EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2006

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2006 tal-10 ta' Novembru 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika

OJ L 294, 11.11.2015, p. 58–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2006/oj

11.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 294/58


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2006

tal-10 ta' Novembru 2015

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/819/PESK (1) li taħtar lis-Sur Alexander RONDOS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta' Ottubru 2015.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' 16-il xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tikkomprometti l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Alexander RONDOS bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika huwa estiż sat-28 ta' Frar 2017. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, il-Qarn tal-Afrika huwa intiż li jikkonsisti mir-Repubblika tal-Djibouti, l-Istat tal-Eritrea, ir-Repubblika Demokratika Federali tal-Etjopja, ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Repubblika Federali tas-Somalja, ir-Repubblika tas-Sudan, ir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel u r-Repubblika tal-Uganda. Fir-rigward ta' kwistjonijiet b'implikazzjonijiet reġjonali aktar estensivi, ir-RSUE għandu jfittex kuntatti ma' pajjiżi u entitajiet reġjonali lil hinn mill-Qarn tal-Afrika, kif adatt.

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika, kif stabbiliti fil-Qafas Strateġiku tagħha adottat fl-14 ta' Novembru 2011, il-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għall-Qarn tal-Afrika 2015-2020 adottat fis-26 ta' Ottubru 2015, u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti, jiġifieri li jikkontribwixxi b'mod attiv għall-isforzi reġjonali u internazzjonali għall-kisba ta' koeżistenza paċifika u ta' paċi dejjiema, is-sigurtà u l-iżvilupp ġewwa u bejn il-pajjiżi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi wkoll biex isaħħaħ il-kwalità, l-intensità, l-impatt u l-viżibbiltà tad-diversi aspetti tal-impenn f'tal-Unjoni fil-Qarn tal-Afrika.

2.   L-objettivi ta' politika li għalihom għandu jikkontribwixxi r-RSUE għandhom jinkludu, fost oħrajn:

(a)

il-kontinwazzjoni tal-istabbilizzazzjoni tal-Qarn tal-Afrika, b“konsiderazzjoni tad-dinamika reġjonali usa”;

(b)

ir-riżoluzzjoni ta' konflitti, speċifikament dawk fis-Somalja, is-Sudan t'Isfel u s-Sudan, u l-prevenzjoni u t-twissija bikrija ta' konflitti potenzjali bejn il-pajjiżi fir-reġjun jew fl-intern tagħhom;

(c)

appoġġ għall-kooperazzjoni politika, ekonomika u ta' sigurtà reġjonali;

(d)

ġestjoni mtejba ta' flussi migratorji mħallta mill-Qarn tal-Afrika jew fl-intern tiegħu, filwaqt li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali għal tali flussi.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

abbażi tal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali tiegħu jfittex kuntatti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-reġjun, il-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, bil-ħsieb li jiġu promossi l-objettivi tal-Unjoni, u jikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni fir-reġjun;

(b)

ifittex kuntatti ma' atturi ewlenin barra mir-reġjun b'influwenza fil-Qarn tal-Afrika, fl-interessi li jindirizza kwistjonijiet ta' stabbiltà reġjonali usa', inkluż fir-rigward tal-Baħar l-Aħmar u l-Oċean Indjan tal-Punent. Dawk il-kuntatti għandhom jinkludu impenn bilaterali mal-Istati Uniti tal-Amerika, il-pajjiżi tal-Golf, l-Eġittu, it-Turkija u ċ-Ċina, kuntatti reġjonali mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u interazzjoni ma' atturi rilevanti oħra hekk kif dawn jitfaċċaw;

(c)

jirrappreżenta lill-Unjoni f'fora internazzjonali rilevanti, kif adatt, u jiżgura l-viżibbiltà għall-appoġġ tal-Unjoni fil-ġestjoni ta' kriżijiet, kif ukoll fir-riżoluzzjoni u l-prevenzjoni tal-konflitti;

(d)

iħeġġeġ u jappoġġa l-kooperazzjoni politika u tas-sigurtà u l-integrazzjoni ekonomika effettivi fir-reġjun permezz tas-sħubija tal-Unjoni mal-Unjoni Afrikana (UA) u l-organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD);

(e)

isegwi l-iżviluppi politiċi fir-reġjun u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni lejn ir-reġjun, inkluż fir-rigward tas-Somalja, is-Sudan, is-Sudan t'Isfel u l-Eritrea, it-tilwima dwar il-fruntiera Etjopja-Eritrea u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Alġeri, it-tilwima dwar il-fruntiera Djibouti-Eritrea, l-inizjattiva dwar il-Baċin tan-Nil u tħassib ieħor f'dak ir-reġjun li għandu impatt fuq is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tiegħu;

(f)

jeżamina l-isfidi transkonfinali, b'mod partikolari dwar il-migrazzjoni u, fuq talba, jipparteċipa fi djalogi dwar il-migrazzjoni ma' partijiet interessati rilevanti, u jikkontribwixxi b'mod aktar ġenerali lejn il-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fir-rigward tar-reġjun, f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sabiex tiżdied il-kooperazzjoni, inkluż dwar ir-ritorn u r-riammissjoni;

(g)

fir-rigward tas-Somalja, u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għas-Somalja u l-sħab reġjonali u internazzjonali rilevanti, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għas-Somalja, l-UA u l-IGAD, ikompli jikkontribwixxi b'mod attiv għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal stabbilizzazzjoni ulterjuri u arranġamenti ta' wara t-transizzjoni għas-Somalja, filwaqt li jibni fuq il-Patt dwar il-Ftehim il-Ġdid tal-2013 u l-progress fil-formazzjoni ta' stat federali, u bil-ħsieb li jinkiseb proċess elettorali kredibbli u inklużiv fis-Somalja fl-2016. Barra minn hekk, ir-RSUE għandu jkompli jappoġġa l-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà fis-Somalja, inkluż permezz tal-missjonijiet tal-PSDK tal-Unjoni skjerati fir-reġjun;

(h)

fir-rigward tas-Sudan, u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kapijiet tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f'Khartoum u għall-UA f'Addis Ababa, jikkontribwixxi għall-koerenza u l-effettività tal-politika tal-Unjoni lejn is-Sudan u jappoġġa soluzzjonijiet politiċi għall-konflitti li għaddejjin bħalissa f'Darfur, il-Kordofan tan-Nofsinhar u l-Blue Nile, u rikonċiljazzjoni nazzjonali permezz ta' proċess politiku olistiku. F'dan ir-rigward, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għal approċċ internazzjonali koerenti mal-UA u b'mod partikolari l-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli tal-UA għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel (AUHIP), in-NU u partijiet ikkonċernati reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra, filwaqt li jżomm f'moħħu wkoll il-ħtieġa ta' appoġġ għall-koeżistenza paċifika tas-Sudan u s-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Addis u r-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti wara l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi;

(i)

fir-rigward tas-Sudan t'Isfel, abbażi tal-Ftehim li ġie ffirmat reċentement dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt (ARC) fis-Sudan t'Isfel, ikompli jimpenja ruħu f'livell reġjonali, b'mod partikolari mal-IGAD, l-UA, in-NU, il-ġirien tas-Sudan t'Isfel u sħab internazzjonali ewlenin oħra, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-ftehim. F'dan ir-rigward ir-RSUE għandu jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE f'Juba u għall-UA f'Addis Ababa;

(j)

isegwi mill-qrib sfidi transkonfinali oħra li jolqtu l-Qarn tal-Afrika, b'enfasi fuq ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, iżda jħares ukoll lejn is-sigurtà u l-piraterija marittima, il-kriminalità organizzata, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi, prodotti mill-annimali selvaġġi, drogi u kuntrabandu ieħor, u kwalunkwe konsegwenza politika u ta' sigurtà tal-kriżijiet umanitarji;

(k)

jippromovi l-aċċess umanitarju madwar ir-reġjun;

(l)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK (2) u l-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-konflitt armat, kif ukoll il-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni dwar ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluż permezz ta' monitoraġġ u rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll l-ifformular ta' rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward.

2.   Għall-fini tat-twettiq tal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost oħrajn:

(a)

jagħti pariri u jirrapporta dwar id-definizzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni fil-fora internazzjonali, kif adatt, sabiex jippromovi b'mod proattiv l-approċċ ta' politika komprensiv tal-Unjoni lejn il-Qarn tal-Afrika;

(b)

iżomm viżjoni globali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il- KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Novembru 2015 sat-28 ta' Frar 2017 għandu jkun ta' EUR 3 500 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu. Il-grupp għandu jinkludi l-għarfien espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika u ta' sigurtà kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jinforma fil-pront u regolarment lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu is-sekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal sekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea konċernata jew l-SEAE, rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal kuntrattat internazzjonali għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibgħat, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tibgħat jew tas-SEAE, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kkollokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għall-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament regolari tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiż ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri raġonevolment prattikabbli kollha, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona tar-responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tar-responsabbiltà kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti tas-sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona tar-responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tar-responsabbiltà jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiġi żgurat li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u li l-Kunsill, ir-RGħ u l-Kummissjoni jingħatawlhom rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti orali u bil-miktub lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta skont il-ħtieġa lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta dwar l-aħjar mod sabiex jinkisbu l-inizjattivi tal-Unjoni, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi, u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti ta' żvilupp rilevanti tal-Unjoni, f'koordinazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjonijiet tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjoni kollha tal-Istati Membri jiġu impenjati b'mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment informazzjoni lill-missjonijiet tal-Istati Membri u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kmandant tal-Forzi tal-EUNAVFOR Atalanta, lill-Kmandant tal-Missjoni tal-EUTM Somalia u lill-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP NESTOR. Ir-RSUE, il-Kmandanti tal-Operazzjonijiet tal-UE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

3.   Ir-RSUE għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi involuti, in-NU, l-UA, l-IGAD, partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali oħra, kif wkoll mas-soċjetà ċivili fir-reġjun.

Artikolu 13

Analiżi

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu analizzati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport ta' progress lill-Kunsill lir-RGħ, u lill-Kummissjoni sal-aħħar ta' Ġunju 2016 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Novembru 2016.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2015.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/819/PESK tat-8 ta' Diċembru 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (ĠU L 327, 9.12.2011, p. 62).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


Top