EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015O0012

Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/12)

OJ L 135, 2.6.2015, p. 29–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2015/856/oj

2.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/29


LINJA GWIDA (UE) 2015/856 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-12 ta' Marzu 2015

li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/12)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament MSU”), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 6(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jagħti l-ikbar importanza lill-approċċ ta' governanza korporattiva li tpoġġi fil-qalba tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ogħla standards etiċi. Il-konformità ma' dawn il-prinċipji hija element ewlieni għall-kredibbiltà tal-MSU u hija essenzjali biex tiżgura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej.

(2)

F'dan l-isfond, jitqies li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas tal-etika għall-MSU li jistabbilixxi standards etiċi li l-konformità magħhom tissalvagwardja l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tiegħu kif ukoll il-kunfidenza pubblika fl-integrità u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tal- BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU (iktar 'il quddiem il-“Qafas tal-Etika tal-MSU”). Il-Qafas tal-Etika tal-MSU għandu jkun kompost minn din il-Linja Gwida li tistabbilixxi l-prinċipji, ġabra tal-aħjar prattiki dwar kif jiġu implimentati dawn il-prinċipji, u r-regoli u l-prattiki interni adottati mill-BĊE u minn kull ANK.

(3)

Standards minimi dwar il-prevenzjoni ta' użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa għandhom isaħħu l-prevenzjoni ta' dan l-użu ħażin mill-membri tal-BĊE jew mill-korpi tal-ANK jew il-membri tal-persunal tagħhom u jeskludu kunflitti ta' interess potenzali li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet finanzjarji privati. Għal dan l-iskop, il-Qafas tal-Etika tal-MSU għandu jiddefinixxi b'mod ċar il-kunċetti ewlenin kif ukoll l-irwoli u r-responsabbiltajiet tad-diversi korpi involuti. Barra minn hekk, għandu jispeċifika, lil hinn mill-projbizzjoni ġenerali dwar l-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa, restrizzjonijiet addizzjonali għal persuni li jkollhom aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa. Il-Qafas tal-Etika tal-MSU għandu jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-monitoraġġ tal-konformità u r-rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità.

(4)

Il-Qafas tal-Etika tal-MSU għandu jinkludi wkoll standards minimi dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interessi u l-aċċettazzjoni ta' rigali u ospitalità.

(5)

Il-Qafas tal-Etika tal-MSU għandu japplika fit-twettiq tal-kompiti superviżorji. Ikun tajjeb li l-BĊE u l-ANK japplikaw standards ekwivalenti għall-membri tal-persunal jew aġenti esterni involuti fit-twettiq ta' kompiti oħrajn.

(6)

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Meta ANK ma tkunx tista' timplimenta dispożizzjoni ta' din il-Linja Gwida minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, hija għandha tinforma lill-BĊE dwar dan. Barra minn hekk, l-ANK ikkonċernata għandha tikkunsidra li tieħu miżuri raġonevoli għad-dispożizzjoni tagħha biex tegħleb l-ostakolu taħt id-dritt nazzjonali.

(7)

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv (2) u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Bord Superviżorju (3).

(8)

Filwaqt li l-Qafas tal-Etika tal-MSU huwa limitat għat-twettiq ta' kompiti superviżorji, il-Kunsill Governattiv adotta qafas tal-etika ekwivalenti għat-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali (4),

ADOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida:

(1)

“awtorità nazzjonali kompetenti” (ANK) tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament MSU. Din id-definizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti taħt il-liġi nazzjonali li jassenjaw ċerti kompiti superviżorji lil bank ċentrali nazzjonali (BĊN) mhux iddenominat bħala ANK. Referenza għal ANK f'din il-Linja Gwida għandha f'dan il-każ tapplika skont kif xieraq għall-BĊN għall-kompiti assenjati lilu bil-liġi nazzjonali;

(2)

“informazzjoni ta' ġewwa” tfisser kull informazzjoni sensittiva għas-suq li tirrigwarda t-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema mill-banek ċentrali tal-Eurosistema li ma tkunx inħarġet jew li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku;

(3)

“informazzjoni sensittiva għas-suq” tfisser informazzjoni ta' natura preċiża li l-pubblikazzjoni tagħha x'aktarx ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-assi jew il-prezzijiet fis-swieq finanzjarji;

(4)

“persuna ta' ġewwa” tfisser kwalunkwe membru ta' korp jew membru tal-persunal li għandu aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa li ma jkunx fuq bażi ta' darba biss;

(5)

“membru tal-persunal” tfisser kwalunkwe persuna li għandha relazzjoni ta' impjieg mal-BĊE jew ma' ANK bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma fdati biss b'kompiti li mhumiex relatati mat-twettiq ta' kompiti superviżorji taħt ir-Regolament MSU;

(6)

“membri ta' korpi” tfisser il-membri ta' korpi li jieħdu deċiżjonijiet u korpi oħrajn interni tal-BĊE jew l-ANK minbarra membri tal-persunal;

(7)

“korporazzjonijiet finanzjarji” għandha l-istess tifsira kif iddefinit fil-Kapitolu 2, paragrafu 2.55 tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(8)

“kunflitt ta' interess” tfisser sitwazzjoni fejn membri ta' korpi jew membri tal-persunal ikollhom interessi personali li jistgħu jinfluwenzaw jew jidhru li jinfluwenzaw it-twettiq imparzjali u oġġettiv ta' dmirijiethom.

(9)

“interess personali” tfisser kull benefiċċju jew benefiċċju potenzjali, ta' natura finanzjarja jew mhux finanzjarja, għall-membri tal-korpi jew tal-persunal, għall-membri tal-familja tagħhom, għal qraba oħrajn tagħhom jew għaċ-ċirku ta' ħbieb u konoxxenzi qrib tagħhom;

(10)

“vantaġġ” ifisser kull rigal, ospitalità jew benefiċċju ieħor ta' natura finanzjarja jew mhux finanzjarja li oġġettivament itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja, legali jew personali tar-riċevitur u li r-riċevitur mhuwiex intitolat għalih.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tapplika għall-BĊE u għall-ANK fit-twettiq tal-kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE. F'dan ir-rigward, regoli interni adottati mill-BĊE u mill-ANK fit-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għandhom japplikaw għall-membri tal-korpi tagħhom u għall-membri tal-persunal tagħhom.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jimmiraw sabiex, sa fejn ikun legalment fattibbli, jestendu l-obbligi ddefiniti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għal persuni involuti fit-twettiq ta' kompiti superviżorji li mhumiex membri tal-persunal.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-BĊE jew mill-ANK ta' regoli ta' etika iktar stretti għall-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tagħhom.

Artikolu 3

Rwoli u responsabbiltajiet

1.   Il-Kunsill Governattiv qiegħed jistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika tal-MSU f'din il-Linja Gwida u jistabbilixxi l-aħjar prattiċi dwar kif għandhom jiġu implimentati dawn il-prinċipji fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu biex jiddetermina l-kultura korporattiva u etika fil-livell tal-MSU.

2.   Il-Kumitat tal-Verifika, il-Kumitat tal-Awdituri Interni u l-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv għandhom ikunu involuti fl-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-Qafas tal-Etika għall-MSU skont il-mandati rispettivi tagħhom.

3.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jispeċifikaw l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-korpi, unitajiet u membri tal-persunal involuti fil-livell lokali fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-Qafas tal-Etika tal-MSU.

Artikolu 4

Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jifformulaw ir-regoli interni tagħhom li jimplimentaw din il-Linja Gwida b'mod ċar u trasparenti, jikkomunikawhom lill-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom u jiżguraw li jkunu aċċessibbli b'mod faċli.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iqajmu kuxjenza fost il-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tagħhom sabiex jifhmu l-obbligi tagħhom taħt il-qafas tal-etika għall-MSU.

Artikolu 5

Monitoraġġ tal-konformità

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Il-monitoraġġ għandu jinkludi, skont kif xieraq, it-twettiq ta' verifiki ta' konformità regolari u/jew ad hoc. Il-BĊE u l-ANK għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati biex jirreaġixxu fil-pront għal każijiet ta' nuqqas ta' konformità u sabiex jindirizzawhom.

2.   Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli interni li jippermettu investigazzjonijiet interni meta membru ta' korp jew membru tal-persunal ikun issuspettat li kiser ir-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida.

Artikolu 6

Rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità u segwitu

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw proċeduri interni għar-rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida inklużi regoli dwar ir-rapportar ta' għemil irregolari (whistleblowing) skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw protezzjoni xierqa ta' persuni li jirrapportaw każijiet ta' nuqqas ta' konformità.

3.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jiżguraw li jiġu segwiti każijiet ta' nuqqas ta' konformità, inkluż, kif ikun xieraq, l-impożizzjoni ta' miżuri dixxiplinarji proporzjonati skont ir-regoli dixxiplinarji u l-proċeduri applikabbli.

4.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jirrapportaw mingħajr dewmien kull inċident maġġuri relatat man-nuqqas ta' konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida permezz tal-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv u l-Bord Superviżorju lill-Kunsill Governattiv skont il-proċeduri interni applikabbli. F'każijiet urġenti, il-BĊE u l-ANK jistgħu jirrapportaw inċident maġġuri relatat ma' nuqqas ta' konformità direttament lill-Kunsill Governattiv. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE u l-ANK għandhom jinfurmaw lill-Kumitat tal-Verifika b'mod parallel.

KAPITOLU II

REGOLI DWAR IL-PREVENZJONI TA' UŻU ĦAŻIN TA' INFORMAZZJONI TA' ĠEWWA

Artikolu 7

Projbizzjoni ġenerali tal-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom ikunu pprojbiti milli jużaw ħażin informazzjoni ta' ġewwa.

2.   Il-projbizzjoni fuq l-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa għandha tkopri, bħala minimu: (a) l-użu ta' informazzjoni ta' ġewwa għal tranżazzjonijiet privati għal finijiet personali jew ta' terzi; (b) l-iżvelar ta' informazzjoni ta' ġewwa lil kull persuna oħra sakemm dak l-iżvelar ma jsirx waqt il-qadi ta' dmirijiet professjonali fuq bażi ta' min ikollu bżonnha biss; u (c) l-użu ta' informazzjoni ta' ġewwa sabiex wieħed jirrakkomanda jew iħajjar lil persuni oħra biex jidħlu fi tranżazzjonijiet finanzjarji privati.

Artikolu 8

Restrizzjonijiet speċifiċi għal persuni ta' ġewwa

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jiżġuraw li l-aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa tkun ristretta għal dawk il-membri tal-korpi u membri tal-persunal li jkollhom bżonn aċċess għal din l-informazzjoni għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jiżguraw li l-persuni ta' ġewwa kollha jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi. Tranżazzjoni finanzjarja privata għandha titqies li hija kritika meta tkun jew tista' titqies li hija relatata mill-qrib mat-twettiq ta' kompiti superviżorji. Il-BĊE u l-ANK għandhom jistabbilixxu fir-regoli interni tagħhom lista ta' dawn it-tranżazzjonijiet kritiċi li għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a)

tranżazzjonijiet f'ishma u bonds maħruġin minn korporazzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni;

(b)

negozjar għal perijodu qasir, jiġifieri x-xiri u l-bejgħ sussegwenti jew il-bejgħ u x-xiri sussegwenti tal-istess strument finanzjarju f'perijodu ta' referenza speċifiku;

(c)

tranżazzjonijiet f'derivattivi relatati mal-istrumenti finanzjarji elenkati taħt (a) u (c) u unitajiet fi skemi ta' investiment kollettiv li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jsir investiment f'dawn l-istrumenti finanzjarji.

3.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni li jistabbilixxu restrizzjonijiet speċifiċi għal persuni ta' ġewwa wara li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ta' effettività, effiċjenza u proporzjonalità. Restrizzjonijiet speċifiċi bħal dawk jistgħu jinkludu xi waħda minn dawn li ġejjin jew taħlita tagħhom:

(a)

il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi;

(b)

rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi;

(c)

rekwiżit ex ante jew ex post ta' rapportar għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi; u/jew

(d)

perijodi ta' embargo għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi.

4.   Il-BĊE u l-ANK jistgħu jagħżlu li japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet speċifiċi għal membri tal-persunal li ma jkunux persuni ta' ġewwa.

5.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jiżguraw li l-listi ta' tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi jkunu jistgħu jiġu aġġustati fi żmien qasir biex jirriflettu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

6.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom membri tal-korpi u membri tal-persunal li jafdaw il-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati lil terza persuna indipendenti skont ftehim ta' ġestjoni tal-assi bil-miktub ikunu eżentati minn restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

REGOLI BIEX JIĠU EVITATI L-KUNFLITTI TA' INTERESSI

Artikolu 9

Kunflitti ta' interessi

1.   Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn kandidat li qed jiġi kkunsidrat għal ħatra bħala membru tal-persunal ikollu kunflitt ta' interess li jirriżulta minn attivitajiet ta' xogħol preċedenti jew minn relazzjonijiet personali.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni li jeħtieġu li l-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom jevitaw matul l-impjieg tagħhom kull sitwazzjoni li tista' tagħti lok għal kunflitt ta' interess u biex dawk is-sitwazzjonijiet jiġu rrapportati. Il-BĊE u l-ANK għandhom jiżguraw li, meta jiġi rrapportat kunflitt ta' interess, ikun hemm disponibbli miżuri xierqa biex dan il-kunflitt jiġi evitat, inkluża eżenzjoni minn dmirijiet relatati mal-kwistjoni rilevanti.

3.   Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmu biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti ta' interess possibbli li jirriżultaw minn attivitajiet ta' xogħol ta' wara l-impjieg imwettqa mill-membri tal-korpi tagħhom u l-membri anzjani tal-persunal tagħhom li jirrapportaw direttament lil-livell eżekuttiv.

4.   Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom, meta jkun rilevanti, mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvaluta u jevita kunflitti ta' interessi potenzjali li jirriżultaw minn attivitajiet ta' xogħol li jagħmlu l-membri tal-persunal tagħhom matul il-liv bla ħlas.

KAPITOLU IV

REGOLI DWAR L-AĊĊETTAZZJONI TA' RIGALI U OSPITALITÀ

Artikolu 10

Projbizzjoni li wieħed jirċievi vantaġġi

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni li jipprojbixxu lill-membri tal-korpi tagħhom u lill-membri tal-persunal tagħhom milli jitolbu, jirċievu jew jaċċettaw wegħda relatata mar-riċeviment ta' xi vantaġġ għalihom jew għal xi persuna oħra li jkun b'xi mod marbut mal-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

2.   Il-BĊE u l-ANK jistgħu jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom eżenzjonijiet mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-vantaġġi offruti mill-banek ċentrali, korpi jew aġenziji tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-gvern, jew fir-rigward ta' vantaġġi ta' valur skont id-drawwa jew negliġibbli offruti mis-settur privat, iżda fil-każ tal-aħħar dawn il-vantaġġi la għandhom ikunu ta' spiss u l-anqas mill-istess sors. Il-BĊE u l-ANK għandhom jiżguraw li dawn l-eżenzjonijiet la jinfluwenzaw u lanqas jidhru li qed jinfluwenzaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi tagħhom u tal-membri tal-persunal tagħhom.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, ebda eżenzjoni ma għandha ssir għal vantaġġi offruti minn istituzzjonijiet tal-kreditu lil membri tal-persunal tal-BĊE jew ta' ANK matul spezzjonijiet fuq il-post jew missjonijiet ta' verifika ħlief għal ospitalità ta' valur negliġibbli offruta matul laqgħat relatati max-xogħol.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-ANK.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw u jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u għandhom japplikawhom mit-18 ta' Marzu 2016. L-ANK għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar kull ostakolu għall-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida u għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mit-18 ta' Jannar 2016.

Artikolu 12

Rapportar u valutazzjoni mill-ġdid

1.   L-ANK għandhom jirrapportaw kull sena lill-BĊE dwar l-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida.

2.   Il-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta mil-ġdid dawn il-kategoriji tal-inqas kull tliet snin.

Artikolu 13

Destinatarji

Din il-linja ta' gwida hija indirizzata lill-BĊE u lill-ANK.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-12 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Kodiċi tal-Kondotta tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-membri tal-Kunsill Governattiv (ĠU C 123, 24.5.2002, p. 9).

(3)  Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 93, 20.3.2015, p. 2).

(4)  Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (Ara paġna 23 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).


Top