EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R0531
Commission Delegated Regulation (EU) 2015/531 of 24 November 2014 supplementing Regulation (EU) No 508/2014 of the European Parliament and of the Council by identifying the costs eligible for support from the European Maritime and Fisheries Fund in order to improve hygiene, health, safety and working conditions of fishermen, protect and restore marine biodiversity and ecosystems, mitigate climate change and increase the energy efficiency of fishing vessels
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/531 tal- 24 ta' Novembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol tas-sajjieda, sabiex jiġu protetti u rkuprati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima u sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/531 tal- 24 ta' Novembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol tas-sajjieda, sabiex jiġu protetti u rkuprati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima u sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd
OJ L 86, 31.3.2015, p. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
31.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 86/1 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/531
tal-24 ta' Novembru 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol tas-sajjieda, sabiex jiġu protetti u rkuprati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima u sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 32(4), 40(4) u 41(10) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tistipula regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mal-operazzjonijiet għall-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar fil-qafas ta' attivitajiet tas-sajd sostenibbli, dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mal-operazzjonijiet immirati lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u lejn it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd, u dwar l-eliġibbiltà tal-operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol għas-sajjieda. |
(2) |
Id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament jittrattaw aspetti li jirrigwardaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż jew tal-operazzjonijiet, u tnejn minnhom huma relatati ma' operazzjonijiet li jinvolvu investimenti abbord il-bastimenti. Barra minn hekk, dawn il-miżuri kollha għandhom impatt fuq il-forma li fiha titwettaq l-attività tas-sajd. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet huma marbutin mill-qrib ma' xulxin. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, u sabiex jiġu ffaċilitati perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom mir-residenti kollha tal-Unjoni, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu adottati f'att wieħed. |
(3) |
Is-sajd għadu wieħed mill-aktar impjiegi perikolużi fl-Unjoni, b'għadd sinifikanti ta' inċidenti li jseħħu fuq bastimenti tas-sajd fuq skala żgħira. Għaldaqstant, id-Direttivi tal-Kunsill 93/103/KE (2) u 92/29/KEE (3) jistabbilixxu rekwiżiti minimi għas-saħħa u s-sigurtà li japplikaw għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, u li għandhom jiġu implimentati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 jipprevedi l-finanzjament ta' ċertu investimenti sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sikurezza u tax-xogħol għas-sajjieda, dejjem jekk dawn imorru lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi speċifikat liema spejjeż relatati ma' investimenti speċifiċi ta' dan it-tip, inkluż it-taħriġ dwar is-saħħa u l-kampanji ta' informazzjoni, jistgħu jiġu ffinanzjati skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014. |
(4) |
Ix-xiri u l-installazzjoni abbord il-bastimenti ta' tagħmir li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu jew ta' gassijiet b'effett ta' serra u li jżid l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd jistgħu jikkontribwixxu lejn l-objettivi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-tħaddim b'mod effiċjenti tal-bastimenti jista' wkoll iwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija. L-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jipprevedi l-finanzjament ta' investimenti f'tagħmir jew ta' investimenti abbord li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu jew ta' gassijiet b'effett ta' serra u li jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd, kif ukoll il-finanzjament ta' investimenti fl-irkaptu tas-sajd, sakemm dawn l-investimenti ma jipperikolawx is-selettività ta' dak l-irkaptu u l-verifiki u l-iskemi tal-effiċjenza enerġetika. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu speċifikati iktar l-ispejjeż li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FEMS biex jiġu promossi dawn l-objettivi. |
(5) |
Għandhom jiġu speċifikati wkoll l-ispejjeż relatati ma' operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar, u mar-reġimi ta' kumpens fil-qafas ta' attivitajiet tas-sajd sostenibbli. Dawn l-operazzjonijiet għandhom jinkludu l-prinċipji bażiċi tal-Infrastruttura Ekoloġika, kif iddefinit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (4) dwar l-Infrastruttura Ekoloġika (5), li jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-implimentazzjoni effettiva ta' politiki li għandhom l-għan li jilħqu l-għanijiet tagħhom, b'mod sħiħ jew parzjali, permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. |
(6) |
L-ispejjeż eliġibbli relatati mal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32, l-Artikolu 40(1) u l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-istess Regolament, li jistabbilixxi li operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità tas-sajd tal-bastiment jew tagħmir li jżid il-kapaċità tal-bastiment biex isib il-ħut mhumiex eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS. Sabiex l-effett ta' inċentiv tal-investimenti eliġibbli skont dan ir-Regolament jiġi ppreżervat, l-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni skedata jew ta' prevenzjoni fuq kwalunkwe parti mit-tagħmir li żżomm l-apparat f'kundizzjoni tajba ta' tħaddim għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-FEMS. |
(7) |
Minħabba li l-perjodu ta' eliġibbiltà għall-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEMS beda fl-1 ta' Jannar 2014, sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati fil-pront il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż, u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreparaw u jimplimentaw il-programmi operazzjonali tagħhom fil-kuntest tal-FEMS, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jidentifika:
(a) |
it-tipi ta' operazzjonijiet li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol għas-sajjieda; |
(b) |
l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS sabiex jiġu protetti u rkuprati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, u r-reġimi ta' kumpens fil-qafas ta' attivitajiet tas-sajd sostenibbli; |
(c) |
l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd u sabiex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima. |
KAPITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
Artikolu 2
Spejjeż esklużi
1. L-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni skedata jew ta' prevenzjoni fuq kwalunkwe parti mit-tagħmir li żżomm l-apparat f'kundizzjoni tajba ta' tħaddim ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS abbażi ta' dan ir-Regolament.
2. L-ispejjeż li huma meħtieġa għall-installazzjoni ta' oġġetti skont kif stipulat f'dan ir-Regolament u li huma marbutin b'mod dirett magħha biss għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS.
KAPITOLU III
SPEJJEŻ RELATATI MAT-TITJIB TAL-KUNDIZZJONIJIET TAL-IĠJENE, TAS-SAĦĦA, TAS-SIGURTÀ U TAX-XOGĦOL GĦAS-SAJJIEDA
Artikolu 3
Operazzjonijiet eliġibbli relatati mas-sigurtà
Għall-operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tas-sigurtà tas-sajjieda abbord il-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni, tal-oġġetti li ġejjin, huma eliġibbli għall-għajnuna tal-FEMS:
(a) |
ċattri ta' salvataġġ; |
(b) |
unitajiet ta' rilaxx idrostatiku għaċ-ċattri ta' salvataġġ; |
(c) |
apparat ta' sinjalar personalizzat għas-sejbien bħal, pereżempju, l-apparat ta' Sinjalar ta' Emerġenza bir-Radju li Jindika l-Pożizzjoni (“Emergency Position Indicating Radio Beacons — EPIRB”), li jista' jiġi integrat fil-ġkieket tas-salvataġġ u fl-ilbies tax-xogħol tas-sajjieda; |
(d) |
Apparat Personali li Jżomm f'Wiċċ l-Ilma (“PFD”), b'mod partikolari l-ilbies ta' immersjoni jew ta' sopravivenza, u l-bagi u l-ġkieket tas-salvataġġ; |
(e) |
murtali għall-għajnuna; |
(f) |
tagħmir għat-tfigħ tal-ħbula; |
(g) |
sistemi ta' salvataġġ ta' persuni mill-baħar (“man-overboard (‘MOB’) recovery systems”); |
(h) |
tagħmir għat-tifi tan-nar, bħat-teffejja tan-nar, il-gvieret ta' kontra n-nar, id-detetturi tan-nar u tad-duħħan u l-apparat tan-nifs; |
(i) |
bibien ta' protezzjoni min-nar; |
(j) |
valvijiet isolanti tat-tankijiet tal-fjuwil; |
(k) |
detetturi tal-gass u sistemi ta' allarm għat-tnixxijiet tal-gass; |
(l) |
pompi u allarmi tas-sentina; |
(m) |
tagħmir għall-komunikazzjonijiet bir-radju u bis-satellita; |
(n) |
bokkaporti u bibien li ma jħallux l-ilma jgħaddi minnhom; |
(o) |
ilqugħ ta' fuq il-makkinarju, bħall-vinċijiet jew winċijiet tax-xbieki; |
(p) |
passaġġi u slielem ta' aċċess; |
(q) |
dwal għat-tfittxija, tal-gverta jew ta' emerġenza; |
(r) |
mekkaniżmi ta' rilaxx tas-sigurtà f'każ li l-irkaptu tas-sajd jinqabad ma' ostakli taħt l-ilma; |
(s) |
kameras u moniters tas-sigurtà; |
(t) |
tagħmir u elementi meħtieġa għat-titjib tas-sigurtà fuq il-gverta. |
Artikolu 4
Operazzjonijiet eliġibbli relatati mas-saħħa
Għall-operazzjonijiet jew għall-forniment ta' tagħmir maħsub għat-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa tas-sajjieda abbord il-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament:
(a) |
ix-xiri u l-installazzjoni ta' kaxxi għall-ewwel għajnuna; |
(b) |
ix-xiri ta' mediċini u apparat għall-kura urġenti abbord; |
(c) |
il-forniment tat-telemediċina, inkluż ta' teknoloġiji elettroniċi u ta' tagħmir u sistemi ta' immaġni mediċi applikati għall-konsultazzjoni mill-bogħod minn dawn il-bastimenti; |
(d) |
il-forniment ta' gwidi u manwali għat-titjib tas-saħħa abbord; |
(e) |
kampanji ta' informazzjoni għat-titjib tas-saħħa abbord. |
Artikolu 5
Operazzjonijiet eliġibbli relatati mal-iġjene
Għall-operazzjonijiet jew għall-forniment ta' tagħmir maħsub għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-iġjene tas-sajjieda abbord il-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni tal-oġġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament:
(a) |
faċilitajiet sanitarji, bħal tojlits u faċilitajiet għall-ħasil; |
(b) |
faċilitajiet tal-kċina u tagħmir għall-ħżin tal-provvisti tal-ikel; |
(c) |
tagħmir ta' purifikazzjoni tal-ilma għall-ilma tajjeb għax-xorb; |
(d) |
tagħmir tat-tindif għaż-żamma tal-kundizzjonijiet sanitarji abbord; |
(e) |
gwidi u manwali dwar it-titjib tal-iġjene abbord, inkluż għodod fil-forma ta' softwer. |
Artikolu 6
Operazzjonijiet eliġibbli relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol
Għall-operazzjonijiet jew għall-forniment ta' tagħmir maħsub għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni tal-oġġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament:
(a) |
poġġamani ta' fuq il-gverta; |
(b) |
strutturi ta' kenn ta' fuq il-gverta u l-immodernizzar tal-kabini sabiex tiġi pprovduta protezzjoni mill-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp; |
(c) |
oġġetti relatati mat-titjib tas-sigurtà tal-kabina u mal-provvista ta' żoni komuni għall-ekwipaġġ; |
(d) |
tagħmir li jnaqqas ix-xogħol tal-irfigħ bl-idejn, għajr magni relatati b'mod dirett mal-operazzjonijiet tas-sajd, bħal pereżempju l-vinċijiet; |
(e) |
żebgħa u twapet tal-lastku għal kontra ż-żliq; |
(f) |
tagħmir ta' iżolazzjoni kontra l-istorbju, is-sħana jew il-kesħa, u tagħmir li jtejjeb il-ventilazzjoni; |
(g) |
ilbies tax-xogħol u tagħmir tas-sigurtà bħal żraben li ma jidħolx l-ilma fihom, tagħmir għall-protezzjoni tal-għajnejn u tan-nifs, ingwanti u elmi ta' protezzjoni, jew tagħmir ta' protezzjoni mill-waqgħat; |
(h) |
sinjali ta' twissija ta' emerġenza u tas-sigurtà; |
(i) |
analiżijiet u valutazzjonijiet tar-riskju sabiex jiġu identifikati r-riskji għas-sajjieda kemm meta dawn ikunu fil-port kif ukoll meta jkunu qed ibaħħru, sabiex jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tar-riskji; |
(j) |
gwidi u manwali dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord. |
KAPITOLU IV
SPEJJEŻ RELATATI MAL-PROTEZZJONI U L-IRKUPRU TAL-BIJODIVERSITÀ U TAL-EKOSISTEMI TAL-BAĦAR FIL-QAFAS TA' ATTIVITAJIET TAS-SAJD SOSTENIBBLI
Artikolu 7
Spejjeż eliġibbli relatati mal-ġbir tal-iskart min-naħa tas-sajjieda
Għall-operazzjonijiet relatati mal-ġbir tal-iskart mill-baħar min-naħa tas-sajjieda, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
it-tneħħija mill-baħar ta' rkaptu tas-sajd li jintilef, b'mod partikolari sabiex jingħeleb is-sajd inviżibbli; |
(b) |
ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni ta' tagħmir abbord għall-ġbir u l-ħżin tal-iskart; |
(c) |
il-ħolqien ta' skemi għall-ġbir tal-iskart għas-sajjieda parteċipanti, inklużi inċentivi finanzjarji; |
(d) |
ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni ta' tagħmir ibbażat fil-faċilitajiet tal-portijiet tas-sajd għall-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart; |
(e) |
il-kampanji ta' komunikazzjoni, ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, biex is-sajjieda u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jiġu mħeġġa jipparteċipaw fi proġetti għat-tneħħija ta' rkaptu tas-sajd li jintilef; |
(f) |
it-taħriġ għas-sajjieda u għall-aġenti tal-portijiet. |
Artikolu 8
Spejjeż eliġibbli relatati mal-faċilitajiet maħsubin għall-protezzjoni u t-titjib tal-fawna u l-flora tal-baħar
1. Għall-operazzjonijiet relatati mal-kostruzzjoni, l-installazzjoni jew il-modernizzazzjoni ta' faċilitajiet statiċi jew mobbli skont l-Artikolu 40(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni ta' faċilitajiet għall-protezzjoni taż-żoni tal-baħar mis-sajd li jsir bit-tkarkir mal-qiegħ; |
(b) |
ix-xiri u, jekk ikun applikabbli, l-installazzjoni ta' faċilitajiet għall-irkuprar ta' ekosistemi tal-baħar iddegradati; |
(c) |
l-ispejjeż relatati ma' xogħol preliminari bħal tiftix u studji jew evalwazzjonijiet xjentifiċi; |
(d) |
fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-ispejjeż relatati max-xiri u, jekk ikun applikabbli, mal-installazzjoni ta' rkaptu tal-aggregazzjoni tal-ħut immażżrat mal-qiegħ li jikkontribwixxi għas-sajd sostenibbli u selettiv, skont l-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. |
2. Għall-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ispejjeż li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala eliġibbli:
(a) |
ix-xiri ta' bastiment biex dan jiġi mgħarraq u jintuża bħala skoll artifiċjali; |
(b) |
l-ispejjeż relatati mal-bini u l-manutenzjoni tal-irkaptu tal-aggregazzjoni tal-ħut, għajr l-ispejjeż previsti fil-paragrafu 1(d). |
Artikolu 9
Spejjeż eliġibbli relatati mal-kontribuzzjoni lejn ġestjoni jew konservazzjoni aħjar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar
1. Għall-operazzjonijiet immirati lejn ġestjoni jew konservazzjoni aħjar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 u li huma konformi mal-Artikolu 38 ta' dak ir-Regolament, l-ispejjeż relatati max-xiri jew, jekk ikun applikabbli, mal-installazzjoni tal-oġġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
is-snanar ittundjati; |
(b) |
l-apparat akustiku li jservi ta' deterrent imqabbad max-xbieki; |
(c) |
l-apparat għall-esklużjoni tal-fkieren tal-baħar (“TEDs”); |
(d) |
il-linji tat-tnaffir; |
(e) |
għodod jew tagħmir ieħor li jkun intwera li huwa effiċjenti fil-prevenzjoni tal-qabdiet aċċidentali tal-ispeċijiet protetti; |
2. Barra minn hekk, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet u l-proġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
taħriġ għas-sajjieda rigward ġestjoni jew konservazzjoni aħjar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar; |
(b) |
proġetti li jiffukaw fuq il-ħabitats kostali li huma ta' importanza għall-ħut, għall-għasafar u għal organiżmi oħra; |
(c) |
il-proġetti li jiffukaw fuq żoni li huma importanti għar-riproduzzjoni tal-ħut bħal, pereżempju, l-artijiet mistagħdra kostali, ukoll jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna. |
3. Għas-sostituzzjoni tal-irkaptu tas-sajd eżistenti b'tagħmir tas-sajd b'impatt baxx, l-ispejjeż marbutin man-nases tal-ħut, mat-tirjix u mas-sajd bix-xlief fuq l-idejn jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna.
Artikolu 10
Spejjeż eliġibbli relatati mat-tħejjija ta' pjanijiet ta' protezzjoni u ta' ġestjoni għal attivitajiet relatati mas-sajd
Għall-operazzjonijiet li jikkonsistu fit-tħejjija ta' pjanijiet ta' protezzjoni u ta' ġestjoni għal attivitajiet relatati mas-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
it-twettiq ta' studji, b'mod partikolari għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-ispeċijiet u tal-ħabitats, inkluż l-immappjar tagħhom, u l-ġestjoni tar-riskju; |
(b) |
l-immappjar tal-attivitajiet u tal-intensità tas-sajd, u tal-interazzjonijiet tas-sajd mal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti; |
(c) |
il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati waqt it-tħejjija tal-pjanijiet ta' ġestjoni; |
(d) |
l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' indikaturi tal-pressjonijiet u tal-impatti, u t-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-istatus ta' konservazzjoni; |
(e) |
taħriġ għas-sajjieda u għal persuni oħra li jaħdmu għall-korpi li huma responsabbli għall-ġestjoni taż-żoni protetti tal-baħar (“MPAs”) jew f'isimhom, li huwa rilevanti għat-tħejjija tal-pjanijiet ta' protezzjoni u ta' ġestjoni għal attivitajiet relatati mas-sajd; |
(f) |
id-demarkazzjoni tal-MPAs; |
(g) |
is-sorveljanza, inklużi s-salarji tal-persunal involut fl-attivitajiet ta' sorveljanza; |
(h) |
it-twettiq ta' miżuri ta' pubbliċità u ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-MPAs; |
(i) |
il-valutazzjoni tal-impatti tal-pjanijiet ta' ġestjoni fuq iż-żoni tan-netwerk Natura 2000 u fuq iż-żoni tas-sajd affettwati mill-pjanijiet ta' ġestjoni. |
Artikolu 11
Spejjeż eliġibbli relatati mal-ġestjoni, l-irkupru u l-monitoraġġ tas-siti Natura 2000 u taż-Żoni Protetti tal-Baħar
Għall-operazzjonijiet relatati mal-ġestjoni, l-irkupru u l-monitoraġġ tas-siti Natura 2000 u taż-Żoni Protetti tal-Baħar u mat-tkattir tal-għarfien ambjentali, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(e), (f) u (g) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati waqt it-tħejjija tal-pjanijiet ta' ġestjoni; |
(b) |
l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' indikaturi tal-pressjonijiet/tal-impatti u l-valutazzjonijiet tal-istatus ta' konservazzjoni; |
(c) |
is-sorveljanza tas-siti Natura 2000 u tal-MPAs; |
(d) |
it-taħriġ għal persuni li jaħdmu għall-korpi li huma responsabbli għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 u tal-MPAs jew f'isimhom; |
(e) |
it-taħriġ tas-sajjieda dwar il-konservazzjoni u l-irkupru tal-ekosistemi tal-baħar u dwar attivitajiet alternattivi relatati magħhom bħal, pereżempju, l-ekoturiżmu fis-siti Natura 2000 u fl-MPAs; |
(f) |
l-immappjar tal-attivitajiet tas-sajd u l-monitoraġġ tal-intensità tagħhom, u r-reġistrazzjoni tal-interazzjonijiet tas-sajd mal-ispeċijiet protetti bħall-foki, il-fkieren tal-baħar, id-dniefel u t-tjur tal-baħar; |
(g) |
l-għajnuna għall-iżvilupp ta' miżuri ta' ġestjoni tas-sajd fis-siti Natura 2000 u fl-MPAs bħal, pereżempju, l-istudji tal-valutazzjonijiet tal-impatt u l-valutazzjoni tar-riskju, inklużi l-azzjonijiet li jrawmu t-titjib tal-koerenza tagħhom; |
(h) |
l-għajnuna għal miżuri li jżidu l-għarfien ambjentali li jinvolvu lis-sajjieda fir-rigward tal-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità tal-baħar; |
(i) |
il-kooperazzjoni u n-netwerking tal-maniġers tas-siti Natura 2000 u tal-MPAs. |
Artikolu 12
Spejjeż eliġibbli relatati mal-parteċipazzjoni f'azzjonijiet oħra mmirati lejn iż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi
1. Għall-operazzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni f'azzjonijiet oħra mmirati lejn iż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
l-ispejjeż relatati ma' skemi għall-ittestjar ta' tekniki ġodda ta' monitoraġġ, u b'mod partikolari:
|
(b) |
l-inċentivi finanzjarji għall-installazzjoni abbord ta' mezzi ta' reġistrazzjoni awtomatika għall-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tad-dejta oċeanografika, bħat-temperatura, is-salinità, il-preżenza tal-plankton, il-proliferazzjoni tal-algi u d-dardir; |
(c) |
l-ispejjeż għall-kiri ta' bastimenti kummerċjali tas-sajd għall-osservazzjoni ambjentali b'rata li hija proporzjonata mal-attività; |
(d) |
l-ispejjeż għal azzjonijiet xjentifiċi oħrajn relatati mal-immappjar u l-valutazzjoni tal-ekosistemi kostali u tal-baħar, u għas-servizzi tagħhom. |
2. Għall-operazzjonijiet immirati lejn l-irkupru ta' ħabitats tal-baħar u kostali speċifiċi sabiex tiġi megħjuna s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
azzjonijiet għat-tnaqqis tat-tniġġis fiżiku u tat-tniġġis minn sustanzi kimiċi; |
(b) |
azzjonijiet għat-tnaqqis ta' pressjonijiet fiżiċi oħrajn, inkluż l-istorbju antropoġeniku ta' taħt il-baħar li jaffettwa ħażin lill-bijodiversità; |
(c) |
miżuri pożittivi ta' konservazzjoni għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-flora u tal-fawna, inkluż it-tidħil mill-ġdid jew ir-ripopolazzjoni bi speċijiet indiġeni, u l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Infrastruttura Ekoloġika msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Infrastruttura Ekoloġika (6); |
(d) |
azzjonijiet għall-prevenzjoni, il-kontroll jew l-eliminazzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi (l-IAS). |
KAPITOLU V
SPEJJEŻ RELATATI MAL-PROMOZZJONI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA U MAL-MITIGAZZJONI TAT-TIBDIL FIL-KLIMA
Artikolu 13
Spejjeż eliġibbli relatati mal-idrodinamika tal-buq tal-bastiment
1. Għall-operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-idrodinamika tal-buq tal-bastiment skont l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
l-investimenti f'mekkaniżmi ta' stabbiltà bħal, pereżempju, propelli tas-sentina u pruwi stillati bbuzzati 'l barra minn taħt (“bulbous bows”) li jikkontribwixxu għal navigazzjoni aħjar u stabbiltà mtejba; |
(b) |
l-ispejjeż relatati mal-użu ta' żebgħa antiveġetattiva mhix tossika, bħal, pereżempju, l-kisi bir-ram, sabiex titnaqqas il-frizzjoni; |
(c) |
l-ispejjeż relatati mal-apparat tal-istering, bħas-sistemi ta' kontroll tal-apparat tal-istering u diversi tmien sabiex titnaqqas l-attività tat-tmun skont il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar; |
(d) |
l-ittestjar f'baċir sabiex tiġi pprovduta bażi għat-titjib tal-idrodinamika. |
2. L-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni bażika tal-bwieq mhumiex eliġibbli għall-finanzjament skont dan l-Artikolu.
Artikolu 14
Spejjeż eliġibbli relatati mat-titjib tas-sistema ta' propulsjoni tal-bastiment
Għall-operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tas-sistema ta' propulsjoni tal-bastiment skont l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati max-xiri u, jekk ikun meħtieġ, mal-installazzjoni tal-oġġetti li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
l-iskrejjen effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inklużi x-xaftijiet ta' trażmissjoni; |
(b) |
il-katalizzaturi; |
(c) |
il-ġeneraturi effiċjenti fl-użu tal-enerġija bħal, pereżempju. dawk li jaħdmu bl-idroġenu jew bil-gass naturali; |
(d) |
l-elementi ta' propulsjoni li jaħdmu bl-enerġija rinnovabbli, bħall-qlugħ, l-ogħla qlugħ tal-bastiment li jittellgħu biss meta r-riħ ikun ħafif, l-imtieħen tar-riħ, it-turbini jew il-pannelli fotovoltajċi; |
(e) |
l-iskrejjen fil-pruwa; |
(f) |
il-konverżjoni tal-magni biex dawn jaħdmu bil-bijofjuwils; |
(g) |
l-ekonometri, is-sistemi ta' ġestjoni tal-fjuwil u s-sistemi ta' monitoraġġ; |
(h) |
l-investimenti fi żnienen li jtejbu s-sistema ta' propulsjoni. |
Artikolu 15
Spejjeż eliġibbli relatati mal-investimenti fl-irkaptu u t-tagħmir tas-sajd
Għall-investimenti fl-irkaptu u t-tagħmir tas-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż relatati mal-azzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
is-sostituzzjoni tal-irkaptu rmunkat bi rkaptu alternattiv; |
(b) |
il-modifikazzjoni tal-irkaptu rmunkat; |
(c) |
l-investimenti f'tagħmir ta' monitoraġġ tal-irkaptu rmunkat. |
Artikolu 16
Spejjeż eliġibbli relatati mal-investimenti mmirati lejn it-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku jew tal-enerġija termali
Għall-investimenti mmirati lejn it-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku jew tal-enerġija termali skont l-Artikolu 41(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-ispejjeż li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
(a) |
l-investimenti għat-titjib tas-sistemi ta' tkessiħ, ta' ffriżar jew ta' iżolazzjoni ta' bastimenti ta' inqas minn 18-il metru; |
(b) |
l-investimenti biex jiġi mħeġġeġ ir-riċiklaġġ tas-sħana li tkun fil-bastiment, li jinvolvi l-irkuprar u l-użu mill-ġdid tas-sħana għal operazzjonijiet awżiljarji oħrajn abbord il-bastiment. |
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/103/KE tat-23 ta' Novembru 1993 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sikurezza u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (it-tlettax-il Direttiva individwali li taqa' taħt it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta' Marzu 1992 dwar ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti (ĠU L 113, 30.4.1992, p. 19).
(4) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa”, Brussell, COM(2013) 249 final, 6.5.2013.
(5) L-Infrastruttura Ekoloġika hija netwerk ippjanat b'mod strateġiku magħmul minn żoni naturali u seminaturali b'karatteristiki ambjentali oħrajn ippjanati u mmaniġġjati biex jipprovdu firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema. L-Infrastruttura Ekoloġika tinkorpora spazji ekoloġiċi (jew marittimi fil-każ tal-ekosistemi akkwatiċi) u karatteristiki fiżiċi oħrajn f'żoni fuq l-art (inkluż dawk li jinsabu mal-kosta) u f'żoni tal-baħar.
(6) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa”, Brussell, COM(2013) 249 final, 6.5.2013.