EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0514

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/514 tat- 18 ta' Diċembru 2014 dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont l-Artikolu 67(3) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 82, 27.3.2015, p. 5–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/514/oj

27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/5


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/514

tat-18 ta' Diċembru 2014

dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont l-Artikolu 67(3) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 67(5) tagħha,

Billi:

(1)

Jeħtieġ li jiġi speċifikat il-kontenut tal-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipprovdu kull tliet xhur lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) skont l-Artikolu 67(3) tad-Direttiva 2011/61/UE biex ikun jista' jiġi valutat il-funzjonament tal-passaport għal maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFMs tal-UE) li jiġġestixxu jew jikkummerċjalizzaw fondi ta' investiment alternattivi tal-UE (AIFs tal-UE) fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet operattivi għal AIFs u l-maniġers tagħhom u l-impatt potenzjali ta' estensjoni tal-passaport.

(2)

Huwa importanti li jkun żgurat li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tkun pertinenti u kapaċi treġġi valutazzjoni infurmata. L-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom għalhekk jipprovdu informazzjoni li tippermetti valutazzjoni konsistenti madwar l-Unjoni, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li jipprovdu wkoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jistgħu jikkunsidraw utli biex jevalwaw il-funzjonament kumplessiv tal-passaport tal-UE, tar-regoli nazzjonali li jirregolaw pjazzamenti privati, kif ukoll kwalunkwe impatt potenzjali li jiġi estiż il-passaport lil fondi u maniġers ta' pajjiżi terzi. Sabiex jiġi żgurat li sett uniformi ta' rekwiżiti tar-rappurtar japplika direttament għall-awtoritajiet kompetenti kollha jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-ESMA fil-forma ta' Regolament.

(3)

Sabiex tivvaluta l-użu li sar tal-passaport tal-UE, huwa importanti li tinġabar dejta kwantitattiva dwar l-AIFMs u l-AIFs bl-użu tal-passaporti provduti fl-Artikoli 32 u 33 tad-Direttiva 2011/61/UE, id-dejta dwar ġurisdizzjonijiet fejn iseħħu l-attivitajiet transkonfinali, kif ukoll dwar it-tipi ta' attivitajiet transkonfinali.

(4)

Kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti hija aspett essenzjali tal-funzjonament ġenerali tal-passaport tal-UE. Biex tiġi vvalutata l-effettività, huwa essenzjali li tinġabar informazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq tar-responsabbiltajiet skont l-Artikoli 45 u 50 tad-Direttiva 2011/61/UE. Dan jimplika l-valutazzjoni tal-każijiet meta l-kompetenzi differenti ġew attivati, ta' miżuri ta' rispons meħuda, kif ukoll l-effikaċja ta' kooperazzjoni f'termini ta' żmien, il-pertinenza u dettall.

(5)

Il-Passaport tal-UE hu bbażat fuq is-sistema ta' notifika prevista fl-Artikoli 32 u 33 tad-Direttiva 2011/61/UE. L-awtoritajiet kompetenti għandhom għalhekk jipprovdu informazzjoni rigward l-operazzjoni ta' sistema bħal din, speċjalment f'termini ta' żmien, livell ta' problemi, il-kwalità ta' informazzjoni notifikata u kwalunkwe diverġenzi potenzjali li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħha.

(6)

Sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni oġġettiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu meħtieġa li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tal-passaport anke minn perspettiva tal-investituri, b'mod partikolari f'termini ta' impatti fuq il-protezzjoni tal-investitur. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni dwar ilmenti mressqa minn investituri dwar l-AIFMs jew l-AIFs stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra dak fejn l-investitur ikun domiċiljat, mistoqsijiet minn investituri relatati mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet kompetenti minn Stati Membri differenti u xi kwistjonijiet li tqajmu f'relazzjoni ma' arranġamenti ta' kummerċjalizzazzjoni.

(7)

Il-valutazzjoni tal-funzjonament tal-passaport trid tqis sewwa r-rwol tal-ESMA għar-riżoluzzjoni ta' diverġenzi bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' ġestjoni jew ta' kummerċjalizzazzjoni transkonfinali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom għalhekk jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar l-utilità, iż-żmien, il-kwalità jew xi kwistjonijiet oħra relatati ma' involviment tal-ESMA.

(8)

Biex jiġi evalwat il-funzjonament tar-reġimi nazzjonali attwali li jippermettu AIFMs mhux tal-UE u l-AIFs mhux tal-UE li joperaw fi Stati Membri individwali, huwa meħtieġ biex wieħed ikun konxju b'mod sħiħ dwar id-dettalji dwar l-oqfsa legali adottati minn Stati Membri individwali, l-ispeċifiċitajiet tagħhom u d-differenzi meta mqabbla mar-regoli applikabbli għal AIFMs tal-UE u l-AIFs tal-UE. Huwa importanti wkoll li tinġabar informazzjoni kwantitattiva dwar in-numri ta' AIFs mhux tal-UE kkumerċjalizzati fl-Istati Membri u AIFMs mhux tal-UE li jkun jiġġestixxu jew jikkummerċjalizzaw l-AIFs fl-Istati Membri. Din l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll dejta dwar l-azzjonijiet ta' infurzar u superviżorji, kif ukoll informazzjoni addizzjonali li waslet mingħand l-awtoritajiet superviżorji li mhumiex tal-UE fuq talba.

(9)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni dwar kwalunkwe arranġamenti ta' kooperazzjoni ma' awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi li għadhom ma humiex magħrufa mill-ESMA wara l-involviment tagħha fin-negozjati ta' memoranda ta' ftehim multilaterali. Biex tkun tista' tevalwa t-tħaddim tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni, huwa importanti li tinġabar informazzjoni dwar l-effettività ta' dawn l-arranġamenti ta' kooperazzjoni, bħal informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-użu li jsir tal-bosta setgħat previsti f'dawk l-arranġamenti. Dawn jinkludu talbiet għal informazzjoni, żjarat fuq il-post u skambju ta' informazzjoni. L-effettività tal-kooperazzjoni għandha tiġi vvalutata f'termini ta' rilevanza, dettall, il-prontezza u l-kompletezza tal-assistenza mogħtija.

(10)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu informazzjoni dwar kull karatteristika tar-reġim tal-pajjiż terz li, de facto jew de jure, toħloq restrizzjonijiet jew diffikultajiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta' superviżjoni mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru jew għal dħul dirett ta' informazzjoni minn entitajiet li mhumiex tal-UE. Barra minn hekk, għandha tinġabar informazzjoni dwar ilmenti mill-investituri kif ukoll il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti b'reazzjoni għal ilmenti bħal dawn.

(11)

Il-valutazzjoni tal-interazzjoni bejn iż-żewġ sistemi stabbiliti għall-ġestjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' AIFs għandha tiġi bbażata fuq l-evidenza li tirrifletti s-sitwazzjoni ġenerali fis-suq intern, kif ukoll dwar il-valutazzjonijiet għal żmien qasir u fit-tul dwar l-iżvilupp tas-suq, inkluża l-possibbiltà ta' perturbazzjonijiet fis-suq jew distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-valutazzjonijiet għandhom isiru fuq il-bażi ta' evidenza dwar jekk hemmx kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi individwali, pereżempju f'termini ta' piż regolatorju, il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni jew superviżjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu informazzjoni konkreta dwar kwistjonijiet oħra ġenerali jew speċifiċi rigward pajjiżi terzi individwali u jindikaw is-sors ta' tali kwistjonijiet.

(12)

Meta jippreżentaw informazzjoni dwar tfixkil possibbli fis-suq u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw l-impriżi kollha ta' investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom. Huwa importanti li jiġi determinat jekk, u sa liema punt, kemm l-AIFs tal-UE u impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli stabbiliti skont id- Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll l-amministraturi tagħhom huma potenzjalment affettwati bl-introduzzjoni ta' passaport ta' pajjiżi terzi. Dan huwa partikolarment importanti meta wieħed iqis li d-definizzjoni ta' AIFMs mhux tal-UE fid-Direttiva 2011/61/UE tkopri l-impriżi kollha ta' investiment kollettiv stabbiliti f'pajjiżi terzi, inklużi dawk li kienu suġġetti għad-Direttiva 2009/65/KE jekk dawn kienu ġew stabbiliti fi Stat Membru. Barra minn hekk, sabiex ikun jista' jitkejjel l-impatt ġenerali fuq is-suq, huwa meħtieġ li jiġi identifikat l-impatt potenzjali fuq intermedjarji oħra li joperaw fis-settur tal-immaniġġjar tal-assi, bħal depożitarji jew fornituri ta' servizzi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-awtoritajiet kompetenti għandhom skont l-Artikolu 67(3) tad-Direttiva 2011/61/UE jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA):

(a)

informazzjoni dwar il-funzjonament tal-passaport tal-UE għal maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFMs) li jimmaniġġjaw u/jew jikkummerċjalizzaw fondi ta' investiment alternattivi (AIFs), kif stabbilit fl-Artikoli 2 sa 7;

(b)

informazzjoni dwar il-funzjonament tal-kummerċjalizzazzjoni ta' AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Istati Membri u l-ġestjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni ta' AIFs minn AIFMs mhux tal-UE fl-Istati Membri f'konformità mar-reġimi nazzjonali applikabbli, kif stabbilit fl-Artikoli 8 sa 13;

(c)

informazzjoni dwar l-impatt tat-tħaddim tas-sistemi msemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu, kif inhu stabbilit fl-Artikolu 14.

Artikolu 2

Rigward l-użu li sar mill-passaport, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta' AIFMs tal-UE mogħtija skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

in-numru ta' AIFMs tal-UE, li jikkummerċjalizzaw unitajiet jew ishma ta' AIFs tal-UE skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/61/UE, in-numru ta' AIFs tal-UE u kompartimenti ta' AIFs ikkummerċjalizzati skont l-Artikolu 32 tad- Direttiva 2011/61/UE, u l-analiżi skont l-Istat Membru tad-domiċilju u dawk ospitanti;

(c)

in-numru ta' AIFMs tal-UE, li jimmaniġġjaw AIFs tal-UE skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/61/UE, in-numru ta' AIFs tal-UE mmaniġġjati skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/61/UE, u l-analiżi skont l-Istat Membru tad-domiċilju u dawk ospitanti;

(d)

in-numru ta' AIFMs tal-UE li jimmaniġġjaw AIFs tal-UE stabbiliti fi Stati Membri oħrajn skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/61/UE billi tiġi stabbilita fergħa u n-numru ta' AIFMs tal-UE li jimmaniġġjaw direttament AIFs tal-UE stabbiliti fi Stati Membri oħra skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/61/UE.

Artikolu 3

Fir-rigward ta' problemi li jinqalgħu dwar kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta' każijiet fejn awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' AIFM sitwazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 45(5) tad-Direttiva 2011/61/UE, fejn jindikaw it-tip ta' sitwazzjoni;

(b)

in-numru ta' każijiet fejn awtorità kompetenti, wara li tkun ġiet notifikata kif deskritt fl-Artikolu 45(5) tad-Direttiva 2011/61/UE mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, ħadet miżuri stabbiliti fl-Artikolu 45(5) ta' dik id-Direttiva, fejn jindikaw it-tip ta' miżuri meħuda;

(c)

in-numru ta' każijiet fejn awtorità kompetenti, wara li tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' AIFM bis-sitwazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 45(5) tad-Direttiva 2011/61/UE, tkun ħadet il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 45(6) ta' dik id-Direttiva, fejn jindikaw it-tip ta' miżuri meħuda;

(d)

in-numru ta' każijiet fejn awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' AIFM sitwazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 45(7) tad-Direttiva 2011/61/UE, fejn jindikaw it-tip ta' sitwazzjonijiet;

(e)

in-numru ta' każijiet fejn awtorità kompetenti, wara li tkun ġiet notifikata kif deskritt fl-Artikolu 45(7) tad-Direttiva 2011/61/UE mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, ħadet miżuri skont l-Artikolu 45(7) ta' dik id-Direttiva, fejn jindikaw it-tip ta' miżuri meħuda;

(f)

in-numru ta' każijiet fejn awtorità kompetenti, wara li tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' AIFM bis-sitwazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 45(7) tad-Direttiva 2011/61/UE, tkun ħadet il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 45(8) ta' dik id-Direttiva, fejn jindikaw it-tip ta' miżuri meħuda;

(g)

in-numru ta' notifiki mibgħuta u notifiki rċevuti skont l-Artikolu 50(5) tad- Direttiva 2011/61/UE, li jindikaw azzjonijiet meħuda bħala konsegwenza tan-notifika;

(h)

rigward it-talbiet għal għajnuna maħruġa mill-awtorità kompetenti:

in-numru u t-tip ta' talbiet,

in-numru ta' talbiet rifjutati u r-raġunijiet għar-rifjut,

il-grad ta' sodisfazzjon dwar l-assistenza miksuba u diffikultajiet li nstabu,

iż-żmien medju biex jinkiseb rispons;

(i)

rigward talbiet għal assistenza rċevuti mill-awtorità kompetenti minn awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħrajn:

in-numru u t-tip ta' talbiet,

in-numru ta' talbiet rifjutati u r-raġunijiet għar-rifjut,

iż-żmien medju biex jinkiseb rispons;

(j)

in-numru ta' verifiki jew investigazzjonijiet fuq il-post li l-awtorità kompetenti tkun wettqet fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 54(1) tad- Direttiva 2011/61/UE u n-numru ta' talbiet għal verifiki jew investigazzjonijiet fuq il-post fi Stat Membru ieħor li ġew miċħuda.

Artikolu 4

Fir-rigward ta' problemi li jfiġġu dwar il-funzjonament effettiv tas-sistema ta' notifika previsti fl-Artikoli 32 u 33 tad-Direttiva 2011/61/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

iż-żmien medju bejn meta jirċievu l-fajl komplut ta' notifika minn AIFM u l-mument meta l-awtorità kompetenti li qed tirċievi tinnotifika l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti;

(b)

iż-żmien medju għal notifika lill-AIFM li hija tista' twettaq attivitajiet transkonfinali mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini tagħha, ikkalkulat mid-data tat-trażmissjoni tal-fajl ta' notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti;

(c)

l-għadd ta' talbiet għal kjarifika mingħand l-awtorità kompetenti tal-pajjiż ospitanti fir-rigward tan-notifika;

(d)

l-għadd ta' tilwim li jinvolvi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u tal-Istat Membru ospitanti b'rabta mal-proċess ta' notifika.

Artikolu 5

Fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' protezzjoni għall-investituri fir-rigward ta' AIFs kkummerċjalizzati jew ġestiti minn Stat Membru ieħor kif ukoll AIFs ikkummerċjalizzati skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2011/61/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru u t-tip ta' ilmenti mill-investituri indirizzati lill-awtorità kompetenti fir-rigward ta' AIFs ikkummerċjalizzati jew ġestiti minn AIFM stabbilita fi Stat Membru ieħor, ir-raġunijiet invokati u kif dawn l-ilmenti ġew solvuti;

(b)

evidenza dwar in-nuqqas ta' ċarezza bejn l-investituri fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' kompiti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini u l-pajjiż ospitanti;

(c)

kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-funzjonament tal-arranġamenti magħmula mill-AIFM għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs u l-arranġamenti stabbiliti biex jevitaw li l-ishma jew l-unitajiet tal-AIF jiġu kkummerċjalizzati lil investituri bl-imnut, kif meħtieġ fil-punt (h) tal-Anness IV tad-Direttiva 2011/61/UE.

Artikolu 6

Fir-rigward ta' medjazzjoni mill-ESMA, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-grad ta' sodisfazzjon mal-medjazzjoni mill-ESMA dwar materji li għandhom x'jaqsmu mal-funzjonament tal-passaport AIFMs tal-UE li jkun jimmaniġġa u/jew jikkumerċjalizza AIFs tal-UE.

Artikolu 7

Rigward l-effettività tal-ġbir u l-qsim tal-informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li jmiss:

(a)

l-għadd ta' okkażjonijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun irċeviet informazzjoni minn awtorità kompetenti oħra f'relazzjoni mas-sorveljanza ta' riskju sistemiku, li tiddistingwi:

informazzjoni rikorrenti disponibbli f'konformità mal-ewwel sentenza tal- Artikolu 25(2) tad- Direttiva 2011/61/UE,

informazzjoni bilaterali dwar sorsi importanti ta' riskju ta' kontroparti trażmess skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2011/61/UE,

informazzjoni bilaterali ad hoc mogħtija skont l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

l-għadd ta' okkażjonijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun qasmet informazzjoni ma' awtorità kompetenti oħra f'relazzjoni mas-sorveljanza ta' riskju sistemiku, li tiddistingwi:

l-informazzjoni rapportata regolarment skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/61/UE,

informazzjoni bilaterali ad hoc skambjata skont l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2011/61/UE.

Artikolu 8

Fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE skont l-Artikolu 36(1) tad- Direttiva 2011/61/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dispożizzjonijiet legali li taħthom din il-kummerċjalizzazzjoni tkun permessa, inkluża deskrizzjoni ta' kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli;

(b)

in-numru ta' AIFMs tal-UE awtorizzati mill-awtorità kompetenti biex jikkummerċjalizzaw AIFs mhux tal-UE fil-ġurisdizzjoni tagħhom skont l- Artikolu 36 tad-Direttiva 2011/61/UE u n-numru ta' AIFs mhux tal-UE mmaniġġjati;

(c)

in-numru ta' talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-awtorità kompetenti sabiex l-AIFMs tal-UE fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' AIFs mhux tal-UE;

(d)

l-infurzar jew azzjonijiet superviżorji jew sanzjonijiet imposti fuq AIFMs tal-UE fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' AIFs mhux tal-UE.

Artikolu 9

Fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' AIFs minn AIFMs mhux tal-UE skont l-Artikolu 42(1) tad- Direttiva 2011/61/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dispożizzjonijiet legali li taħthom din il-kummerċjalizzazzjoni tkun permessa, inkluża deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli;

(b)

in-numru ta' AIFMs mhux tal-UE li jikkummerċjalizzaw AIFs fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2011/61/UE u l-għadd ta' AIFs ikkummerċjalizzati;

(c)

in-numru ta' talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-awtorità kompetenti lil AIFMs mhux tal-UE fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' AIFs skont l- Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(d)

azzjonijiet ta' infurzar jew superviżorji jew sanzjonijiet imposti mill-awtorità kompetenti fuq AIFMs mhux tal-UE fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 22, 23, 24 u 26 sa 30 tad-Direttiva 2011/61/UE.

Artikolu 10

Fir-rigward tal-ġestjoni ta' AIFs tal-UE minn AIFMs mhux tal-UE skont ir-reġimi nazzjonali applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dispożizzjonijiet legali li taħthom din il-ġestjoni tkun permessa, inkluża deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli;

(b)

in-numru ta' AIFMs mhux mill-UE li jimmaniġġjaw AIFs tal-UE fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità kompetenti u n-numru ta' AIFs tal-UE mmaniġġjati;

(c)

in-numru ta' talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-awtorità kompetenti lil AIFMs mhux tal-UE fir-rigward tal-ġestjoni ta' AIFs tal-UE;

Artikolu 11

Rigward l-eżistenza u l-effikaċja tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni għall-iskop ta' sorveljanza tar-riskji sistemiċi bejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru u lill-awtorità superviżorja ta' pajjiż barra mill-UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-eżistenza ta' arranġamenti bilaterali ta' koperazzjoni bejn l-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet superviżorji f'pajjiżi terzi għajr dawk li huma negozjati u miftiehma taħt l-awspiċi tal-ESMA u l-pajjiżi terzi kkonċernati;

(b)

fir-rigward ta' talbiet għal informazzjoni jew assistenza mressqa mill-awtorità kompetenti lil awtoritajiet ta' pajjiż terz skont l-arranġamenti ta' kooperazzjoni:

in-numru u t-tip ta' talbiet,

in-numru ta' talbiet rifjutati u r-raġunijiet għar-rifjut,

il-grad ta' sodisfazzjon dwar l-assistenza miksuba, inkluż diffikultajiet li nstabu,

iż-żmien medju biex jinkiseb rispons;

(c)

in-numru ta' żjarat fuq il-post li l-awtorità kompetenti tkun talbet lill-awtorità superviżorja ta' pajjiż terz sabiex twettaq f'isimha, skont arranġamenti ta' kooperazzjoni, kif ukoll in-numru ta' talbiet għal żjarat fuq il-post li ġew miċħuda;

(d)

in-numru ta' okkażjonijiet fejn, skont arranġamenti ta' kooperazzjoni, informazzjoni mhux mitluba kienet irċevuta mill-awtorità ta' superviżjoni ta' pajjiż terz dwar:

kwalunkwe materjal magħruf fil-każ li jista' jkollu impatt ħażin fuq entità taħt superviżjoni,

azzjonijiet ta' infurzar jew regolatorji jew sanzjonijiet, inkluż ir-revoka, is-sospensjoni jew il-modifika ta' liċenzji jew reġistrazzjoni rilevanti, li jikkonċernaw jew jirrelataw ma' AIFMs mhux mill-UE li jimmaniġġjaw jew jikkumerċjalizzaw AIFs fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità kompetenti;

(e)

in-numru ta' okkażjonijiet meta l-awtorità kompetenti tkun qasmet ma' awtoritajiet kompetenti oħra l-informazzjoni li waslet mingħand l-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiż terz għall-iskop ta' monitoraġġ tar-riskju sistemiku, skont arranġamenti ta' kooperazzjoni.

Artikolu 12

Fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' protezzjoni għall-investituri fir-rigward ta' kummerċjalizzazzjoni u mmaniġġjar taħt ir-reġimi nazzjonali applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru u t-tip ta' lmenti indirizzata lill-awtorità kompetenti minn investituri fir-rigward ta' AIFs ikkummerċjalizzati f'dik il-ġurisdizzjoni taħt ir-reġim nazzjonali applikabbli;

(b)

azzjonijiet ta' infurzar jew regolatorji jew sanzjonijiet, imposti mill-awtorità kompetenti, inkluż ir-revoka, is-sospensjoni jew il-modifika ta' liċenzji jew reġistrazzjoni rilevanti, li jikkonċernaw jew jirrelataw ma' AIFMs mhux tal-UE li jimmaniġġjaw jew jikkumerċjalizzaw AIFs f'dik il-ġurisdizzjoni, jew AIFs mhux tal-UE kkumerċjalizzati f'dik il-ġurisdizzjoni mill-AIFMs tal-UE;

Artikolu 13

Fir-rigward tal-karatteristiċi ta' qafas regolatorju u superviżorju ta' pajjiż terz li jista' jipprevjeni l-eżerċizzju effettiv mill-awtoritajiet kompetenti tal-funzjonijiet superviżorji tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

problemi jew ostakoli fl-applikazzjoni tal-qafas regolatorju u superviżorju li l-awtorità kompetenti tkun iffaċċjata bihom meta teżerċita funzjonijiet superviżorji fuq AIFMs mhux tal-UE jew AIFs mhux tal-UE;

(b)

problemi biex tikseb informazzjoni direttament minn AIFMs mhux tal-UE.

Artikolu 14

Fir-rigward dwar l-impatt tat-tħaddim tas-sistemi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

evidenza li turi li l-AIFMs li ġew stabbiliti fil-ġurisdizzjoni tagħhom mxew f'pajjiżi terzi, fejn jispeċifikaw, iċ-ċifri aggregati għall-għadd ta' AIFs u l-assi mmaniġġjati għal kull pajjiż terz u r-raġunijiet għal din il-linja;

(b)

informazzjoni dettaljata dwar kwalunkwe tfixkil tas-suq tal-kompetizzjoni identifikat jew mistenni bejn l-impriżi ta' investiment kollettiv tal-UE u mhux tal-UE, kif ukoll maniġers ta' impriżi ta' investiment kollettiv tal-UE kif ukoll mhux tal-UE;

(c)

evidenza li turi li l-maniġers tal-UE ta' impriżi ta' investiment kollettiv awtorizzati fil-ġurisdizzjoni tagħhom iltaqgħu ma' diffikultajiet jew limitazzjonijiet fl-istabbilment jew kummerċjalizzazzjoni ta' impriżi ta' investiment kollettiv li jimmaniġġjaw fi kwalunkwe pajjiż terz, li tispeċifika l-pajjiż terz;

(d)

evidenza li turi d-diffikultajiet eżistenti jew limitazzjonijiet f'pajjiżi terzi li għandhom l-effett li jiddiswadu l-maniġers tal-UE ta' impriżi ta' investiment kollettiv awtorizzati fil-ġurisdizzjoni tagħhom milli jiddeċiedu li jistabbilixxu ruħhom jew jikkummerċjalizzaw l-impriżi ta' investiment kollettiv li jimmaniġġjaw fi kwalunkwe pajjiż terz, li tispeċifika l-pajjiż terz;

(e)

informazzjoni li tindika kull diffiklutà ġenerali jew speċifika oħra li maniġers tal-UE ta' impriżi ta' investiment kollettiv jaffaċċjaw meta jistabbilixxu lilhom infushom jew jikkummerċjalizzaw impriżi ta' investiment kollettiv li jimmaniġġjaw f'pajjiżi terzi, li tispeċifika l-pajjiż terz.

Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).


Top