Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0731(01)

Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill — “Promozzjoni tal-użu u l-iskambju tal-aħjar prattiki tal-vidjokonferenzi transkonfinali fil-qasam tal-ġustizzja fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE”

OJ C 250, 31.7.2015, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 250/1


Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill

“Promozzjoni tal-użu u l-iskambju tal-aħjar prattiki tal-vidjokonferenzi transkonfinali fil-qasam tal-ġustizzja fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE”

(2015/C 250/01)

IL-KUNSILL TAL UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JFAKKAR:

1.

L-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Elettronika Ewropea 2014-2018 adottata mill-Kunsill (Ġustizzja u Affarijiet Interni) fis-6 ta’ Diċembru 2013 (1);

2.

Il-paragrafu 59 tal-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Elettronika Ewropea 2014-2018, li jistipula li “jekk meħtieġ, gruppi informali ta’ Stati Membri involuti fi proġetti speċifiċi jistgħu jiltaqgħu sabiex iwettqu progress f’dawn l-oqsma ta’ ħidma (…)”;

3.

Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew Pluriennali dwar il-Ġustizzja Elettronika 2014-2018 ġie adottat mill-Kunsill (Ġustizzja u Affarijiet Interni) fis-6 ta’ Ġunju 2014 (2);

4.

Il-linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew Pluriennali dwar il-Ġustizzja Elettronika 2014-2018 approvat mill-Kunsill (Ġustizzja u Affarijiet Interni) fl-4 ta’ Diċembru 2014 (3), li stabbilixxa l-passi konkreti għas-segwitu tal-Pjan ta’ Azzjoni mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika (Ġustizzja elettronika), inkluż l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma informali dwar il-vidjokonferenzi transkonfinali;

5.

Ir-riżultati tal-grupp ta’ ħidma informali dwar il-vidjokonferenzi transkonfinali kif jinsabu fir-rapport finali (4) ppreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika (Ġustizzja elettronika);

JIRRIKONOXXI li:

6.

Il-vidjokonferenzi huma għodda utli li għandhom potenzjal kbir mhux biss fil-livell nazzjonali iżda wkoll b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet transkonfinali li jinvolvu diversi Stati Membri u anke pajjiżi terzi. F’każijiet transkonfinali l-komunikazzjoni bla xkiel bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri hija kruċjali. Il-vidjokonferenzi huma metodu wieħed possibbli sabiex komunikazzjoni bħal din tiġi ssimplifikata u mħeġġa. Il-vantaġġi tal-vidjokonferenzi ġew rikonoxxuti mid-Dritt tal-Unjoni, li ħeġġeġ l-użu tagħhom fost oħrajn fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda transkonfinali f’materji ċivili u kummerċjali (5) u fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (6), jew il-proċeduri regolati għall-użu tagħhom fi proċedimenti kriminali (7);

7.

It-teknoloġija tal-vidjokonferenzi tista’ tintuża fit-tipi kollha ta’ proċedimenti ġudizzjarji (kemm f’materji kriminali kif ukoll f’dawk ċivili/kummerċjali) u tipprovdi lill-qrati u lill-uffiċċji ta’ prosekuzzjoni b’aktar flessibbiltà biex jiġbru evidenza mill-vittmi u x-xhieda, biex jisimgħu l-opinjonijiet tal-esperti u jieħdu d-dikjarazzjonijiet tal-persuni suspettati u l-konvenuti. Il-vidjokonferenzi jistgħu jgħinu biex jitnaqqas l-istress għal xhieda vulnerabbli bħal tfal. Dawn jevitaw ukoll l-ivvjaġġar meta l-vittmi, ix-xhieda jew l-esperti minn Stati Membri oħra jkunu meħtieġa jixhdu. Huma jippermettu wkoll li jiġu pprovduti salvagwardji immedjati u effettivi bħad-dritt għal interpretazzjoni, id-dritt għal informazzjoni, l-aċċess għal avukat għal persuna suspettata meta tiġi arrestata f’post remot (eż. f’każ ta’ arrest f’baħar miftuħ). L-użu ta’ tali teknoloġija jnaqqas ukoll l-ispejjeż tas-seduti għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Benefiċċji sinifikanti rigward l-ispejjeż u s-sigurtà jistgħu jinkisbu billi jiġi evitat it-trasport tal-persuni fil-kustodja;

8.

Fil-qafas tal-Ġustizzja Elettronika Ewropea, l-Istati Membri tal-UE diġà bdew jaħdmu flimkien biex jippromwovu l-użu tal-vidjokonferenzi u biex jiskambjaw esperjenzi u l-aħjar prattiki. Ħidma bħal din issir fost l-oħrajn fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika (Ġustizzja elettronika) fil-livell tal-UE;

9.

Il-ħidma li saret s’issa fil-qasam tal-vidjokonferenzi fil-livell nazzjonali u tal-UE taħt l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Ġustizzja Elettronika 2009-2013 diġà pproduċiet riżultati sinifikanti. Il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika joffri informazzjoni dwar l-użu tal-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi fi proċedimenti tal-qorti f’sitwazzjonijiet transkonfinali fil-lingwi uffiċjali kollha, inkluż manwal u, għall-parti kbira tal-Istati Membri, dettalji ta’ kuntatt rilevanti;

10.

It-tieni Pjan ta’ Azzjoni Ewropew pluriennali dwar il-Ġustizzja Elettronika 2014-2018 għandu l-għan li jibni fuq il-ħidma li diġà twettqet u li jkompli b’dan l-iżvilupp pożittiv f’livell nazzjonali u Ewropew. Din il-ħidma għandha titqies ukoll bħala parti minn żvilupp aktar ġenerali lejn il-modernizzazzjoni tal-ġustizzja fl-UE, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas legali eżistenti f’dan il-qasam partikolari u l-ħtieġa li jiġu rispettati s-salvagwardji proċedurali fis-seħħ fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE;

JISSOTTOLINJA li:

11.

Kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew Pluriennali 2014-2018, ir-rikors fil-qorti u l-bidu ta’ proċedimenti extraġudizzjarji f’sitwazzjonijiet transkonfinali għandhom jiġu ffaċilitati permezz tad-disponibbiltà ta’ komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi bejn il-qrati u l-partijiet għall-proċedimenti, kif ukoll ix-xhieda, il-vittmi, l-esperti u parteċipanti oħra;

12.

Barra minn hekk, l-użu tal-vidjokonferenzi, it-telekonferenzi jew mezzi oħra adatti għal komunikazzjoni fuq distanza twila għal seduti orali, fejn adatt, għandu jiġi estiż sabiex titneħħa l-ħtieġa li wieħed jivjaġġa lejn qorti biex jipparteċipa fil-proċedimenti ġudizzjarji, b’mod partikolari f’każijiet transkonfinali, u b’hekk, permezz tat-tnaqqis ta’ spejjeż u sforzi, isir kontribut għal aċċess effettiv għall-ġustizzja;

13.

Kif indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni Pluriennali dwar il-Ġustizzja Elettronika 2014-2018, il-ħidma futura f’dan il-qasam għandha tikber biex tiffaċilita aktar l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-vidjokonferenzi transkonfinali fl-Istati Membri kollha billi jiġi promoss l-użu ta’ għodod tal-IT għall-appoġġ u l-organizzazzjoni tal-vidjokonferenzi u billi tissaħħaħ l-interoperabbiltà għall-vidjokonferenzi. Din il-ħidma għandha tinkludi wkoll it-tfassil ta’ formola komuni biex tintalab jew tiġi kkonfermata vidjokonferenza transkonfinali. L-istabbiliment ta’ netwerk għall-iskambju ta’ esperjenzi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-vidjokonferenzi, inkluż it-taħriġ, għandu jiġi kkunsidrat ukoll. Għandha titqies il-parteċipazzjoni ta’ professjonisti legali bħal imħallfin, prosekuturi pubbliċi, avukati, medjaturi kif ukoll interpreti legali f’din il-ħidma;

JILQA’:

14.

Il-ħidma li saret mill-grupp ta’ ħidma ta’ esperti dwar il-vidjokonferenzi transkonfinali biex jgħin fit-titjib tal-funzjonament ġenerali tas-sistemi tal-Ġustizzja Elettronika fl-Istati Membri u f’livell Ewropew. Il-grupp ta’ esperti kien stabbilit f’Jannar 2014 taħt it-tmexxija Awstrijaka bil-għan li jiġi promoss l-użu prattiku tal-vidjokonferenzi transkonfinali u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tal-kompetenza fl-aspetti organizzattivi, tekniċi u legali;

15.

Ir-rapport finali tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti, ippreżentat f’Marzu 2015, b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal ħidma futura f’dan il-qasam;

JIEĦU NOTA tal-fatt li:

a)   grupp ta’ ħidma ta’ esperti

16.

Fir-rapport finali tiegħu, il-grupp ta’ ħidma ta’ esperti identifika għadd ta’ ostakli tekniċi, organizzattivi u legali li jxekklu l-użu tal-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi mill-Istati Membri f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Ir-riżultati wrew li għalkemm huwa veru li r-rekwiżiti legali eżistenti jridu jiġu rispettati, il-maġġoranza tal-problemi immedjati li jinqalgħu f’sitwazzjonijiet transkonfinali huma aktar ta’ natura organizzattiva u teknika. Huma dawn il-kwistjonijiet li għandhom b’mod partikolari jiġu indirizzati bħala prijorità f’perijodu ta’ żmien qasir jew medju;

b)   Portal tal-Ġustizzja Elettronika

17.

Barra minn hekk, l-informazzjoni li hija diġà disponibbli fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika għandha tiġi aġġornata u ssupplimentata. B’mod partikolari, pjanijiet futuri jistgħu jinkludu li jiżdiedu: links għal-leġislazzjoni tal-UE u l-leġislazzjoni tal-Istati Membri li tirregola l-użu tal-vidjokonferenzi; informazzjoni konsolidata dwar il-qrati kollha b’faċilitajiet tal-vidjokonferenzi fl-Istati Membri; għodda għall-arranġament prattiku tal-vidjokonferenzi (formoli elettroniċi, possibbilment sistema ta’ prenotazzjoni fil-futur); links għal struzzjonijiet jew manwali nazzjonali, fejn disponibbli; sezzjoni dwar eżempji ta’ vidjokonferenzi fi proċedimenti transkonfinali u ġabra tal-aħjar prattiki; informazzjoni dwar it-taħriġ u l-moduli ta’ taħriġ online u link għall-bażijiet ta’ data interkonnessi tal-interpreti fejn disponibbli;

c)   sinerġiji ma’ proġetti oħra

18.

Sinerġiji potenzjali ma’ proġetti oħra, bħal e-CODEX, il-proġetti AVIDICUS (l-interpretazzjoni waqt vidjokonferenza) u n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju għandhom jitqiesu wkoll. Minbarra l-informazzjoni diġà disponibbli fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, materjal utli eżistenti minn sorsi oħra, inklużi l-Istati Membri u l-Eurojust, għandhom ukoll jintużaw sa fejn possibbli;

d)   aspetti legali

19.

Il-vidjokonferenzi kisbu rikonoxximent legali permezz tal-konvenzjonijiet internazzjonali u bosta atti legali tal-UE, bħar-Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, ir-Regolament li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u l-aktar reċenti, id-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali;

20.

Filwaqt li jġibu aktar protezzjoni lil persuni suspettati, lill-vittmi, lix-xhieda u lil persuni vulnerabbli, għandu jiġi żgurat li l-vidjokonferenzi ma jkunux ta’ detriment għad-drittijiet tad-difiża; għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-prinċipji tal-immedjatezza, l-ugwaljanza tal-armi u l-kontradizzjoni jiġu rispettati. Dan jinvolvi l-użu ta’ tagħmir li jkun aġġornat, biex tinkiseb biżżejjed kwalità fil-vidjo u l-awdjo, u li jkun sikur b’mod proporzjonat mas-sensittività tal-każ;

21.

L-impatt ta’ żviluppi leġislattivi, inkluż b’mod partikolari l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, li tistabbilixxi proċedura dettaljata għall-użu tal-vidjokonferenzi f’każijiet kriminali, fuq ir-regoli proċedurali u l-garanziji differenti applikabbli fl-Istati Membri rikjedenti u dawk ta’ eżekuzzjoni, ser ikollu għalhekk jiġi vvalutat. Kwistjonijiet legali oħrajn relatati mal-vidjokonferenzi jinkludu wkoll l-identifikazzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti;

JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

22.

Jikkunsidraw li jimplimentaw fuq livell nazzjonali l-miżuri li ġejjin bil-ħsieb li titjieb l-interoperabbiltà bejn l-Istati Membri:

a)   aspetti organizzattivi

(a)

Jintroduċu punt ta’ kuntatt jew punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-vidjokonferenzi, fejn applikabbli, f’kull Stat Membru. Konsegwentement itejbu u jaġġornaw - f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni fejn meħtieġ - l-informazzjoni fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika (permezz tal-Bażi ta’ Data tal-Qorti Ewropea) dwar il-faċilitajiet nazzjonali tal-vidjokonferenzi, punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-vidjokonferenzi u qrati kompetenti rilevanti. Itejbu l-organizzazzjoni ta’ punti ta’ kuntatt fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-qrati;

(b)

Għal vidjokonferenzi individwali, jaqblu dwar lingwa komuni, jekk applikabbli, flimkien ma’ servizzi xierqa ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni u dwar iż-żona ta’ ħin li għandha tintuża biex jiġi determinat meta tibda l-vidjokonferenza. Jekk ikun meħtieġ is-sostenn ta’ interpretu f’vidjokonferenza, l-Istati Membri għandhom ikunu konxji minn, u safejn possibbli, isegwu l-pariri miksuba mill-proġetti AVIDICUS;

(c)

Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fl-Unjoni kollha, joffru taħriġ effettiv għall-utenti potenzjali, inkluż għall-imħallfin u l-prosekuturi, biex iżidu l-fiduċja u l-kapaċità tagħhom biex imexxu vidjokonferenza transkonfinali;

b)   aspetti tekniċi

(d)

Jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi, inkluża formola mtejba għall-iskambju effettiv ta’ parametri tal-vidjokonferenzi varjabbli u/jew kunfidenzjali, flimkien ma’ informazzjoni pubblika u statika dwar il-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi għal kull Stat Membru, li għandhom jiġu ppubblikati fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika;

(e)

Jabbozzaw linji gwida prattiċi għall-utenti u għall-persunal tal-ippjanar tekniku u ta’ appoġġ dwar l-istandards tekniċi rakkomandati;

(f)

Itejbu l-interoperabbiltà bejn l-Istati Membri billi jwettqu b’mod sistematiku testijiet prattiċi bejn pari ta’ Stati Membri biex jiġu dokumentati l-parametri tal-ħidma. Dawn jistgħu mbagħad jerġgħu jintużaw biex jiġu stabbiliti vidjokonferenzi aktar affidabbli bejn l-Istati Membri b’biżżejjed kwalità fl-awdjo u l-vidjo;

(g)

Bħala minimu, jimplimentaw l-istandards tekniċi li ġejjin sabiex tittejjeb il-kwalità tas-sessjonijiet tal-vidjokonferenzi:

Tintuża sistema ta’ vidjokonferenzi bbażata fuq hardware (H.323/videoconference SIP);

Is-sessjoni tal-vidjokonferenza għandha tkun ibbażata fuq l-IP;

Tintuża infrastruttura li tippermetti aċċess anke b’firewall;

Jintużaw komunikazzjonijiet kriptati (AES-128);

Il-preżentazzjoni tasal bħala vidjo “duo” (H.239) (8);

c)   aspetti legali

(h)

Jivvalutaw l-impatt tal-istrumenti tal-UE adottati, bħall-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam ma’ regoli proċedurali attwali;

JISTIEDEN LILL-GRUPP TA’ ĦIDMA DWAR IL-LEĠISLAZZJONI ELETTRONIKA (ĠUSTIZZJA ELETTRONIKA) BIEX:

23.

Jibda jesplora possibbiltajiet u soluzzjonijiet prattiki għal approċċ ikkoordinat bil-għan li tinbeda kooperazzjoni fil-qasam tal-vidjokonferenzi ma’ pajjiżi terzi flimkien mal-kuntatti bilaterali li l-Istati Membri diġà għandhom fis-seħħ f’dan il-qasam;

24.

Ikomplu l-ħidma li saret fil-qafas tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti dwar il-vidjokonferenzi transkonfinali permezz tal-istabbiliment ta’ netwerk ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri taħt il-patroċinju fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġislazzjoni Elettronika (Ġustizzja elettronika), bl-għan tal-iskambju ta’ esperjenzi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-vidjokonferenzi, inkluż it-taħriġ, abbażi ta’ proposta li għandha tiġi ppreżentata mill-grupp ta’ ħidma ta’ esperti. Dan in-netwerk għandu:

(a)

Jikkunsidra li jtejjeb l-użu tal-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi fil-livell Ewropew billi jinħolqu “kmamar għal-laqgħat għall-vidjokonferenzi virtwali” sikuri fejn l-Istati Membri parteċipanti jkunu jistgħu jaqbdu b’sistema “dial-in”;

(b)

Jabbozza deskrizzjoni ċara pass b’pass (“protokoll”) għat-tħejjija u t-tħaddim ta’ vidjokonferenzi transkonfinali li tkun taqbel mal-każijiet tipiċi ta’ użu ta’ vidjokonferenzi transkonfinali ġudizzjarji u tiġbor l-elementi organizzattivi, tekniċi u ġudizzjarji kollha meħtieġa;

(c)

Jipprovdu gwida għall-utenti dwar każijiet tipiċi ta’ użu ġudizzjarju li jkunu l-aktar li jibbenefikaw minn użu akbar u aħjar ta’ vidjokonferenzi transkonfinali;

(d)

Itejjeb is-sistema elettronika ta’ kif jintbagħtu l-formoli biex tintalab assistenza legali reċiproka transkonfinali billi jgħaqqad il-funzjonijiet tal-formoli dinamiċi mill-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika ma’ e-CODEX, eż. formoli għal “kumpilazzjoni diretta tal-provi” u “kumpilazzjoni (indiretta) tal-provi”;

(e)

Jelabora għodod biex jgħinu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jidentifikaw l-istrument legali applikabbli għall-organizzazzjoni ta’ vidjokonferenza partikolari;

(f)

Jelabora għodod biex jgħinu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jidentifikaw l-awtorità kompetenti għall-organizzazzjoni ta’ vidjokonferenza partikolari;

(g)

Jidentifika l-arranġamenti li għandhom isiru biex jiggarantixxu salvagwardji proċedurali fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u

(h)

Jiżgura s-sostenibbiltà tal-ħidma billi:

jissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-proġetti ta’ titjib,

jissorvelja t-teknoloġiji l-ġodda tal-vidjokonferenzi,

jissuġġerixxi azzjonijiet u proġetti ġodda għal aktar titjib;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

25.

Tippubblika r-rapport finali tal-grupp ta’ esperti dwar il-vidjokonferenzi transkonfinali fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika biex jinxtered b’mod aktar ġenerali fost il-professjonisti legali u partijiet interessati oħra.

26.

Tappoġġa b’mod finanzjarju l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-miżuri stipulati fil-paragrafu 22 li għandhom l-għan li jiżguraw l-interoperabbiltà transkonfinali tal-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi sakemm dan jipproduċi valur miżjud Ewropew f’konformità mal-istrumenti ta’ finanzjament applikabbli.


(1)  ĠU C 376, 21.12.2013, p. 7.

(2)  ĠU C 182, 14.6.2014, p. 2.

(3)  15771/14.

(4)  8364/15 + ADD.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).

(6)  Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).

(7)  Il-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(8)  

Nota: Jista’ jkun meħtieġ li jintuża ISDN bħala soluzzjoni ta’ riżerva, jekk sieħeb ta’ vidjokonferenza jkun għadu ma jistax juża IP.


Top