EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1499

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1499 tat-3 ta' Settembru 2015 li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2015) 6058)

OJ L 234, 8.9.2015, p. 10–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1499/oj

8.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1499

tat-3 ta' Settembru 2015

li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument C(2015) 6058)

(It-test bin-Netherlandiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-punt 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru biħsiebu juża fuq kull ettaru kull sena jkun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta' dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħalma huma, f'dan il-każ, staġuni twal ta' tkabbir u għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fid-29 ta' Lulju 2011 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/489/UE (2), li tippermetti lill-Belġju jawtorizza lir-reġjun tal-Fjandri, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu ta' massimu ta' 250 kg nitroġenu fis-sena għal kull ettaru minn demel tal-bhejjem fuq irqajja' tal-art ikkultivati bil-bur u l-qamħirrum miżrugħ mal-bur, bi qtugħ tal-bur segwit mill-qamħirrum u bil-qtugħ tas-segala segwit mill-qamħirrum, u sa 200 kg nitroġenu fis-sena għal kull ettaru minn demel tal-bhejjem fuq irqajja' tal-art ikkultivati bil-qamħ tax-xitwa u t-tritikale segwit minn għelejjel intermedji u bil-pitravi zokkrija jew għall-għalf.

(3)

Id-deroga mogħtija permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/489/UE kienet tikkonċerna madwar 2 970 bidwi u 82 820 ettaru ta' art u skadiet fil-31 ta' Diċembru 2014.

(4)

Fis-7 ta' April 2015, il-Belġju ssottometta talba għand il-Kummissjoni biex tiġġedded id-deroga għar-reġjun tal-Fjandri skont it-tielet subparagrafu tal-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

(5)

Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tal-Belġju li jippermetti l-użu f'azjendi speċifiċi fil-Fjandri, ta' massimu ta' 250 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel ta' bhejjem li jirgħu u minn demel ittrattat tal-ħnieżer fuq irqajja' tal-art ikkultivati bil-bur, bur imħallat bix-xnien, qamħirrum miżrugħ flimkien mal-bur u bur tal-qtugħ jew segala tal-qtugħ segwit mill-qamħirrum u sa 200 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem u minn demel ittrattat tal-ħnieżer fuq irqajja' tal-art ikkultivati bil-qamħ tax-xitwa jew it-tritikale segwit minn għelejjel intermedji u l-pitravi.

(6)

L-informazzjoni mogħtija mill-Belġju fil-kuntest tad-deroga mogħtija permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/489/UE, tindika li d-deroga ma wasslitx għal deterjorament tal-kwalità tal-ilma. Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli ibbażat fuq rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu bejn l-2008 sal-2011 (3) juri li għall-ilma tal-pjan fir-reġjun tal-Fjandri, madwar 78 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 63 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Mid-dejta tal-monitoraġġ joħroġ li t-tendenza hi li l-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma tal-pjan qiegħda tonqos meta mqabbla ma' dik tal-perjodu preċedenti tar-rapportar (mill-2004 sal-2007). Għall-ilma tal-wiċċ, 93 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 70 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Il-maġġoranza tal-punti ta' monitoraġġ fl-ilmijiet tal-wiċċ juru tendenza fejn il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati qed jonqsu. Fil-perjodu tar-rappurtar ta' bejn l-2008 u l-2011, madwar 80 % tax-xmajjar u l-ilmijiet tranżizzjonali kollha ġew ikklassifikati bħala ewtrofiċi jew ipertrofiċi.

(7)

Il-Fjandri stabbilixxew il-miri tal-kwalità tal-ilma li ġejjin li jridu jintlaħqu matul il-perjodu tal-programm ta' azzjoni mill-2015 sal-2018. Għal konċentrazzjoni tal-ilma tal-wiċċ inqas minn 50 mg nitrati għal kull litru jkunu jridu jintlaqħu f'95 % tal-punti ta' monitoraġġ tan-netwerk ta' monitoraġġ agrikolu; fl-ilma tal-pjan fil-baxx, li għandu rata ta' rkupru aktar baxxa, il-konċentrazzjoni medja tan-nitrati trid tonqos b'20 % meta mqabbla mal-livell medju tal-2010, li kien jammonta għal 40 mg nitrati kull litru; fiż-żoni idroġeoloġiċi omoġenji fejn il-konċentrazzjonijiet tan-nitrat fl-ilmijiet tal-pjan fil-baxx għandhom medja ogħla minn 50 mg nitrati għal kull litru, il-konċentrazzjoni medja se jkollha tonqos b'5 mg nitrati għal kull litru.

(8)

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Fjandri stabbilixxew programm ta' azzjoni rinforzat għall-perjodu ta' bejn l-2015 u l-2018. Fl-aħħar tax-xitwa 2016-2017 se jitwettaq rieżami tal-politika li abbażi tiegħu jista' jkun li tittieħed azzjoni iktar rinforzata sabiex ikun garantit li jintlaħqu l-miri ffissati għall-kwalità tal-ilma. Il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE għar-reġjun tal-Fjandri, jiġifieri “id-Digriet għall-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli” (4) (minn hawn 'il quddiem id-Digriet dwar id-Demel), ġiet emendata (5) skont il-programm ta' azzjoni għall-perjodu bejn l-2015 u l-2018 fit-12 ta' Ġunju 2015 u tapplika flimkien ma' din id-Deċiżjoni.

(9)

Id-Digriet dwar id-Demel japplika fit-territorju kollu tar-reġjun tal-Fjandri.

(10)

Id-Digriet dwar id-Demel jinkludi limiti għall-użu kemm tan-nitroġenu kif ukoll tal-fosforu.

(11)

Id-dokumenti ta' sostenn ippreżentati mill-Belġju dwar ir-reġjun tal-Fjandri juru li l-ammonti proposti ta' 250 kg u 200 kg rispettivament ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel tal-bhejjem huma ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu.

(12)

Id-dejta rapportata mill-Belġju dwar ir-reġjun tal-Fjandri għall-perjodu bejn l-2008 u l-2011 turi żieda ta' 4,4 % fl-għadd tal-ħnieżer meta mqabbla mal-perjodu bejn l-2004 u l-2007. L-aħħar ċifri disponibbli għall-2012 u l-2013 juru żieda iktar moderata fl-għadd ta' ħnieżer ta' 2,6 %. L-għadd ta' tjur juri nuqqas ta' 13,2 % mill-2004 sal-2008, segwit minn żieda ta' 20,8 %. L-għadd ta' bhejjem tal-ifrat baqa' stabbli. Sabiex jiġi evitat li l-użu tad-deroga mitluba iwassal għal intensifikazzjoni fit-trobbija tal-bhejjem, l-awtoritajiet kompetenti se jiżguraw limitazzjoni fuq l-għadd ta' bhejjem li jistgħu jinżammu f'kull farm (drittijiet ta' emissjonijiet min-nutrijenti) fir-reġjun tal-Fjandri skont id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Digriet dwar id-Demel.

(13)

L-użu ta-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu bejn l-2008 u l-2011 wera nuqqas ta' 15 % meta mqabbel mal-perjodu bejn l-2004 sal-2007. Matul it-tielet programm ta' azzjoni (mill-2007 sal-2010) l-użu tan-nitroġenu minn demel tal-bhejjem staġna għal madwar 101 elf tunnellata għal kull sena. Matul ir-raba' programm ta' azzjoni ġie osservat iktar tnaqqis fl-użu tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem, b'valur ta' 94,5 elf tunnellata fl-2013. Matul il-perjodu ta' rapportar bejn l-2008 u l-2011, l-użu tan-nitroġenu minerali wera żieda ta' 4 % meta mqabbel mal-perjodu bejn l-2004 u l-2007. L-aħħar dejta disponibbli għall-2012 u l-2013 turi li l-użu tan-nitroġenu minerali qed jistabbilizza ruħu f'39 elf tunnellata.

(14)

Wara l-eżami tat-talba jista' jitqies li l-ammonti proposti ta' 250 kg u 200 kg rispettivament għal kull ettaru fis-sena ta' nitroġenu minn demel ta' bhejjem li jirgħu u minn demel ittrattat tal-ħnieżer, mhumiex se jippreġudikaw l-ilħuq tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stretti li japplikaw flimkien mal-miżuri rinforzati meħuda fil-programm ta' azzjoni għall-perjodu bejn l-2015 u l-2018.

(15)

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fiha previst approċċ transfruntier, komprensiv għall-ħarsien tal-ilma organizzat madwar id-distretti tal-baċiri tax-xmajjar, bil-għan li l-korpi tal-ilmijiet Ewropej jiksbu status tajjeb sal-2015. It-tnaqqis tan-nutrijenti huwa parti integrali minn dak l-għan. L-għoti ta' deroga skont din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet skont id-Direttiva 2000/60/KE u ma jeskludix li jista' jkun hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali biex jissodisfaw l-obbligi li joħorġu minnha.

(16)

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u l-politiki jew l-attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent. Fejn applikabbli, l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Direttiva. Sabiex jonqos il-piż amministrattiv u tiżdied il-koerenza tad-dejta, il-Belġju, meta jiġbor id-dejta neċessarja skont din id-Deċiżjoni għandu, fejn xieraq, juża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(17)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga mitluba mill-Belġju, f'isem ir-reġjun tal-Fjandri, bil-għan li jkun permess ammont ogħla ta' demel mill-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 12.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali għal irqajja' speċifikati ta' farm, li jkunu kkultivati b'għelejjel li jirrikjedu ħafna nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir, u li huma suġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 sa 7.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“farms” tfisser azjendi agrikoli kemm jekk irabbu l-bhejjem kif ukoll jekk ma jrabbux;

(b)

“roqgħa ta' art” tfisser għalqa individwali jew grupp ta' għelieqi, li huma omoġenji fir-rigward tal-għelejjel, it-tip ta' ħamrija u l-prattiki ta' fertilizzazzjoni;

(c)

“bur” tfisser bur permanenti jew temporanju (temporanju ġeneralment tfisser perjodu ta' anqas minn erba' snin);

(d)

“għelejjel li jirrikjedu ħafna nitroġenu u bi staġun twil ta' tkabbir” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

bur;

(ii)

bur b'inqas minn 50 % ta' xnien;

(iii)

qamħirrum miżrugħ flimkien ma' ħxejjex oħra, qabel jew wara l-ħsad, bil-ħaxix li jinqata' u jitneħħa mill-għalqa li jintuża bħala għelejjel intermedji;

(iv)

bur tal-qtugħ jew segala tal-qtugħ segwita mill-qamħirrum;

(v)

qamħ tax-xitwa jew tritikale segwit b'għelejjel intermedji;

(vi)

pitravi zokkrija jew tal-għalf;

(e)

“bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, mogħoż u żwiemel;

(f)

“trattament tad-demel” tfisser l-ipproċessar tad-demel tal-ħnieżer f'żewġ partijiet, il-parti solida u l-oħra likwida, imwettaq sabiex jitjieb l-użu fl-art u jiżdied l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosforu;

(g)

“demel ittrattat” tfisser il-parti likwida li tirriżulta mit-trattament tad-demel;

(h)

“effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat” tfisser demel ittrattat b'kontenut massimu ta' nitroġenu ta' 1 kg għal kull tunnellata ta' effluwent u kontenut massimu ta' fosfat ta' 1 kg għal kull tunnellata ta' effluwent;

(i)

“profil tal-ħamrija” tfisser is-saff tal-ħamrija li jinsab taħt il-wiċċ tal-art sa fond ta' 0,90 m, sakemm il-medja tal-ogħla livell ta' ilma tal-pjan ma tkunx aktar fil-baxx; f'dan il-każ il-fond għandu jkun il-medja tal-ogħla livell ta' ilma tal-pjan.

Artikolu 4

Applikazzjoni u impenn annwali

1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom ta' kull sena jissottomettu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta' Frar. Għas-sena 2015, l-applikazzjoni annwali għandha tiġi sottomessa sal-31 ta' Lulju.

2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1, il-bdiewa għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

Artikolu 5

Trattament tad-demel

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-parti solida li tirriżulta mit-trattament tad-demel għandha tintbagħat għar-riċiklaġġ f'installazzjonijiet awtorizzati bl-għan li jitnaqqsu l-irwejjaħ u emissjonijiet oħrajn, jittejbu l-proprjetajiet agronomiċi u iġjeniċi, jitħaffef il-maniġġ u jiżdied l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosfat.

2.   Il-bdiewa li jibbenefikaw mid-deroga li jwettqu t-trattament tad-demel għandhom ta' kull sena jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti d-dejta dwar l-ammont ta' demel li jintbagħat għat-trattament, l-ammont u d-destinazzjoni tal-parti solida u tad-demel ittrattat u l-kontenut ta' nitroġenu u fosforu tagħhom.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u regolarment jaġġornaw il-metodoloġiji rikonoxxuti għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel trattat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull farm li jibbenefika minn deroga individwali.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-ammonijaka u emissjonijiet oħra mit-trattament tad-demel għandhom jinġabru u jiġu ttrattati sabiex jonqos l-impatt ambjentali u l-inkonvenjent għal dawk l-installazzjonijiet li jikkawżaw emissjonijiet ogħla mis-sitwazzjoni ta' referenza, jiġifieri l-ħażna u l-użu fl-art ta' demel mill-bhejjem mhux ittrattat.

Għal din il-fini l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit u aġġornat regolarment inventarju tal-installazzjonijiet li jeħtiġilhom trattament tal-emissjonijiet.

Artikolu 6

Użu tad-demel u fertilizzanti oħra

1.   Suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 12, l-ammonti ta' demel mill-bhejjem li jirgħu, demel trattat u effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat użat f'irqajja' derogati kull sena, inkluż id-demel li jħallu l-bhejjem stess ma għandux jaqbeż kwalunkwe wieħed mill-valuri li ġejjin:

(a)

250 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f'irqajja kkultivati b'dawn li ġejjin:

(i)

bur u qamħirrum miżrugħin flimkien mal-bur;

(ii)

bur tal-qtugħ segwit mill-qamħirrum;

(iii)

segala tal-qtugħ segwita mill-qamħirrum;

(iv)

bur b'inqas minn 50 % ta' xnien;

(b)

200 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f'irqajja' kkultivati b'dawn li ġejjin:

(i)

qamħ tax-xitwa segwit b'għelejjel intermedji;

(ii)

tritikale segwit b'għelejjel intermedji;

(iii)

pitravi zokkrija u għall-għalf.

2.   Id-demel ittrattat, li ma jikkwalifikax bħala effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u ta' fosfat, jista' jintuża biss f'irqajja derogati jekk ikollu proporzjon ta' nitroġenu mal-fosfat (N/P2O5) ta' mill-inqas 3,3.

3.   L-użu tal-effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat għandu jkun limitat għal massimu ta' 15-il tunnellata għal kull ettaru.

4.   L-input totali ta' nitroġenu u fosfat għandu jkun konformi man-nutrijent meħtieġ mill-għelejjel ikkunsidrati u jqis il-provvista mill-ħamrija u ż-żieda fid-disponibbiltà ta' nitroġenu fid-demel wara li jiġi ttrattat. Dan ma għandux jaqbeż għall-għelejjel kollha, fi kwalunkwe każ, l-istandards tal-użu massimu għall-fosfat u n-nitroġenu, kif stabbilit fil-programm ta' azzjoni.

5.   Il-fosfat mill-fertilizzatur tal-kimika ma għandux jintuża fuq irqajja' derogati.

6.   Kull farm għandu jżomm pjan ta' fertilizzazzjoni, għall-art disponibbli kollha tiegħu, b'deskrizzjoni tat-tinwib u l-użu ppjanat ta' demel u fertilizzanti tan-nitroġenu u l-fosfat. Dan għandu jkun disponibbli fil-farm kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar.

Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' bhejjem u deskrizzjoni tal-fond fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin, inkluż il-volum ta' ħżin ta' demel disponibbli;

(b)

kalkolu tan-nitroġenu tad-demel (nieqes it-telf fiż-żamma fil-fond u l-ħażna) u l-fosforu prodott fil-farm;

(c)

id-deskrizzjoni tat-trattament tad-demel u l-karatteristiċi mistennija tad-demel ittrattat;

(d)

l-ammont, it-tip u l-karatteristiċi tad-demel mibgħut barra l-farm jew fil-farm;

(e)

it-tinwib u ż-żona tal-irqajja' tal-art b'għelejjel li jirrikjedu ħafna nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir u rqajja' b'għelejjel oħra;

(f)

ir-rekwiżiti prevedibbli tal-għelejjel tan-nitroġenu u l-fosforu għal kull roqgħa;

(g)

kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel fuq kull roqgħa;

(h)

kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u oħra fuq kull roqgħa;

(i)

kalkoli għall-valutazzjoni tal-konformità mal-istandards għall-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu.

Il-pjanijiet ta' fertilizzazzjoni għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli reali.

7.   Kull farm għandu jżomm il-kontijiet tal-fertilizzazzjoni; dawn għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja sal-15 ta' Marzu tas-sena kalendarja sussegwenti.

8.   Il-kont tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-erja tal-għelejjel;

(b)

l-għadd u t-tip ta' bhejjem;

(c)

il-produzzjoni tad-demel għal kull annimal;

(d)

l-ammont ta' fertilizzanti impurtati mill-farm;

(e)

l-ammont ta' demel li r-razzett jagħti u lil min.

9.   Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli għal kull farm li jibbenefika mid-deroga.

It-teħid ta' kampjuni u l-analiżi għandhom jitwettqu sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju u tal-anqas darba kull erba' snin għall-fosforu u n-nitroġenu għall kull erja omoġenja tal-farm, fir-rigward tat-tinwib u tal-karatteristiċi tal-ħamrija.

Tkun meħtieġa, tal-anqas, analiżi waħda għal kull ħames ettari ta' art agrikola.

10.   Il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu fil-profil tal-ħamrija għandha titkejjel kull sena fil-ħarifa u mhux aktar tard mill-15 ta' Novembru fuq mill-inqas 6 % tal-irqajja' derogati kollha u 1 % tal-irqajja' l-oħra użati mill-farms li jibbenefikaw mid-deroga b'tali mod li jkunu involuti mill-anqas 85 % ta' dawk il-farms. Għal kull 2 ettari ta' art agrikola għandhom ikun meħtieġa mill-inqas tliet kampjuni li jirrappreżentaw tliet saffi differenti ta' ħamrija mill-profil tal-ħamrija.

11.   Bejn l-1 ta' Settembru u l-15 ta' Frar tas-sena sussegwenti ma għandhomx jintużaw fl-irqajja' derogati d-demel, id-demel ittrattat jew effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat b'kontenut totali ta' nitroġenu ogħla minn 0,60 kg nitroġenu għal kull tunnellata, fertilizzanti kimiċi u oħrajn.

12.   Mill-inqas żewġ terzi tal-ammont ta' nitroġenu mid-demel, eskluż in-nitroġenu minn demel tal-bhejjem li jirgħu, għandu jintuża qabel l-1 ta' Ġunju ta' kull sena.

Artikolu 7

Ġestjoni tal-art

Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

(a)

il-bur għandu jinħarat fir-rebbiegħa għal kull tip ta' ħamrija minbarra l-ħamrija taflija;

(b)

il-bur fuq ħamrija taflija għandu jinħarat qabel il-15 ta' Settembru;

(c)

fuq irqajja' derogati n-newba tal-għelejjel ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jiffissaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan mhux se japplika għax-xnien f'bur b'inqas minn 50 % ta' xnien;

(d)

għelejjel li għandhom bżonn ħafna nitroġenu għandhom jinżergħa fi żmien ġimagħtejn (2) wara li jkun inħarat il-ħaxix u ma għandhomx jintużaw fertilizzanti fis-sena li fiha jinħarat il-bur permanenti;

(e)

l-għelejjel intermedji għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn (2) wara l-ħsad tal-qamħ tax-xitwa u sa mhux aktar tard mill-10 ta' Settembru;

(f)

l-għelejjel intermedji ma għandhomx jinħartu qabel il-15 ta' Frar sabiex ikun żgurat li r-raba' tkun miksija bil-veġetazzjoni s-sena kollha sabiex jiġu rkuprati n-nitrati li jintilfu mis-saff sekondarju tal-ħamrija fil-ħarifa u sabiex dan it-telf jiġi limitat fix-xitwa.

Artikolu 8

Miżuri oħra

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-derogi li jingħataw għall-użu ta' demel ittrattat ikunu kompatibbli mal-kapaċità tal-installazzjonijiet awtorizzati għat-trattament tad-demel u tal-ipproċessar tal-parti solida.

Din id-deroga għandha tiġi applikata mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' leġiżlazzjoni ambjentali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 9

Miżuri għall-produzzjoni u t-trasport tad-demel

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw il-ħarsien tal-limitu fl-għadd ta' bhejjem li jistgħu jinżammu f'kull farm (drittijiet ta' emissjonijiet min-nutrijenti) fir-reġjun tal-Fjandri skont id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Digriet dwar id-Demel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li t-trasport tad-demel minn trasportaturi akkreditati jiġi rreġistrat permezz ta' sistemi ta' lokalizzazzjoni ġeografika għall-vjaġġi kollha.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-kompożizzjoni tad-demel fir-rigward tal-konċentrazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu tiġi vvalutata qabel kull vjaġġ. Il-kampjuni tad-demel għandhom jiġu analizzati minn laboratorji rikonoxxuti u r-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-bidwi li jkun se jirċievi d-demel.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li waqt il-vjaġġ ikun disponibbli dokument li jispeċifika l-ammont ta' demel trasportat u l-kontentut ta' nitroġenu u fosforu tiegħu.

Artikolu 10

Monitoraġġ

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li kull sena jitħejjew u jiġu aġġornati l-mapep li juru l-perċentwal ta' farms, l-għadd ta' rqajja', il-perċentwal ta' bhejjem, il-perċentwal ta' art agrikola u l-użu ta' art lokali kopert minn deroga individwali għal kull muniċipalità.

Għandha tinġabar u tiġi aġġornata kull sena dejta dwar it-tinwib u l-prattiki agrikoli koperti minn derogi individwali, mill-awtorità kompetenti.

2.   In-netwerk ta' monitoraġġ għat-teħid tal-kampjuni tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma tal-pjan fil-baxx imsemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/64/KE (9) għandu jinżamm għall-valutazzjoni tal-impatt tad-deroga dwar il-kwalità tal-ilma. In-netwerk tal-monitoraġġ se jinkludi miżuri tan-nitrat u l-fosfat tax-xmajjar li jispiċċaw fil-Baħar tal-Tramuntana. L-ammont ta' siti mmonitorjati inizjalment ma jistax jitnaqqas u l-lokalizzazzjoni tas-siti ma għandhiex tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta' din id-Deċiżjoni.

3.   Fl-ilqugħ agrikoli b'ħamrija mrammla għandu jitwettaq monitoraġġ rinforzat.

4.   Is-siti tal-monitoraġġ, li jikkorrispondu għal mill-inqas 150 farm, stabbiliti skont id-Deċiżjoni 2008/64/KE għandhom jinżammu sabiex jipprovdu dejta dwar il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u t-telf korrispondenti ta' nitroġenu u fosforu li jgħaddi miż-żona tal-għeruq għall-ilma tal-pjan, kif ukoll dwar it-telf ta' nitroġenu u fosforu minn tnixxija f'wiċċ l-art u minn taħt l-art, kemm jekk f'kundizzjonijiet ta' deroga kif ukoll jekk le.

Is-siti ta' monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ewlenin ta' ħamrija (ħamrija taflija, imħallta, imrammla u bi trab fin), il-prattiki ta' fertilizzazzjoni u l-għelejjel.

Il-kompożizzjoni tan-netwerk ta' monitoraġġ ma għandhiex tiġi mmodifikata matul iż-żmien li fih tkun applikabbli din id-Deċiżjoni.

5.   L-istħarriġ u l-analiżi kontinwi tan-nutrijenti għandhom jipprovdu dejta dwar l-użu lokali tar-raba', it-tinwib tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli fuq farms li jibbenefikaw minn derogi individwali.

Dik id-dejta tista' tintuża biex jiġi kkalkulat, abbażi ta' mudelli, id-daqs tal-lissija ta' nitrati u t-telf tal-fosforu minn għelieqi li jingħataw massimu ta' 250 kg jew 200 kg ta' nitroġenu għall kull ettaru fis-sena ta' demel minn bhejjem li jirgħu u demel ittrattat.

6.   In-netwerk ta' monitoraġġ, inkluż l-ilma tal-pjan fil-baxx, l-ilma tal-ħamrija, l-ilma tad-drenaġġ u n-nixxigħat f'farms tan-netwerk ta' monitoraġġ, għandu jipprovdi dejta dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati u l-fosforu fl-ilma li jħalli l-parti tal-ħamrija fiż-żona tal-għeruq u jidħol fis-sistemi tal-ilma tal-pjan u tal-wiċċ.

Artikolu 11

Verifika

1.   L-applikazzjonijiet kollha għal deroga għandhom jiġu sottomessi għal kontroll amministrattiv tal-awtoritajiet kompetenti. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ma ġewx issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b'dan. F'dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

2.   Għandu jkun stabbilit programm ta' spezzjonijiet fuq il-post abbażi tal-analiżi tar-riskji, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin preċedenti u r-riżultati ta' kontrolli aleatorji ġenerali tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE.

L-ispezzjonijiet tal-għelieqi għandhom ikopru tal-anqas 7 % tal-farms li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7. Fejn il-verifika tindika nuqqas ta' konformità, il-bidwi għandu jiġi mgħarraf b'dan. F'dan il-każ, it-talba għal deroga għas-sena sussegwenti għandha titqies li ma ġietx aċċettata.

3.   Ir-riżultati tal-kejl imsemmija fl-Artikolu 6(9) għandhom jiġu vverifikati. Fejn il-verifika tindika nuqqas ta' konformità, inkluż li l-livell limitu bażiku, kif definit fid-Digriet dwar id-Demel, inqabeż, il-bidwi għandu jiġi mgħarraf b'dan u għandha tiġi miċħuda applikazzjoni għal deroga għas-sena sussegwenti għar-roqgħa jew irqajja'.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jsiru kontrolli fuq il-post ta' mill-inqas 2 % tal-operazzjonijiet ta' trasport tad-demel, ibbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju u r-riżultati tal-kontrolli amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1.

Il-kontrolli għandhom jinkludu verifika tat-twettiq tal-obbligi tal-akkreditazzjoni, il-valutazzjoni tad-dokumenti ta' akkumpanjament, il-verifika tal-oriġini u tad-destinazzjoni tad-demel u t-teħid ta' kampjuni tad-demel trasportat.

Il-kampjuni tad-demel jistgħu jittieħdu, meta xieraq, permezz ta' makkinarju awtomatizzat installat apposta fuq il-vetturi, li jiġbor il-kampjuni waqt li d-demel ikun qed jitgħabba.

Il-kampjuni tad-demel għandhom jiġu analizzati minn laboratorji rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti u r-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu kkomunikati kemm lill-bidwi li jkun qed jipprovdi d-demel kif ukoll lil dak li jkun ser jirċievi d-demel.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mad-deroga mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Rappurtar

1.   L-awtoritajiet kompetenti, kull sena sat-30 ta' Ġunju, għandhom jissottomettu rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

mapep li juru l-perċentwal ta' farms, il-perċentwal ta' bhejjem, il-perċentwal ta' użu tar-raba' u l-użu tal-art lokali, kif ukoll dejta dwar it-tinwib u l-prattiki agrikoli fil-farms tad-deroga, imsemmija fl-Artikolu 10(1);

(b)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, inkluż informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilma tal-pjan u tal-wiċċ, u l-ilma li jmur fil-Baħar tat-Tramuntana, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma msemmi fl-Artikolu 10(2);

(c)

evalwazzjoni tar-residwu tan-nitrat fil-profil tal-ħamrija fil-ħarifa għall-irqajja' tal-art derogati u tqabbil mad-dejta dwar ir-residwi u x-xejriet tan-nitrat fl-irqajja' tal-art mhux derogati b'tinwib ta' għelejjel simili. Irqajja' mhux derogati għandhom jinkludu irqajja' mhux derogati f'farms li jibbenefikaw minn deroga kif ukoll irqajja' f'farms oħra;

(d)

informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrat u tal-fosforu fl-ilma li jħalli l-parti tal-ħamrija fejn hemm l-għeruq u jidħol fis-sistema tal-ilma tal-pjan jew tal-wiċċ kif imsemmi fl-Artikolu 10(6) u r-riżultati mill-monitoraġġ rinforzat tal-ilma f'baċiri agrikoli b'ħamrija mrammla kif imsemmi fl-Artikolu 10(3);

(e)

ir-riżultati tal-istħarriġ dwar l-użu tal-art lokali, in-newba tal-għelejjel u l-prattiċi agrikoli, u r-riżultati tal-kalkoli bbażati fuq mudelli tad-daqs tat-telf ta' nitroġenu u fosforu minn farms li jibbenefikaw minn deroga individwali, kif imsemmi fl-Artikolu 10(5);

(f)

evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga, ibbażati fuq kontrolli fil-livell ta' farms u fil-livell tal-irqajja' tal-art, kif ukoll il-kontrolli fuq it-trasport tad-demel, u informazzjoni dwar farms mhux konformi, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet amministrattivi u ta' fuq il-post;

(g)

informazzjoni dwar it-trattament tad-demel, inkluż aktar ipproċessar u użu tal-partijiet solidi, u forniment ta' dejta ddettaljata dwar il-karatteristiċi tas-sistemi ta' trattament, l-effiċjenza tagħhom u l-kompożizzjoni tad-demel ittrattat;

(h)

informazzjoni dwar l-ammont ta' farms li jibbenefikaw minn deroga u rqajja' tal-art derogati fejn intuża demel ittrattat u effluwenti b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat kif ukoll il-volumi tagħhom;

(i)

il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull farm li jibbenifika minn deroga individwali, imsemmija fl-Artikolu 5(3);

(j)

l-inventarju tal-installazzjoni tat-trattament tad-demel kif imsemmi fl-Artikolu 5(4);

(k)

sommarju u evalwazzjoni tad-dejta miksuba mis-siti tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 10(4);

(l)

id-dejta marbuta mal-fertilizzazzjoni fil-farms kollha li jibbenefikaw minn deroga individwali, inkluż informazzjoni dwar ir-rendimenti u fuq it-tipi ta' ħamrija;

(m)

ix-xejriet fl-għadd ta' bhejjem għal kull kategorija ta' bhejjem fir-reġjun tal-Fjandri u fil-farms tad-deroga.

Id-dejta ġeografika fir-rapport għandha, fejn applikabbli, tissodisfa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/2/KE. Fejn xieraq, fil-ġbir tad-dejta meħtieġa l-Belġju għandu jagħmel użu mill-informazzjoni ġġenerata mis-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 13

Perjodu ta' Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 14

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Settembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/489/UE tad-29 ta' Lulju 2011 li tagħti deroga mitluba mir-Renju tal-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 200, 3.8.2011, p. 23).

(3)  Rapport ta' erba' snin fi ħdan il-qafas tad-Direttiva tan-Nitrati (91/676/KEE) għar-Reġjun tal-Fjandri, K. Desimpelaere, E. Lesage — Vlaamse Landmaatschappij, R. Eppinger, H. Maeckelberghe, K. Van Hoof — Vlaamse Milieumaatschappij, Ġunju 2012.

(4)  Belgisch Staatsblad tad-29 ta' Diċembru 2006, p. 76368.

(5)  Belgisch Staatsblad tad-29 ta' Lulju 2015, p. 47994.

(6)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/64/KE tal-21 ta' Diċembru 2007 li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 16, 19.1.2008, p. 28).


Top