Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0914

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/914 tat-8 ta' Ġunju 2015 dwar l-iskema ta' risistemazzjoni Ewropea

C/2015/3560

ĠU L 148, 13.6.2015, p. 32–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2015/914/oj

13.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/32


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/914

tat-8 ta' Ġunju 2015

dwar l-iskema ta' risistemazzjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'sessjoni straordinarja fit-23 ta' April 2015 fakkar is-serjetà tas-sitwazzjoni fil-Mediterran u esprima d-determinazzjoni tiegħu li l-Unjoni għandha timmobilizza l-isforzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex jiġi evitat aktar telf ta' ħajjiet fil-baħar u biex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-emerġenza umanitarja. Il-Kunsill Ewropew impenja ruħu wkoll li jistabbilixxi l-ewwel proġett pilota volontarju dwar ir-risistemazzjoni madwar l-Unjoni, u offra postijiet għal persuni li jikkwalifikaw għall-protezzjoni (1).

(2)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015, il-Parlament Ewropew kien talab lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar kontribuzzjonijiet għal programmi ta' risistemazzjoni eżistenti u enfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess sigur u legali għas-sistema tal-ażil tal-Unjoni (2).

(3)

Bħalissa hemm żbilanċ sinifikanti bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenn li jirrisistemaw il-persuni. Ħmistax-il Stat Membru biss u tliet Stati Assoċjati għandhom programm ta' risistemazzjoni (u Stat Membru ieħor li ħabbar il-bidu ta' programm ta' risistemazzjoni), tliet Stati Membri u Stat Assoċjat wieħed wettqu risistemazzjoni fuq bażi ad hoc, filwaqt li oħrajn ma jinvolvu ruħhom xejn fir-risistemazzjoni.

(4)

Fl-2014, l-għadd ta' applikanti għall-ażil fl-Unjoni laħaq livell massimu ta' 626 000, filwaqt li 6 380 ċittadin ta' pajjiżi terzi fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali ġew risistemati fl-Unjoni (3). In-numru ta' refuġjati, persuni li jfittxu l-ażil u persuni spostati internament madwar id-dinja fl-2013 qabeż il-50 miljun ruħ, għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn (4).

(5)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-10 ta' Ottubru 2014 irrikonoxxew li “[…] filwaqt li jqisu l-isforzi mwettqa mill-Istati Membri affettwati mill-flussi migratorji, l-Istati Membri kollha għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom għal [risistemazzjoni] b'mod ġust u bbilanċjat.” (5)

(6)

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat Aġenda Ewropea komprensiva dwar il-Migrazzjoni (6) li, fost oħrajn, tiddefinixxi sett ta' miżuri immedjati b'mod adegwat biex jirrispondu għal din it-traġedja umana fil-Mediterran kollu.

(7)

Biex jiġi evitat li persuni spostati fi bżonn ta' protezzjoni jkollhom jirrikorru għal netwerks kriminali ta' kuntrabandisti u traffikanti, l-Aġenda titlob lill-Unjoni Ewropea biex iżżid l-isforzi tagħha fil-qasam tar-risistemazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tagħmel din ir-Rakkomandazzjoni u qed tipproponi skema ta' risistemazzjoni madwar l-UE biex toffri 20 000 postijiet abbażi ta' gwida għat-tqassim.

(8)

F'każ li l-Istati Assoċjati jiddeċiedu li jipparteċipaw, il-gwida għat-tqassim u l-allokazzjonijiet għal kull Stat Membru u Stat Assoċjat parteċipanti jiġu adattati kif xieraq.

(9)

Fid-dawl tad-diskussjonijiet preċedenti waqt laqgħa apposta tal-Forum ta' Risistemazzjoni u Rilokazzjoni fil-25 ta' Novembru 2014, il-gwida għat-tqassim għandha tkun ibbażata fuq (a) id-daqs tal-popolazzjoni (ponderazzjoni ta' 40 %), (b) it-total tal-PDG (ponderazzjoni ta' 40 %), (c) in-numru medju ta' applikazzjonijiet spontanji għall-ażil u l-għadd ta' refuġjati risistemati għal kull miljun abitant tul il-perjodu 2010–2014 (ponderazzjoni ta' 10 %), u (d) ir-rata tal-qgħad (ponderazzjoni ta' 10 %).

(10)

Total ta' 20 000 persuna għandhom jiġu ammessi fl-Unjoni matul perjodu ta' sentejn ta' implimentazzjoni ta' din l-iskema mill-Istati Membri. Ir-responsabbiltà sabiex jiġu ospitati dawn il-persuni għandha tkun biss f'idejn l-Istati parteċipanti, f'konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni u internazzjonali. Dan jikkorrispondi mat-talba mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) li ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej biex jimpenjaw ruħhom aktar biex jirċievu r-refuġjati permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni sostenibbli, li japprovaw il-kampanja mmexxija mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u ħames organizzazzjonijiet mhux governattivi.

(11)

Biex jiġu identifikati r-reġjuni ta' prijorità, is-sitwazzjoni fil-viċinat u l-flussi migratorji attwali għandhom jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, ir-rabta mal-Programmi ta' Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta' Fuq u fil-Qarn tal-Afrika.

(12)

L-esperjenza u l-għarfien espert tal-UNHCR u korpi rilevanti oħra, inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, għandhom jintalbu biex jassistu fl-implimentazzjoni ta' skema ta' risistemazzjoni.

(13)

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji ta' persuni li ġew risistemati mill-Istat ta' risistemazzjoni għal Stati Membri oħra u Stati Assoċjati parteċipanti.

(14)

Il-Kummissjoni tipprevedi li tikkontribwixxi għall-iskema billi tagħmel disponibbli ammont addizzjonali ta' EUR 50 miljun, fis-snin 2015 u 2016 skont il-Programm ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, stabbilit bl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Sabiex isir l-aħjar użu tal-inċentivi finanzjarji, il-Kummissjoni se taġġusta s-somom f'daqqa u l-prijoritajiet dwar ir-risistemazzjoni previsti f'dak il-programm permezz ta' att delegat, skont l-Artikolu 17(4) u (10) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014. F'każ li l-Istati Assoċjati jiddeċiedu li jipparteċipaw fl-iskema ta' risistemazzjoni, ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn somom f'daqqa taħt ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 bħala kumpens għat-talbiet tagħhom.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

L-ISKEMA EWROPEA TA' RISISTEMAZZJONI

1.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istat Membru jirrisistema 20 000 ruħ fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali abbażi tal-kundizzjonijiet u l-gwida għat-tqassim stipulati f'din ir-Rakkomandazzjoni.

ID-DEFINIZZJONI U L-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-ISKEMA TA' RISISTEMAZZJONI

2.

“Risistemazzjoni” tfisser it-trasferiment ta' persuni individwali spostati li b'mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, fuq talba tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, minn pajjiż terz għal Stat Membru u bi ftehim ma' dan tal-aħħar,, bil-għan li jiġu protetti kontra r-refoulement u jiġu ammessi u jingħataw id-dritt li jibqgħu u xi drittijiet oħra paragunabbli għal dawk mogħtija lil benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali.

3.

L-Iskema Ewropea ta' risistemazzjoni għandha tkopri l-Istati Membri kollha.

IL-KONTENUT TAL-ISKEMA TA' RISISTEMAZZJONI

4.

L-iskema għandha tikkonsisti minn offerta Ewropea unika ta' 20 000 post ta' risistemazzjoni għal persuni biex jiġu risistemati. It-tul ta' żmien tal-iskema għandu jkun ta' sentejn mid-data ta' meta tiġi adottata r-Rakkomandazzjoni.

5.

Il-postijiet globali ta' risistemazzjoni offruti għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri skont it-tabella ta' tqassim fl-Anness. F'każ li l-Istati Assoċjati jiddeċiedu li jipparteċipaw fl-iskema, il-gwida għat-tqassim tiġi adattata skont dan.

6.

Ir-reġjuni ta' prijorità għar-risistemazzjoni għandom jinkludu l-Afrika ta' Fuq, il-Lvant Nofsani, u l-Qarn tal-Afrika, li jiffokaw fuq il-pajjiżi fejn qed jiġu implimentati l-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni.

7.

L-Istati Membri u l-Istati Assoċjati parteċipanti għandhom jibqgħu responsabbli għal deċiżjonijiet ta' ammissjoni indidwali, wara kontrolli ta' sigurtà mediċi xierqa, filwaqt li l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati għandu jkun responsabbli għall-valutazzjoni tal-kandidati għar-risistemazzjoni fir-reġjuni ta' prijorità u jissottometti proposti għal risistemazzjoni lejn l-Istati Membri u l-Istati Assoċjati parteċipanti.

8.

Meta persuna risistemata tiġi ammessa fit-territorju ta' Stat Membru jew Stat Assoċjat parteċipanti, dak l-Istat għandu jwettaq proċedura formali għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż it-teħid ta' marki tas-swaba', b'mod rapidu u skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament u tal-Kunsill (9), id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE (10), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE (11), u, mill-20 ta' Lulju 2015 id-Direttivi 2013/32/UE (12) u 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (13).

9.

Wara dan il-proċess, meta persuna risistemata tingħata protezzjoni internazzjonali jew status ta' protezzjoni nazzjonali minn Stat Membru, dik il-persuna għandha tibbenefika, fl-Istat Membru ta' risistemazzjoni, mid-drittijiet garantiti lill-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95/UE jew drittijiet simili garantiti mil-liġi nazzjonali. F'dan il-kuntest, il-moviment liberu fl-Unjoni, għandu jiġi ttrattat bl-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli għal ċittadini nazzjonali ta' pajjiż terz residenti legalment fl-Istati Membri. Fil-każ ta' Stati Assoċjati parteċipanti, għandha tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali ekwivalenti.

10.

Il-kandidati għal risistemazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, skont l-iskema ta' risistemazzjoni kif ukoll skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali dwar l-ażil, qabel l-ammissjoni tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri jew l-Istati Assoċjati parteċipanti, b'mod partikolari dwar il-konsegwenzi ta' moviment ulterjuri fl-Unjoni u/jew fi Stati assoċjati parteċipanti u l-fatt li huma biss intitolati għad-drittijiet marbuta ma' protezzjoni internazzjonali jew status ta' protezzjoni nazzjonali fl-Istat ta' risistemazzjoni.

11.

Persuni risistemati li jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru jew ta' Stat Assoċjat parteċipanti li mhuwiex l-Istat ta' risistemazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni, jew sakemm titlesta l-proċedura ta' protezzjoni internazzjonali formali jew wara l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, għandhom jintbagħtu lura lejn l-Istat ta' risistemazzjoni, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

12.

L-involviment prattiku tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil fl-implimentazzjoni tal-iskema għandu jkun żgurat, b'mod partikolari, biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri u l-Istati Assoċjati parteċipanti, speċjalment dawk li m'għandhom l-ebda esperjenza preċedenti ma' risistemazzjoni. L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-iskema u jirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni.

13.

L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jirċievu allokazzjoni finanzjarja proporzjonali għan-numru ta' persuni risistemati fit-territorju tagħhom skont is-somma f'daqqa stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014, kif aġġustat skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru xxx/2015 (16).

DESTINATARJI

14.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-punt 3, (q), id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew, tat-23 ta' April 2015, EUCO 18/15.

(2)  Il-punti 8 u 10, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tad-29 ta' April 2015, 2015/2660 (RSP).

(3)  

Sors: Eurostat.

(4)  

Sors: Global Trend 2013 Report, UNHCR.

(5)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “It-Teħid ta' Azzjoni għal Ġestjoni Aħjar ta' Flussi Migratorji”, il-laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, tal-10 ta' Ottubru 2014.

(6)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, tat-13 ta' Mejju 2015, COM(2015) 240 final.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014. li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta' marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' refuġjat (ĠU L 326, 13.12.2005, p. 13).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil (ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18).

(12)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(13)  Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(15)  L-Artiklu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(16)  Għad trid tiġi mressqa.


ANNESS

Stati Membri

Tifsira

(%)

Allokazzjoni

L-Awstrija

2,22

444

Il-Belġju

2,45

490

Il-Bulgarija

1,08

216

Il-Kroazja

1,58

315

Ċipru

0,34

69

Ir-Repubblika Ċeka

2,63

525

Id-Danimarka

1,73

345

L-Estonja

1,63

326

Il-Finlandja

1,46

293

Franza

11,87

2 375

Il-Ġermanja

15,43

3 086

Il-Greċja

1,61

323

L-Ungerija

1,53

307

L-Irlanda

1,36

272

L-Italja

9,94

1 989

Il-Latvja

1,10

220

Il-Litwanja

1,03

207

Il-Lussemburgu

0,74

147

Malta

0,60

121

In-Netherlands

3,66

732

Il-Polonja

4,81

962

Il-Portugall

3,52

704

Ir-Rumanija

3,29

657

Is-Slovakkja

1,60

319

Is-Slovenja

1,03

207

Spanja

7,75

1 549

L-Iżvezja

2,46

491

Ir-Renju Unit

11,54

2 309

Is-soluzzjoni hija bbażata fuq il-kriterji li ġejjin (1)  (2):

(a)

Id-daqs tal-popolazzjoni (ċifri tal-2014, ponderazzjoni ta' 40 %). Dan il-kriterju jirrifletti l-kapaċità ta' Stat Membru biex jassorbi ċertu numru ta' refuġjati;

(b)

Il-PDG totali (ċifri tal-2013, ponderazzjoni ta' 40 %). Dan il-kriterju jirrifletti l-ġid assolut ta' pajjiż u b'hekk huwa indikattiv għall-kapaċità ta' ekonomija li tassorbi u tintegra r-refuġjati;

(c)

L-għadd medju ta' applikazzjonijiet għall-ażil spontanji u l-għadd ta' refuġjati risistemati għal kull 1 miljun abitant tul il-perjodu 2010–2014 (ponderazzjoni ta' 10 %). Dan il-kriterju jirrifletti l-isforzi li saru mill-Istati Membri fil-passat riċenti;

(d)

Ir-rata tal-qgħad (ċifri tal-2014, ponderazzjoni ta' 10 %). Dan il-kriterju jirrifletti l-kapaċità li jiġu integrati r-refuġjati.


(1)  Il-kalkoli huma bbażati fuq informazzjoni statistika fornuta mill-Eurostat (ikkonsultati fit-8 ta' April 2015).

(2)  Il-kalkoli perċentwali saru sa ħames punti deċimali u mqarrba 'l fuq jew 'l isfel sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali għall-preżentazzjoni fit-tabella; l-allokazzjonijiet ta' persuni ġew magħmula fuq il-bażi taċ-ċifri sħaħ sa ħames ċifri wara l-punt deċimali.


Top