EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1842

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1842 tad-9 ta' Ottubru 2015 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip (notifikata bid-dokument C(2015) 6729) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 267, 14.10.2015, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1842/oj

14.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 267/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1842

tad-9 ta' Ottubru 2015

dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip

(notifikata bid-dokument C(2015) 6729)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/40/UE stabbiliet regoli ġodda dwar it-twissijiet tas-saħħa, inklużi twissijiet tas-saħħa kkombinati, li jitqiegħdu fuq il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip. It-twissijiet tas-saħħa kkombinati għandu jkun fihom waħda mill-kitbiet ta' twissija elenkati fl-Anness I għal din id-Direttiva u ritratt bil-kulur korrispondenti speċifikat fil-librerija tal-istampi fl-Anness II ta' dik id-Direttiva, u informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip. Dawn għandhom ikopru 65 % tal-erja esterna tal-wiċċ ta' quddiem u ta' wara tal-pakketti individwali u kwalunkwe mballaġġ estern.

(2)

B'qies tad-diversi forom ta' pakketti, għandhom jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati. B'mod partikolari, il-pożizzjoni tar-ritratt, it-twissija miktuba u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip fi twissija tas-saħħa kombinata, id-daqs ta' dawk l-elementi, il-format, il-kuluri u t-tipi li għandhom jintużaw għandhom ikunu speċifikati sabiex ikun żgurat li kull element huwa kompletament viżibbli.

(3)

Minħabba l-forom u d-daqsijiet differenti tal-pakketti fis-suq, huwa xieraq li jintalab li t-twissijiet tas-saħħa kkombinati jitqassmu f'format fuq xulxin jew f'format ħdejn xulxin. Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata jkun aktar minn 70 % tal-wisa' tagħha, għandu jintuża format fuq xulxin. Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata jkun aktar minn 20 % imma anqas minn 65 % tal-wisa' tagħha, għandu jintuża format ħdejn xulxin. Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata tkun akbar minn jew ugwali għal 65 % iżda anqas minn jew ugwali għal 70 % tal-wisa' tagħha, il-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk għandhom jitħallew jagħżlu liema format għandu jintuża, sakemm l-elementi kollha tat-twissija tas-saħħa kkombinata jibqgħu kompletament viżibbli u ma jkunux imfixkla.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li r-ritratt ikun l-aktar element importanti tat-twissija tas-saħħa kkombinata, dan għandu jitqiegħed fuq nett tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati f'format fuq xulxin u fuq in-nofs tax-xellug tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati fil-format ħdejn xulxin. Ir-ritratt għandu wkoll ikun l-akbar element f'twissija tas-saħħa kkombinata.

(5)

Madankollu, meta minħabba l-forma tal-pakkett individwali jew l-imballaġġ estern, it-twissija tas-saħħa tkun ferm usa' minn kemm tkun għolja, ikun xieraq li wieħed jipprevedi regoli speċjali dwar id-daqs tal-elementi tat-twissija tas-saħħa kkombinata, sabiex jiġi żgurat li dan ir-ritratt ma jiġix distort permezz ta' skalar u li l-kliem tat-twissija u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip jibqgħu kompletament viżibbli u leġġibbli.

(6)

Sabiex ikunu żgurati l-viżibilità u ċ-ċarezza tat-twissija tas-saħħa kkombinata, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-kuluri, ir-riżoluzzjoni minima, il-font u l-ispazju tat-tipa bejn il-linji. Tolleranzi tal-istampa li ma jistgħux jiġu evitati jitqiesu bħala aċċettabbli.

(7)

Jixraq li wieħed jipprevedi regoli speċjali fir-rigward ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati li jitqiegħdu fuq quddiem ta' pakketti individwali b'għatu tat-tip li jifflippja (flip-top lid) meta l-għatu jkopri erja tal-wiċċ ikbar jew iżgħar minn 50 % tal-erja tal-wiċċ prevista għar-ritratt u l-ftuħ tal-għatu li jifflippja jwassal għal qasma fir-ritratt, fil-kliem ta' twissija jew fl-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip. F'dawn il-każijiet jixraq li jiġu previsti regoli aktar flessibbli fir-rigward tad-daqs ta' kull wieħed mit-tliet elementi ta' twissija tas-saħħa kkombinata. Il-manifatturi jew l-importaturi għandhom ukoll jitħallew inaqqsu d-daqs tat-tipa, l-ispazju bejn il-linji f'kitba ta' twissija u fl-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip meta t-twissija tas-saħħa kkombinata fuq il-parti ta' quddiem ta' tali pakketti tinkiteb b'aktar minn lingwa waħda jew meta dan ma jkunx jista' jiġi evitat fuq il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipa tal-ilma, sakemm l-elementi kollha jibqgħu kompletament viżibbli.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar it-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip.

Artikolu 2

Tqassim tal-għamla u forma tat-twissija tas-saħħa kkombinata

1.   Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata ikun ta' aktar minn 70 % tal-wisa' tagħha, il-manifatturi għandhom jistabbilixxu t-twissijiet tas-saħħa kkombinati f'format fuq xulxin kif muri fit-Taqsima 1 tal-Anness.

Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata huwa ta' aktar minn 20 % iżda anqas minn 65 % tal-wisa' tagħha, il-manifatturi għandhom jistabbilixxu t-twissijiet tas-saħħa kkombinati f'format ħdejn xulxin kif muri fit-Taqsima 2 tal-Anness.

Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata hija akbar minn jew ugwali għal 65 % iżda anqas minn jew ugwali għal 70 % tal-wisa' tagħha, il-manifatturi jistgħu jagħżlu jekk jużawx l-format fuq xulxin jew il-format ħdejn xulxin, sakemm l-elementi kollha tat-twissija tas-saħħa kkombinata jibqgħu kompletament viżibbli u ma jkunux distorti.

2.   Meta jintuża format fuq xulxin, ir-ritratt għandu jitqiegħed fin-naħa ta' fuq tat-twissija tas-saħħa kkombinata, bit-twissija bil-miktub u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip stampati taħtu kif muri fit-Taqsima 1 tal-Anness. Ir-ritratt għandu jokkupa 50 %, it-twissija bil-miktub 38 %, u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip 12 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda ta' barra.

Meta jintuża format ħdejn xulxin, ir-ritratt għandu jitqiegħed fin-nofs tax-xellug tat-twissija tas-saħħa kkombinata, bit-twissija bil-miktub fuq in-naħa ta' fuq tal-lemin u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip fin-naħa t'isfel fuq il-lemin tat-twissija kif muri fit-Taqsima 2 tal-Anness. Ir-ritratt għandu jokkupa 50 %, it-twissija bil-miktub 40 %, u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip 10 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda ta' barra.

3.   Meta, minħabba l-forma tal-pakkett individwali jew l-imballaġġ estern, l-għoli tat-twissija tas-saħħa kkombinata huwa inqas minn jew ugwali għal 20 % tal-wisa' tagħha, it-twissija tas-saħħa għandha tkun stabbilita f'format ma' ġemb xulxin b'wisa' addizzjonali kif muri fit-Taqsima 3 tal-Anness. Ir-ritratt għandu jokkupa 35 %, it-twissija bil-miktub 50 %, u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip 15 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda ta' barra.

Artikolu 3

Disinn tal-forma tat-twissija tas-saħħa kkombinata

1.   It-twissija tas-saħħa għandha tkun stampata f'erba' kuluri CMYK. L-elementi kollha bl-iswed għandhom ikunu C0, M0, Y0 u K100 u dawk bl-isfar moħmi għandhom ikunu C0, M10, Y100 u K0.

It-twissija tas-saħħa għandha tkun riprodotta f'riżoluzzjoni minima ta' 300dpi meta tiġi stampata f'daqs attwali.

2.   It-twissija bil-miktub għandha tkun stampata b'karattri bojod fuq sfond iswed.

Meta l-prodotti tat-tabakk għat-tipjip ikunu maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Istati Membri li għandhom iktar minn lingwa uffiċjali waħda, il-kliem tat-twissija bl-ewwel lingwa għandu jiġi stampat bl-abjad, il-kliem tat-twissija bit-tieni lingwa għandu jiġi stampat bl-isfar moħmi u l-kliem tat-twissija bit-tielet lingwa, jekk applikabbli, għandu jiġi stampat bl-abjad.

L-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip għandha tiġi stampata bl-iswed fuq sfond isfar moħmi, kif jidher fl-Anness.

3.   Meta jintuża format ma' ġenb xulxin, format fuq xulxin mreġġa' lura jew format b'wisa' addizzjonali, għandha tiġi stampata bordura sewda ta' 1 mm bejn l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip u r-ritratt fil-panew bl-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip.

4.   Il-manifatturi jew l-importaturi għandhom jiżguraw li r-ritratt:

(a)

huwa riprodott mingħajr ma jiġu applikati effetti, aġġustament tal-kuluri, rtokk, jew estensjoni fl-isfond;

(b)

mhux maqtugħ qrib wisq jew wisq 'il bogħod mill-punt fokali tal-immaġni u

(c)

jitnaqqas fid-daqs proporzjonalment mingħajr ma jiġġebbed jew jinxtorob.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li:

(a)

il-kliem tat-twissija u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip huma allinjati mix-xellug u ċċentrati b'mod vertikali;

(b)

il-kliem tat-twissija u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip huma stampati bit-tipa Neue Frutiger Condensed Bold;

(c)

il-kliem tat-twissija huwa stampat b'tipa ta' daqs uniformi;

(d)

id-daqs tat-tipa tat-test tat-twissija u tal-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip tkun kbira kemm jista' jkun biex tkun żgurata l-viżibbiltà massima tat-test;

(e)

id-daqs minimu tat-tipa tat-twissija bil-miktub ikun ta' 6 pt u d-daqs minimu tat-tipa tal-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip ikun ta' 5 pt;

(f)

l-ispazju bejn il-linji jkun ta' 2 pt akbar mid-daqs tat-tipa ta' twissija bil-miktub u jkun minn 1 sa 2 pt ikbar mid-daqs tat-tipa tal-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip;

(g)

il-kliem tat-twissija jkun riprodott kif stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 2014/40/UE, inkluż fir-rigward tal-użu ta' ittri kbar, iżda bl-esklużjoni tal-innumerar.

B'deroga mill-punti (e) u (f), il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakka għall-pipi tal-ilma jistgħu jnaqqsu d-daqs tal-font jew l-ispazju bejn il-linji tat-twissija miktuba u tal-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip meta dan ma jkunx jista' jiġi evitat, sakemm l-elementi kollha tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata jibqgħu kompletament viżibbli.

Artikolu 4

Regoli speċjali għal ċerti pakketti individwali b'għatu li jifflippja (flip-top lid)

1.   B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2), ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għal twissijiet tas-saħħa kkombinati li jitqiegħdu fuq quddiem ta' pakketti individwali li għandhom għatu li jifflippja (flip-top lid):

(a)

meta l-għatu jkun iżgħar mill-erja tal-wiċċ prevista għar-ritratt fl- Artikolu 2(2) u l-osservanza ta' din id-dispożizzjoni tirriżulta li dan ir-ritratt jinqasam meta l-pakkett jinfetaħ:

(i)

il-kitba tat-twissija għandha titqiegħed fin-naħa ta' fuq tat-twissija tas-saħħa kkombinata, bl-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip u r-ritratt stampati taħtha kif muri fit-Taqsima 4 tal-Anness; kif ukoll

(ii)

ir-ritratt għandu jokkupa talanqas 50 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija tas-saħħa kkombinata, il-kitba tat-twissija talanqas 30 % u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip talanqas 10 % iżda mhux aktar minn 12 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda esterna;

(b)

meta l-għatu jkun ikbar mill-erja tal-wiċċ prevista għar-ritratt fl- Artikolu 2(2) u l-osservanza ta' din id-dispożizzjoni tirriżulta li t-twissija bil-miktub jew l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip tinqasam meta l-pakkett jinfetaħ:

(i)

ir-ritratt għandu jitqiegħed fin-naħa ta' fuq tat-twissija tas-saħħa kkombinata, bit-twissija bil-miktub u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip stampati taħtu kif muri fit-Taqsima 1 tal-Anness; kif ukoll

(ii)

ir-ritratt għandu jokkupa talanqas 50 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija tas-saħħa kkombinata, il-kitba tat-twissija talanqas 30 % u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip talanqas 10 % iżda mhux aktar minn 12 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda esterna.

Il-manifatturi għandhom jiżguraw li ebda wieħed mit-tliet elementi tat-twissija tas-saħħa kkombinata ma jinqasam meta jinfetaħ il-pakkett individwali.

2.   B'deroga mill-Artikolu 3(5)(e) u (5)(f), il-manifatturi jew l-importaturi tas-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk għall-pipi tal-ilma f'pakketti unitarji b'għatu li jifflippja jistgħu jnaqqsu d-daqs tat-tipa jew l-ispazju bejn il-linji tat-twissija bil-miktub u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip fuq in-naħa ta' quddiem tal-pakketti meta twissija tas-saħħa kkombinata tkun b'aktar minn lingwa waħda, sakemm l-elementi kollha tat-twissija tas-saħħa kkombinata jibqgħu kompletament viżibbli.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.


ANNESS

1.   Format fuq xulxin (l-Artikoli 2 (1), (2) u 4 (1b))

Image

2.   Format ma' ġemb xulxin (l-Artikoli 2(1) u (2))

Image

3.   Format ma' ġenb xulxin b'wisa' addizzjonali (l-Artikolu 2(3))

Image

4.   Format fuq xulxin mreġġa' lura (l-Artikolu 4(1a))

Image

Top