EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L2203

Direttiva (UE) 2015/2203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma' kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE

OJ L 314, 1.12.2015, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2203/oj

1.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/1


DIRETTIVA (UE) 2015/2203 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Novembru 2015

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma' kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE (3) tipprevedi l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma' ċerti lattoproteini (il-kaseini u l-kaseinati) maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Mid-dħul fis-seħħ ta' dik id-Direttiva seħħew diversi bidliet, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' qafas legali komprensiv fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel u l-adozzjoni ta' standard internazzjonali għal prodotti tal-kaseina li tittiekel mill-Kummissjoni Codex Alimentarius ('standard tal-Codex għal prodotti tal-kaseina li tittiekel'), li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati.

(2)

Id-Direttiva 83/417/KEE tagħti setgħat lill-Kummissjoni biex din timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha. B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, jeħtieġ li dawk is-setgħat jiġu allinjati mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

Fl-interessi taċ-ċarezza, id-Direttiva 83/417/KEE għandha għalhekk titħassar u tinbidel b'Direttiva ġdida.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fih regoli ġenerali, orizzontali u uniformi tal-Unjoni dwar l-adozzjoni ta' miżuri ta' emerġenza għall-ikel u l-għalf . Id-dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva 83/417/KEE għalhekk ma għadhomx meħtieġa.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fih regoli ġenerali, orizzontali u uniformi tal-Unjoni dwar il-metodi ta' teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-oġġetti tal-ikel. Id-dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva 83/417/KEE għalhekk ma għadhomx meħtieġa.

(6)

Taħt ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandha tingħata informazzjoni biżżejjed f'relazzjonijiet bejn negozju u ieħor sabiex jiġu ggarantiti l-preżenza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumatur finali. Peress li l-prodotti koperti b'din id-Direttiva huma maħsuba sabiex jinbiegħu minn negozju għal ieħor, għat-tħejjija ta' prodotti tal-ikel, jixraq li r-regoli speċifiċi diġà inklużi fid-Direttiva 83/417/KEE jinżammu, jiġu adattati għall-qafas legali attwali u jiġu ssimplifikati. Dawn ir-regoli speċifiċi għandhom jipprevedu l-informazzjoni li għandha tingħata għall-prodotti koperti b'din id-Direttiva, f'relazzjonijiet bejn negozju u ieħor, minn naħa waħda, sabiex issir disponibbli lill-operaturi kummerċjali tal-ikel l-informazzjoni li jeħtieġu għat-tikkettar tal-prodotti finali, pereżempju fir-rigward tal-allerġeni, u, min-naħa l-oħra, biex jiġi evitat li dawk il-prodotti jiġu konfużi ma' prodotti simili li ma jkunux maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistabbilixxi definizzjoni ta' addittivi alimentari u għajnuniet għall-ipproċessar imsejħa awżiljari teknoloġiċi fid-Direttiva 83/417/KEE. Konsegwentement, din id-Direttiva għandha tuża t-termini “addittivi tal-ikel” u “għajnuniet ta' pproċessar” minflok “awżiljarji teknoloġiċi”. Tali użu ta' terminoloġija jkun ukoll konformi mal-istandard tal-Codex għal prodotti tal-kaseina li jittieklu.

(8)

Termini u referenzi oħra użati fl-Annessi għad-Direttiva 83/417/KEE għandhom jiġu adattati biex jiġu kkunsidrati dawk użati fir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(9)

L-Anness I tad-Direttiva 83/417/KEE jiffissal-kontenut massimu tal-umdità għall-kaseini li jittieklu għal 10 % u l-kontenut massimu tal-grass tal-ħalib għall-kaseina aċiduża li tittiekel għal 2,25 %. Meta jitqies li l-istandard tal-Codex għal prodotti tal-kaseina li tittiekel jiffissa dawk il-parametri fi 12 % u 2 % rispettivament, il-parametri korrispondenti għandhom jiġu stabbiliti f'konformità ma' dak l-istandard sabiex ikunu evitati distorzjonijiet fil-flussi kummerċjali.

(10)

Sabiex minnufih tadatta jew taġġorna l-elementi tekniċi li jinsabu fl-Annessi ta' din id-Direttiva biex jitqiesu l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti jew il-progress tekniku, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istandards applikabbli għal kaseini u kaseinati li jittieklu stabbiliti fl-Annessi I u II. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(11)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri jiġi faċilitat il-moviment liberu tal-kaseini u l-kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem filwaqt li jkun ipprovdut livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, u li d-dispożizzjonijiet eżistenti jinġiebu konformi mal-leġiżlazzjoni ġenerali tal-Unjoni dwar l-ikel u mal-istandards internazzjonali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-kaseini u l-kaseinati li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem u t-taħlitiet tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kaseina aċiduża li tittiekel” tfisser prodott tal-ħalib miksub permezz tas-separazzjoni, il-ħasil u t-tnixxif ta' koagulat preċipitat aċiduż ta' ħalib xkumat u/jew ta' prodotti oħra magħmulin mill-ħalib;

(b)

“kaseina mill-kimożina li tittiekel” tfisser prodott tal-ħalib miksub permezz tas-separazzjoni, il-ħasil u t-tnixxif ta' koagulat ta' ħalib xkumat u/jew prodotti oħra miksuba mill-ħalib; il-koagulat jinkiseb permezz tar-reazzjoni tal-kimożina jew enzimi koagulanti oħrajn;

(c)

“kaseinati li jittieklu” tfisser prodott tal-ħalib miksub b'azzjoni ta' kaseina li tittiekel jew il-koagulat tal-baqta tal-kaseina li tittiekel b'aġenti newtralizzanti, segwit minn tnixxif.

Artikolu 3

Obbligi tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li:

(a)

il-prodotti tal-ħalib iddefiniti fl-Artikolu 2 jitqiegħdu fis-suq, bl-ismijiet speċifikati hemmhekk, biss jekk dawn jikkonformaw mar-regoli stipulati f'din id-Direttiva u l-istandards imniżżla fl-Annessi I u II; u

(b)

il-kaseini u l-kaseinati li ma jikkonformawx mal-istandards imniżżla fil-punti (b) u (c) tat-Taqsima I tal-Anness I, punti (b) u (c) tat-Taqsima II tal-Anness I jew il-punti (b) u (c) tal-Anness II, ma jintużawx għat-tħejjija tal-ikel u li, fejn jitqiegħdu fis-suq legalment għal skopijiet oħrajn, jissemmew u jiġu ttikkettati b'tali mod li x-xerrej ma jiġix imqarraq dwar in-natura, il-kwalità jew l-użu maħsub tagħhom.

Artikolu 4

Tikkettar

1.   Id-dettalji li ġejjin għandhom jiġu mmarkati fuq il-pakketti, il-kontenituri jew it-tikketti tal-prodotti tal-ħalib definiti fl-Artikolu 2 b'ittri faċilment viżibbli, li jistgħu jinqraw b'mod ċar u li ma jitħassrux:

(a)

l-isem tal-prodotti tal-ħalib kif stabbilit fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2 b'indikazzjoni, fil-każ ta' kaseinati li jittieklu, tal-katjon jew il-katjoni kif elenkati fil-punt (d) tal-Anness II;

(b)

fil-każ tal-prodotti mqiegħda fis-suq bħala taħlitiet:

(i)

il-kliem “taħlita ta'…” segwiti mill-ismijiet tal-prodotti differenti li minnhom hi magħmula t-taħlita, f'ordni dixxendenti tal-piż,

(ii)

indikazzjoni tal-katjon jew il-katjoni, kif elenkati fil-punt (d) tal-Anness II, fil-każ ta' kaseinati li jittieklu,

(iii)

il-kontenut tal-proteini fil-każ tat-taħlitiet li jkun fihom il-kaseinati li jittieklu;

(c)

il-kwantità netta tal-prodotti, espressa f'kilogrammi jew grammi;

(d)

l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-operatur kummerċjali tal-ikel li taħt ismu, jew taħt isem in-negozju tiegħu, il-prodott jiġi kkummerċjalizzat jew, jekk dak l-operatur kummerċjali tal-ikel ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-importatur fis-suq tal-Unjoni;

(e)

fil-każ tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi, l-isem tal-pajjiż tal-oriġini;

(f)

l-identifikazzjoni tal-lott tal-prodotti jew id-data tal-produzzjoni.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, id-dettalji msemmija fil-punt (iii) tal-punt (b) u fil-punti (c), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu mmarkati biss f'dokument li jakkumpanja.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ħalib definiti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2 fit-territorju tagħhom jekk id-dettalji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma jkunux immarkati b'lingwa li tinftiehem faċilment mix-xerrejja f'dak Istat Membru fejn dawk il-prodotti jitqiegħdu fis-suq, sakemm din l-informazzjoni ma tiġix provduta mill-operatur kummerċjali tal-ikel b'mezzi oħra. Dawk id-dettalji jistgħu jiġi mmarkati b'diversi lingwi.

3.   Fejn il-kontenut minimu ta' proteina tal-ħalib imniżżel fil-punt (a)2 tat-Taqsima I tal-Anness I, fil-punt (a)2 tat-Taqsima II tal-Anness I, u fil-punt (a)2 tal-Anness II jinqabeż fil-prodotti tal-ħalib definiti fl-Artikolu 2, dan il-fatt jista', mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni, jiġi adegwatament immarkat fuq il-pakketti, il-kontenituri jew it-tikketti tal-prodotti.

Artikolu 5

Delega ta' setgħa

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 6 sabiex temenda l-istandards imniżżla fl-Annessi I u II sabiex jitqiesu l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti u l-progress tekniku.

Artikolu 6

Eżerċizzju ta' delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u li jkollha konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta l-atti delegati imsemmija fl-Artikolu 5.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-21 ta' Diċembru 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 7

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-22 ta' Diċembru 2016. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirriferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 8

Tħassir

Id-Direttiva 83/417/KEE titħassar b'effett mit-22 ta' Diċembru 2016.

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Novembru 2015

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 72.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2015

(3)  Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE tal-25 ta' Lulju 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' ċerti lattoproteini (il-kaseini u l-kaseinati) maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 237, 26.8.1983, p. 25).

(4)  Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal- Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id- Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(7)  Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(8)  Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7).


ANNESS I

KASEINI LI JITTIEKLU

I.   STANDARDS LI JAPPLIKAW GĦALL-KASEINI AĊIDUŻI LI JITTIEKLU

(a)   Fatturi essenzjali tal-kompożizzjoni

1.

Il-kontenut massimu ta' umdità

12 % skont il-piż

2.

Kontenut minimu ta' proteina tal-ħalib kalkulat fuq l-estratt imnixxef

90 % skont il-piż

li minnu l-kontenut minimu tal-kaseina

95 % skont il-piż

3.

Il-kontenut massimu ta' grass tal-ħalib

2 % skont il-piż

4.

L-aċidità massima li tista' tiġi ttitrata, espressa f'ml ta' soluzzjoni tas-sodju idrossidu deċinormali għal kull g

0,27

5.

Il-kontenut masssimu ta' rmied (inkluż il-P205)

2,5 % skont il-piż

6.

Il-kontenut massimu ta' lattożju anidru

1 % skont il-piż

7.

Il-kontenut massimu ta' sediment (partikuli maħruqin)

22,5 mg f'25 g

(b)   Kontaminanti

Il-kontenut massimu ta' ċomb

0,75 mg/kg

(c)   Impuritajiet

Materja barranija (bħal partikuli ta' injam jew metall, xagħar jew frammenti ta' insetti)

Xejn f'25 g

(d)   Għajnuniet għall-ipproċessar, kulturi batteriċi u ingredjenti awtorizzati

1.

aċidi

aċidu lattiku

aċidu idrokloriku

aċidu sulfuriku

aċidu ċitriku

aċidu aċetiku

aċidu ortofosforiku

2.

kulturi batteriċi li jipproduċu l-aċidu lattiku

3.

xorrox

(e)   Karatterisiċi organolettiċi

1.

:

Ir-riħa

:

L-ebda rwejjaħ barranin.

2.

:

Id-dehra

:

Kulur li jvarja minn abjad għall-kulur il-krema; il-prodott ma jistax ikollu fih biċċiet li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa.

II.   STANDARDS LI JAPPLIKAW GĦALL-KASEINI MILL-KIMOŻINA LI JITTIEKLU

(a)   Fatturi essenzjali tal-kompożizzjoni

1.

Il-kontenut massimu ta' umdità

12 % skont il-piż

2.

Kontenut ta' proteina tal-ħalib minimu kkalkulat fuq l-estratt imnixxef

84 % skont il-piż

li minnu l-kontenut tal-kaseina minimu

95 % skont il-piż

3.

Il-kontenut massimu ta' grass tal-ħalib

2 % skont il-piż

4.

Il-kontenut minimu ta' rmied (inkluż il-P2O5)

7,5 % skont il-piż

5.

Il-kontenut massimu ta' lattożju anidru

1 % skont il-piż

6.

Il-kontenut massimu ta' sediment (partikuli maħruqin)

15 mg f'25 g

(b)   Kontaminanti

Il-kontenut massimu ta' ċomb

0,75 mg/kg

(c)   Impuritajiet

Materja barranija (bħal partikuli ta' injam jew metall, xagħar jew frammenti ta' insetti)

xejn f'25 g

(d)   Għajnuniet għall-ipproċessar

kimożina li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008

enzimi oħra li jikkoagulaw il-ħalib u li jissodisfaw il-ħtiġijet tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008.

(e)   Karatterisiċi organolettiċi

1.

:

Ir-riħa

:

L-ebda rwejjaħ barranin.

2.

:

Id-dehra

:

Kulur li jvarja minn abjad għall-kulur il-krema; il-prodott ma jistax ikollu fih biċċiet li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa.


ANNESS II

KASEINATI LI JITTIEKLU

STANDARDS LI JAPPLIKAW GĦALL-KASEINATI LI JITTIEKLU

(a)   Fatturi essenzjali tal-kompożizzjoni

1.

Il-kontenut massimu ta' umdità

8 % skont il-piż

2.

Kontenut minimu ta' proteina tal-ħalib ikkalkulat fuq l-estratt imnixxef

88 % skont il-piż

li minnu l-kontenut minimu tal-kaseina

95 % skont il-piż

3.

Il-kontenut massimu ta' grass tal-ħalib

2 % skont il-piż

4.

Il-kontenut massimu ta' lattożju anidru

1 % skont il-piż

5.

Il-valur pH

6,0 sa 8,0

6.

Il-kontenut massimu ta' sediment (partikuli maħruqin)

22,5 mg f'25 g

(b)   Kontaminanti

Il-kontenut massimu ta' ċomb

0,75 mg/kg

(c)   Impuritajiet

Materja barranija (bħal partikuli ta' injam jew metall, xagħar jew frammenti ta' insetti)

Xejn f'25 g

(d)   Addittivi tal-ikel

(l-aġenti newtralizzanti u li jservu biex inaqqsu l-qawwa, mhux mandatorji)

idrossidi

karbonati

fosfati

ċitrati

ta'

sodju

potassju

kalċju

ammonju

manjeżju

(e)   Karatteristiċi

1.

:

Ir-riħa

:

Togħmiet u rwejjaħ barranin ħfief ħafna.

2.

:

Id-dehra

:

Kulur li jvarja minn abjad għall-kulur il-krema; il-prodott ma jistax ikollu fih biċċiet li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa.

3.

:

Solubbiltà

:

Kważi solubbli għal kollox fl-ilma ddistillat, għajr għall-kalċju tal-kaseina.


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikoli 1 u 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 5

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 12

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 13

Artikolu 10

Anness I, taqsima I

Artikolu 2, punti (a) u (b)

Anness I, taqsima II

Anness I, taqsima I

Anness I, taqsima III

Anness I, taqsima II

Anness II, taqsima I

Artikolu 2, punt (c)

Anness II, taqsima II

Anness II

Anness III


Top