EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015Q1224(01)

Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti konferiti lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni

OJ L 339, 24.12.2015, p. 58–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2015/1224/oj

24.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 339/58


FTEHIM

bejn il-Parlament Ewropew u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti konferiti lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-BORD UNIKU TA' RIŻOLUZZJONI,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), b'mod partikolari l-Artikolu 45(7) u (8) tiegħu,

A.

billi r-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ir-Regolament SRM) jistabbilixxi l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (il-Bord) bħala aġenzija tal-Unjoni fdata b'setgħa ċentralizzata ta' riżoluzzjoni għall-Istati Membri parteċipanti fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (l-SRM) li huma wkoll parteċipanti fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM), bl-għan li jikkontribwixxi għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u f'kull Stat Membru parteċipanti;

B.

billi l-Artikolu 7 tar-Regolament SRM jistabbilixxi li l-Bord huwa l-awtorità ta' riżoluzzjoni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu minn dak ir-Regolament (il-kompiti ta' riżoluzzjoni), b'mod partikolari għat-tfassil tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kollha relatati mar-riżoluzzjoni;

C.

billi l-għoti ta' kompiti ta' riżoluzzjoni jimplika responsabbiltà sinifikanti għall-Bord biex jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, billi juża s-setgħat ta' riżoluzzjoni tiegħu bl-aktar mod effettiv u proporzjonat;

D.

billi kwalunkwe għoti ta' setgħat ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-Unjoni għandu jkun ibbilanċjat permezz ta' rekwiżiti xierqa ta' responsabbiltà; billi skont l-Artikolu 45 tar-Regolament SRM il-Bord huwa għalhekk responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament quddiem il-Parlament u l-Kunsill bħala istituzzjonijiet leġittimizzati demokratikament li jirrappreżentaw iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-Istati Membri;

E.

billi l-Artikolu 45(8) tar-Regolament SRM jiddisponi li l-Bord għandu jikkoopera ma' kwalunkwe investigazzjoni mill-Parlament, skont it-TFUE;

F.

billi l-Artikolu 45(7) tar-Regolament SRM jipprevedi li, fuq talba, il-President tal-Bord għandu jorganizza diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-magħluq mal-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament fejn tali diskussjonijiet huma meħtieġa biex il-Parlament ikun jista' jeżerċita s-setgħat tiegħu skont it-TFUE; billi dak l-Artikolu jeħtieġ li l-arranġamenti għall-organizzazzjoni ta' dawk id-diskussjonijiet jiżguraw kunfidenzjalità sħiħa b'konformità mal-obbligi tal-kunfidenzjalità imposti fuq il-Bord mir-Regolament SRM u meta l-Bord ikun qed jaġixxi bħala awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni;

G.

billi l-Artikolu 15(1) tat-TFUE jipprevedi li l-aġenziji tal-Unjoni għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom b'mod miftuħ kemm jista' jkun; billi l-kundizzjonijiet li skonthom dokument tal-Bord huwa kunfidenzjali għandhom, kif previst fl-Artikolu 91 tar-Regolament SRM, ikunu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Bord li tapplika l-prinċipji tas-sigurtà li jinsabu fir-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta' Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (EUCI) u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata;

H.

billi l-Parlament u l-Bord għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli tas-sigurtà, inkluż permezz ta' monitoraġġ perjodiku konġunt tal-arranġamenti relatati mas-sigurtà u l-istandards applikati;

I.

billi l-iżvelar ta' informazzjoni relatata mar-riżoluzzjoni ta' entitajiet mhuwiex għad-diskrezzjoni ħielsa tal-Bord iżda huwa suġġett għal limiti u kundizzjonijiet kif stabbilita mil-liġi rilevanti tal-Unjoni li għalihom huma suġġetti kemm il-Parlament kif ukoll il-Bord; billi l-iżvelar ta' informazzjoni tal-Bord jista' għalhekk ikun ristrett mil-limiti tal-kunfidenzjalità previsti legalment;

J.

billi dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għal kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli oħra tal-liġi primarja jew sekondarja tal-Unjoni dwar l-aċċess għal dokumenti jew il-protezzjoni ta' data personali, kif ukoll għar-regoli dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament adottati b'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 226 tat-TFUE;

K.

billi l-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM jiddisponi li l-membri tal-Bord, il-Viċi President, il-membri tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 43(1)(b) ta' dak ir-Regolament, il-persunal tal-Bord u l-persunal skambjat ma', jew sekondat minn, Stati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 tat-TFUE u għad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi tal-Unjoni;

L.

billi l-Artikolu 5(2) tar-Regolament SRM jiddisponi li l-Bord għandu jieħu deċiżjonijiet soġġett għal-liġi rilevanti tal-Unjoni u b'konformità miegħu, u b'mod partikolari għal kwalunkwe att leġislattiv u mhux leġislattiv, fosthom dawk imsemmija fl-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE;

M.

billi mingħajr preġudizzju għal emendi futuri jew għal kwalunkwe att legali rilevanti futur, id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni rilevanti fir-rigward tat-trattament ta' informazzjoni li jkun instab li hija kunfidenzjali, b'mod partikolari l-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jimponu obbligi stretti ta' segretezza professjonali fuq l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u l-persunal tagħhom;

N.

billi l-ksur ta' rekwiżiti ta' segretezza professjonali fir-rigward ta' informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni għandu jwassal għal sanzjonijiet adegwati; billi l-Parlament għandu jipprevedi qafas adegwat biex isegwi kwalunkwe każ ta' ksur tal-kunfidenzjalità mill-Membri jew il-persunal tiegħu;

O.

billi skont l-Artikolu 43 tar-Regolament SRM, il-Bord huwa magħmul minn, inter alia, membru maħtur minn kull Stat Membru parteċipanti, li jirrappreżentaw l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tagħhom; billi dawn tal-aħħar, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, jistgħu b'mod eċċezzjonali jkunu l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); billi għandu jkun hemm fis-seħħ arranġamenti strutturali adegwati biex tkun żgurata l-indipendenza operattiva u jiġu evitati kunflitti ta' interess bejn il-funzjonijiet ta' superviżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE jew il-funzjonijiet l-oħra tal-awtorità rilevanti u l-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni skont din id-Direttiva; billi tali arranġamenti strutturali għandhom ikunu riflessi fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-Bord applikabbli għall-membri tiegħu;

P.

billi dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni quddiem il-parlamenti nazzjonali b'konformità mal-liġi nazzjonali;

Q.

billi dan il-Ftehim ma jkoprix jew ma jaffettwax ir-responsabbiltà u l-obbligu ta' rapportar tal-SRM lejn il-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-parlamenti nazzjonali;

R.

billi l-Artikolu 45(2) tar-Regolament SRM jiddisponi li l-Bord għandu jissottometti rapport annwali lil, inter alia, il-Parlament, dwar it-twettiq tal-kompiti konferiti lill-Bord minn dak ir-Regolament; billi dak ir-rapport għandu, b'mod partikolari, ikopri l-attivitajiet tal-Bord fir-rigward tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni, il-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà, id-determinazzjoni ta' rekwiżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizzju ta' dmirijiet u setgħat oħra skont ir-Regolament SRM; billi dak ir-rapport għandu jkopri wkoll informazzjoni dettaljata dwar il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (il-Fond), b'mod partikolari l-evoluzzjoni tal-mezzi finanzjarji disponibbli tal-Fond u kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna l-perjodu biex jintlaħaq il-livell fil-mira u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet b'konformità mal-Artikoli 69 sa 71 tar-Regolament SRM; is-self u arranġamenti finanzjarji oħra b'konformità mal-Artikoli 72 sa 74 tar-Regolament SRM; l-amministrazzjoni u l-istrateġija ta' investiment tal-Fond, b'konformità mal- Artikolu 75 tar-Regolament SRM u l-atti delegati applikabbli tal-Kummissjoni; il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu tal-Fond għal skema individwali ta' riżoluzzjoni b'konformità mal-Artikoli 76 sa 78 tar-Regolament SRM; l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' diviżjoni f'kompartimenti nazzjonali u ta' fużjoni progressiva matul il-perjodu ta' tranżizzjoni previst fl-Artikolu 3(1)(37) tar-Regolament SRM, b'konformità mal-Artikolu 77 tar-Regolament SRM, u l-użu ta' skemi ta' garanzija tad-depożiti b'konformità mal-Artikolu 79 tar-Regolament SRM;

S.

billi b'konformità mal-prinċipju ta' responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 45 tar-Regolament SRM, il-Parlament għandu jkollu aċċess ex post għal informazzjoni mhux kunfidenzjali relatata ma' entità riżolta, inkluż livell ta' dettall tal-karta tal-bilanċ, mogħtija b'mod separat għal kull waħda mill-entitajiet milquta mir-riżoluzzjoni, li tkun suffiċjenti biex turi l-portata u n-natura tal-impatt,

JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

I.   RESPONSABBILTÀ, AĊĊESS GĦAL INFORMAZZJONI, KUNFIDENZJALITÀ

1.   Rapporti

Il-Bord għandu jissottometti lill-Parlament rapport kull sena (Rapport Annwali) dwar it-twettiq tal-kompiti konferiti lilu mir-Regolament SRM. Il-President tal-Bord għandu jippreżenta r-Rapport Annwali lill-Parlament waqt seduta ta' smigħ pubblika.

Ir-Rapport Annwali, sebat ijiem ta' xogħol qabel is-seduta ta' smigħ pubblika u l-pubblikazzjoni uffiċjali tiegħu, għandu jkun disponibbli fuq bażi kunfidenzjali għall-Parlament f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. It-traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom ikunu disponibbli sussegwentement. Ir-Rapport Annwali għandu jinkludi spjegazzjoni dettaljata ta' dan li ġej:

i.

it-twettiq tal-kompiti konferiti lill-Bord mir-Regolament SRM;

ii.

il-kondiviżjoni tal-kompiti mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni;

iii.

il-kooperazzjoni ma' awtoritajiet rilevanti nazzjonali jew tal-Unjoni oħra, kif ukoll ma' kwalunkwe faċilità pubblika ta' assistenza finanzjarja, inklużi l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (ESM) kif previst fl-Artikolu 30(6) tar-Regolament SRM;

iv.

il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, inklużi r-rikonoxximent u l-valutazzjoni ta' proċedimenti ta' riżoluzzjoni ta' pajjiżi terzi;

v.

l-evoluzzjoni tal-istruttura u l-persunal tal-Bord, inklużi n-numru u l-kompożizzjoni nazzjonali tal-esperti nazzjonali sekondati;

vi.

l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta msemmija fit-Taqsima IV ta' dan il-Ftehim;

vii.

l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji miġbura b'konformità mal-Artikolu 65 tar-Regolament SRM;

viii.

l-implimentazzjoni tal-baġit għal kompiti ta' riżoluzzjoni; u

ix.

l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM dwar il-Fond, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet, il-mezzi alternattivi ta' finanzjament, l-aċċess għal faċilitajiet finanzjarji, l-istrateġija ta' investiment, u l-użu tal-Fond, previsti fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tar-Regolament SRM.

Il-Bord għandu jippubblika r-Rapport Annwali fil-websajt tiegħu.

2.   Seduti ta' smigħ pubbliċi ordinarju, skambji ta' fehmiet ad hoc u laqgħat kunfidenzjali speċjali

Fuq talba tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, il-President tal-Bord għandu jipparteċipa f'seduti ta' smigħ pubbliċi ordinarji dwar it-twettiq tal-kompiti ta' riżoluzzjoni konferiti lill-Bord mir-Regolament SRM. Tali seduti ta' smigħ għandhom jinkludu diskussjoni dwar il-Fond, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet, il-mezzi alternattivi ta' finanzjament, l-aċċess għal faċilitajiet finanzjarji, l-istrateġija ta' investiment u l-użu tal-Fond. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament u l-Bord għandhom jaqblu dwar kalendarju biex jinżammu żewġ seduti ta' smigħ bħal dawn matul is-sena ta' wara. Talbiet għal bidliet fil-kalendarju miftiehem għandhom isiru bil-miktub.

Il-President tal-Bord jista' jiġi mistieden għal skambji ta' fehmiet addizzjonali ad hoc mal-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar kwistjonijiet fi ħdan ir-responsabbiltà tal-Bord.

Il-prinċipju tal-aċċess miftuħ tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji previst fl-Artikolu 15(1) tat-TFUE għandu japplika għall-Bord. Diskussjonijiet f'laqgħat kunfidenzjali speċjali għandhom jikkonformaw ma' dak il-prinċipju, anke billi jipprovdu spjegazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. Diskussjonijiet f'laqgħat kunfidenzjali speċjali jinvolvu l-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali rigward it-twettiq tal-kompiti ta' riżoluzzjoni fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, u b'mod partikolari mir-Regolament SRM.

Meta jkun meħtieġ għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Parlament skont it-TFUE u l-liġi tal-Unjoni, il-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, bil-miktub u billi jagħti r-raġunijiet, jista' jitlob laqgħat kunfidenzjali speċjali mal-President tal-Bord. Tali laqgħat għandhom isiru f'data li tkun miftiehma bejn iż-żewġ naħat.

Il-President tal-Bord u l-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament biss jistgħu jattendu l-laqgħat kunfidenzjali speċjali. Kemm il-President tal-Bord kif ukoll il-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament jistgħu jiġu akkumpanjati minn żewġ membri tal-persunal tal-Bord u tas-Segretarjat tal-Parlament rispettivament. Barra minn hekk, u soġġett għal ftehim reċiproku taż-żewġ partijiet, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni li kienu involuti f'deċiżjoni ta' riżoluzzjoni li għandha tiġi diskussa f'laqgħa kunfidenzjali speċjali jistgħu jattendu dik il-laqgħa.

Il-parteċipanti kollha fil-laqgħat kunfidenzjali speċjali għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta' kunfidenzjalità ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-membri tal-Bord u għall-persunal tiegħu.

Ma għandhom jittieħdu ebda minuti, u ma għandu jsir ebda recording ieħor, tal-laqgħat kunfidenzjali speċjali. Ma għandha ssir ebda dikjarazzjoni għall-istampa jew xi midja oħra. Kull parteċipant fil-laqgħat kunfidenzjali speċjali għandu jiffirma dikjarazzjoni solenni kull darba li ma jiddivulgax il-kontenut ta' dawk id-diskussjonijiet lil xi terza persuna.

Wara li ssir talba motivata mill-President tal-Bord jew il-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, u bi ftehim reċiproku, il-Viċi President tal-Bord u l-erba' Membri full-time tal-Bord jew membri anzjani tal-persunal tal-Bord (il-Konsulent Ġenerali, il-Kapijiet ta' Unità jew il-Viċi tagħhom) jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fis-seduti ta' smigħ pubbliċi ordinarji, fl-iskambji ta' fehmiet ad hoc u fil-laqgħat kunfidenzjali speċjali.

Is-seduti ta' smigħ pubbliċi ordinarji, l-iskambji ta' fehmiet ad hoc u l-laqgħat kunfidenzjali speċjali jistgħu jkopru l-aspetti kollha tal-attivitajiet u l-funzjonament tal-SRM koperti mir-Regolament SRM.

Persuni impjegati mill-Parlament jew mill-Bord ma jistgħu jiżvelaw lil ebda persuna mhux awtorizzata jew lill-pubbliku informazzjoni relatata mal-kompiti konferiti lill-Bord mir-Regolament SRM u miksuba matul l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, anki wara li l-impjieg tagħhom jintemm jew wara li jkunu telqu mit-tali impjieg, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà saret pubblika jew tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

3.   Tweġib ta' mistoqsijiet

Il-Bord għandu jwieġeb bil-miktub għal mistoqsijiet bil-miktub imressqa lilu mill-Parlament. Dawk il-mistoqsijiet għandhom jintbagħtu lill-President tal-Bord permezz tal-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament. Il-mistoqsijiet għandhom jitwieġbu malajr kemm jista' jkun, u f'kull każ fi żmien ħames ġimgħat minn meta jintbagħtu lill-Bord.

Kemm il-Bord kif ukoll il-Parlament għandhom jiddedikaw sezzjoni speċifika tal-websajts tagħhom għall-mistoqsijiet u t-tweġibiet imsemmija hawn fuq.

4.   Aċċess għall-informazzjoni

Fi żmien sitt ġimgħat mid-data ta' laqgħa tal-eżekuttiv jew ta' sessjoni plenarja tal-Bord, il-Bord għandu jipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament mill-inqas b'rekord komprensiv u sinifikanti tal-proċeduri ta' dik il-laqgħa tal-eżekuttiv jew ta' sessjoni plenarja tal-Bord, inkluża lista annotata tad-deċiżjonijiet, li jippermetti fehim tad-diskussjonijiet.

Fil-każ ta' riżoluzzjoni ta' entità, l-informazzjoni mhux kunfidenzjali relatata ma' dik l-entità għandha tiġi divulgata ex post, ladarba tieqaf tapplika kwalunkwe restrizzjoni dwar l-għoti ta' informazzjoni rilevanti li tirriżulta mir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità.

Tali informazzjoni għandha tinkludi karta tal-bilanċ konsolidata b'mod xieraq ivvalutata skont il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament SRM fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni għar-riżoluzzjoni tal-entità, li juri ċar il-valur nett tal-assi tal-entità u l-valur tal-klassijiet tal-assi u l-obbligazzjonijiet. Barra minn hekk, skont l-għodda ta' riżoluzzjoni użati, il-Bord għandu jippubblika l-ammont totali ta' telf li jkunu ġarrbu l-klassijiet differenti tal-kredituri fejn ġiet applikata r-rikapitalizzazzjoni interna, l-ammont u s-sorsi tal-finanzjament użati fil-proċess tar-riżoluzzjoni, u d-dħul minn kwalunkwe bejgħ ta' unitajiet tan-negozju jew assi.

Fil-każ li l-Artikolu 19 tar-Regolament SRM japplika, l-informazzjoni mhux kunfidenzjali dwar l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Bord, kif ukoll ir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 19(6) tar-Regolament SRM, għandhom jiġu divulgati ex post mill-Bord lill-kumitat kompetenti tal-Parlament.

Il-Bord għandu jippubblika fuq il-websajt tiegħu linji gwida ġenerali dwar prattiki ta' riżoluzzjoni tiegħu.

Il-Parlament għandu japplika salvagwardji u miżuri xierqa li jikkorrispondu għal-livell ta' klassifikazzjoni ta' informazzjoni jew dokumenti tal-Bord, jew tat-tnejn, u għandu jinforma lill-Bord bihom.

Il-Bord għandu jinforma lill-Parlament bil-miżuri meħuda u bl-atti adottati sabiex japplika l-prinċipji tas-sigurtà li jinsabu fir-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 91 tar-Regolament SRM. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri dettaljati għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni u għat-trattament ta' informazzjoni klassifikata.

Il-Bord għandu jinforma lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni prattika tar-regoli ta' sigurtà interna tiegħu, inkluża l-klassifikazzjoni tat-tipi ta' informazzjoni abitwali ttrattata mwettqa matul is-sena mill-Bord kif ukoll it-trattament ta' informazzjoni klassifikata.

Hu u jikklassifika l-informazzjoni li toriġina minnu, il-Bord għandu jiżgura li japplika livelli adegwati ta' klassifikazzjoni konformi mar-regoli ta' sigurtà interna tiegħu, filwaqt li jqis sew il-ħtieġa li l-Parlament ikun jista' jkollu aċċess għad-dokumenti klassifikati għat-tħaddim effikaċi tal-kompetenzi u tal-prerogattivi tiegħu.

Il-Bord għandu jinforma lill-Parlament dwar kull modifika għar-regoli adottati ta' sigurtà interna, sabiex jiġi żgurat li l-ekwivalenza tal-prinċipji bażiċi u tal-istandards minimi għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tinżamm.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Parlament għandu jikkonsulta lill-Bord biex jivvaluta kull talba indirizzata lill-Parlament għal aċċess għal dokument li joriġina mill-Bord u li jitressaq lill-Parlament.

Il-Parlament u l-Bord għandhom iżommu lil xulxin infurmati dwar il-bidu u l-eżitu ta' kwalunkwe proċediment ġuridiku, amministrattiv jew proċedimenti oħra li fihom il-Parlament jagħmel talba għal aċċess għal dokumenti tal-Bord.

Il-Bord jista' jitlob li l-Parlament iżomm lista ta' persuni li għandhom aċċess għal kategorija waħda jew aktar ta' informazzjoni klassifikata u dokumenti divulgati tal-Bord.

II.   PROĊEDURI TA' GĦAŻLA

Fir-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċedura ta' għażla, il-Parlament u l-Bord għandhom jimmiraw għall-ogħla standards professjonali u għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġu mħarsal-interessi tal-Unjoni fit-totalità tagħhom kif ukoll id-diversità fil-kompożizzjoni tal-Bord.

1.   Informazzjoni dwar fażijiet tal-proċedura ta' għażla

Sal-punt li l-bord ikun involut, hu għandu jżomm lill-kumitat kompetenti tal-Parlament infurmat b'mod xieraq u f'waqtu dwar il-fażijiet kollha tal-proċedura ta' għażla, bħal dwar il-pubblikazzjoni tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti, il-kriterji tal-għażla u l-profil tal-impjieg speċifiku, il-kompożizzjoni ta' grupp ta' applikanti (l-għadd ta' applikazzjonijiet, taħlita ta' ħiliet professjonali, bilanċ bejn is-sessi u nazzjonalitajiet, eċċ.) kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu l-grupp ta' applikanti jiġi skrinjat sabiex titfassal lista mqassra b'tal-inqas żewġ kandidati għal kull waħda mill-pożizzjonijiet ta' President, Viċi President u erba' membri oħra full-time tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 43(1)(b) tar-Regolament SRM. Fejn il-Bord ma jkunx involut, dan il-paragrafu ma għandux japplika.

2.   Konsultazzjoni tal-Bord matul seduti ta' smigħ informali u mistoqsijiet lill-kandidati fil-lista mqassra

Meta l-Kummissjoni, wara li tkun semgħet lill-bord, tipprovdi lill-Parlament b'lista mqassra ta' kandidati b'konformità mal-Artikolu 56(6) tar-Regolament SRM, il-kumitat kompetenti tal-Parlament jista' jikkonsulta l-Bord dwar il-kandidati fil-lista mqassra, fil-kuntest tas-seduti ta' smigħ bil-magħluq tiegħu ta' kandidati fil-lista mqassra, u ta' mistoqsijiet bil-miktub ippreżentati quddiemu.

3.   Seduti ta' smigħ formali ta' kandidati preferuti

Meta l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament, għall-approvazzjoni tiegħu, il-proposti tagħha għall-President, il-Viċi President u erba' membri oħra full-time tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 43(1)(b) tar-Regolament SRM, il-kumitat kompetenti tal-Parlament jista', fil-kuntest ta' seduta ta' smigħ pubblika ta' kull proposta għal President, Viċi President u membri tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 43(1)(b) tar-Regolament SRM, jikkonsulta l-Bord dwar il-kandidati proposti.

4.   Approvazzjoni

Il-Parlament għandu jinforma lill-Bord dwar id-deċiżjoni tiegħu rigward l-approvazzjoni ta' kull kandidat propost mill-Kummissjoni għal President, Viċi President u erba' membri oħra full-time tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 43(1)(b) tar-Regolament SRM, inkluż ir-riżultat ta' votazzjoni fi ħdan il-kumitat kompetenti tal-Parlament u fil-plenarja tal-Parlament. Il-Parlament għandu, filwaqt li jqis il-kalendarju tiegħu, ifittex li jieħu dik id-deċiżjoni fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievi l-proposta mill-Kummissjoni dwar il-kandidati.

5.   Tneħħija

Fejn il-Parlament jinforma lill-Kummissjoni li huwa jikkunsidra li l-kundizzjonijiet għat-tneħħija mill-kariga tal-President, il-Viċi President u kwalunkwe membru full-time tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 43(1)(b) tar-Regolament SRM ġew issodisfati għall-finijiet tal-Artikolu 56(9) tar-Regolament SRM, hu jista' jinforma wkoll lill-Bord dwar dan.

III.   INVESTIGAZZJONIJIET

Fejn il-Parlament iwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta, skont l-Artikolu 226 tat-TFUE u d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (7), il-Bord, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, għandu jassisti lil dan il-Kumitat ta' Inkjesta biex iwettaq il-kompiti tiegħu b'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera.

Il-Bord għandu jikkoopera b'mod sinċier ma' kwalunkwe investigazzjoni mill-Parlament imsemmija fl-Artikolu 45(8) tar-Regolament SRM fi ħdan l-istess qafas li japplika għall-kumitati ta' inkjesta u taħt l-istess protezzjoni ta' kunfidenzjalità kif previst f'dan il-Ftehim għal-laqgħat kunfidenzjali speċjali.

Dawk kollha li jirċievu informazzjoni pprovduta lill-Parlament fil-kuntest ta' investigazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta' kunfidenzjalità ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-membri tal-Bord. Il-Parlament u l-Bord għandhom jaqblu dwar il-miżuri li jridu jiġu applikati ħalli tiġi żgurata l-protezzjoni ta' tali informazzjoni.

Il-Parlament għandu jqis l-interessi pubbliċi jew privati li jirregolaw id-dritt ta' aċċess għal dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif rikonoxxut fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li huma involuti f'informazzjoni u dokumenti ppreżentati mill-Bord fil-kuntest ta' Kumitat ta' Inkjesta.

IV.   KODIĊI TA' KONDOTTA

Qabel l-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta fis-sessjoni plenarja tal-Bord, il-Bord għandu jinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar l-elementi ewlenin tal-Kodiċi ta' Kondotta previst.

Fuq talba bil-miktub tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, il-Bord għandu jinforma lill-Parlament bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta. Il-Bord għandu jinforma wkoll lill-Parlament dwar il-bżonn ta' aġġornamenti fil-Kodiċi ta' Kondotta.

Il-Kodiċi ta' Kondotta għandu jindirizza dan li ġej:

i.

f'konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament SRM, l-indipendenza tal-President, il-Viċi President u l-erba' membri full-time tal-Bord minn kwalunkwe istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, jew minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat, kif ukoll l-oġġettività tagħhom;

ii.

it-twettiq tal-kompiti mill-Bord f'konformità mal-prinċipji ta' responsabbiltà pubblika għall-azzjonijiet tiegħu u trasparenza sħiħa mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji ta' kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni u d-dokumenti tal-Bord; u

iii.

l-indipendenza operattiva u l-evitar ta' kunflitti ta' interess bejn il-funzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Il-Bord għandu jippubblika r-Rapport Annwali fil-websajt tiegħu.

V.   ADOZZJONI TA' ATTI MILL-BORD

Il-Bord għandu jinforma kif xieraq lill-kumitat kompetenti tal-Parlament bil-proċeduri, inkluż iż-żmien li jkun stabbilixxa għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet tal-Bord, il-linji gwida, struzzjonijiet ġenerali u struzzjonijiet oħrajn, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet (atti tal-Bord).

B'mod partikolari, il-Bord għandu jinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament bil-prinċipji u t-tipi ta' indikaturi jew informazzjoni li ġeneralment juża biex jiżviluppa atti u rakkomandazzjonijiet ta' politika, bil-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-konsistenza tal-politika.

Fil-każ li jwettaq konsultazzjoni pubblika dwar abbozzi ta' atti tal-Bord, il-Bord għandu jressaq quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament dawk l-abbozzi ta' atti tal-Bord qabel il-bidu tal-proċedura ta' konsultazzjoni pubblika.

Fejn il-Parlament iressaq kummenti dwar l-abbozzi ta' atti tal-Bord, jista' jkun hemm skambji informali ta' opinjonijiet mal-Bord dwar dawn il-kummenti. Ladarba l-Bord ikun adotta att tal-Bord, huwa għandu jibagħtu lill-kumitat kompetenti tal-Parlament. Il-Bord għandu jinforma wkoll b'mod regolari u bil-miktub lill-Parlament dwar il-bżonn li jiġu aġġornati l-atti adottati tal-Bord.

VI.   DISPOŻIZZJONI TRANŻITORJA

Matul il-fażi tal-bidu tal-Bord sal-1 ta' Jannar 2016, jew sad-data ta' applikazzjoni tal-Artikolu 99(2) tar-Regolament SRM, skont liema tkun l-iktar tard, il-Bord għandu, regolarment jew fuq talba tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, jinforma lill-Parlament dwar il-progress fl-implimentazzjoni operattiva tar-Regolament SRM.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tista' tingħata bil-fomm jew bil-miktub u għandha tinkludi, inter alia:

i.

it-tħejjija, l-organizzazzjoni u l-ippjanar ta' ħidma interni;

ii.

il-kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew tal-Unjoni oħra;

iii.

kwalunkwe ostaklu affaċjat mill-Bord fit-tħejjija tal-kompiti ta' riżoluzzjoni tiegħu;

iv.

kwalunkwe avveniment ta' tħassib jew bidla fil-Kodiċi ta' Kondotta;

v.

kwalunkwe passi meħud mill-Bord, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti biex jiġu żviluppati l-metodi u l-modalitajiet adatti li jippermettu t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Fond li jikkuntratta mezzi alternattivi ta' finanzjament, li għandu jkun fis-seħħ sad-data ta' applikazzjoni tar-Regolament SRM, f'konformità mal-Premessa 107 u l-Artikolu 74 ta' dak ir-Regolament, u n-negozjati u l-konklużjoni mill-Bord ta' arranġamenti finanzjarji, inkluż, fejn possibbli, arranġamenti finanzjarji pubbliċi, f'konformità mal-Artikolu 74 ta' dak ir-Regolament.

L-informazzjoni msemmija fil-punti i sa v hawn fuq għandhom ikunu addizzjonali għar-rapporti ta' kull xahar dwar jekk il-kundizzjonijiet għat-trasferiment ta' kontribuzzjonijiet lill-Fond ġewx issodisfati, li l-Bord għandu jressaq b'mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament SRM u, fejn applikabbli, ir-rapporti ta' kull xahar maħruġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament SRM meta l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet ma jkunux ġew issodisfati.

VII.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-implimentazzjoni prattika ta' dan il-Ftehim għandha tiġi evalwata miż-żewġ partijiet kull tliet snin. Fejn meħtieġ, iż-żewġ partijiet għandhom jadattaw il-Ftehim fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tiegħu kif ukoll l-iżviluppi rigward arranġamenti ta' sigurtà futuri li jinvolvu l-Parlament u l-Bord.

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-iffirmar tiegħu.

L-obbligi rigward il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni għandhom ikomplu jkunu vinkolanti għaż-żewġ partijiet għal dan il-Ftehim anke wara li jintemm dan il-Ftehim.

Dan il-Ftehim għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell u fi Strasburgu, is-16 ta' Diċembru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

Il-President

E. KÖNIG


(1)  ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(4)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(5)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(7)  Id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (ĠU L 78, 6.4.1995, p. 1).


Top