EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0331

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/331 tat- 2 ta' Marzu 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan

OJ L 58, 3.3.2015, p. 66–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/331/oj

3.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/331

tat-2 ta' Marzu 2015

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/393/PESK (1) li taħtar lis-Sur Franz-Michael SKJOLD MELLBIN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fl-Afganistan. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-28 ta' Frar 2015.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ieħor ta' tmien xhur.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Franz-Michael SKJOLD MELLBIN bħala r-RSUE fl-Afganistan huwa estiż sal-31 ta' Ottubru 2015. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

Ir-RSUE għandu jirrappreżenta lill-Unjoni u jippromovi l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fl-Afganistan, b'koordinazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan. B'mod aktar speċifiku, ir-RSUE għandu:

(a)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan u l-Istrateġija tal-UE fl-Afganistan 2014-16;

(b)

jappoġġa d-djalogu politiku Unjoni — Afganistan;

(c)

jappoġġa r-rwol ċentrali li għandhom in-Nazzjonijiet Uniti (NU) fl-Afganistan b'enfasi partikolari fuq il-kontribut għal assistenza internazzjonali kkoordinata aħjar, b'hekk jippromovi l-implimentazzjoni tal-Communiqués tal-Konferenza ta' Bonn, Chicago, Tokjo u Londra, kif ukoll Riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jitwettaq il-mandat, ir-RSUE għandu, f'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan:

(a)

jippromovi l-fehmiet tal-Unjoni dwar il-proċess politiku u l-iżviluppi fl-Afganistan;

(b)

iżomm kuntatt mill-qrib, u jappoġġa l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet Afgani rilevanti, b'mod partikolari l-Gvern u l-Parlament kif ukoll l-awtoritajiet lokali. Għandu wkoll jinżamm kuntatt ma' gruppi politiċi Afgani oħra u atturi rilevanti oħra fl-Afganistan, b'mod partikolari l-atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili;

(c)

iżomm kuntatt mill-qrib ma' partijiet interessati internazzjonali u reġjonali rilevanti fl-Afganistan, b'mod partikolari mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali tan-NU u r-Rappreżentant Ċivili Superjuri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u ma' msieħba u organizzazzjonijiet ewlenin oħrajn;

(d)

jagħti parir dwar il-progress miksub biex jintlaħqu l-objettivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan, tal-Istrateġija tal-UE fl-Afganistan 2014-16 u tal-Communiqués tal-Konferenza ta' Bonn, Chicago, Tokjo u Londra b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

(i)

il-bini tal-kapaċità ċivili, speċjalment fil-livell sottonazzjonali;

(ii)

il-governanza tajba u l-istabbiliment tal-istituzzjonijiet meħtieġa għall-eżistenza tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari ġudikatura indipendenti;

(iii)

ir-riformi elettorali u kostituzzjonali;

(iv)

ir-riformi fis-settur tas-sigurtà, inkluż it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet ġudizzjarji u l-istat tad-dritt, tal-armata nazzjonali u tal-forza tal-pulizija, u b'mod partikolari, l-iżvilupp tas-servizz tal-pulizija ċivili;

(v)

il-promozzjoni tat-tkabbir, l-aktar permezz tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

(vi)

ir-rispett għall-obbligi tal-Afganistan għad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, inkluż ir-rispett għad-drittijiet ta' persuni li jappartjenu lill-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa u t-tfal;

(vii)

ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt;

(viii)

it-trawwim tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-amministrazzjoni pubblika, fis-soċjetà ċivili u, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 1325(2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-proċess ta' paċi;

(ix)

ir-rispett għall-obbligi internazzjonali tal-Afganistan, inkluża l-kooperazzjoni fl-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-proliferazzjoni tal-armamenti u l-armi ta' qerda massiva u materjali relatati;

(x)

il-faċilitazzjoni ta' assistenza umanitarja u r-ritorn b'mod ordnat ta' refuġjati u ta' persuni spostati internament; u

(xi)

it-tisħiħ tal-effettività tal-preżenza u l-attivitajiet tal-Unjoni fl-Afganistan u l-kontribut għall-formulazzjoni tar-rapporti ta' implimentazzjoni regolari dwar l-istrateġija l tal-UE fl-Afganistan 2014-16, kif mitlubin mill-Kunsill;

(e)

jipparteċipa b'mod attiv f'fora ta' koordinazzjoni lokali bħall-Bord Konġunt ta' Koordinazzjoni u Monitoraġġ, waqt li jżomm lill-Istati Membri mhux parteċipanti infurmati bis-sħiħ dwar id-deċiżjonijiet meħudin f'dawn il-livelli;

(f)

jagħti pariri dwar is-sehem u l-pożizzjonijiet tal-Unjoni f'konferenzi internazzjonali dwar l-Afganistan;

(g)

jieħu rwol attiv fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali permezz ta' inizjattivi rilevanti inkluż il-Proċess ta' Istanbul u l-Konferenza Reġjonali għall-Kooperazzjoni Ekonomika dwar l-Afganistan (RECCA);

(h)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa u t-tfal f'żoni milquta mill-konflitt, speċjalment billi jiġu monitorjati u indirizzati l-iżviluppi f'dan ir-rigward;

(i)

jipprovdi, kif adatt, appoġġ għal proċess ta' paċi inklużiv u mmexxi mill-Afganistan li jwassal għal soluzzjoni politika konsistenti mal-“linji l-ħomor” maqbula fil-Konferenza ta' Bonn.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2015 sal-31 ta' Ottubru 2015 għandu jkun ta' EUR 3 975 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi ġestita f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tat-tim. It-tim għandu jinkludi l-konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu regolarment u minnufih jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu s-sekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal sekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea konċernata jew is-SEAE, rispettivament. L-esperti sekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mittenti, l-istituzzjoni mittenti tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiż ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ġeografika, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni ta' uffiċċju;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona ġeografika;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona ġeografika jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u jipprovdi rapporti bil-miktub lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti dwar il-progress u l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill kif meħtieġ. Għandhom jiġu ċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b'mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll mad-delegazzjoni tal-Unjoni fil-Pakistan. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-Istati Membri u mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw ma' xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jżomm ukoll kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

Artikolu 13

Assistenza b'rabta ma' pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tiegħu għandhom jassistu billi jipprovdu elementi li jirreaġixxu għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li joħroġ mill-mandati tar-RSUE preċedenti fl-Afganistan, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.

Artikolu 14

Rieżami

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu rieżaminati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Awwissu 2015.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2015.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REIZNIECE-OZOLA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/393/PESK tat-22 ta' Lulju 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/382/PESK li testendi l-mandat tar- Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan (ĠU L 198, 23.7.2013, p. 47).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


Top