Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L0637

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta' April 2015 dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE

OJ L 106, 24.4.2015, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/637/oj

24.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2015/637

tal-20 ta' April 2015

dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta' pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, il-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' Stat Membru ieħor bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat huwa wieħed mid-drittijiet speċifiċi li l-punt (c) tal-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni.

(2)

It-Trattat ta' Lisbona saħħaħ l-istatus taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u saħħaħ id-drittijiet marbuta magħha. L-Artikolu 23 tat-TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta' direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari taċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni.

(3)

Il-valuri li fuqhom hija msejsal-Unjoni jinkludu s-solidarjetà, in-nondiskriminazzjoni u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja l-Unjoni għandha tiddefendi l-valuri tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni konsulari taċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni, bl-istess kondizzjonijiet bħal taċ-ċittadini, stabbilit fl-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), huwa espressjoni tas-solidarjetà Ewropea. Huwa jipprovdi dimensjoni esterna lill-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ l-identità tal-Unjoni f'pajjiżi terzi.

(4)

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi l-miżuri ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni meħtieġa biex tkompli tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadin mhux rappreżentati tal-Unjoni. Dawk il-miżuri għandhom iżidu ċ-ċertezza legali kif ukoll il-kooperazzjoni u s-solidarjetà effiċjenti fost l-awtoritajiet konsulari.

(5)

F'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 20(2) tat-TFUE u l-Artikolu 23 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni konsulari lil ċittadini mhux rappreżentati bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini tagħhom. Din id-Direttiva ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri biex jiddeterminaw l-ambitu tal-protezzjoni li għandha tingħata liċ-ċittadini tagħhom stess.

(6)

Din id-Direttiva ma taffettwax ir-relazzjonijiet konsulari bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, b'mod partikolari d-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn użanzi u ftehimiet internazzjonali, partikolarment taħt il-Konvenzjoni tal-24 ta' April 1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari (il-Konvenzjoni ta' Vjenna), li l-Istati Membri japplikaw f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, l-Istati Membri jistgħu jagħtu protezzjoni konsulari f'isem Stat Membru ieħor meta ssir notifika adatta u dment li l-pajjiż terz ikkonċernat ma joġġezzjonax. B'mod partikolari, jista' jkun hemm diffikultajiet b'rabta ma' sitwazzjonijiet li jinvolvu ċittadini li huma wkoll ċittadini tal-pajjiż ospitanti. L-Istati Membri, appoġġati mill-kooperazzjoni konsulari lokali, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji fir-rigward tal-pajjiżi terzi sabiex jassiguraw li fi kwalunkwe każ il-protezzjoni konsulari tkun tista' tingħata f'isem Stati Membri oħra.

(7)

Meta ċittadini mhux rappreżentati jkollhom bżonn protezzjoni f'pajjiżi terzi, huma meħtieġa kooperazzjoni u koordinazzjoni effiċjenti. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, li jkollu preżenza f'pajjiż terz, u l-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin għandhom jikkooperaw mill-qrib. Il-kooperazzjoni konsulari lokali tista' tkun partikolarment kumplessa għaċ-ċittadini mhux rappreżentati, minħabba li tirrikjedi koordinazzjoni ma' awtoritajiet li ma jkunux rappreżentati lokalment, inkluż fejn rilevanti koordinazzjoni ma' ambaxxati u konsulati kompetenti. Sabiex jimtela l-vojt ikkawżat min-nuqqas ta' ambaxxata jew konsulat tal-Istat Membru proprju taċ-ċittadin, għandu jiġi stabbilit sett ta' regoli stabbli u ċari. Jeħtieġ li jiġu ċċarati l-miżuri eżistenti sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva.

(8)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom ikunu meqjusa bħala mhux rappreżentati f'pajjiż terz jekk l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom ma jkollux ambaxxata, konsulat jew konslu onorarju stabbilit hemmhekk. Iċ-ċittadini għandhom ukoll ikunu meqjusa bħala mhux rappreżentati jekk l-ambaxxata, il-konsulat jew il-konslu onorarju stabbilit lokalment ma jkunx jista', għal kwalunkwe raġuni, jipprovdi, f'każ partikolari, il-protezzjoni li l-persuna kkonċernata tkun, f'każijiet oħrajn, intitolata li tirċievi skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali. L-ambaxxati u l-konsulati għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar kwalunkwe ċirkostanza eċċezzjonali li tista' temporanjament taffettwa l-kapaċità tagħhom li jipprovdu protezzjoni konsulari. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-aċċessibbiltà u l-prossimità. Pereżempju, ċittadin li jfittex protezzjoni konsulari jew għajnuna mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta' Stat Membru ieħor ma għandux jerġa' jintbagħat għand l-ambaxxata, il-konsulat jew il-konslu onorarju tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu meta ma jkunx possibbli, minħabba ċirkostanzi lokali jew nuqqas ta' riżorsi, għaċ-ċittadinanza biex jilħaq jew jintlaħaq b'mod sikur minn dawk l-entitajiet b'tali mod li jkun jista' jirċievi protezzjoni konsulari. Il-kunċett ta' nuqqas ta' rappreżentanza għandu jiġi interpretat bil-għan li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt taċ-ċittadini mhux rappreżentati li għandhom jiġu protetti minn ambaxxata jew konsulat ta' Stat Membru ieħor b'mod nondiskriminatorju, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ta' kull każ partikolari. Iċ-ċittadini li għandhom iċ-ċittadinanza ta' iktar minn Stat Membru wieħed għandhom jitqiesu mhux rappreżentati jekk l-ebda wieħed mill-Istati Membri taċ-ċittadinanza tagħhom ma jkun rappreżentat fil-pajjiż terz ikkonċernat.

(9)

Bil-għan li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 20(2) tat-TFUE u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif rikonoxxuti fl-Artikolu 7 tal-Karta, u filwaqt li jittieħed kont tal-liġi u l-prattika nazzjonali, Stat Membru li jagħti l-għajnuna jista' jkollu jagħti protezzjoni lill-membri tal-familji ta' ċittadini tal-Unjoni li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, u dan jiddipendi miċ-ċirkustanzi individwali ta' kull każ. Din id-Direttiva ma tipprekludix li matul il-konsultazzjonijiet li għandhom isiru qabel tingħata l-għajnuna, l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u l-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat, fejn xieraq, jaqblu dwar il-possibbiltà li tiġi estiża l-għajnuna lil membri tal-familja minn pajjiżi terzi ta' ċittadin tal-Unjoni mhux rappreżentat lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mil-liġi tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jew minn dak li huwa ddettat mill-prattika tiegħu, b'kont meħud kemm jista' jkun tat-talbiet mingħand l-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat, u sa fejn dak li jkun miftiehem ikun biżżejjed għal dak li huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu ma jkunux f'pożizzjoni li jagħtu ċerti tipi ta' protezzjoni konsulari, bħal dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar, lil membri tal-familja minn pajjiżi terzi. Fejn tkun involuta għajnuna għall-minuri, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja, f'konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta, u kif ipprovdut fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989.

(10)

Iċ-ċittadini mhux rappreżentati għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu protezzjoni konsulari mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta' kwalunkwe Stat Membru. Madankollu, dak m'għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jidħlu f'arranġamenti prattiċi sabiex jaqsmu r-responsabbiltajiet biex jipprovdu protezzjoni konsulari liċ-ċittadini mhux rappreżentati f'konformità ma' din id-Direttiva. Arranġamenti bħal dawn huma ta' benefiċċju għaċ-ċittadini, għaliex permezz tagħhom ikunu jistgħu jsiru preparamenti aħjar sabiex tkun żgurata protezzjoni effettiva. L-Istati Membri li jirċievu talba għall-protezzjoni għandhom jevalwaw jekk, fil-każ speċifiku, huwiex meħtieġ li tingħata protezzjoni konsulari jew jekk il-każ jistax jiġi trasferit lejn l-ambaxxata jew il-konsulat li huwa magħżul bħala kompetenti skont kwalunkwe arranġament li jkun diġà fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bi kwalunkwe arranġament bħal dan, li għandu jkun ppubbliċizzat mill-Unjoni u l-Istati Membri sabiex jassiguraw trasparenza għaċ-ċittadini mhux rappreżentati.

(11)

Din id-Direttiva m'għandhiex twaqqaf lill-Istat Membru li ma jkunx rappreżentat f'pajjiż terz milli jagħti protezzjoni konsulari lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu, pereżempju billi jipprovdi servizzi konsulari online, fejn xieraq. L-Istat Membru taċ-ċittadinanza ta' ċittadin mhux rappreżentat għandu jitħalla jitlob lill-Istat Membru li mingħandu dak iċ-ċittadin jitlob jew jirċievi protezzjoni konsulari biex jittrasferixxi l-applikazzjoni jew il-każ sabiex jagħti protezzjoni konsulari huwa stess. Tali trasferiment m'għandux iwassal biex iċ-ċittadin mhux rappreżentat jiġi mċaħħad minn protezzjoni konsulari.

(12)

Minkejja t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-kompetenzi tal-konsli onorarji, dawn normalment ma joffrux l-istess firxa ta' servizzi bħall-ambaxxati jew il-konsulati. Meta jiġi kkunsidrat li konsli onorarji ta' spiss jaqdu l-missjoni tagħhom fuq bażi volontarja, għandu jitħalla f'idejn kull Stat Membru biex jiddeċiedi jekk din id-Direttiva għandhiex tapplika għal konsli onorarji tiegħu. Il-konsli onorarji jistgħu jintalbu jipprovdu protezzjoni konsulari liċ-ċittadini mhux rappreżentati, skont iċ-ċirkustanzi ta' kull każ.

(13)

It-talbiet għal protezzjoni għandhom jiġu pproċessati jekk l-applikanti jippreżentaw passaport jew karta tal-identità valida ta' ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, jista' jkun li ċ-ċittadini mhux rappreżentati li jkunu jeħtieġu protezzjoni konsulari ma jkunux għadhom fil-pussess tad-dokumenti tal-identità tagħhom. L-istatus fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni huwa mogħti direttament bid-dritt tal-Unjoni u d-dokumenti tal-identità huma ta' valur sempliċiment dikjaratorju. Jekk l-applikanti ma jkunux jistgħu jipprovdu dokumenti tal-identità validi, huma għandhom ikunu jistgħu konsegwentement jagħtu prova tal-identità tagħhom bi kwalunkwe mezz ieħor. Jekk ikun meħtieġ, l-identità tal-persuna kkonċernata tista' tiġi vverifikata meta jiġu kkonsultati l-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu l-applikant isostni li huwa ċittadin. Fir-rigward ta' membri tal-familja minn pajjiżi terzi li jakkumpanjaw lill-applikant, l-awtoritajiet tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-applikant għandhom ikunu jistgħu wkoll jgħinu biex l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jivverifika l-identità u l-eżistenza ta' rabta familjari mal-applikant.

(14)

Sabiex jiġi stabbilit liema miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni huma neċessarji, għandu jiġi speċifikat l-ambitu tal-protezzjoni konsulari taħt din id-Direttiva. Il-protezzjoni konsulari taċ-ċittadini mhux rappreżentati għandha tinkludi għajnuna f'għadd ta' sitwazzjonijiet tipiċi li fihom l-Istati Membri jipprovdu protezzjoni konsulari liċ-ċittadini tagħhom stess li tiddipendi miċ-ċirkostanzi individwali ta' kull każ, bħal fil-każijiet ta' arrest jew detenzjoni, inċident serju jew mard serju u mewt, kif ukoll fir-rigward ta' sokkors u ripatrijazzjoni f'każijiet ta' diffikultà jew fil-ħruġ ta' dokumenti provviżorji. Billi l-protezzjoni meħtieġa tiddipendi dejjem mis-sitwazzjoni fattwali, il-protezzjoni konsulari m'għandhiex tkun limitata għal dawk is-sitwazzjonijiet speċifikament imsemmija f'din id-Direttiva.

(15)

Fejn applikabbli, għandhom jiġu debitament rispettati x-xewqat taċ-ċittadin, fosthom dwar jekk il-membri tal-familja jew persuni oħra relatati għandhomx jiġu infurmati u jekk iva min. Bl-istess mod, fil-każ ta' mewt, għandhom jiġu kkunsidrati x-xewqat tal-eqreb persuna li tiġi mid-deċedut dwar l-arranġamenti li għandhom isiru fir-rigward tal-fdalijiet taċ-ċittadin deċedut. L-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat għandu jkun responsabbli għal dawn il-kuntatti.

(16)

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw mill-qrib bejniethom u mal-Unjoni, b'mod partikolari l-Kummissjoni u s-SEAE, fi spirtu ta' rispett reċiproku u solidarjetà. Sabiex ikun żgurat li jkun hemm kooperazzjoni rapida u effiċjenti, l-Istati Membri għandhom jipprovdu u jaġġornaw kontinwament l-informazzjoni dwar punti ta' kuntatt rilevanti fl-Istati Membri permezz tas-sit web sigur tas-SEAE (Consular OnLine).

(17)

Fil-pajjiżi terzi, l-Unjoni hija rappreżentata mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, li, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-protezzjoni konsulari kif speċifikata ulterjorment fl-Artikolu 35 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din id-Direttiva tirrikonoxxi b'mod sħiħ, u tkompli ssaħħaħ, il-kontribut diġà pprovdut mis-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari matul sitwazzjonijiet ta' kriżi, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (2), b'mod partikolari l-Artikolu 5(10) tagħha.

(18)

Fir-rigward tal-kooperazzjoni lokali, għandhom jiġu ċċarati l-kompetenzi u r-rwoli rispettivi tal-atturi rilevanti kollha sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jirċievu l-għajnuna li huma intitolati għaliha skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Il-kooperazzjoni konsulari lokali għandha tagħti attenzjoni xierqa lil ċittadini mhux rappreżentati, pereżempju billi tiġbor u taġġorna b'mod regolari l-informazzjoni dwar punti ta' kuntatt rilevanti u tikkondividiha mal-ambaxxati u l-konsulati lokali tal-Istati Membri u mad-delegazzjoni tal-Unjoni.

(19)

Laqgħat dwar kooperazzjoni konsulari lokali, organizzati f'kooperazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni, għandhom jinkludu skambju regolari ta' informazzjoni dwar materji rilevanti għal ċittadini mhux rappreżentati, bħas-sikurezza taċ-ċittadini, il-kondizzjonijiet fil-ħabs, in-notifika u l-aċċess konsulari u l-kooperazzjoni fil-kriżi. F'dawk il-laqgħat, l-Istati Membri rappreżentati għandhom, kull meta jkun meħtieġ, jiftiehmu dwar arranġamenti prattiċi biex ikun żgurat li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkunu protetti b'mod effettiv. Tali ftehimiet jistgħu ma jkunux meħtieġa, pereżempju, jekk in-numru ta' ċittadini mhux rappreżentati jkun żgħir.

(20)

Diviżjoni ċara ta' responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri rappreżentati u dawk mhux rappreżentati u d-delegazzjoni tal-Unjoni hija essenzjali biex jiġi żgurat livell adegwat ta' tħejjija għall-kriżijiet u l-maniġġar ta' kriżijiet. Għalhekk l-ippjanar ta' kontinġenza għall-kriżijiet għandu jkun koordinat u jieħu kont b'mod sħiħ taċ-ċittadini mhux rappreżentati. Għal dan l-għan, fil-qafas tat-tħejjija għar-reazzjoni għall-kriżijiet lokali, l-Istati Membri li m'għandhomx ambaxxata jew konsulat stabbilit lokalment għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha disponibbli u rilevanti dwar iċ-ċittadini tagħhom fit-territorju. Tali informazzjoni għandha tiġi aġġornata kif xieraq f'każ ta' kriżi. L-ambaxxati u l-konsulati kompetenti, u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu infurmati u, fejn ikun xieraq, involuti fl-arranġamenti ta' tħejjija għall-kriżijiet. L-informazzjoni dwar dawn l-arranġamenti għandha tkun disponibbli għal ċittadini mhux rappreżentati. F'każ ta' kriżi, l-Istat Mexxej jew l-Istat jew Stati Membri li jikkoordinaw l-għajnuna għandhom jikkoordinaw l-appoġġ ipprovdut liċ-ċittadini mhux rappreżentati u l-użu ta' kapaċitajiet ta' evakwazzjoni disponibbli fuq il-bażi tal-ippjanar miftiehem u l-iżviluppi lokali, fuq bażi nondiskriminatorja.

(21)

L-interoperabbiltà bejn il-persunal konsulari u esperti oħrajn dwar il-maniġġar tal-kriżijiet għandha tiżdied, b'mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fi gruppi multidixxiplinari ta' kriżijiet, bħal dawk taħt strutturi tas-SEAE ta' reazzjoni għall-kriżijiet u koordinazzjoni operazzjonali u maniġġar ta' kriżijiet u taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (3).

(22)

Għandu jkun possibbli li jintalab l-appoġġ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jekk ikun meħtieġ għall-protezzjoni konsulari ta' ċittadini mhux rappreżentati. Dak l-appoġġ jista' jintalab pereżempju mill-Istat Mexxej jew l-Istat jew Stati Membri li jikkoordinaw l-għajnuna.

(23)

It-terminu “Stat Mexxej” użat f'din id-Direttiva jirriferi għal Stat Membru wieħed jew aktar rappreżentati f'pajjiż terz partikolari, u li jkunu responsabbli biex jikkoordinaw u jmexxu l-għajnuna lil ċittadini mhux rappreżentati matul kriżijiet. Il-kunċett ta' Stat Mexxej, kif stabbilit fil-linji gwida rilevanti tal-Unjoni (4), jista' jiġi żviluppat aktar f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u, b'mod partikolari, ma' din id-Direttiva.

(24)

Meta Stat Membru jkun informat bi, jew jirċievi talba għal protezzjoni konsulari minn persuna li tiddikjara li hija ċittadin mhux rappreżentat, għandu, ħlief f'każijiet ta' urġenza estrema, dejjem jikkuntattja lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mingħajr dewmien u jagħtuh l-informazzjoni rilevanti kollha qabel ma jingħata kwalunkwe għajnuna. L-Istat Membru taċ-ċittadinanza għandu, konsekuttivament, mingħajr dewmien, jipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-każ. Dik il-konsultazzjoni għandha tippermetti lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza biex jitlob li l-applikazzjoni jew il-każ jiġi ttrasferit lilu sabiex jagħti protezzjoni konsulari huwa stess. Dik il-konsultazzjoni għandha tippermetti wkoll lill-Istati Membri kkonċernati biex jiskambjaw informazzjoni rilevanti bl-għan, pereżempju, li jiġi żgurat li ċittadin mhux rappreżentat ma jiħux vantaġġ b'mod abbużiv mid-dritt tiegħu għall-protezzjoni konsulari taħt il-punt (c) tal-Artikolu 20(2) tat-TFUE. Iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jirrikorru għal din id-Direttiva jekk ikun hemm abbuż.

(25)

Is-solidarjetà u l-kooperazzjoni reċiproċi jikkonċernaw ukoll kwistjonijiet finanzjarji. Dawk l-Istati Membri li jipprovdu protezzjoni konsulari f'forma ta' għajnuna finanzjarja liċ-ċittadini tagħhom stess jagħmlu dan bħala l-aħħar rimedju u f'każijiet eċċezzjonali biss fejn iċ-ċittadini ma jkunux jistgħu jiksbu l-mezzi finanzjarji b'metodi oħrajn, pereżempju permezz ta' trasferimenti minn membri tal-familja, ħbieb jew qraba. Iċ-ċittadini mhux rappreżentati għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna. Iċ-ċittadin mhux rappreżentat għandu jintalab jiffirma dikjarazzjoni ta' impenn ta' rimborż tal-ispejjeż imġarrba lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu, dment li ċ-ċittadini tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna fl-istess sitwazzjoni jkollhom iħallsu lura dawk l-ispejjeż lill-Istat Membru tagħhom. Iċ-ċittadin mhux rappreżentat jista' konsegwentement jintalab mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu jħallas lura dawk l-ispejjeż, inkluża kwalunkwe tariffa konsulari applikabbli.

(26)

Din id-Direttiva għandha tiżgura l-qsim tal-piżijiet finanzjarji u li jsiru rimborżi. Fejn il-protezzjoni konsulari mogħtija lil ċittadin mhux rappreżentat tinvolvi l-iffirmar ta' dikjarazzjoni ta' impenn ta' rimborż, l-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat għandu jirrimborża lill-Istat Membru li jagħti l-għajnuna għall-ispejjeż imġarrba. Huwa xieraq li tkun deċiżjoni tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jekk jitlobx rimborż tal-ispejjeż imġarrba. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u l-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat jistgħu jiftiehmu dwar arranġamenti dettaljati għar-rimborż fi żmien ċerti skadenzi.

(27)

Il-protezzjoni konsulari mogħtija lil ċittadin mhux rappreżentat f'każ ta' arrest jew detenzjoni tista' tinvolvi spejjeż ogħla mis-soltu ta' vjaġġar, ta' akkomodazzjoni jew ta' traduzzjoni għall-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali. L-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat għandu jiġi infurmat dwar tali spejjeż possibbli matul il-konsultazzjonijiet li għandhom isiru qabel tingħata l-għajnuna. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna għandu jkun jista' jitlob rimborż ta' tali spejjeż ogħla mis-soltu mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat. L-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin għandu jirrimborża lill-Istat Membru li jagħti l-għajnuna għall-ispejjeż imġarrba. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u l-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat jistgħu jiftiehmu dwar arranġamenti dettaljati għar-rimborż fi żmien ċerti skadenzi. L-Istati Membri taċ-ċittadinanza ta' ċittadini mhux rappreżentati ma jistgħux, skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, jitolbu li ċ-ċittadini tagħhom jirrimborżaw tali spejjeż li ċ-ċittadini tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna ma jkunux meħtieġa jirrimborżaw.

(28)

Il-proċeduri finanzjarji għandhom jiġu ssimplifikati għal sitwazzjonijiet ta' kriżi. Fid-dawl tal-partikolaritajiet ta' tali sitwazzjonijiet, bħall-ħtieġa ta' reazzjoni rapida fir-rigward ta' għadd konsiderevoli ta' ċittadini, m'għandha tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta' impenn ta' rimborż għall-Istat Membru li jagħti l-għajnuna biex jitlob u jirċievi rimborż mill-Istat jew Stati Membri taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat. L-Istati Membri taċ-ċittadinanza taċ-ċittadini mhux rappreżentati għandhom jirrimborżaw lill-Istat jew Stati Membri li jagħtu l-għajnuna għall-ispejjeż imġarrba. Għandu jkun f'idejn l-Istat jew Stati Membri li jagħtu l-għajnuna biex jiddeċiedu jekk għandhomx jitolbu r-rimborż tal-ispejjeż imġarrba u b'liema mod. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u l-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat għandhom ikunu jistgħu jiftiehmu dwar arranġamenti dettaljati għar-rimborż fi żmien ċerti skadenzi. F'każ ta' kriżi li għandha jew li seta' kellha impatt negattiv fuq għadd sinifikanti ta' ċittadini tal-Unjoni, u jekk jintalbu minn Stat Membru li jagħti l-għajnuna, l-Istati Membri taċ-ċittadinanza taċ-ċittadini mhux rappreżentati għandhom jirrimborżaw l-ispejjeż fuq bażi pro rata, billi l-ispejjeż imġarrba jiġu diviżi bin-numru ta' ċittadini megħjuna.

(29)

Din id-Direttiva għandha tiġi rieżaminata tliet snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħha. B'mod partikolari, il-ħtieġa possibbli li jiġu rieżaminati l-proċeduri finanzjarji biex tkun żgurata kondiviżjoni xierqa tal-piżijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva, inklużi kwalunkwe statistika u każijiet rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport u tikkunsidra l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali anke, fejn ikun xieraq, billi tipproponi l-emendament ta' din id-Direttiva bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-protezzjoni konsulari.

(30)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tirregola l-ipproċessar ta' data personali li jsir mill-Istati Membri fil-kuntest ta' din id-Direttiva.

(31)

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa dispożizzjonijiet nazzjonali iżjed favorevoli sa fejn dawn ikunu kompatibbli magħha.

(32)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (6), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li n-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata, f'każijiet ġustifikati, minn dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis it-trasmissjoni ta' dan it-tip ta' dokumenti bħala ġustifikata.

(33)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tippromwovi protezzjoni konsulari kif rikonoxxuta fil-Karta. Hija tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, partikolarment il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, id-dritt għall-ħajja u l-integrità tal-persuna, id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għad-difiża u d-dritt għal proċess imparzjali. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(34)

F'konformità mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li tinsab fil-Karta, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji ta' din id-Direttiva abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

(35)

Id-Deċiżjoni 95/553/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill (7) għandha titħassar,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi l-miżuri ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jgawdu l-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru bl-istess kondizzjonijiet bħal taċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru, kif stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 20(2) tat-TFUE, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu jkunu ċittadini ma jkunx rappreżentat, b'kont meħud ukoll tar-rwol tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-kontribut għall-implimentazzjoni ta' dak id-dritt.

2.   Din id-Direttiva ma tikkonċernax ir-relazzjonijiet konsulari bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Prinċipju ġenerali

1.   L-ambaxxati jew il-konsulati tal-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni konsulari lil ċittadini mhux rappreżentati bl-istess kondizzjonijiet bħal taċ-ċittadini tagħhom stess.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li din id-Direttiva għandha tapplika għall-protezzjoni konsulari pprovduta minn konsli onorarji f'konformità mal-Artikolu 23 tat-TFUE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkunu debitament infurmati dwar dawn id-deċiżjonijiet u dwar kemm il-konsli onorarji huma kompetenti biex jipprovdu protezzjoni f'każ partikolari.

Artikolu 3

Protezzjoni konsulari mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza

L-Istat Membru taċ-ċittadinanza ta' ċittadin mhux rappreżentat jista' jitlob lill-Istat Membru li mingħandu ċ-ċittadin mhux rappreżentat jitlob jew jirċievi protezzjoni konsulari biex jittrasferixxi l-applikazzjoni jew il-każ taċ-ċittadin mhux rappreżentat lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu stess sabiex dak l-Istat Membru taċ-ċittadinanza jipprovdi protezzjoni konsulari skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali tiegħu. L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jirrinunzja l-każ hekk kif l-Istat Membru taċ-ċittadinanza jikkonferma li qed jipprovdi protezzjoni konsulari liċ-ċittadin mhux rappreżentat.

Artikolu 4

Ċittadini mhux rappreżentati f'pajjiżi terzi

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “ċittadini mhux rappreżentati” għandha tfisser kull ċittadin li jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru li ma jkunx rappreżentat f'pajjiż terz kif deskritt fl-Artikolu 6.

Artikolu 5

Membri tal-familja ta' ċittadini mhux rappreżentati f'pajjiżi terzi

Lill-membri tal-familja li huma stess ma jkunux ċittadini tal-Unjoni u li jakkumpanjaw iċ-ċittadini mhux rappreżentati f'pajjiż terz għandu jiġi pprovdut l-istess livell ta' protezzjoni konsulari u skont l-istess kondizzjonijiet, kif jingħata lill-membri tal-familja, li huma stess ma jkunux ċittadini tal-Unjoni, taċ-ċittadini tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, f'konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali tiegħu.

Artikolu 6

Nuqqas ta' rappreżentanza

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, Stat Membru ma jkunx rappreżentat f'pajjiż terz jekk huwa ma jkollux ambaxxata jew konsulat stabbilit fuq bażi permanenti jew jekk huwa ma jkollux ambaxxata, konsulat jew konslu onorarju hemmhekk li jkunux effettivament f'pożizzjoni li jagħtu protezzjoni konsulari f'każ partikolari.

Artikolu 7

Aċċess għall-protezzjoni konsulari u arranġamenti oħra

1.   Iċ-ċittadini mhux rappreżentati għandu jkollhom id-dritt li jitolbu protezzjoni mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta' kwalunkwe Stat Membru.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, Stat Membru jista' jirrappreżenta Stat Membru ieħor fuq bażi permanenti u l-ambaxxati jew il-konsulati tal-Istati Membri jistgħu, kull fejn ikun possibbli, jiftiehmu dwar arranġamenti prattiċi dwar it-tqassim tar-responsabbiltajiet għall-għoti ta' protezzjoni konsulari lil ċittadini mhux rappreżentati. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar tali arranġamenti, li għandhom ikunu ppubbliċizzati mill-Unjoni u l-Istati Membri sabiex jiżguraw trasparenza għaċ-ċittadini mhux rappreżentati.

3.   F'każijiet fejn ikun ġie miftiehem arranġament prattiku, kif previst fil-paragrafu 2, ambaxxata jew konsulat li mingħandhom iċ-ċittadin mhux rappreżentat jitlob protezzjoni konsulari, u li ma jkunux ġew indikati bħala kompetenti skont l-arranġament speċifiku fis-seħħ, għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni taċ-ċittadin terġa' tintbagħat lill-ambaxxata jew il-konsulat rilevanti, sakemm il-protezzjoni konsulari ma tkunx b'dan ippreġudikata, b'mod partikolari jekk l-urġenza tal-każ tirrikjedi azzjoni immedjata mill-ambaxxata mitluba jew il-konsulat mitlub.

Artikolu 8

Identifikazzjoni

1.   L-applikanti li jitolbu l-protezzjoni konsulari għandhom jistabbilixxu li huma jkunu ċittadini tal-Unjoni billi jippreżentaw passaporti jew karti tal-identità tagħhom.

2.   Jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx jista' jippreżenta passaport jew karta tal-identità valida, tista' tingħata prova taċ-ċittadinanza bi kwalunkwe mezz ieħor, jekk ikun meħtieġ ukoll bil-verifika mal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tal-Istat Membru li tiegħu l-applikant isostni li huwa ċittadin.

3.   Fir-rigward tal-membri tal-familja msemmija fl-Artikolu 5, tista' tingħata prova tal-identità u l-eżistenza tar-rabta familjari bi kwalunkwe mezz, inkluża l-verifika mill-Istat Membru li jagħti l-għajnuna mal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadini imsemmijin fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

Tipi ta' għajnuna

Il-protezzjoni konsulari msemmija fil-paragrafu 2 tista' tinkludi għajnuna, fost l-oħrajn, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

arrest jew detenzjoni;

(b)

meta wieħed jisfa vittma ta' reat kriminali;

(c)

inċident serju jew mard serju;

(d)

mewt;

(e)

sokkors u ripatrijazzjoni f'każ ta' emerġenza;

(f)

ħtieġa ta' dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar kif previst fid-Deċiżjoni 96/409/PESK (8).

KAPITOLU 2

MIŻURI TA' KOORDINAZZJONI U KOOPERAZZJONI

Artikolu 10

Regoli ġenerali

1.   L-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib u jikkoordinaw bejniethom u mal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta' ċittadini mhux rappreżentati f'konformità mal-Artikolu 2.

2.   Meta Stat Membru jirċievi talba għal protezzjoni konsulari minn persuna li tiddikjara li hija ċittadin mhux rappreżentat, jew jiġi informat dwar sitwazzjoni ta' emerġenza individwali ta' ċittadin mhux rappreżentat, bħal dawk elenkati fl-Artikolu 9, huwa għandu jikkonsulta mingħajr dewmien lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna tiddikjara li hija ċittadin jew, fejn xieraq, l-ambaxxata jew il-konsulat kompetenti ta' dak l-Istat Membru, u jipprovdilu l-informazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, inkluża dik li tirrigwarda l-identità tal-persuna kkonċernata, l-ispejjeż possibbli tal-protezzjoni konsulari, u li tirrigwarda kwalunkwe membru tal-familja li lilu wkoll jista' jkun meħtieġ li jingħata protezzjoni konsulari. Ħlief f'każijiet ta' urġenza estrema, din il-konsultazzjoni għandha ssir qabel tingħata l-għajnuna. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna għandu jiffaċilita wkoll l-iskambju ta' informazzjoni bejn iċ-ċittadin ikkonċernat u l-awtoritajiet tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin.

3.   L-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin għandu, jekk jintalab jagħmel dan, jipprovdi lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jew l-ambaxxata jew il-konsulat kompetenti tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna bl-informazzjoni rilevanti kollha fil-każ ikkonċernat. Huwa għandu jkun ukoll responsabbli għal kwalunkwe kuntatt meħtieġ ma' membri tal-familja jew persuni jew awtoritajiet rilevanti oħrajn.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-SEAE permezz tas-sit web sikur tiegħu dwar il-punt jew punti ta' kuntatt rilevanti fil-Ministeri għall-Affarijiet Barranin.

Artikolu 11

Ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE

Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u jikkoordinaw mal-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-koperazzjoni u l-koordinazzjoni lokali u f'każ ta' kriżi, partikolarment billi jipprovdu appoġġ loġistiku disponibbli, inklużi spazju għal uffiċċji u faċilitajiet organizzattivi, bħal akkomodazzjoni temporanja għal persunal konsulari u għal gruppi ta' intervent. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-kwartieri ġenerali tas-SEAE għandhom ukoll jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri u, jekk ikun xieraq, mal-awtoritajiet lokali. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ukoll jagħmlu disponibbli informazzjoni ġenerali dwar l-għajnuna li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jistgħu jkunu intitolati għaliha, b'mod partikolari dwar l-arranġamenti prattiċi miftiehma, jekk applikabbli.

Artikolu 12

Kooperazzjoni lokali

Il-laqgħat ta' kooperazzjoni lokali għandhom jinkludu skambju regolari ta' informazzjoni dwar materji rilevanti għal ċittadini mhux rappreżentati. F'dawk il-laqgħat, l-Istati Membri għandhom jaqblu, kull fejn ikun meħtieġ, dwar l-arranġamenti prattiċi kif imsemmija fl-Artikolu 7 sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkunu protetti b'mod effikaċi fil-pajjiż terz ikkonċernat. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Istati Membri, il-President għandu jkun rappreżentant ta' Stat Membru, f'kooperazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 13

Tħejjija għall-kriżijiet u kooperazzjoni

1.   L-ippjanar ta' kontinġenza lokali għandu jieħu kont taċ-ċittadini mhux rappreżentati. L-Istati Membri rappreżentati f'pajjiż terz għandhom jikkoordinaw pjanijiet ta' kontinġenza bejniethom kif ukoll mad-delegazzjoni tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkunu megħjuna kompletament f'każ ta' kriżi. L-ambaxxati jew il-konsulati kompetenti għandhom ikunu informati b'mod adegwat dwar l-arranġamenti għat-tħejjija għall-kriżijiet u, fejn xieraq, għandhom ikunu involuti fihom.

2.   F'każ ta' kriżi, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw għajnuna effiċjenti liċ-ċittadini mhux rappreżentati. Huma għandhom, fejn possibbli, jinfurmaw lil xulxin dwar kapaċitajiet ta' evakwazzjoni disponibbli f'ħin opportun. Fuq talba, l-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġati minn gruppi ta' intervent eżistenti fil-livell tal-Unjoni, fosthom esperti konsulari, b'mod partikolari mill-Istati Membri mhux rappreżentati.

3.   L-Istat Mexxej jew l-Istat jew Stati Membri li jikkoordinaw l-għajnuna għandhom ikollhom il-kontroll tal-koordinazzjoni ta' kwalunkwe appoġġ ipprovdut liċ-ċittadini mhux rappreżentati, bl-appoġġ tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati, id-delegazzjoni tal-Unjoni u l-kwartieri ġenerali tas-SEAE. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Istat Mexxej jew lill-Istat jew Stati Membri li jikkoordinaw l-għajnuna bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar iċ-ċittadini mhux rappreżentati tagħhom li jkunu jinsabu f'sitwazzjoni ta' kriżi.

4.   L-Istat Mexxej jew l-Istat jew Stati Membri li jikkoordinaw l-għajnuna għaċ-ċittadini mhux rappreżentati jistgħu jfittxu, jekk ikun xieraq, appoġġ minn strumenti bħall-istrutturi għall-maniġġar tal-kriżijiet tas-SEAE u tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

KAPITOLU 3

PROĊEDURI FINANZJARJI

Artikolu 14

Regoli ġenerali

1.   Iċ-ċittadini mhux rappreżentati għandhom jintrabtu li jirrimborżaw lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom l-ispejjeż tal-protezzjoni konsulari, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness I. Iċ-ċittadini mhux rappreżentati għandhom ikunu meħtieġa li jimpenjaw irwieħhom li jirrimborżaw biss dawk l-ispejjeż li f'każ simili jkollhom jassumu ċ-ċittadini tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, bl-istess kondizzjonijiet.

2.   L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jista' jitlob ir-rimborż tal-ispejjeż imsemmijin fil-paragrafu 1 mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II. L-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat għandu jirrimborża dawn l-ispejjeż f'perijodu raġonevoli ta' żmien li ma jkunx aktar minn tnax-il xahar. L-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat jista' jitlob liċ-ċittadin ikkonċernat jirrimborża dawn l-ispejjeż.

3.   Meta l-protezzjoni konsulari pprovduta lil ċittadin mhux rappreżentat fil-każ ta' arrest jew detenzjoni tinvolvi spejjeż li jkunu ogħla mis-soltu iżda essenzjali u ġustifikati relatati mal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni jew it-traduzzjoni għall-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari, l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jista' jitlob ir-rimborż ta' dawn l-ispejjeż mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat, li għandu jirrimborżahom f'perijodu ta' żmien raġonevoli, li ma jaqbiżx it-tnax-il xahar.

Artikolu 15

Proċedura ffaċilitata f'sitwazzjonijiet ta' kriżi

1.   F'sitwazzjonijiet ta' kriżi, l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna għandu jippreżenta kwalunkwe talba għal rimborż tal-ispejjeż ta' tali appoġġ ipprovdut lil ċittadin mhux rappreżentat lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jista' jitlob tali rimborż anki jekk iċ-ċittadin mhux rappreżentat ma jkunx iffirma dikjarazzjoni ta' rimborż skont l-Artikolu 14(1). Dan m'għandux iwaqqaf lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat milli jitlob rimborż miċ-ċittadin ikkonċernat fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali.

2.   L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jista' jitlob lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat biex jirrimborża dawn l-ispejjeż fuq bażi pro-rata, billi jiġi diviż il-valur sħiħ tal-ispejjeż proprji mġarrba bin-numru ta' ċittadini megħjuna.

3.   Meta l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jkun ġie appoġġat finanzjarjament permezz ta' għajnuna mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, kwalunkwe kontribuzzjoni mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin mhux rappreżentat għandha tiġi determinata wara li titnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Trattament iżjed favorevoli

L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk ta' din id-Direttiva sa fejn ikunu kompatibbli magħha.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-1 ta' Mejju 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

Tħassir

Id-Deċiżjoni 95/553/KE hija b'dan imħassra b'effett mill-1 ta' Mejju 2018.

Artikolu 19

Rappurtar, evalwazzjoni u reviżjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva sal-1 ta' Mejju 2021.

2.   Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod li bih operat din id-Direttiva u tqis il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali, inklużi, fejn xieraq, emendi biex tadatta din id-Direttiva bil-għan li jiġi ffaċilitat aktar l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-protezzjoni konsulari.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Opinjoni tal-25 ta' Ottubru 2012 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(3)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(4)  Linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-Istat Mexxej f'materji konsulari (ĠU C 317, 12.12.2008, p. 6).

(5)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(6)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(7)  Deċiżjoni 95/553/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1995 rigward il-protezzjoni ta' ċittadini tal-Unjoni Ewropea minn rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari (ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73).

(8)  Deċiżjoni 96/409/PESK tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar l-istabbiliment ta' dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (ĠU L 168, 6.7.1996, p. 4).


ANNESS I

A.   Mudell komuni għad-dikjarazzjoni ta' impenn ta' rimborż tal-ispejjeż ta' protezzjoni konsulari fil-każ ta' għajnuna finanzjarja

DIKJARAZZJONI TA' IMPENN TA' RIMBORŻ TAL-ISPEJJEŻ TA' PROTEZZJONI KONSULARI

(GĦAJNUNA FINANZJARJA) — (Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2015/637)

Jien, (is-Sur/Sinjura) (isem sħiħ b'ittri kapitali)

detentur tal-passaport bin-Nru … maħruġ fi …

b'dan nirrikonoxxi li rċevejt mill-Ambaxxata/Konsulat ta' …

… fi …

is-somma ta' …

bħala avvanz għall-fini ta' …

… (inkluża kwalunkwe tariffa applikabbli)

U/jew nintrabat u nwiegħed li meta nintalab inħallas lura lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin/il-Gvern ta' [Stat Membri taċ-ċittadinanza] …

f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru l-ekwivalenti ta' dik is-somma jew l-ekwivalenti tal-ispejjeż kollha kif imħallsa f'ismi jew mgħoddija lili, inklużi l-ispejjeż imġarrba mill-membru(i) tal-familja tiegħi li qegħdin jakkumpanjawni, f' (munita) …

bir-rata tal-kambju prevalenti fil-ġurnata li fiha sar l-avvanz jew tħallsu l-ispejjeż.

L-indirizz tiegħi (*) (b'ittri kapitali) (pajjiż) …

huwa: …

DATA … FIRMA …

B.   Mudell komuni għad-dikjarazzjoni ta' impenn ta' rimborż tal-ispejjeż ta' protezzjoni konsulari fil-każ tar-ripatrijazzjoni

DIKJARAZZJONI TA' IMPENN TA' RIMBORŻ TAL-ISPEJJEŻ TA' PROTEZZJONI KONSULARI

(RIPATRIJAZZJONI) — (Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2015/637)

Jien, (is-Sur/Sinjura) (isem sħiħ b'ittri kapitali)

imwieled/imwielda fi (belt) … fi (pajjiż) …

fi (data) …

detentur tal-passaport bin-Nru … maħruġ fi …

fi … u tal-Karta tal-Identità bin-Nru …

u n-Nru tas-Sigurtà Soċjali u l-awtorità kompetenti (jekk applikabbli/fejn rilevanti)

b'dan nintrabat li nħallas lura meta nintalab lill-Gvern ta'

… skont il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru l-ekwivalenti tal-ispejjeż kollha mħallsa f'ismi jew mgħoddija lili mill-uffiċjal konsulari

tal-… Gvern fi …

għall-fini tar-ripatrijazzjoni jew b'rabta magħha lejn …

tiegħi u l-membri tal-familja tiegħi li qegħdin jakkumpanjawni, u li nħallas il-miżati konsulari adatti kollha fir-rigward tar-ripatrijazzjoni.

Dawn huma:

(i) (**)

 

Nollijiet

 

Sussistenza

 

Spejjeż oħrajn

 

LI MINNHOM GĦANDHA TITNAQQAS il-kontribuzzjoni magħmula minni

 

MIŻATI KONSULARI:

 

Tariffa għar-ripatrijazzjoni

 

Tariffa tal-attendenza

 

Tariffi għall-Passaport/emerġenza

 

(… sigħat bi … kull siegħa …)

(ii) (**)

Is-somom kollha f'ismi għall-fini tar-ripatrijazzjoni tiegħi u tal-membri tal-familja tiegħi li qegħdin jakkumpanjawni jew b'rabta magħha, li ma jistgħux jiġu determinati fil-ħin li din id-dikjarazzjoni ta' impenn ta' rimborż qed tiġi ffirmata minni.

L-indirizz tiegħi (***) (b'ittri kapitali) (pajjiż) …

huwa …

DATA … FIRMA …


(*)  jekk m'għandekx indirizz permanenti, jekk jogħġbok indika indirizz ta' kuntatt.

(**)  Ħassar kif meħtieġ: L-Uffiċjal Konsulari u l-applikant għandhom jinizjalaw kull tħassir fil-marġni.

(***)  Jekk m'għandekx indirizz permanenti, jekk jogħġbok indika indirizz ta' kuntatt.


ANNESS II

Formola tat-talba għal rimborż

TALBA GĦAL RIMBORŻ (Artikolu 14(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/637)

1.

L-ambaxxata jew il-konsulat tal-Istat Membru li qed jagħmel it-talba

2.

L-ambaxxata jew il-konsulat kompetenti jew il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza

3.

Identifikazzjoni tal-fatti

(data, post)

4.

Informazzjoni dwar iċ-ċittadin(i) megħjun(a) (għandha tiġi mehmuża separatament)

Isem sħiħ

Post u data tat-twelid

Isem u numru tad-dokument tal-ivvjaġġar

Tip ta' għajnuna mogħtija

Spejjeż

5.

Spejjeż totali

6.

Kont bankarju għar-rimborż

7.

Mehmuża: dikjarazzjoni ta' impenn ta' rimborż (jekk applikabbli)


Top