EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0435

Deċiżjoni (UE) 2015/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2014 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza

OJ L 72, 17.3.2015, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/435/oj

17.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/4


DEĊIŻJONI (UE) 2015/435 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Diċembru 2014

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikolari l-punt 14 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi,

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2) stabbilixxa Marġini ta' Kontinġenza sa 0,03 % mid-Dħul Nazzjonali Gross tal-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 6 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkalkulat l-ammont assolut tal-Marġni ta' Kontinġenża għall-2014 (3),

(3)

Wara li eżaminaw il-possibiltajiet finanzjarji l-oħra kollha biex issir reazzjoni għaċ-ċirkostanzi mhux previsti li nqalgħu wara li ġie stabbilit għall-ewwel darba l-limitu massimu ta' pagament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014 fi Frar 2013, jidher li hu meħtieġ li jiġi mmobilizzat l-Marġini ta' Kontinġenza biex jikkomplementa l-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja tal-2014, 'il fuq mil-limitu massimu ta' pagament.

(4)

Għandu jiġi inkluż ammont ta' EUR 350 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament fil-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza sakemm jintlaħaq qbil dwar pagamenti għal strumenti speċjali oħra.

(5)

Wara li kkunsidra s-sitwazzjoni ferm partikolari li qamet din is-sena, ġiet sodisfatta l-kundizzjoni tal-aħħar rimedju fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta dwar il-kumpens tal-ammont rilevanti fil-limiti ta' pagamenti tal-QFP għal sena finanzjarja futura waħda jew aktar, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-ftehim dwar pagamenti għal strumenti speċjali oħra, u mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi istituzzjonali tal-Kummissjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Marġni ta' Kontinġenza għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3 168 233 715 f'approprjazzjonijiet ta' pagament 'il fuq mil-limitu massimu għall-pagamenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

Artikolu 2

Is-somma ta' EUR 2 818 233 715 għandha tkun ikkumpensata fi tliet pagamenti kontra il-marġini taħt il-limiti tal-pagamenti għas-snin li ġejjin:

(a)

2018: EUR 939 411 200

(b)

2019: EUR 939 411 200

(c)

2020: EUR 939 411 315

Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta fi żmien xieraq proposta dwar l-ammont li fadal ta' EUR 350 miljun.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(3)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013 dwar l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għas-sena 2014 f'konformità mal-movimenti fl-ING (COM(2013)928).


Top