EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L0863

Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/863 tal-31 ta' Marzu 2015 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' sustanzi restritti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2015/2067

OJ L 137, 4.6.2015, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2015/863/oj

4.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/10


DIRETTIVA TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/863

tal-31 ta' Marzu 2015

li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' sustanzi restritti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi ta' riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tistipula r-regoli dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) bil-għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż l-irkupru u r-rimi mingħajr preġudizzju għall-ambjent tal-iskart EEE.

(2)

Id-Direttiva 2011/65/EU tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb, tal-merkurju, tal-kadmju, tal-kromju eżavalenti, tal-bifenili polibrominati (PBB) u tal-eteri tad-difenil polibrominat (PBDE) fit-tagħmir elettriku u elettroniku imqiegħed fis-suq tal-Unjoni. L-Anness II għal din id-Direttiva jelenka dawk is-sustanzi ristretti.

(3)

Hekk kif tkun qed titwettaq ir-rieżami perjodiku tal-lista ta' sustanzi soġġetti għar-restrizzjoni tal-użu fl-Anness II għandhom jiġu kkunsidrati prioritarji dawk ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġejjin mill-użu tal-eżobromċiklodekan (HBCDD), tal-ftalat ta' bis(2-etileżil) (DEHP), tal-butilbenżilftalat (BBP) u tad-dibutilftalat (DBP). Għal fini ta' restrizzjonijiet ulterjuri, is-sustanzi li kienu suġġetti għal evalwazzjonijiet preċedenti għandhom jerġgħu jiġu investigati.

(4)

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/65/UE, il-partijiet interessati, inklużi operaturi ekonomiċi, riċiklaturi, operaturi tat-trattament, organizzazzjonijiet ambjentali u assoċjazzjonijiet tal-impjegati u tal-konsumaturi, ġew ikkonsultati u saret valutazzjoni bir-reqqa.

(5)

Il-ftalat ta' bis(2-etileżil) (DEHP), il-butilbenżilftalat (BBP), id-dibutilftalat (DBP) u d-diisobutilftalat (DIBP) huma sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHC). Id-DIBP huwa sustanza li tista' tintuża bħala sostitut għad-DBP u kien soġġett għal valutazzjonijiet preċedenti mwettqa mill-Kummissjoni. L-evidenza disponibbli tindika li dawn l-erba' sustanzi, meta jintużaw fl-EEE, jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ u fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent waqt l-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-iskart tal-EEE.

(6)

Hemm disponibbli għad-DEHP, il-BBP, id-DBP u d-DIBP sostituti li għandhom impatti anqas negattivi fil-biċċa l-kbira tal-EEE. L-użu ta' dawk is-sustanzi f'tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għandu għalhekk jiġi ristrett. Id-DEHP, il-BBP u d-DBP diġà huma ristretti permezz tal-annotazzjoni 51 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b'tali mod li l-ġugarelli li fihom id-DEHP, il-BBP u d-DBP f'konċentrazzjoni ta' iktar minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal plastifikat, ikkalkolati għat-tliet ftalati b'mod kumulattiv, ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq tal-UE. Sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni doppja, ir-restrizzjoni permezz tal-annotazzjoni 51 tal-Anness XVII ta' dak ir-Regolament għandha għalhekk tkompli tkun l-unika restrizzjoni applikabbli għad-DEHP, il-BBP u id-DBP fil-ġugarelli.

(7)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni u biex jittaffu l-impatti soċjoekonomiċi possibbli, għandu jingħata perijodu transitorju xieraq, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi japplikaw għal eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE. L-itwal ċikli ta' innovazzjoni għat-tagħmir mediku u għall-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll għandhom jitqiesu meta jkun determinat il-perjodu ta' tranżizzjoni. Ir-restrizzjoni tal-użu tad-DEHP, il-BBP, id-DBP u d-DIBP għandu għalhekk, sa mit-22 ta' Lulju 2021, japplika għal apparat mediku, inkluż l-apparat mediku in vitro, u strumenti ta' monitoraġġ u kontroll, inklużi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali.

(8)

Kwalunkwe adattament tal-Annessi III jew IV tad-Direttiva 2011/65/UE sabiex jiġu eżentati applikazzjonijiet fir-rigward tad-DEHP jew id-DBP għandu jsir b'mod li, sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni doppja u piż mhux meħtieġ, jiżgura koerenza mal-amministrazzjoni ta' kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 rigward l-inkorporazzjoni ta' dawn is-sustanzi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE). L-operaturi li qed iqisu jekk japplikawx għal eżenzjonijiet skont id-Direttiva 2011/65/UE għandhom ikunu konxji li tali eżenzjonijiet jistgħu jkopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-EEE, inkluż il-perijodu tal-produzzjoni.

(9)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/65/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE huwa ssostitwit bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mit-22 ta' Lulju 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet primarji tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

“ANNEX II

Sustanzi restritti msemmija fl-Artikolu 4(1) u valuri massimi ta' konċentrazzjoni ttollerati skont il-piż f'sustanzi omoġenji

 

Ċomb (0,1 %)

 

Merkurju (0,1 %)

 

Kadmju (0,01 %)

 

Kromju eżavalenti (0,1 %)

 

Bifenili polibrominati (PBB) (0,1 %)

 

Eteri tad-difenil polibrominat (PBDE) (0,1 %)

 

Ftalat ta' bis(2-etileżil) (DEHP) (0,1 %)

 

Butilbenżilftalat (BBP) (0,1 %)

 

Dibutilftalat (DBP) (0,1 %)

 

Diisobutilftalat (DIBP) (0,1 %)

Mit-22 ta' Lulju 2021 għandha tapplika r-restrizzjoni tad-DEHP, il-BBP, id-DBP u d-DIBP għall-apparat mediku, inkluż l-apparat mediku in vitro, u l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll, inklużi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali.

Ir-restrizzjoni tad-DEHP, il-BBP, id-DBP u d-DIBP m'għandhiex tapplika għall-kejbils jew il-parts tal-bdil għat-tiswija, ir-riutilizzazzjoni, l-aġġornament tal-funzjonalitajiet jew it-titjib tal-prestazzjoni tat-tagħmir elettriku u elettroniku, li jitqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2019, u tal-apparat mediku inkluż l-apparat mediku in vitro, u l-istrumenti ta' kontroll u monitoraġġ, inklużi l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, li jitqiegħdu fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2021.

Ir-restrizzjoni tad-DEHP, il-BBP u d-DBP m'għandhiex tapplika għall-ġugarelli li huma diġà suġġetti għar-restrizzjoni tad-DEHP, il-BBP u d-DBP permezz tal-annotazzjoni 51 tal-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.”


Top