Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1601

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

OJ L 248, 24.9.2015, p. 80–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 26/09/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1601/oj

24.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/80


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1601

tat-22 ta' Settembru 2015

li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), f'każ li Stat Membru wieħed jew aktar jaffrontaw sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i).

(2)

Skont l-Artikolu 80 TFUE, il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri, tal-asil u tal-immigrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u tat-tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u l-atti tal-Unjoni adottati f'dan il-qasam għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

(3)

Is-sitwazzjoni reċenti ta' kriżi fil-Mediterran wasslet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jirrikonoxxu minnufih il-flussi migratorji eċċezzjonali f'dak ir-reġjun, u biex jappellaw għal miżuri konkreti ta' solidarjetà mal-Istati Membri tal-ewwel art. B'mod partikolari, f'laqgħa konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern fl-20 ta' April 2015, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' għaxar punti ta' azzjoni immedjata sabiex tittieħed b'rispons għall-kriżi, inkluż l-impenn li jiġu kkunsidrati opzjonijiet għall-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni ta' emerġenza.

(4)

Fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta' April 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, fost l-oħrajn, li jsaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabbiltà interni u impenja ruħu b'mod partikolari li jżid l-assistenza ta' emerġenza lill-Istati Membri tal-ewwel art, u biex jikkunsidra opzjonijiet għall-organizzazzjoni ta' rilokazzjoni ta' emerġenza bejn l-Istati Membri fuq bażi volontarja, u biex jibgħat timijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fl-Istati Membri tal-ewwel art għall-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, inklużi r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015, il-Parlament Ewropew tenna l-ħtieġa li l-Unjoni tibbaża r-reazzjoni tagħha għat-traġedji fil-Mediterran l-aktar reċenti fuq is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, u tintensifika l-isforzi tagħha f'dan il-qasam fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jirċievu l-ikbar numru ta' refuġjati u applikanti għal protezzjoni internazzjonali, f'termini assoluti jew f'termini relattivi.

(6)

Minbarra miżuri fil-qasam tal-asil, l-Istati Membri tal-ewwel art għandhom iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jistabbilixxu miżuri biex ilaħħqu mal-flussi ta' migrazzjoni mħallta fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Tali miżuri għandhom jissalvagwardjaw id-drittijiet ta' dawk fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u jipprevjenu migrazzjoni irregolari.

(7)

Fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda fost l-oħrajn, li għandhom jiġu avvanzati b'mod parallel tliet dimensjonijiet ewlenin: ir-rilokazzjoni/ir-risistemazzjoni, ir-ritorn/ir-riammissjoni/ir-riintegrazzjoni u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta' emerġenza u tal-impenn biex tissaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabbiltà, il-Kunsill Ewropew laħaq qbil, b'mod partikolari, dwar ir-rilokazzjoni temporanja u eċċezzjonali, mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra tul perijodu ta' sentejn ta' 40 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, li jieħdu sehem fiha l-Istati Membri kollha.

(8)

Is-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istati Membri jirriżultaw b'mod partikolari minn flussi migratorji f'reġjuni ġeografiċi oħra, bħar-rotta migratorja tal-Balkani tal-Punent.

(9)

Bosta Stati Membri affrontaw żieda sinifikanti fin-numru totali ta' migranti, inkluż applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tagħhom fl-2014 u xi wħud għadhom qed jaffrontaw din is-sitwazzjoni fl-2015. Diversi Stati Membri rċevew assistenza finanzjarja ta' emerġenza mill-Kummissjoni u appoġġ operattiv mill-EASO bħala għajnuna biex ilaħħqu ma' din iż-żieda.

(10)

Fost l-Istati Membri li għaddejjin minn sitwazzjoni ta' pressjoni konsiderevoli u fid-dawl tal-ġrajjiet traġiċi reċenti fil-Mediterran, l-Italja u l-Greċja b'mod partikolari esperjenzaw flussi bla preċedent ta' migranti, inkluż applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li huma fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tagħhom, u ħolqu pressjoni sinifikanti fuq is-sistemi ta' migrazzjoni u ta' asil tagħhom.

(11)

Fl-20 ta' Lulju 2015, fid-dawl tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istat Membri, ġiet adottata b'kunsens Riżoluzzjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja ta' 40 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali. Matul perijodu ta' sentejn, 24 000 persuna ser jiġu rilokati mill-Italja u 16 000 persuna ser jiġu rilokati mill-Greċja. Fl-14 ta' Settembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2015/1523 (2), li stipulat mekkaniżmu ta' rilokazzjoni temporanju u eċċezzjonali mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra ta' persuni fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali.

(12)

Matul ix-xhur reċenti, il-pressjoni migratorja fil-fruntieri esterni tan-Nofsinhar fuq l-art u fil-baħar reġgħet żdiedet bil-qawwa, u tkompla l-moviment tal-flussi migratorji mill-Mediterran ċentrali għall-Mediterran tal-Lvant u lejn ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, bħala riżultat tan-numru dejjem jikber ta' migranti li qed jaslu fil-Greċja u mill-Greċja. Fid-dawl tas-sitwazzjoni, għandhom ikunu ġġustifikati miżuri proviżorji ulterjuri biex tittaffa l-pressjoni tal-asil minn fuq l-Italja u l-Greċja.

(13)

Skont data tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (Frontex), ir-rotot tal-Mediterran ċentrali u tal-Lvant kienu ż-żoni prinċipali għall-qsim irregolari tal-fruntieri lejn l-Unjoni fl-ewwel tmien xhur tal-2015. Mill-bidu tal-2015, madwar 116 000 migrant waslu fl-Italja b'mod irregolari, (inkluż madwar 10 000 migrant irregolari li ġew irreġistrati mill-awtoritajiet lokali, iżda li għad iridu jiġu kkonfermati fid-data tal-Frontex). Matul Mejju u Ġunju tal-2015, ġew individwati 34 691 qasma irregolari tal-fruntieri mill-Frontex u matul Lulju u Awwissu in-numru kien 42 356, żieda ta' 20 %. Fl-2015 kien hemm ukoll żieda qawwija fil-Greċja, fejn aktar minn 211 000 migrant irregolari waslu fil-pajjiż (inklużi madwar 28 000 migrant irregolari li ġew irreġistrati mill-awtoritajiet lokali, iżda li għad iridu jiġu kkonfermati fid-data tal-Frontex). Matul Mejju u Ġunju tal-2015, ġew individwati 53 624 qasma irregolari tal-fruntieri mill-Frontex u matul Lulju u Awwissu in-numru kien 137 000, żieda ta' 250 %. Proporzjon sinifikanti tan-numru totali ta' migranti irregolari individwati f'dawk iż-żewġ reġjuni kien jinkludi migranti ta' nazzjonalitajiet li, abbażi tad-data tal-Eurostat, igawdu minn livell għoli ta' rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni.

(14)

Skont iċ-ċifri tal-Eurostat u tal-EASO, 39 183 persuna applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja bejn Jannar u Lulju tal-2015, meta mqabblin mat-30 755 fl-istess perijodu tal-2014 (żieda ta' 27 %). Il-Greċja kellha żieda simili fin-numru ta' applikazzjonijiet, b'7 475 applikant (żieda ta' 30 %).

(15)

Sa issa ttieħdu bosta azzjonijiet sabiex jingħata appoġġ lill-Italja u lill-Greċja fil-qafas tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil, inkluż bl-għoti ta' assistenza ta' emerġenza sostanzjali u appoġġ operattiv mill-EASO. L-Italja u l-Greċja kienu t-tieni u t-tielet l-akbar benefiċjarji tal-finanzjament żborżat matul il-perijodu 2007-2013 taħt il-Programm Ġenerali 'Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni' (SOLID) u, barra minn hekk, irċevew finanzjament ta' emerġenza sostanzjali. Huwa probabbli li l-Italja u l-Greċja ser jibqgħu l-benefiċjarji ewlenin tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (l-AMIF) fl-2014-2020.

(16)

Minħabba l-instabbiltà u l-konflitti li għaddejjin fil-viċinat immedjat tal-Italja u tal-Greċja, u r-riperkussjonijiet fil-flussi migratorji fuq Stati Membri oħra, huwa ferm probabbli li ser jibqa' jkun hemm pressjoni sinifikanti u akbar fuq is-sistemi tal-migrazzjoni u tal-asil tagħhom, bi proporzjon sinifikanti tal-migranti li jistgħu ikunu fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. Dan juri l-ħtieġa kritika li tintwera solidarjetà mal-Italja u l-Greċja u li l-azzjonijiet li ttieħdu sa issa jiġu kkomplementati sabiex jingħataw appoġġ b'miżuri proviżorji fil-qasam tal-asil u tal-migrazzjoni.

(17)

Fit-22 ta' Settembru 2015, il-Kunsill innota l-volontà u d-disponibbiltà tal-Istati Membri biex jieħdu sehem, f'konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u tat-tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, li jirregolaw il-politika tal-Unjoni dwar l-asil u l-migrazzjoni, fir-rilokazzjoni ta' 120 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali. Il-Kunsill għalhekk iddeċieda li jadotta din id-Deċiżjoni.

(18)

Għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 tistabbilixxi obbligu għall-Italja u għall-Greċja li jipprovdu soluzzjonijiet strutturali biex jindirizzaw pressjonijiet eċċezzjonali fuq is-sistemi tagħhom tal-asil u tal-migrazzjoni, billi jistabbilixxu qafas strateġiku u solidu b'rispons għas-sitwazzjoni ta' kriżi u jintensifikaw il-proċess ta' riforma li jinsab għaddej f'dawn l-oqsma. Il-pjanijiet direzzjonali li l-Italja u l-Greċja ppreżentaw għal dan il-fini għandhom jiġu aġġornati biex jittieħed kont ta' din id-Deċiżjoni.

(19)

B'kont meħud tal-fatt li l-Kunsill Ewropew qabel dwar sett ta' miżuri interkonnessi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li, fejn ikun adatt u wara li tkun tat l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-fehmiet tiegħu, tissospendi l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għal perjodu limitat meta l-Italja jew il-Greċja ma tirrispettax l-impenji tagħha f'dan ir-rigward.

(20)

Mis-26 ta' Settembru 2016, 54 000 applikant għandhom jiġu rilokati b'mod proporzjonali mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iżommu taħt eżami kostanti s-sitwazzjoni tad-dħul massiv ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif adatt, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata sabiex tindirizza l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post u l-impatt tagħha fuq il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni u l-evoluzzjoni tal-pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari l-Istati Membri tal-ewwel art. Filwaqt li tagħmel dan, hija għadha tieħu kont tal-fehmiet tal-Istat Membru li probabbilment ikun benefiċjarju

Jekk din id-Deċiżjoni tiġi emendata għall-benefiċċju ta' xi Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru, fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni emendatorja tal-Kunsill rilevanti, għandu jippreżenta pjan direzzjonali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li għandu jinkludi miżuri adegwati fil-qasam tal-asil, l-ewwel akkoljenza u r-ritorn, li jsaħħu l-kapaċità, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tiegħu f'dawk l-oqsma, kif ukoll miżuri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Deċiżjoni bil-ħsieb li jippermettilhom li jaffrontaw aħjar, wara t-tmiem tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-possibbiltà ta' iktar dħul ta' migranti fit-territorji tiegħu.

(21)

Jekk xi Stat Membru jaffronta sitwazzjoni ta' emerġenza simili kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE. Tali miżuri jistgħu jinkludu, fejn adatt, is-sospensjoni tal-obbligi ta' dak l-Istat Membru previsti f'din id-Deċiżjoni.

(22)

F'konformità mal-Artikolu 78(3) TFUE, il-miżuri previsti għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja għandhom ikunu ta' natura proviżorja. Perijodu ta' 24 xahar huwa raġonevoli sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jkollhom impatt effettiv bħala appoġġ għall-Italja, u għall-Greċja fil-ġestjoni tal-flussi migratorji sinifikanti fit-territorji tagħhom.

(23)

Il-miżuri ta' rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja, previsti f'din id-Deċiżjoni, jinvolvu deroga temporanja mir-regola stabbilita fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li skontu l-Italja u l-Greċja kienu altrimenti jkunu responsabbli għall-eżami ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta' dak ir-Regolament, kif ukoll deroga temporanja mill-passi proċedurali, inklużi l-limiti ta' żmien, stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 29 ta' dak ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, inklużi r-regoli ta' implimentazzjoni stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 (4) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 (5), jibqgħu applikabbli, inklużi r-regoli li jinsabu fihom dwar l-obbligu għall-Istati Membri li jagħmlu t-trasferiment li jġarrbu l-ispejjeż meħtieġa għat-trasferiment ta' applikant lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni u dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tat-trasferimenti bejn Stati Membri, kif wkoll dwar it-trażmissjoni ta' informazzjoni permezz tan-netwerk ta' kommunikazzjoni elettronika DubliNet. Din id-Deċiżjoni tinvolvi wkoll deroga mill-kunsens tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (6)

(24)

Il-miżuri ta' rilokazzjoni ma jeżentawx lill-Istati Membri milli japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 b'mod sħiħ, inkluż id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-riunifikazzjoni tal-familja, il-protezzjoni speċjali ta' minorenni mhux akkumpanjati, u l-klawżola diskrezzjonarja għal raġunijiet umanitarji.

(25)

Kellha ssir għażla fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu applikati meta jiġi deċiż min u kemm-il applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali dwar l-applikazzjonijiet għall-asil. Hija prevista sistema ċara u vijabbli bbażata fuq limitu tar-rata medja fil-livell tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fil-proċeduri li jittieħdu fl-ewwel istanza, kif definiti mill-Eurostat, fuq in-numru totali fil-livell tal-Unjoni ta' deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali meħuda fl-ewwel istanza, abbażi tal-statistiċi l-aktar reċenti disponibbli. Minn naħa waħda, dan il-limitu jiżgura, sal-massimu possibbli, li l-applikanti kollha fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali jkunu f'pożizzjoni li jgawdu b'mod sħiħ u rapidu d-drittijiet tagħhom ta' protezzjoni fl-Istat Membru ta' rilokazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan il-limitu għandu jimpedixxi, sal-massimu possibbli, li applikanti li probabbilment jirċievu deċiżjoni negattiva għall-applikazzjoni tagħhom, jirrilokaw għal Stat Membru ieħor, u b'hekk jtawlu b'mod indebitu s-soġġorn tagħhom fl-Unjoni. F'din id-Deċiżjoni għandu jintuża livell limitu ta' 75 %, ibbażat fuq l-aktar data trimestrali reċenti aġġornata disponibbli tal-Eurostat għal deċiżjonijiet fl-ewwel istanza.

(26)

Il-miżuri proviżorji huma maħsuba biex itaffu l-pressjoni sinifikanti tal-asil fuq l-Italja u fuq il-Greċja, b'mod partikolari billi jiġu rilokati numru sinifikanti ta' applikanti fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, li jkunu waslu fit-territorju tal-Italja jew il-Greċja wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir applikabbli. Abbażi tan-numru globali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li daħlu fl-Italja u fil-Greċja b'mod irregolari fl-2015, u n-numru ta' dawk fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, it-total ta' 120 000 applikant fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja. Dan in-numru jikkorrispondi għal madwar 43 % tan-numru totali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali li daħlu fl-Italja u l-Greċja b'mod irregolari f'Lulju u Awwissu tal-2015. Il-miżura ta' rilokazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi tqassim ġust tal-piż bejn l-Italja u l-Greċja minn naħa waħda u l-Istati Membri l-oħra min-naħa l-oħra, meta jitqiesu ċ-ċifri globali disponibbli dwar il-qsim irregolari tal-fruntieri fl-2015. B'kont meħud taċ-ċifri inkwistjoni, 13 % ta' dawn l-applikanti għandhom jiġu rilokati mill-Italja, 42 % mill-Greċja u 45 % għandhom jiġu rilokati kif previst f'din id-Deċiżjoni.

(27)

Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, Stat Membru jista', f'ċikorstanzi eċċezzjonali u filwaqt li jagħti raġunijiet debitament ġustifikati kompatibbli mal-valuri fundamentali tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jinnotifika lill-Kunsill u l-Kummissjoni li huwa ma jistax jieħu sehem applikanti fil-proċess ta' rilokazzjoni ta' numru ta' applikanti li jkun sa 30 % tan-numru tal-applikanti allokati lilu skont din-id-Deċiżjoni. Tali ċirkostanzi eċċezzjonali jinkludu, b'mod partikolari, sitwazzjoni kkaratterizzata minn dħul f'daqqa u massiv ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkun tant kbir li jqiegħed pressjoni estrema anke fuq sistema tal-asil ippreparata tajjeb li altrimenti tiffunzjona f'konformità mal-acquis rilevanti tal-Unjoni dwar l-asil jew probabbiltà ta' riskju ta' dħul f'daqqa u massiv ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi tant kbira li tiġġustifika azzjoni immedjata. Wara valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti lill-Kunsill għal Deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta' numru ta' applikanti li jkun sa 30 % tan-numru tal-applikanti allokati lill-Istat Membru kkonċernat. Fejn ikun iġġustifikat, il-Kummissjoni tista' tipproponi estensjoni tal-limitu ta' żmien għar-rilokazzjoni tal-allokazzjoni rimanenti għal massimu ta' 12-il xahar lil hinn mid-durata ta' din id-Deċiżjoni.

(28)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rilokazzjoni fil-każ ta' rilokazzjoni proporzjonali ta' 54 000 applikant mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra, fil-każ fejn il-parteċipazzjoni ta' Stat Membru wieħed jew aktar fir-rilokazzjoni tal-applikanti għandha tiġi sospiża, jew fil-każ fejn, wara li jkunu saru notifiki rilevanti lill-Kunsill, Stat(i) Membru/i ieħor/oħra jew Stati Assoċjati jieħdu sehem fir-rilokazzjoni, setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kunsill.

L-għoti ta' dawk is-setgħat lill-Kunsill hu ġġustifikat minħabba n-natura politikament sensittiva ta' tali miżuri, li għandhom impatt fuq is-setgħat nazzjonali fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri u l-ħtieġa li tkun tista' tiġi adattata malajr għal sitwazzjonijiet li qed jevolvu rapidament.

(29)

Il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprovdi appoġġ għal operazzjonijiet ta' tqassim tal-piżijiet maqbula bejn l-Istati Membri, u huwa miftuħ għal żviluppi ġodda ta' politika f'dan il-qasam. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimplimentaw azzjonijiet relatati mat-trasferiment ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bħala parti mill-programmi nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament jipprevedi l-possibilità ta' ħlas ta' somma f'daqqa ta' EUR 6 000 għat-trasferiment ta' benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor.

(30)

Bil-ħsieb li jiġi implimentat il-prinċipju tas-solidarjetà u tat-tqassim ġust tar-responsabbiltà, u waqt li jittieħed kont li din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta' politika f'dan il-qasam, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-Istati Membri li jirrilokaw, skont din id-Deċiżjoni, l-applikanti mill-Italja u l-Greċja li huma fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, jirċievu somma f'daqqa għal kull persuna rilokata li hija identika għas-somma f'daqqa prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014, jiġifieri EUR 6 000, u tiġi implimentata billi jiġu applikati l-istess proċeduri. Dan jinvolvi deroga temporanja u limitata mill-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament peress li s-somma f'daqqa għandha titħallas fir-rigward tal-applikanti rilokati aktar milli fir-rigward ta' benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Tali estensjoni temporanja tal-ambitu tal-benefiċjarji potenzjali tas-somma f'daqqa tidher tabilħaqq li hija parti integrali mill-iskema ta' emerġenza stabbilita b'din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispejjeż għat-trasferiment ta' persuni rilokati skont din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li jiġi pprovdut li l-Italja u l-Greċja jirċievu somma f'daqqa ta' mill-inqas EUR 500 għal kull persuna rilokata mit-territorji rispettivi tagħhom, b'kont meħud tal-ispejjeż effettivi li huma neċessarji għat-trasferiment ta' applikant lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jirċievu prefinanzjament addizzjonali li għandu jitħallas fl-2016 wara r-reviżjoni tal-programmi nazzjonali tagħhom skont il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni biex jimplimentaw azzjonijiet skont din id-Deċiżjoni.

(31)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tiġi stabbilita proċedura ta' rilokazzjoni rapida u li l-implimentazzjoni tal-miżuri proviżorji tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib bejn l-Istati Membri u minn appoġġ operazzjonali li jingħata mill-EASO.

(32)

Is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni matul il-proċedura ta' rilokazzjoni, sakemm it-trasferiment tal-applikant jiġi implimentat. B'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-applikant, inklużi r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, meta Stat Membru ikollu raġunijiet raġonevoli biex jikkunsidra applikant bħala ta' periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

(33)

Meta jkun qed jiġi deċiż liema applikanti huma fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli fis-sens tal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). F'dan ir-rigward, kwalunkwe bżonn speċjali tal-applikanti, inkluża s-saħħa, għandhom jingħataw l-ewwel l-importanza. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem jiġu kkunsidrati l-ewwel.

(34)

L-integrazzjoni ta' applikanti fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà ospitanti hija l-pedament ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li tiffunzjona sew. Għalhekk, sabiex jiġi deċiż liema Stat Membru speċifiku għandu jkun l-Istat Membru ta' rilokazzjoni, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika għall-kwalifiki speċifiċi u l-karatteristiċi tal-applikanti kkonċernati, bħall-ħiliet lingwistiċi tagħhom u indikazzjonijiet individwali oħra abbażi ta' rabtiet ta' familja, kulturali jew soċjali li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ta' rilokazzjoni. Fil-każ ta' applikanti partikolarment vulnerabbli, għandha tingħata konsiderazzjoni għall-kapaċità tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni li jipprovdi l-appoġġ adegwat lil dawk l-applikanti u għall-ħtieġa li tiġi żgurata d-distribuzzjoni ġusta ta' dawk l-applikanti fost l-Istati Membri. Bir-rispett dovut għall-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, l-Istati Membri ta' rilokazzjoni jistgħu jindikaw il-preferenzi tagħhom għall-applikanti bbażati fuq l-informazzjoni ta' hawn fuq, li abbażi tagħhom l-Italja u l-Greċja, f'konsultazzjoni mal-EASO u, fejn applikabbli, l-uffiċjali ta' kollegament, jistgħu jagħmlu listi ta' applikanti possibbli identifikati għar-rilokazzjoni lejn dak l-Istat Membru.

(35)

Is-salvagwardji legali u proċedurali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 jibqgħu japplikaw fir-rigward ta' applikanti li huma koperti minn din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-proċedura tar-rilokazzjoni stipulata f'din id-Deċiżjoni u għandhom ikunu nnotifikati bid-deċiżjoni tar-rilokazzjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta' trasferiment skont it-tifsira tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013. Meta jiġi kkunsidrat li l-applikant ma għandux id-dritt, skont il-liġi tal-Unjoni, li jagħżel l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tiegħu, l-applikant għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta' rilokazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, bil-għan biss li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tiegħu jiġu rrispettati. F'konformità mal-Artikolu 27 ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li l-appell kontra t-trasferiment ma jissospendix awtomatikament it-trasferiment tal-applikant iżda li l-persuna kkonċernata għandha l-opportunità li titlob sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' trasferiment sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell tagħha.

(36)

Qabel u wara li jiġu trasferiti fl-Istati Membri ta' rilokazzjoni, l-applikanti jgawdu d-drittijiet u l-garanziji previsti fid-Direttiva 2013/32/UE (8) u fid-Direttiva 2013/33/UE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, inkluż fir-rigward tal-ħtiġijiet speċjali proċedurali u ta' akkoljenza tagħhom. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jibqa' applikabbli fir-rigward ta' applikanti li huma koperti minn din id-Deċiżjoni, u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) hija applikabbli għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma għandhomx id-dritt li jibqgħu fit-territorju. Dan ta' hawn fuq huwa soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta' dawk id-Direttivi.

(37)

F'konformità mal-acquis tal-Unjoni, għandu jiġi żgurat, mill-Italja u mill-Greċja, mekkaniżmu robust ta' identifikazzjoni, reġistrazzjoni u teħid tal-marki tas-swaba' għall-proċedura ta' rilokazzjoni sabiex jiġu identifikati malajr il-persuni fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali li huma eliġibbli għar-rilokazzjoni u sabiex jiġu identifikati l-migranti li ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni internazzjonali u li għalhekk għandhom jirritornaw. Dan għandu japplika wkoll għall-persuni li waslu fit-territorju tal-Italja jew tal-Greċja bejn l-24 ta' Marzu u l-25 ta' Settembru 2015 sabiex dawn ikunu eliġibbli għar-rilokazzjoni, Meta r-ritorn volontarju ma jkunx prattikabbli u miżuri oħra previsti fid-Direttiva 2008/115/KE ma jkunux adegwati sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji, għandhom jiġu applikati b'mod urġenti u effettiv miżuri ta' detenzjoni f'konformità mal-Kapitolu IV ta' dik id-Direttiva. L-applikanti li jaħarbu l-proċedura ta' rilokazzjoni għandhom jiġu esklużi mir-rilokazzjoni.

(38)

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati l-movimenti sekondarji ta' persuni rilokati mill-Istat Membru ta' rilokazzjoni lejn Stati Membri oħra li jistgħu jxekklu l-applikazzjoni effiċjenti ta' din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ta' prevenzjoni meħtieġa fil-qasam tal-aċċess għall-benefiċċji soċjali u r-rimedji legali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-konsegwenzi ta' moviment irregolari ulterjuri fi ħdan l-Istati Membri u tal-fatt li, jekk l-Istat Membru ta' rilokazzjoni jagħtihom il-protezzjoni internazzjonali, huma intitolati għad-drittijiet marbutin mal-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru biss.

(39)

Barra minn hekk, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fid-Direttiva 2013/33/UE, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza fost l-Istati Membri għandha tgħin biex tillimita l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali influwenzati mill-varjetà ta' kundizzjonijiet għall-akkoljenza tagħhom. Bil-ħsieb li jintlaħaq l-istess għan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jimponu obbligi ta' rappurtar, u jipprovdu lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali b'kundizzjonijiet materjali ta' akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ biss in natura kif ukoll, fejn xieraq, li jiżguraw li l-applikanti jiġu ttrasferiti direttament lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni. Bl-istess mod, matul il-perijodu ta' eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, kif previst fl-acquis ta' Schengen u dwar l-asil, ħlief għal raġunijiet umanitarji serji, l-Istati Membri la għandhom jipprovdu lill-applikanti dokumenti nazzjonali tal-ivvjaġġar, u lanqas jagħtuhom inċentivi oħra, bħal dawk finanzjarji, li jistgħu jiffaċilitaw il-movimenti irregolari tagħhom lejn Stati Membri oħra. Fil-każ ta' movimenti irregolari lejn Stati Membri oħra, l-applikanti għal jew il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għandhom jintalbu jmorru lura lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni, u dak l-Istat Membru għandu jieħu dawk il-persuni lura mingħajr dewmien.

(40)

Sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji ta' benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom ukoll jinfurmaw lill-benefiċjarji dwar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu legalment jidħlu u joqogħdu fi Stat Membru ieħor, u għandhom ikunu jistgħu jimponu obbligi ta' rappurtar. Skont id-Direttiva 2008/115/KE, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu lil benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali li qed joqgħod b'mod irregolari fit-territorju tagħhom biex imur lura minnufih lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni. F'każ li l-persuna tirrifjuta li tmur lura volontarjament, ir-ritorn lura fl-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jiġi infurzat.

(41)

Barra minn hekk, jekk ikun previst fil-liġi nazzjonali, fil-każ ta' ritorn infurzat lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni, l-Istat Membru li inforza r-ritorn jista' joħroġ projbizzjoni ta' dħul nazzjonali li jwaqqaf lill-benefiċjarju, għal ċertu perijodu ta' żmien, milli jerġa' jidħol fit-territorju ta' dak l-Istat Membru partikolari.

(42)

Billi l-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tindirizza sitwazzjoni ta' emerġenza u li tappoġġa lill-Italja u lill-Greċja sabiex isaħħu s-sistemi tal-asil tagħhom, hija għandha tippermettilhom jagħmlu, bl-assistenza tal-Kummissjoni, arranġamenti bilaterali mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera dwar ir-rilokazzjoni ta' persuni li jinsabu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Arranġamenti bħal dawn għandhom ukoll jirriflettu l-elementi ewlenin ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dawk relatati mal-proċedura tar-rilokazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti kif ukoll dawk relatati mar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

(43)

L-appoġġ speċifiku pprovdut lill-Italja u lill-Greċja permezz tal-iskema ta' rilokazzjoni għandu jiġi kkomplementat minn miżuri addizzjonali, mill-wasla ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Italja jew tal-Greċja sat-tlestija tal-proċeduri applikabbli kollha, ikkoordinati mill-EASO u minn Aġenziji rilevanti oħra, bħall-Frontex li tikkoordina r-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jkollhomx id-dritt li jibqgħu fit-territorju, f'konformità mad-Direttiva 2008/115/KE.

(44)

Peress li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE). Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(45)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(46)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(47)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(48)

F'każ fejn, wara notifika magħmula skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 minn Stat Membru kopert minn dak il-Protokoll, il-Kummissjoni tikkonferma f'konformità mal-Artikolu 331(1) tat-TFUE l-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru f'din id-Deċiżjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi n-numru ta' applikanti li għandhom jiġu rilokati f'dak l-Istat Membru. Il-Kunsill għandu wkoll skont dan jadatta l-allokazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra billi jnaqqashom proporzjonalment.

(49)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(50)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, bil-ħsieb li tappoġġahom biex ilaħħqu aħjar ma' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi f'dawk l-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt eżami kostanti s-sitwazzjoni rigward id-dħul massiv ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif adatt, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata sabiex jittieħed kont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post u l-impatt tagħha fuq il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari l-Istati Membri tal-ewwel art.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

'applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali' tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(b)

“applikant” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali;

(c)

“protezzjoni internazzjonali” tfisser status ta' refuġjat u status ta' protezzjoni sussidjarja kif definiti fil-punti (e) u (g), rispettivament, tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(d)

“membri tal-familja” tfisser membri tal-familja kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013;

(e)

“rilokazzjoni” tfisser it-trasferiment ta' applikant mit-territorju tal-Istat Membru li l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 jindikaw bħala responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni;

(f)

“Stat Membru ta' rilokazzjoni” tfisser l-Istat Membru li jsir responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ta' applikant wara r-rilokazzjoni tiegħu jew tagħha fit-territorju ta' dan l-Istat Membru.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha ssir biss fir-rigward ta' applikant li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja jew fil-Greċja u li għalih dawk l-Istati kienu altrimenti jkunu responsabbli skont il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

2.   Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta' applikant li huwa ta' nazzjonalità li għaliha il-proporzjon ta' deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fost deċiżjonijiet meħuda fl-ewwel istanza dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) ikun, skont id-data trimestrali l-aktar reċenti tal-Eurostat, aġġornata u disponibbli fl-Unjoni kollha, 75 % jew aktar. Fil-każ ta' persuni apolidi, għandu jittieħed kont tal-pajjiż li qabel kien ir-residenza abitwali tagħhom. Aġġornamenti trimestrali għandhom jitqiesu biss fir-rigward ta' applikanti li ma jkunux diġà ġew identifikati bħala applikanti li jistgħu jiġu rilokati skont l-Artikolu 5(3) ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Rilokazzjoni ta' 120 000 applikant lejn l-Istati Membri

1.   120 000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra kif ġej:

(a)

15 600 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness I.

(b)

50 400 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Greċja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness II.

(c)

54 000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn it-territorju tal- Istati Membri proporzjonalment għall-figuri stabbilit fl-Annessi I u II, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew permezz ta' emenda għal din id-Deċiżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)u fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Mis-26 ta' Settembru 2016, 54 000 applikant, imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, fil-proporzjon li jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, lejn it-territorju ta' Stati Membri oħra u proporzjonalment mal-figuri li jinsabu fl-Annessi I u II. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar iċ-ċifri li għandhom jiġu allokati skont dan għal kull Stat Membru.

3.   Jekk sas-26 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni tikkunsidra li adattament tal-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni jkun iġġustifikat minħabba l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post jew li Stat Membru qed jaffronta sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi minħabba moviment qawwi fil-flussi migratorji u filwaqt li tieħu kont tal-fehmiet tal-Istat Membru li probabbilment ikun benefiċjarju, hija tista' tippreżenta, kif adatt, proposti lill-Kunsill, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

B'mod simili, Stat Membru jista', filwaqt li jagħti raġunijiet debitament ġustifikati, jinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li qed jaffronta sitwazzjoni ta' emerġenza simili. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-raġunijiet mogħtija u, kif adatt, tippreżenta proposti lill-Kunsill, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

4.   F'każ fejn, wara notifika magħmula skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 minn Stat Membru kopert minn dak il-Protokoll, il-Kummissjoni tikkonferma f'konformità mal-Artikolu 331(1) tat-TFUE l-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru f'din id-Deċiżjoni, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi n-numru ta' applikanti li għandhom jiġu rilokati fl-Istat Membru kkonċernat. Fl-istess deċiżjoni ta' implimentazzjoni, il-Kunsill għandu wkoll skont dan jadatta l-allokazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra billi jnaqqashom proporzjonalment.

5.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista', sas-26 ta' Diċembru 2015, jinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li temporanjament ma jkunx jista' jieħu sehem fil-proċess ta' rilokazzjoni ta' numru ta' applikanti li jkun sa 30 % tan-numru tal-applikanti allokati lilu skont il-paragrafu 1, filwaqt li jagħti raġunijiet debitament ġustifikati kompatibbli mal-valuri fundamentali tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet mogħtija u tippreżenta proposti lill-Kunsill rigward sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta' numru ta' applikanti li jkun sa 30 % tan-numru tal-applikanti allokati lill-Istat Membru kkonċernat skont il-paragrafu 1. Fejn ikun iġġustifikat, il-Kummissjoni tista' tipproponi estensjoni tal-limitu ta' żmien għar-rilokazzjoni fl-allokazzjoni rimanenti għal massimu ta' 12-il xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 13(2)..

6.   Fi żmien xahar, il-Kunsill għandu jiddeċiedi rigward il-proposti msemmijin fil-paragrafu 5.

7.   Għall-fini tal-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 4 u 6 ta' dan l-Artikolu, u tal-Artikolu 11(2), il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni.

Artikolu 5

Proċedura ta' rilokazzjoni

1.   Minħabba l-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali, u jikkomunika l-indirizz tiegħu lill-Istati Membri l-oħra u lill-EASO. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-EASO u aġenziji rilevanti oħrajn, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta u tinqasam l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, fost l-oħrajn dwar ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 7.

2.   L-Istati Membri għandhom, f'intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta' applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra.

3.   Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, l-Italja u l-Greċja, bl-assistenza tal-EASO u, fejn applikabbli, tal-uffiċjali ta' kuntatt tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 8, għandhom jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra u, kemm jista' jkun malajr, jagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-punti ta' kuntatt ta' dawk l-Istati Membri. Għal dak il-għan għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE.

4.   Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista' jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta' rilokazzjoni speċifiku, f'konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta' rilokazzjoni jista' jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta' applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli, kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-applikanti li jkun jeħtieġ li jittiħdulhom il-marki tas-swaba' skont l-obbligi stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 jistgħu jiġu proposti għar-rilokazzjoni biss jekk il-marki tas-swaba' jkunu ttiħdulhom u ntbagħtu lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, skont dak ir-Regolament.

6.   It-trasferiment tal-applikant lejn it-territorju tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jsir kemm jista' jkun malajr wara d-data tan-notifika lill-persuna kkonċernat bid-deċiżjoni ta' trasferiment imsemmija fl-Artikolu 6(4) ta' din id-Deċiżjoni. L-Italja u l-Greċja għandhom jibagħtu lill-Istat Membru ta' rilokazzjoni d-data u l-ħin tat-trasferiment kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra.

7.   L-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jew meta jkun hemm raġunijiet serji biex jiġu applikati dispożizzjonijiet ta' esklużjoni stipulati fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95/UE.

8.   Għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċedura ta' rilokazzjoni deskritta f'dan l-Artikolu, l-Istati Membri, wara li jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha, jistgħu jiddeċiedu li jaħtru uffiċjali ta' kuntatt għall-Italja u għall-Greċja.

9.   F'konformità mal-acquis tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod sħiħ l-obbligi tagħhom. Għaldaqstant, l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid ta' marki tas-swaba' għall-proċedura ta' rilokazzjoni għandhom jiġu garantiti mill-Italja u mill-Greċja. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess jibqa' effiċjenti u maniġġabbli, il-faċilitajiet u l-miżuri tal-akkoljenza għandhom jiġu debitament organizzati sabiex il-persuni jkunu jistgħu jiġu akkomodati temporanjament, f'konformità mal-acquis tal-Unjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni malajr dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-applikanti li jaħarbu l-proċedura ta' rilokazzjoni għandhom jiġu esklużi mir-rilokazzjoni.

10.   Il-proċedura ta' rilokazzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha titlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tingħata l-indikazzjoni mill-Istat Membru ta' rilokazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, sakemm l-approvazzjoni mill-Istat Membru tar-rilokazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ssir inqas minn ġimagħtejn qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu ta' xahrejn. F'każ bħal dan, il-limitu ta' żmien biex titlesta l-proċedura ta' rilokazzjoni jista' jiġi estiż għal perijodu mhux itwal minn ġimagħtejn oħra. Barra minn hekk, dan il-limitu ta' żmien jista' wkoll jiġi estiż, b'perijodu ulterjuri ta' erba' ġimgħat, kif xieraq, fejn l-Italja jew il-Greċja juru li hemm ostakoli prattiċi oġġettivi li jimpedixxu t-trasferiment milli jsir.

Fejn il-proċedura ta' rilokazzjoni ma titlestiex f'dawn il-limiti ta' żmien u sakemm l-Italja u l-Greċja ma jaqblux mal-Istat Membru ta' rilokazzjoni għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta' żmien, l-Italja u l-Greċja għandhom jibqgħu responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013.

11.   Wara r-rilokazzjoni tal-applikant, l-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jieħu u jibgħat il-marki tas-swaba' tal-applikant lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 u jaġġorna s-settijiet tad-data skont l-Artikolu 10 u, fejn applikabbli, skont l-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Drittijiet u obbligi tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali koperti minn din id-Deċiżjoni

1.   L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel ħaġa li jqisu l-Istati Membri meta jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li membri tal-familja li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jiġu rilokati fit-territorju tal-istess Stat Membru.

3.   Qabel id-deċiżjoni li jiġi rrilokat applikant, l-Italja u l-Greċja għandhom jinfurmaw lill-applikant f'lingwa li l-applikant jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem, dwar il-proċedura ta' rilokazzjoni kif stipulata f'din id-Deċiżjoni.

4.   Meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi rilokat applikant u qabel ir-rilokazzjoni nnifisha, l-Italja u l-Greċja għandhom javżaw bil-miktub lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li jirrilokawha. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-Istat Membru ta' rilokazzjoni.

5.   Applikant jew benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali li jidħol fit-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' rilokazzjoni mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għas-soġġorn f'dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi rikjest jirritorna minnufih. L-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jieħu lura l-persuna mingħajr dewmien.

Artikolu 7

Appoġġ operazzjonali għall-Italja u l-Greċja

1.   Sabiex jappoġġaw lill-Italja u l-Greċja biex ilaħħqu aħjar mal-pressjoni eċċezzjonali fuq is-sistemi ta' asil u migrazzjoni tagħhom ikkawżata mill-pressjoni migratorja akbar attwali fuq il-fruntieri esterni tagħhom, l-Istati Membri għandhom iżidu l-appoġġ operazzjonali tagħhom f'kooperazzjoni mal-Italja u l-Greċja fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali permezz ta' attivitajiet rilevanti kkoordinati mill-EASO, il-Frontex u Aġenziji rilevanti oħra, b'mod partikolari billi jipprovdu, kif xieraq, esperti nazzjonali għall-attivitajiet ta' appoġġ li ġejjin:

(a)

il-kontroll taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaslu fl-Italja u l-Greċja, inklużi l-identifikazzjoni ċara, it-teħid tal-marki tas-swaba' u r-reġistrazzjoni tagħhom, u, fejn applikabbli, ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali u, fuq talba mill-Italja jew il-Greċja, l-ipproċessar inizjali tagħhom;

(b)

l-għoti lill-applikanti jew lill-applikanti potenzjali li jistgħu jkunu soġġetti għal rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni ta' informazzjoni u assistenza speċifika li jista' jkollhom bżonn;

(c)

it-tħejjija u l-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet ta' ritorn għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jew ma applikawx għall-protezzjoni internazzjonali jew inkella li d-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju ma baqax validu.

2.   Minbarra l-appoġġ mogħti skont il-paragrafu 1, u sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-passi kollha tal-proċedura ta' rilokazzjoni, għandu jingħata appoġġ speċifiku kif xieraq lill-Italja u l-Greċja permezz ta' attivitajiet rilevanti kkoordinati mill-EASO, il-Frontex u minn Aġenziji rilevanti oħra.

Artikolu 8

Miżuri komplementari li għandhom jittieħdu mill-Italja u l-Greċja

1.   B'konsiderazzjoni tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1523, u sas-26 ta' Ottubru 2015, l-Italja u l-Greċja għandhom jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar pjan direzzjonali aġġornat li jikkunsidra l-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Jekk din id-Deċiżjoni tiġi emendata għall-benefiċċju ta' xi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 4(3), dak l-Istat Membru, fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni emendatorja tal-Kunsill rilevanti, għandu jippreżenta pjan direzzjonali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li għandu jinkludi miżuri adegwati fil-qasam tal-asil, l-ewwel akkoljenza u r-ritorn, li jsaħħu l-kapaċità, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tiegħu f'dawk l-oqsma, kif ukoll miżuri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Deċiżjoni. Dak l-Istat Membru għandu jimplimenta għalkollox dak il-pjan direzzjonali.

3.   Jekk l-Italja u l-Greċja ma josservawx l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, wara li tkun tat l-opportunità lill-Istat Membru ikkonċernat li jippreżenta l-fehmiet tiegħu, li tissospendi l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-rigward ta' dak l-Istat Membru għal perijodu ta' mhux aktar minn tliet xhur. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi darba li testendi din is-sospensjoni għal perijodu ieħor ta' mhux aktar minn tliet xhur. Tali sospensjoni ma għandhiex taffettwa t-trasferimenti ta' applikanti li jkunu pendenti wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(4).

Artikolu 9

Sitwazzjonijiet ta' emerġenza ulterjuri

Fl-eventwalità ta' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fi Stat Membru, il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) TFUE. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn adatt, sospensjoni tal-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru fir-rilokazzjoni kif previst f'din id-Deċiżjoni, kif ukoll miżuri possibbli ta' kumpens għall-Italja u għall-Greċja.

Artikolu 10

Sostenn finanzjarju

1.   Għal kull persuna rilokata skont din id-Deċiżjoni:

(a)

l-Istat Membru ta' rilokazzjoni għandu jirċievi somma f'daqqa ta' EUR 6 000;

(b)

l-Italja jew il-Greċja għandhom jirċievu somma f'daqqa ta'mill-inqas EUR 500.

2.   Dan is-sostenn finanzjarju għandu jiġi implimentat billi jiġu applikati l-proċeduri stipulati fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014. Bħala eċċezzjoni għall-arranġamenti ta' prefinanzjament stipulati f'dak ir-Regolament, l-Istati Membri, fl-2016, għandhom jitħallsu ammont ta' prefinanzjament ta' 50 % tal-allokazzjoni totali tagħhom skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Kooperazzjoni ma' Stati assoċjati

1.   Bl-assistenza tal-Kummissjoni, jistgħu jsiru arranġamenti bilaterali bejn l-Italja u, rispettivament, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, u bejn il-Greċja u, rispettivament, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, dwar ir-rilokazzjoni ta' applikanti mit-territorju tal-Italja u tal-Greċja għat-territorju ta' dawk l-Istati. L-elementi ewlenin ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dawk rigward il-proċedura ta' rilokazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti, għandhom jitqiesu kif xieraq f'dawk l-arranġamenti.

2.   F'każ li jsiru ftehimiet bilaterali bħal dawn, l-Italja jew il-Greċja għandha tinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni n-numru ta' applikanti li jridu jiġu rilokati lejn l-Istati assoċjati. Il-Kunsill għandu għalhekk jadatta, fuq proposta mill-Kummissjoni, l-allokazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra billi jnaqqashom proporzjonalment.

Artikolu 12

Rappurtar

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u mill-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kunsill kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Italja u mill-Greċja, il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll lill-Kunsill kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali msemmija fl-Artikolu 8.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Hija għandha tapplika sas-26 ta' Settembru 2017.

3.   Hija għandha tapplika għal persuni li jaslu fit-territorju tal-Italja u l-Greċja mill-25 ta' Settembru 2015 sas-26 ta' Settembru 2017, kif ukoll għall-applikanti li jkunu waslu fit-territorju ta' dawk l-Istati Membri mill-24 ta' Marzu 2015 'il quddiem.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  Opinjoni tas-17 ta' Settembru 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146).

(3)  Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3).

(5)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat- 30 ta' Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 39, 8.2.2014, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

(7)  Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(8)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(9)  Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(10)  Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-'Eurodac' għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

(11)  Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(12)  Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

(13)  Direttiva2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).


ANNESS I

Allokazzjonijiet mill-Italja

 

Allokazzjoni skont l-Istat Membru (15 600 applikant rilokat)

Austria

462

Belġju

579

Bulgarija

201

Kroazja

134

Ċipru

35

Repubblika Ċeka

376

Estonja

47

Finlandja

304

Franza

3 064

Ġermanja

4 027

Ungerija

306

Latvja

66

Litwanja

98

Lussemburgu

56

Malta

17

Netherlands

922

Polonja

1 201

Portugall

388

Rumanija

585

Slovakkja

190

Slovenja

80

Spanja

1 896

Żvezja

567


ANNESS II

Allokazzjonijiet mill-Greċja

 

Allokazzjoni skont l-Istat Membru (50 400 applikant rilokat)

Austria

1 491

Belġju

1 869

Bulgarija

651

Kroazja

434

Ċipru

112

Repubblika Ċeka

1 215

Estonja

152

Finlandja

982

Franza

9 898

Ġermanja

13 009

Ungerija

988

Latvja

215

Litwanja

318

Lussemburgu

181

Malta

54

Netherlands

2 978

Polonja

3 881

Portugall

1 254

Rumanija

1 890

Slovakkja

612

Slovenja

257

Spanja

6 127

Żvezja

1 830


Top