.   Il-verifikatur għandu jidentifika r-riskji potenzjali relatati mal-proċess ta' monitoraġġ u ta' rappurtar billi jqabbel l-emissjonijiet ta' CO2 irrappurtati b'data stmata ibbażata fuq id-data tat-traċċar tal-bastimenti u karatteristiċi bħall-qawwa tal-magna installata. Fejn jinstabu devjazzjonijiet sinifikanti, il-verifikatur għandu jagħmel analiżijiet ulterjuri.

2.   Il-verifikatur għandu jidentifika r-riskji potenzjali relatati mal-istadji differenti tal-kalkolu billi jirrivedi s-sorsi tad-data u l-metodoloġiji kollha użati.

3.   Il-verifikatur għandu jqis kull metodu effettiv tal-kontroll tar-riskju applikat mill-kumpannija biex jitnaqqsu l-livelli ta' inċertezza assoċjati mal-preċiżjoni speċifika għall-metodi ta' monitoraġġ użati.

4.   Il-kumpannija għandha tipprovdi lill-verifikatur b'kull informazzjoni addizzjonali li jippermettilu jwettaq il-proċeduri ta' verifika. Il-verifikatur jista' jagħmel kontrolli fuq il-post matul il-proċess ta' verifika sabiex jistabbilixxi l-affidabbiltà tad-data u l-informazzjoni rrappurtati.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23, sabiex tispeċifika aktar ir-regoli għall-attivitajiet ta' verifika msemmija f'dan ir-Regolament. Meta tadotta dawn l-atti, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi stabbiliti fil-Parti A tal-Anness III. Ir-regoli speċifikati f'dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-verifika previsti fl-Artikolu 14 u fuq standards rilevanti aċċettati internazzjonalment.

Artikolu 16

Akkreditazzjoni tal-verifikaturi

1.   Il-verifikaturi li jevalwaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ u r-rapporti dwar l-emissjonijiet u li joħorġu r-rapporti ta' verifika u d-dokumenti ta' konformità msemmija f'dan ir-Regolament għandhom ikunu akkreditati għal attivitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament minn korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Fejn ma hemm stipulat l-ebda dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi f'dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 sabiex tispeċifika aktar il-metodi ta' akkreditazzjoni tal-verifikaturi. Meta tadotta dawn l-atti, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness III. Il-metodi speċifikati f'dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-verifika previsti fl-Artikolu 14 u fuq standards rilevanti aċċettati internazzjonalment.

KAPITOLU IV

KONFORMITÀ U PUBBLIKAZZJONI TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 17

Dokument ta' konformità

1.   Fejn ir-rapport dwar l-emissjonijiet jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 11 sa 15 u dawk fl-Annessi I u II, il-verifikatur għandu joħroġ, fuq il-bażi tar-rapport ta' verifika, dokument ta' konformità għall-bastiment ikkonċernat.

2.   Id-dokument ta' konformità għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-bastiment (l-isem, in-numru ta' identifikazzjoni tal-IMO u l-port fejn hu rreġistrat jew il-port ta' domiċilju);

(b)

l-isem, l-indirizz u l-post ewlieni tan-negozju ta' sid il-bastiment;

(c)

l-identità tal-verifikatur;

(d)

id-data tal-ħruġ tad-dokument ta' konformità, il-perijodu ta' validità tiegħu u l-perijodu ta' rappurtar li għalih jirriferi.

3.   Id-dokumenti ta' konformità għandhom ikunu validi għall-perijodu ta' 18-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta' rappurtar.

4.   Il-verifikatur għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-awtorità tal-Istat tal-bandiera, mingħajr dewmien, dwar il-ħruġ ta' kwalunkwe dokument ta' konformità. Il-verifikatur għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 billi juża sistemi awtomatizzati u formats tal-iskambju tad-data kompleti, inklużi mudelli elettroniċi.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, ir-regoli tekniċi għall-formats tal-iskambju tad-data, inklużi l-mudelli elettroniċi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 18

Obbligu li jkun hemm dokument ta' konformità validu abbord

Sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara t-tmiem ta' perijodu ta' rappurtar, il-bastimenti li jaslu jew ikunu f'portijiet, jew jitilqu minn portijiet, taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, u li jkunu għamlu vjaġġi matul dak il-perijodu ta' rappurtar, għandhom ikollhom abbord dokument ta' konformità.

Artikolu 19

Konformità ma' rekwiżiti ta' monitoraġġ u ta' rappurtar u ispezzjonijiet

1.   Abbażi tal-informazzjoni ppubblikata f'konformità mal-Artikolu 21(1), kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta' monitoraġġ u rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 8 sa 12 minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. L-Istati Membri għandhom iqisu l-fatt li dokument ta' konformità jkun inħareġ għall-bastiment ikkonċernat, f'konformità mal-Artikolu 17(4), bħala evidenza ta' tali konformità.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe ispezzjoni ta' bastiment f'port li jkun taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu li ssir f'konformità mad-Direttiva 2009/16/KE tinkludi verifika li jkun hemm abbord dokument ta' konformità validu.

3.   Għal kull bastiment li fir-rigward tiegħu ma tkunx disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-,punti (i) u (j) tal-Artikolu 21(2), fiż-żmien li jkun daħal f'port taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat jista' jivverifika li jkun hemm abbord dokument ta' konformità validu.

Artikolu 20

Penali, skambju ta' informazzjoni u ordni ta' tkeċċija

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' penali għan-nuqqas ta' konformità mal-obbligi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 12 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkunu imposti dawk il-penali. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2017, u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skambju effettiv ta' informazzjoni u kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom li jkunu responsabbli milli jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar jew, fejn applikabbli, bejn l-awtoritajtiet tagħhom inkarigati bil-proċeduri penali. Il-proċeduri penali nazzjonali kontra bastiment speċifiku minn kwalunkwe Stat Membru għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat.

3.   Fil-każ ta' bastimenti li jkunu naqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' monitoraġġ u ta' rappurtar għal żewġ perijodi ta' rappurtar konsekuttivi jew aktar u meta miżuri ta' infurzar oħra jkunu naqqsu milli jiżguraw konformità, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membri tal-port ta' dħul jista' joħroġ ordni ta' tkeċċija li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-EMSA, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat. Bħala riżultat tal-ħruġ ta' tali ordni ta' tkeċċija, kull Stat Membru għandu jirrifjuta d-dħul tal-bastiment konċernat fi kwalunkwe wieħed mill-portijiet tiegħu sa meta l-kumpannija tissodisfa l-obbligi tagħha ta' monitoraġġ u ta' rappurtar skont l-Artikoli 11 u 18. It-twettiq ta' dawk l-obbligi għandu jiġi kkonfermat bin-notifika ta' dokument ta' konformità validu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat tal-port li tkun ħarġet l-ordni ta' tkeċċija. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli marittimi internazzjonali applikabbli fil-każ ta' bastimenti f'diffikultà.

4.   Is-sid jew l-operatur ta' bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu fl-Istati Membri għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra ordni ta' tkeċċija u għandu jkun infurmat tajjeb dwar dan minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port ta' dħul. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu proċeduri adegwati għal dawn il-finijiet.

5.   Kull Stat Membru li ma jkollu l-ebda port marittimu fit-territorju tiegħu u li jkun għalaq ir-reġistru nazzjonali tal-bastimenti tiegħu jew ma jkollu l-ebda bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu li jaqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, u dment li l-ebda mit-tali bastimenti ma jtajru l-bandiera tiegħu, jista' jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Kull Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jibbenefika minn dik id-deroga għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2015. Kwalunkwe bidla sussegwenti għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

Artikolu 21

Pubblikazzjoni ta' informazzjoni u tar-rapport tal-Kummissjoni

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet CO2 rrappurtati f'konformità mal-Artikolu 11 kif ukoll l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi dan li ġej fl-informazzjoni li għandha ssir disponibbli pubblikament:

(a)

l-identità tal-bastiment (l-isem, in-numru ta' identifikazzjoni tal-IMO u l-port fejn hu rreġistrat jew il-port ta' domiċilju);

(b)

l-effiċjenza teknika tal-bastiment (EEDI jew EIV fejn applikabbli);

(c)

l-emissjonijiet CO2 annwali;

(d)

it-total annwali tal-konsum tal-fjuwil għal vjaġġi;

(e)

il-medja annwali tal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet CO2 għal kull distanza mbaħħra fuq vjaġġi;

(f)

il-medja annwali tal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta' CO2 għal kull distanza mbaħħra u merkanzija għal vjaġġi;

(g)

il-ħin totali annwalment imqatta' fuq il-baħar għal vjaġġi;

(h)

il-metodu applikat għall-monitoraġġ;

(i)

id-data tal-ħruġ u d-data tal-iskadenza tad-dokument ta' konformità;

(j)

l-identità tal-verifikatur li jkun ivvaluta r-rapport dwar l-emissjonijiet.

(k)

kull informazzjoni oħra mmonitorjata u rrappurtata fuq bażi volontarja f'konformità mal-Artikolu 10.

3.   Fejn, minħabba ċirkostanzi speċifiċi, l-iżvelar ta' kategorija ta' data aggregata taħt il-paragrafu 2, li mhijiex relatata ma' emissjonijiet ta' CO2, idgħajjef eċċezzjonalment il-protezzjoni ta' interess kummerċjali li jitlob protezzjoni bħala interess ekonomiku leġittimu li huwa aktar importanti mill-interess pubbliku fl-iżvelar skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), għandu jiġi applikat livell differenti ta' aggregazzjoni ta' dik id-data speċifika, fuq it-talba tal-kumpannija, għall-protezzjoni ta' tali interessi. Fejn ma jkunx possibbli li jiġi applikat livell differenti ta' aggregazzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tagħmel dik id-data disponibbli pubblikament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali dwar l-emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra mit-trasport marittimu, inkluż riżultati aggregati u spjegati, bil-għan li tinforma lill-pubbliku u tippermetti valutazzjoni tal-emissjonijiet ta' CO2 u l-effiċjenza enerġetika tat-trasport marittimu skont id-daqs, it-tip ta' bastiment, l-attività, jew kull kategorija oħra meqjusa rilevanti.

5.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull sentejn l-impatt globali tas-settur tat-trasport marittimu fuq il-klima globali inkluż permezz ta' emissjonijiet jew effetti mhux relatati ma' CO2.

6.   Fil-qafas tal-mandat tagħha, l-EMSA għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha sabiex tikkonforma ma' dan l-Artikolu u mal-Artikoli 12 u 17 ta' dan ir-Regolament, skont ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

KAPITOLU V

KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 22

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-IMO u lil korpi internazzjonali rilevanti oħra fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għad-distribuzzjoni tal-kompetenzi jew għall-proċeduri deċiżjonali kif previst fit-Trattati.

2.   Il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom iżommu skambju tekniku ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-iżvilupp ulterjuri ta' metodi ta' monitoraġġ, l-organizzazzjoni ta' rappurtar u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet.

3.   Fil-każ li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar sistema globali ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika għall-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra jew dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament u għandha, jekk xieraq, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex tiżgura l-allinjament ma' dak il-ftehim internazzjonali.

KAPITOLU VI

SETGĦAT TA' DELEGA U TA' IMPLIMENTAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u li jkollha konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Lulju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames- snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 24

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 25

Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE

Il-punt li ġej għandu jiżdied mal-lista li tinsab fl-Anness IV għad-Direttiva 2009/16/KE:

“50.

Dokument ta' Konformità maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (*).

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta' April 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 170.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-5 ta' Marzu 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).

(4)  Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(5)  Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/504/UE tas-17 ta' Settembru 2012 dwar l-Eurostat (ĠU L 251, 18.9.2012, p. 49).

(7)  Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(8)  Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(9)  Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132).

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(12)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(13)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(14)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(15)  Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar- rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).


ANNESS I

Metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2

A.   KALKOLU TAL-EMISSJONIJIET TA' CO2 (ARTIKOLU 9)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-emissjonijiet ta' CO2, il-kumpanniji għandhom japplikaw il-formula li ġejja:

Il-konsum tal-fjuwil × (mmultiplikat) bil-fattur ta' emissjoni

Il-konsum tal-fjuwil għandu jinkludi fjuwil ikkunsmat minn magni prinċipali, magni awżiljari, turbini tal-gass, bojlers u ġeneraturi tal-gass inert.

Il-konsum tal-fjuwil fil-portijiet tal-irmiġġ għandu jiġu kkalkulat b'mod separat.

Fil-prinċipju, għandhom jintużaw il-valuri predefiniti għall-fatturi ta' emissjoni tal-fjuwils sakemm il-kumpannija ma tiddeċidix li tuża d-data dwar il-kwalità tal-fjuwil stabbilita fin-Noti ta' Kunsinna tal-Fjuwil tal-Bunker (BDN, Bunker Fuel Delivery Notes) u użati biex tintwera l-konformità mar-regolamenti applikabbli tal-emissjonijiet tal-kubrit.

Dawk il-valuri predefiniti għall-fatturi ta' emissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-aħħar valuri disponibbli mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC). Dawk il-valuri jistgħu jiġu derivati mill-Anness VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (1).

Għandhom jiġu applikati fatturi ta' emissjoni adegwati fir-rigward ta' bijofjuwils u ta' fjuwils mhux fossili alternattivi.

B.   METODI GĦAD-DETERMINAZZJONI TAL-EMISSJONIJIET TA' CO2

Il-kumpannija għandha tiddefinixxi fil-pjan ta' monitoraġġ liema metodu ta' monitoraġġ għandu jintuża għall-kalkolu tal-konsum tal-fjuwil għal kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tagħha u għandha tiżgura li ladarba jkun ingħażel il-metodu, dan jiġi applikat konsistentement.

Il-konsum attwali tal-fjuwil għal kull vjaġġ għandu jintuża u jiġi kkalkulat bl-użu ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

Nota ta' Kunsinna tal-Fjuwil tal-Bunker (BDN) u inventarji perjodiċi tat-tankijiet tal-fjuwil;

(b)

Monitoraġġ tat-tank tal-fjuwil tal-bunker abbord;

(c)

Arloġġi għall-kejl tal-flussi għall-proċessi ta' kombustjoni applikabbli;

(d)

Kejl dirett tal-emissjonijiet ta' CO2.

Kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn il-metodi, ladarba tkun valutata mill-verifikatur, tista' tintuża jekk iżżid il-preċiżjoni ġenerali tal-kejl.

1.   Metodu A: BDN u inventarji perjodiċi tat-tankijiet tal-fjuwil

Dan il-metodu huwa bbażat fuq il-kwantità u t-tip ta' fjuwil kif definit fuq BDN flimkien mal-inventarji perjodiċi tat-tankijiet tal-fjuwil ibbażati fuq il-qari tat-tankijiet. Il-fjuwil fil-bidu tal-perijodu, flimkien mal-kunsinni, nieqes il-fjuwil disponibbli fit-tmiem tal-perijodu u l-fjuwil żvujtat bejn il-bidu tal-perijodu u t-tmiem tal-perijodu flimkien jikkostitwixxu l-fjuwil ikkunsmat matul il-perijodu.

Il-perijodu jfisser l-intervall bejn żewġ portijiet ta' waqfa jew il-ħin li jdum fil-port. Għall-fjuwil użat matul perijodu, jeħtieġ li jiġu speċifikati t-tip ta' fjuwil u l-kontenut ta' kubrit.

Dan il-metodu ma għandux jintuża meta l-BDN mhumiex disponibbli abbord il-bastimenti, speċjalment meta l-merkanzija sservi bħala fjuwil, pereżempju, l-evaporazzjoni tal-gass naturali llikwifikat (LNG).

Taħt ir-regolamenti eżistenti tal-Anness VI tal-MARPOL, il-BDN hija obbligatorja, u għandha tinżamm abbord għal tliet snin wara l-ikkunsinnar tal-fjuwil tal-bunker u għandha tkun disponibbli minnufih. L-inventarju perjodiku tat-tankijiet tal-fjuwil abbord huwa bbażat fuq il-qari tat-tank tal-fjuwil. Dan juża tabelli tat-tankijiet rilevanti għal kull tank tal-fjuwil, sabiex jiġi ddeterminat il-volum fil-ħin tal-qari tat-tank tal-fuwil. L-inċertezza assoċjata mal-BDN għandha tkun speċifikata fil-pjan ta' monitoraġġ. Il-qari tat-tank tal-fjuwil għandu jsir b'metodi xierqa bħal sistemi awtomatizzati, skandalji u tejps tal-immersjoni. Il-metodu ta' skandaljar tat-tank u l-inċertezza assoċjata miegħu għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' monitoraġġ.

Fejn l-ammont ta' fjuwil ippumpjat fit-tank jew l-ammont ta' fjuwil li jifdal fit-tankijiet jiġi ddeterminat f'unitajiet ta' volum, espressi f'litri, il-kumpannija għandha tikkonverti dak l-ammont minn volum għal massa bl-użu ta' valuri tad-densità attwali. Il-kumpannija għandha tiddetermina d-densità attwali bl-użu ta' waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

sistemi ta' kejl abbord;

(b)

id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN.

Id-densità attwali għandha tiġi espressa bħala kg/l u hija ddeterminata għat-temperatura applikabbli għal kejl speċifiku. F'każijiet fejn il-valuri tad-densità attwali ma jkunux disponibbli, għandu jiġi applikat fattur ta' densità standard għat-tip ta' fjuwil rilevanti ladarba jiġi valutat mill-verifikatur.

2.   Metodu B: Monitoraġġ tat-tank tal-fjuwil tal-bunker abbord

Dan il-metodu huwa bbażat fuq il-qari tat-tank tal-fjuwil għal tankijiet tal-fjuwil kollha abbord. Il-qari tat-tank għandu jseħħ kuljum meta l-bastiment ikun ibaħħar u kull darba li l-bastiment qed jibbankerja jew jiġi żvojtat.

Il-varjazzjonijiet kumulattivi tal-livell tat-tank tal-fjuwil bejn żewġ istanzi ta' qari jikkostitwixxu l-fjuwil ikkunsmat matul il-perijodu.

Il-perijodu jfisser il-ħin bejn żewġ portijiet ta' waqfa jew il-ħin fil-port. Għall-fjuwil użat matul perijodu, jeħtieġ li jiġu speċifikati t-tip ta' fjuwil u l-kontenut ta' kubrit.

Il-qari tat-tank tal-fjuwil għandu jsir b'metodi xierqa bħal sistemi awtomatizzati, skandalji u tejps tal-immersjoni. Il-metodu ta' skandaljar tat-tank u l-inċertezza assoċjata miegħu għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' monitoraġġ.

Fejn l-ammont ta' fjuwil ippumpjat fit-tank jew l-ammont ta' fjuwil li jifdal fit-tankijiet jiġi ddeterminat f'unitajiet ta' volum, espressi f'litri, il-kumpannija għandha tikkonverti dak l-ammont minn volum għal massa bl-użu ta' valuri tad-densità attwali. Il-kumpannija għandha tiddetermina d-densità attwali bl-użu ta' waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

sistemi ta' kejl abbord;

(b)

id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN;

(c)

id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettaq f'laboratorju akkreditat għat-test ta' fjuwil, fejn disponibbli.

Id-densità attwali għandha tiġi espressa bħala kg/l u hija ddeterminata għat-temperatura applikabbli għal kejl speċifiku. F'każijiet fejn il-valuri tad-densità attwali ma jkunux disponibbli, għandu jiġi applikat fattur ta' densità standard għat-tip ta' fjuwil rilevanti ladarba jiġi valutat mill-verifikatur.

3.   Metodu C: Arloġġi għall-kejl tal-flussi għall-proċessi ta' kombustjoni applikabbli

Dan il-metodu huwa bbażat fuq il-flussi tal-fjuwil imkejla abbord. Id-data mill-arloġġi għall-kejl tal-flussi konnessi ma' sorsi ta' emissjonijiet ta' CO2 rilevanti għandha tiġi kkombinata sabiex jiġi ddeterminat il-konsum tal-fjuwil għal perijodu speċifiku.

Il-perijodu jfisser il-ħin bejn żewġ portijiet ta' waqfa jew il-ħin fil-port. Għall-fjuwil użat matul perijodu, jeħtieġ li jsir monitoraġġ tat-tip ta' fjuwil u tal-kontenut ta' kubrit.

Il-metodi tal-ikkalibrar applikati u l-inċertezza assoċjata mal-arloġġi għall-kejl tal-flussi użati għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' monitoraġġ.

Fejn l-ammont ta' fjuwil ikkunsmat jiġi determinat f'unitajiet tal-volum, espressi f'litri, il-kumpannija għandha tikkonverti dak l-ammont minn volum għal massa bl-użu ta' valuri tad-densità attwali. Il-kumpannija għandha tiddetermina d-densità attwali bl-użu ta' waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

sistemi ta' kejl abbord;

(b)

id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN.

Id-densità attwali għandha tiġi espressa bħala kg/l u hija ddeterminata għat-temperatura applikabbli għal kejl speċifiku. F'każijiet fejn il-valuri tad-densità attwali ma jkunux disponibbli, għandu jiġi applikat fattur ta' densità standard għat-tip ta' fjuwil rilevanti ladarba jiġi valutat mill-verifikatur.

4.   Metodu D: Kejl dirett tal-emissjonijiet ta' CO2

Il-kejl dirett tal-emissjonijiet ta' CO2 jista' jintuża għal vjaġġi u għal emissjonijiet ta' CO2 li jseħħu fil-portijiet li jkunu jinsabu fil-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru. L-emissjonijiet ta' CO2 għandhom jinkludu CO2 li joħroġ minn magni prinċipali, magni awżiljari, turbini tal-gass, bojlers u ġeneraturi tal-gass inert. Għall-bastimenti li għalihom ir-rappurtar ikun ibbażat fuq dan il-metodu, il-konsum tal-fjuwil għandu jiġi kkalkulat bl-użu tal-emissjonijiet imkejla ta' CO2 u tal-fattur applikabbli ta' emissjoni tal-fjuwils rilevanti.

Dan il-metodu huwa bbażat fuq id-determinazzjoni tal-flussi tal-emissjonijiet ta' CO2 fiċ-ċmieni tal-gass tal-egżost (funnels) bil-multiplikazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-CO2 tal-gass tal-egżost mal-fluss tal-gass tal-egżost.

Il-metodi tal-ikkalibrar applikati u l-inċertezza assoċjata mal-miters tal-fluss użati għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' monitoraġġ.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, 12.7.2012, p. 30).


ANNESS II

Monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra

A.   MONITORAĠĠ GĦAL KULL VJAĠĠ (ARTIKOLU 9)

1.

Għall-finijiet tal-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra fuq bażi ta' kull vjaġġ (Artikolu 9 (1)), il-kumpanniji għandhom jirrispettaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

id-data u s-siegħa tat-tluq u tal-wasla għandhom jiġu kkunsidrati bl-użu tal-Ħin Universali ta' Greenwich (GMT). Il-ħin ta' tbaħħir għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-informazzjoni tat-tluq mill-port u tal-wasla fil-port u għandu jeskludi l-ankraġġ.

(b)

id-distanza tal-vjaġġ tista' tkun jew id-distanza tal-aktar rotta diretta bejn il-port tat-tluq u l-port tal-wasla jew id-distanza reali. Fil-każ tal-użu tad-distanza tal-aktar rotta diretta bejn il-port tat-tluq u tal-port tal-wasla, għandu jintuża l-fattur ta' korrezzjoni konservattiv sabiex jiġi żgurat li d-distanza mbaħħra ma tkunx sottovalutata b'mod sinifikanti. Il-pjan ta' monitoraġġ għandu jispeċifika liema kalkolu ta' distanza jintuża u, jekk neċessarju, il-fattur ta' korrezzjoni użat. Id-distanza ta' tbaħħir għandha tkun espressa f'mili nawtiċi.

(c)

ix-xogћol ta' trasport gћandu jkun iddeterminat billi d-distanza ta' tbaħħir tiġi mmultiplikata bl-ammont ta' merkanzija li tinġarr.

(d)

għall-bastimenti tal-passiġġieri, in-numru ta' passiġġieri għandu jintuża biex jirrappreżenta l-merkanzija li tinġarr. Għall-kategoriji l-oħra kollha ta' bastimenti, l-ammont ta' merkanzija li tinġarr għandu jkun espress jew bħala tunnellati metriċi jew bħala metri kubi standard ta' merkanzija, skont il-każ;

(e)

għal bastimenti ro-ro, il-merkanzija li tkun qed tinġarr għandha tiġi definita bħala n-numru ta' unitajiet ta' merkanzija (trakkijiet, karozzi, eċċ.) jew il-metraġġ fil-korsija multiplikat b'valuri prestabbiliti għal piż tagħhom. Fejn il-merkanzija li tinġarr minn bastimenti ro-ro tkun definita abbażi tal-Anness B għall-istandard tas-CEN, EN 16258 (2012), fejn hi koperta l-“Metodoloġija għall-kalkolu u d-dikjarazzjoni tal-konsum ta' enerġija u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' servizzi tat-trasport (merkanzija u passiġġieri)”, dik id-definizzjoni għandha titqies bħala konformi ma' dan ir-Regolament.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “bastiment ro-ro” tfisser bastiment mibni għall-ġarr ta' unitajiet għat-trasport ta' merkanzija roll-on-roll-off jew li jkollu spazju għal merkanzija roll-on-roll-off.

(f)

għal bastimenti tal-kontejners, il-merkanzija li tinġarr għandha tiġi definita bħala l-piż totali tal-merkanzija f'tunnellati metriċi jew, fin-nuqqas ta' dan,l-ammont ta' Għoxrin Pied ta' Unitajiet Ekwivalenti (TEUs, Twenty HUF Equivalent Units) multiplikat b'valuri prestabbiliti għall-piż tgaħhom. Fejn il-merkanzija li tkun qed tinġarr minn bastiment tal-kontejners tiġi definita skont il-linji gwida applikabbli tal-IMO jew strumenti skont il-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS), dik id-definizzjoni għandha titqies bħala konformi ma' dan ir-Regolament.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “bastiment tal-kontejners” tfisser bastiment mibni esklużivament għall-ġarr ta' kontejners fl-istiva jew fuq il-gverta;

(g)

id-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners għandha tiffaċilita li jiġu kkunsidrati, fejn applikabbli, il-piż u l-volum tal-merkanzija li tinġarr u l-għadd ta' passiġġieri li jinġarru. Dawn il-kategoriji għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, tankers, bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, bastimenti ta' merkanzija ġenerali, bastimenti tal-merkanzija bil-friża, bastimenti tal-vetturi u bastimenti li jġorru kombinazzjoni ta' dawn.

2.

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-punt (g) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti implimentattivi, regoli tekniċi li jispeċifikaw il-parametri applikabbli għall-kull kategorija oħra ta' bastimenti msemmija taħt dak il-punt.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016 skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tista' tirrivedi, fejn ikun il-każ, il-parametri applikabbli msemmija fil-punt (g) tal-paragrafu 1. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni għandha tirrivedi wkoll dawk il-parametri biex jittieħed kont tal-emendi f'dan l-Anness skont l-Artikolu 5(2). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

3.

Waqt li jikkonformaw mar-regoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-kumpanniji jistgħu wkoll jiddeċiedu li jinkludu informazzjoni speċifika relatata mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u man-navigazzjoni minn ġos-silġ.

B.   MONITORAĠĠ FUQ BAŻI TA' KULL SENA (ARTIKOLU 10)

Għall-finijiet tal-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra fuq bażi annwali, il-kumpanniji għandhom jirrispettaw ir-regoli li ġejjin:

Il-valuri li tagħhom għandu isir monitoraġġ taħt l-Artikolu 10 għandhom ikunu determinati bl-aggregazzjoni tad-data rispettiva għal kull vjaġġ.

Il-monitoraġġ tal-effiċjenza enerġetika medja għandu jsir bl-użu ta' mill-anqas erba' indikaturi, il-konsum tal-fjuwil għal kull distanza, il-konsum tal-fjuwil għal kull xogħol ta' trasport, l-emissjonijiet ta' CO2 għal kull distanza u l-emissjonijiet ta' CO2 għal kull xogħol ta' trasport, li għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

 

Konsum tal-fjuwil għal kull distanza = total tal-konsum tal-fjuwil annwali/total tad-distanza ta' tbaħħir

 

Konsum tal-fjuwil għal kull xogħol ta' trasport = total tal-konsum tal-fjuwil annwali/total ta' xogħol ta' trasport

 

Emissjonijiet ta' CO2 għal kull distanza = total tal-emissjonijiet annwali ta' CO2/total tad-distanza ta' tbaħħir

 

Emissjonijiet ta' CO2 għal kull xogħol ta' trasport = total tal-emissjonijiet annwali ta' CO2/total ta' xogħol ta' trasport.

Waqt li jikkonformaw ma' dawn ir-regoli, il-kumpanniji jistgħu wkoll jiddeċiedu li jinkludu informazzjoni speċifika relatata mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u man-navigazzjoni ġos-silġ, kif ukoll informazzjoni oħra relatata mal-fjuwil ikkunsmat u l-emissjoni tas-CO2, waqt li jkun hemm differenzazzjoni abbażi ta' kriterji oħrajn definiti fil-pjan ta' monitoraġġ.


ANNESS III

Elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-atti delegati previsti fl-Artikoli 15 u 16

A.   PROĊEDURI TA' VERIFIKA

Kompetenzi tal-verifikaturi;

dokumenti li jridu jiġu pprovduti minn kumpanniji lill-verifikaturi;

valutazzjoni tar-riskju li trid issir minn verifikaturi;

valutazzjoni tal-konformità tal-pjan ta' monitoraġġ;

verifika tar-rapport tal-emissjonijiet;

livell tal-materjalità;

assigurazzjoni raġonevoli tal-verifikaturi;

dikjarazzjonijiet skorretti u nuqqas ta' konformitajiet;

kontenut tar-rapport tal-verifika;

rakkomandazzjonijiet għal titjib;

komunikazzjoni bejn kumpanniji, verifikaturi u l-Kummissjoni.

B.   AKKREDITAZZJONI TAL-VERIFIKATURI

Kif tista' tintalab l-akkreditazzjoni għal attivitajiet ta' tbaħħir;

kif il-verifikaturi ser jiġu vvalutati mill-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni sabiex joħorġu ċertifikat tal-akkreditazzjoni;

kif il-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni ser jagħmlu s-sorveljanza meħtieġa biex jikkonfermaw il-kontinwazzjoni tal-akkreditazzjoni;

rekwiżiti għall-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni sabiex ikollhom il-kompetenza li jipprovdu akkreditazzjoni lill-verifikaturi għal attivitajiet ta' tbaħħir, inkluża referenza għal standards armonizzati.


Top