EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1208(02)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni – il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija

OJ C 407, 8.12.2015, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/07/2018

8.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 407/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Novembru 2015

dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni – il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija

(2015/C 407/07)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 210(2) u l-Artikolu 214(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-komunità internazzjonali qed tiffaċċja kriżi bla preċedent ta’ refuġjati, li teħtieġ solidarjetà, għaqda u effiċjenza. L-isfidi huma komuni u r-reazzjonijiet jeħtieġ li jkunu kkoordinati.

(2)

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, it-Turkija hija pajjiż primarju tal-ewwel akkoljenza u ta’ tranżitu għall-migranti, li sal-aħħar tal-2015 se jkun qed jospita aktar minn żewġ miljun applikant għall-ażil u refuġjat, l-ikbar numru fid-dinja. It-Turkija qed tagħmel sforzi li ta’ min ifaħħarhom sabiex tipprovdi għajnuna u appoġġ umanitarju enormi għad-dħul ta’ persuni bla preċedent li qed ifittxu kenn, u li qed jiżdiedu b’mod kontinwu, u diġà nefqet aktar minn EUR 7 biljun mir-riżorsi proprji tagħha sabiex tindirizza din il-kriżi.

(3)

It-Turkija u l-UE huma ddeterminati li jiffaċċjaw u jegħlbu l-isfidi eżistenti billi jiftiehmu. Għal dan l-għan, dokument ta’ politika, li jirrifletti l-qbil bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija sabiex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom marbuta mal-appoġġ għas-Sirjani li qegħdin taħt protezzjoni temporanja u sabiex jiġġestixxu l-migrazzjoni bi sforz kkoordinat, ħalli tiġi indirizzata l-kriżi (minn hawn ’il quddiem: “il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija”), maqbul ad referendum mit-Turkija fil-15 ta’ Ottubru 2015, għandu l-għan li jindirizza l-kriżi tar-refuġjati u jiġġestixxi l-migrazzjoni. Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu, fl-istess jum, laqa’ favorevolment “il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt mat-Turkija bħala parti minn kooperazzjoni komprensiva bbażata fuq ir-responsabbiltà kondiviża, l-impenji reċiproki u r-riżultati” u ddikjara li “l-UE u l-Istati Membri tagħha jinsabu lesti sabiex iżidu l-kooperazzjoni mat-Turkija u jintensifikaw sostanzjalment l-impenn politiku u finanzjarju tagħhom fi ħdan il-qafas stabbilit”;

(4)

Kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija, l-UE jeħtiġilha timmobilizza riżorsi finanzjarji sostanzjali ġodda, b’mod kostanti u reattiv, sabiex tgħin lit-Turkija tindirizza l-ħtiġijiet emerġenti u tlaħħaq mal-isfida li nħolqot bil-preżenza ta’ Sirjani taħt protezzjoni temporanja. Il-fondi għandhom jiġu mmobilizzati bl-aktar mod flessibbli u rapidu possibbli. L-identifikazzjoni, tal-prijoritajiet u tal-oqsma fejn għandhom jiġu allokati, għandha tiġi deċiża b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet Torok ħlief għall-azzjonijiet li jipprovdu assistenza umanitarja immedjata. Tingħata prijorità immedjata lill-assistenza umanitarja, l-iżvilupp u lil assistenza oħra, lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti, lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali sabiex jiġġestixxu u jindirizzaw il-konsegwenzi tad-dħul ta’ refuġjati.

(5)

L-Unjoni Ewropea u l-baġits tal-Istati Membri sa issa mmobilizzaw it-total ta’ EUR 3,6 biljun sa mill-bidu tal-kunflitt Sirjan (madwar EUR 1,6 biljun mill-baġit tal-Unjoni u EUR 2,0 biljun mill-Istati Membri), li tikklassifikahom bħala d-donatur ewlieni dinji li jindirizza l-konsegwenzi ta’ din il-kriżi. Din l-assistenza ppermettiet it-twassil b’urġenza tal-assistenza umanitarja u appoġġat il-kapaċitajiet nazzjonali u lokali sabiex jipprovdu servizzi għal dawk affettwati mill-kriżi (l-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi bażiċi bħall-ilma u s-servizzi tal-immaniġġjar tal-iskart, is-sigurtà tal-għajxien). Madankollu, id-diversi strumenti tal-Unjoni Ewropea u l-programmi tal-Istati Membri jaħdmu b’mod parallel permezz ta’ diversi mezzi bilaterali (l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Organizzazzjonijiet Nongovernattivi, l-aġenziji nazzjonali, il-gvernijiet tal-pajjiż ospitanti).

(6)

It-Titolu III tal-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu x’jaqsam fost l-oħrajn mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ pajjiżi terzi kif ukoll mal-għajnuna umanitarja. L-applikazzjoni tal-kompetenza tal-Unjoni f’dawn l-oqsma ma tirriżultax f’li l-Istati Membri jiġu impeduti milli jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom, skont l-Artikolu 4(4) TFUE.

(7)

It-Turkija tidher bħala “pajjiż bi dħul medju għoli” fil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD.

(8)

Skont l-Artikolu 210(1) TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-politiki rispettivi tagħhom u għandhom jikkonsultaw wieħed mal-ieħor. Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm aktar koordinazzjoni. Skont l-Artikoli 210(2) u 214(6) TFUE, il-Kumissjoni tista’ tieħu inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri, sabiex ittejjeb l-effiċjenza u l-kumplimentarjetà tal-miżuri tal-Unjoni u tal-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna.

(9)

L-għan ġenerali tal-Faċilità tat-Turkija huwa li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u mill-kontribuzzjonijiet bilaterali tal-Istati Membri jiġu kkoordinati u ssimplifikati, sabiex tittejjeb l-effiċjenza u l-komplimentarjetà tal-appoġġ mogħti lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija.

(10)

L-assistenza tal-UE u tal-Istati Membri għandha tippermetti rispons komprensiv li jikkorrispondi għall-isfidi. Dan ir-rispons għandu jikkontribwixxi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tad-dħul tar-refuġjati, kemm għar-refuġjati u kemm għat-Turkija bħala pajjiż ospitanti. Dan għandu jġib flimkien fondi u azzjonijiet mill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet b’mod ikkordinat u komprensiv.

(11)

L-istrumenti tal-UE attwalment użati b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana, bħalma huma l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI) (1), l-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) (2), l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (3), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) (4) u l-finanzjament skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 rigward l-għajnuna umanitarja (5) jistgħu jikkontribwixxu għall-Faċilità tat-Turkija fil-limiti stipulati fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020. Kwalunkwe assistenza umanitarja għall-Faċilità tat-Turkija għandha tiġi amministrata u mogħtija skont il-prinċipji umanitarji u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (6).

(12)

L-azzjonijiet u l-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni se jiġu implimentati skont ir-regoli u r-regolamenti finanzjarji tagħha – li jinkludu kemm il-ġestjoni diretta u dik indiretta kif ukoll il-fondi fiduċjarji tal-Unjoni bħala waħda mill-għodod ta’ implimentazzjoni previsti skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (7).

(13)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-intenzjoni li esprimew l-Istati Membri biex jikkontribwixxu EUR 2 500 000 000 minn ammont totali ta’ EUR 3 000 000 000. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-impenn li jipprovdu formalment s-sehem finanzjarju tagħhom f’konformità mat-tqassim deskritt fl-Anness li juża l-kodiċi tal-ING.

(14)

Il-Kummissjoni tosserva li attwalment hemm “qligħ mhux mistenni” minn “dħul ieħor” u minn dazji doganali ta’ EUR 2 300 000 000 fil-baġit tal-UE għall-2015; dan id-dħul jiġi minn livell ogħla ta’ ġbir ta’ multi relatati mal-kompetizzjoni, minn dħul minn investimenti jew self mogħti, minn penalitajiet, minn imgħaxijiet fuq ħlas tardiv u minn dazji doganali ogħla milli mistenni. Dan l-ammont ta’ EUR 2 300 000 000 huwa parti mill-abbozz tal-baġit emendatorju 8/2015 adottat riċentement mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Dan id-dħul imprevist mill-baġit tal-2015 se jitnaqqas mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-Baġit tal-UE.

(15)

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni bħala dħul assenjat estern, skont l-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8),

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

It-twaqqif ta’ Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni - Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija (“il-Faċilità”) — sabiex it-Turkija tiġi megħjuna tindirizza minnufih il-ħtiġijiet umanitarji u ta’ żvilupp tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti tagħhom, kif ukoll biex l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jiġġestixxu u jindirizzaw il-konsegwenzi tad-dħul ta’ refuġjati.

Artikolu 2

L-Għanijiet tal-Faċilità

1.   Il-Faċilità għandha l-għan li tikkoordina u tissimplifika l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u mill-kontribuzzjonijiet bilaterali tal-Istati Membri.

2.   L-għan speċifiku tagħha huwa li ssaħħaħ l-effiċjenza u l-komplementarjetà tal-appoġġ mogħti lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet kollha meħuda taħt strumenti esterni ta’ finanzjament tal-Unjoni kif ukoll miżuri individwali mill-Istati Membri jkunu kumplimentari ma’ dawk ikkoordinati fl-ambitu tal-Faċilità.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni u forma ta’ appoġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri billi tistabbilixxi prijoritajiet u billi tikkoordina l-allokazzjoni tar-riżorsi.

Se twettaq dan skont il-mekkaniżmu stipulat fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Permezz tal-Faċilità tingħata assistenza umanitarja, għall-iżvilupp u assistenza oħra, lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti, lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali sabiex il-ġestjoni u l-indirizzar tal-konsegwenzi tad-dħul tar-refuġjati jiġu kkoordinati.

3.   L-assistenza tista’ tieħu l-forma ta’ għotjiet, ħlief jekk in-natura tal-proġett li għandu jiġi ffinanzjat teħtieġ xi forma oħra ta’ appoġġ, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jittieħdu inkonsiderazzjoni u jiġu promossi matul l-istadji varji ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tevita kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, sabiex jinkiseb aċċess għall-proġetti appoġġati mill-Faċilità.

Artikolu 4

Il-koordinazzjoni tar-riżorsi fl-ambitu tal-Faċilità

1.   Il-Faċilità għandha tikkoordina l-ammont ta’ EUR 3 000 000 000.

2.   Mal-EUR 500 000 000 mill-ammont kumplessiv għandhom jiġu ffinanzjat mill-baġit tal-UE, suġġetti għal deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament sussegwenti f’konformità mal-Artikolu 84(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u skont ir-regoli finanzjarji u r-rekwiżiti tal-att bażiku rispettiv tiegħu.

3.   L-Istati Membri abbażi tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li wiegħdu, għandhom jipprovdu l-ammont ta’ EUR 2 500 000 000, skont it-tqassim stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Kumitat ta’ Tmexxija

1.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità għandu jipprovdi gwida strateġika dwar il-koordinazzjoni tal-assistenza li għandha tingħata.

Għandu wkoll jissorvelja b’mod permanenti l-implimentazzjoni tal-Faċilità.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentant minn kull Stat Membru.

It-Turkija għandha tkun membru tal-kumitat ta’ tmexxija f’kapaċità konsultattiva, sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni totali tal-azzjonijiet fuq il-post, ħlief għall-azzjonijiet li jipprovdu assistenza umanitarja immedjata.

Il-Kummissjoni għandha tippresjedi l-kumitat ta’ tmexxija.

Għandu jiġi żgurat li l-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Kumitat ma jkunux f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess, kif definit mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm ir-responsabbiltà għad-deċiżjoni finali dwar l-iffissar ta’ prijoritajiet, dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonijiet u dwar l-allokazzjoni ta’ fondi, filwaqt li tfittex li jintlaħaq kunsens kull meta jkun possibbli.

3.   Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-kumitat ta’ tmexxija għandu jfassal u jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fi żmien xahrejn mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Is-segretarjat tal-faċilità għandha taħseb għalih il-Kummissjoni.

Artikolu 6

Modalitajiet ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel u tikkoordina l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet rilevanti, b’mod partikolari permezz ta’ skrinjar ex-ante tal-azzjonijiet proposti.

2.   Tingħata prijorità lill-azzjonijiet li jipprovdu immedjatament assistenza umanitarja, għall-iżvilupp u assistenza oħra, lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti, lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali sabiex jiġġestixxu u jindirizzaw il-konsegwenzi tad-dħul ta’ refuġjati.

L-awtoritajiet Torok għandhom jiġu kkonsultati rigward l-azzjonijiet kollha ħlief għal dawk li jipprovdu assistenza umanitarja immedjata.

Il-Kummissjoni għandha żżomm laqgħat regolari mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mal-awtoritajiet adattati fit-Turkija.

3.   L-azzjonijiet u l-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni se jiġu implimentati f’konformità mar-regoli finanzjarji tagħha u mar-rekwiżiti tal-att bażiku rispettiv.

4.   Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri li għandhom l-għan li jiffinanzjaw l-azzjonijiet u l-miżuri magħżula u kkoordinati f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu inklużi fil-baġit tal-Unjoni bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dawn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jew jiġu implimentati direttament mill-Kummissjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jew indirettament billi l-kompiti għall-implimentazzjoni tal-baġit jingħataw f’idejn entitajiet skont l-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, inklużi korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru.

5.   L-azzjonijiet li jipprovdu assistenza umanitarja immedjata li huma kkoordinati fl-ambitu tal-Faċilità se jintgħażlu u jiġu implimentati f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

Artikolu 7

Viżibbiltà

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-azzjonijiet appoġġjati mill-Faċilità, kif ukoll tmexxihom ‘il quddiem, sabiex tiżgura l-viżibbiltà tagħha.

Artikolu 8

Informazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità.

2.   Il-Kummissjoni għandha ta’ kull sena tagħti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità.

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-Faċilità f’koordinazzjoni sħiħa mal-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2019.

Artikolu 9

Id-dispożizzjonijiet finali

1.   Din il-faċilità tistabbilixxi ruħha fl-1 ta’ Jannar 2016 għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għas-snin baġitarji tal-2016 u tal-2017. Sal-21 ta’ Diċembru 2015, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-waqt ta’ meta se jipprovdu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, inkluża l-iskeda tal-ħlas prevista tagħhom għall-2016 u l-2017.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-kapaċità finanzjarja, it-tul u n-natura tal-finanzjament sal-31 ta’ Diċembru 2016.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Johannes HAHN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1).

(5)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(6)  Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kunsill, fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni Ewropea, “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1).

(7)  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95.

(8)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


ANNESS

Stat Membru

1 % tal-introjtu nazzjonali gross

(EUR)

Kodiċi tal-ING

Kontribuzzjoni nazzjonali għat-Turkija, għall-Faċilità għar-Refuġjati

(EUR)

Il-Belġju

4 044 908 000

2,88 %

EUR 72 055 025,81

Il-Bulgarija

412 388 025

0,29 %

EUR 7 346 181,86

Ir-Repubblika Ċeka

1 429 950 658

1,02 %

EUR 25 472 799,77

Id-Danimarka

2 691 551 852

1,92 %

EUR 47 946 662,36

Il-Ġermanja

29 998 426 500

21,38 %

EUR 534 384 810,63

L-Estonja

195 941 500

0,14 %

EUR 3 490 455,12

L-Irlanda

1 605 484 000

1,14 %

EUR 28 599 708,83

Il-Greċja

1 758 757 000

1,25 %

EUR 31 330 077,48

Spanja

10 723 591 000

7,64 %

EUR 191 027 490,92

Franza

21 697 735 000

15,46 %

EUR 386 518 273,19

Il-Kroazja

414 701 663

0,30 %

EUR 7 387 396,46

L-Italja

15 782 177 500

11,25 %

EUR 281 139 943,61

Ċipru

162 048 000

0,12 %

EUR 2 886 684,40

Il-Latvja

245 937 500

0,18 %

EUR 4 381 071,93

Il-Litwanja

363 756 951

0,26 %

EUR 6 479 879,52

Il-Lussemburgu

302 768 000

0,22 %

EUR 5 393 436,90

L-Ungerija

1 028 794 578

0,73 %

EUR 18 326 701,09

Malta

79 473 735

0,06 %

EUR 1 415 726,15

In-Netherlands

6 589 010 000

4,70 %

EUR 117 375 051,69

L-Awstrija

3 201 701 000

2,28 %

EUR 57 034 337,54

Il-Polonja

3 997 275 344

2,85 %

EUR 71 206 509,04

Il-Portugall

1 708 890 500

1,22 %

EUR 30 441 767,55

Ir-Rumanija

1 517 506 692

1,08 %

EUR 27 032 502,06

Is-Slovenja

366 916 000

0,26 %

EUR 6 536 154,06

Is-Slovakkja

737 276 500

0,53 %

EUR 13 133 667,62

Il-Finlandja

1 992 220 500

1,42 %

EUR 35 488 940,55

L-Iżvezja

4 301 727 510

3,07 %

EUR 76 629 947,27

Ir-Renju Unit

22 990 023 751

16,38 %

EUR 409 538 796,60

Total

140 340 939 259

1

EUR 2 500 000 000,00


Top