EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1142

Regolament (UE, Euratom) Nru 1142/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

OJ L 317, 4.11.2014, p. 28–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 01/08/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R1046

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1142/oj

4.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/28


REGOLAMENT (UE, EURATOM) Nru 1142/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-partiti politiċi f’livell Ewropew huma importanti bħala fattur għall-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipulaw li l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(3)

Fl-4 ta’ Novembru 2003, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (3).

(4)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (4), il-Parlament Ewropew, fid-dawl tal-esperjenza miksuba, issuġġerixxa għadd ta’ modi ta’ titjib fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

(5)

Fit-22 ta’ Ottubru 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (5) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 u li jistipula regoli ġodda għal, fost affarijiet oħra, il-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament, l-għoti u t-tqassim tal-fondi, id-donazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet, il-finanzjament ta’ kampanji għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, nefqa rimborżabbli, il-projbizzjoni ta’ finanzjament, il-kontijiet, ir-rapportar u l-awditjar, l-implimentazzjoni u l-kontroll, il-penalitajiet, il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċjal Awtorizzanti għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-uffiċjal awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, u t-trasparenza.

(6)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ('ir-Regolament Finanzjarju') għandu jinkludi regoli dwar il-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lill-partiti politiċi Ewropej kif previst mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. Dawk ir-regoli għandhom jippermettu li l-partiti politiċi f’livell Ewropew ikollhom grad usa’ ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-limiti ta’ żmien sabiex jużaw dawn il-kontribuzzjonijiet, skont kif teħtieġ in-natura tal-attivitajiet tagħhom.

(7)

Is-sistema ta’ appoġġ finanzjarju lill-partiti politiċi Ewropej permezz ta’ għotja operattiva kif previst fl-Artikolu 125(6) tar-Regolament Finanzjarju mhijiex adattata għall-ħtiġijiet tagħhom, b’mod partikolari l-obbligu li jippreżentaw programm ta’ ħidma annwali, rekwiżit li ma jeżistix fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-partiti politiċi Ewropej għandu jieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni speċifika, li tikkorrispondi mal-bżonnijiet speċifiċi tal-partiti politiċi Ewropej. Madankollu, peress li l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għadhom jiġu soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar l-għotjiet tar-Regolament Finanzjarju, għandu jkun possibbli li r-riport limitat għal tliet xhur attwalment previst mill-Artikolu 125(6) tar-Regolament Finanzjarju jkun japplika għalihom.

(8)

Għalkemm l-appoġġ finanzjarju jingħata mingħajr il-ħtieġa ta’ programm annwali ta’ ħidma, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jiġġustifikaw ex post l-użu tajjeb tal-finanzjament tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jivverifika jekk il-finanazjament intużax sabiex titħallas in-nefqa rimborżabbli kif stabbilit fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet fi ħdan il-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej għandhom jintefqu sal-aħħar tas-sena finanzjarja ta’ wara dik meta jkunu ngħataw, wara liema, kwalunkwe finanzjament li ma jintefaqx għandu jiġi rkuprat mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

(9)

Il-finanzjament tal-Unjoni mogħti għall-finanzjament tal-ispejjeż operattivi tal-partiti politiċi Ewropej ma għandux jintuża għal skopijiet oħra għajr dawk stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, b’mod partikolari biex jiffinanzjaw direttament jew indirettament entitajiet oħra bħall-partiti politiċi nazzjonali. Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jużaw il-kontribuzzjonijiet biex iħallsu perċentwal tan-nefqa attwali u futura, u mhux nefqa jew dejn imġarrba qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom għal kontribuzzjonijiet.

(10)

L-għoti tal-kontribuzzjonijiet għandu wkoll jiġi issimplifikat u adattat għall-ispeċifiċitajiet tal-partiti politiċi Ewropej, b’mod partikolari billi ma jkunx hemm kriterji tal-għażla, l-istabbiliment ta’ pagament wieħed sħiħ fil-forma ta’ prefinanzjament bħala regola ġenerali, u bil-possibilità li jintużaw somom f’daqqa, finanzjament permezz ta’ rata fissa u ta’ kostijiet unitarji.

(11)

Il-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għandhom jiġu sospiżi, jitnaqqsu jew jintemmu jekk il-partiti politiċi Ewropej jiksru l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

(12)

Il-penalitajiet li jkunu bbażati kemm fuq ir-Regolament Finanzjarju kif ukoll fuq ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, għandhom jiġu imposti b’mod koerenti u għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Bi qbil mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, il-penalitajiet amministrattivi u/jew finanzjarji previsti mir-Regolament Finanzjarju m’għandhomx jiġu imposti f’xi wieħed mill-każijiet li għalihom ikunu diġà ġew imposti penalitajiet abbażi tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

(13)

Ir-Regolament Finanzjarju għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 hu emendat kif ġej:

(1)

Fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 121, jiżdied il-punt li ġej:

“(j)

kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej imsemmija fit-Titolu VIII tat-Tieni Parti.”.

(2)

L-Artikolu 125 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 hu mħassar;

(b)

il-paragrafu 6 hu sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Jekk fondazzjoni politika Ewropea skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) tirrealizza eċċess ta’ introjtu meta mqabbel man-nefqa fi tmiem sena finanzjarja li matulha tkun irċeviet għotja operattiva, il-parti minn dak l-eċċess li tikkorrispondi għal massimu ta’ 25 % tal-introjtu totali għal dik is-sena tista’, b’deroga mill-prinċipju li jipprojbixxi l-profitt stabbilit fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tiġi riportata għas-sena ta’ wara bil-kundizzjoni li tintuża qabel tmiem l-ewwel kwart ta’ dik is-sena sussegwenti.

(*)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).”."

(3)

Fit-Tieni Parti, jiddaħħal it-Titolu li ġej:

“TITOLU VIII

KONTRIBUZZJONIJIET LILL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ

Artikolu 204a

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, partiti politiċi Ewropej għandha tfisser l-entitajiet irreġistrati bħala tali skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

2.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti mill-baġit jistgħu jingħataw lil partiti politiċi Ewropej fil-kuntest tal-kontribut tagħhom għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

Artikolu 204b

Prinċipji

1.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw biss għar-rimborż tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-ispejjeż operattivi tal-partiti politiċi Ewropej li jkunu marbutin direttament mal-għanijiet ta’ dawn il-partiti, kif speċifikat fl-Artikolu 17(5) u l-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jintużaw għar-rimborż tan-nefqa relatata mal-kuntratti konklużi mill-partiti politiċi Ewropej, kemm-il darba ma kienx hemm l-ebda kunflitt ta’ interessi meta jkunu ngħataw.

3.   Il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jintużaw biex jagħtu direttament jew indirettament xi vantaġġ personali, fi flus jew in natura, lil xi membru individwali jew membru tal-persunal ta’ partit politiku Ewropew. Il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jintużaw sabiex direttament jew indirettament jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari partiti politiċi nazzjonali jew fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew jew nazzjonali, kemm jekk fil-forma ta’ għotjiet, donazzjonijiet, self jew kwalunkwe ftehim simili ieħor. Il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jintużaw għal kwalunkwe wieħed mill-iskopijiet esklużi mill-Artikolu 22 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

4.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

5.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw mill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali u għandhom jiġu ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

6.   Il-partiti politiċi Ewropej li jirċievu kontribuzzjoni ma għandhomx jirċievu direttament jew indirettament finanzjament ieħor mill-baġit. B’mod partikolari, id-donazzjonijiet mill-baġits tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew għandhom jiġu pprojbiti. Fl-ebda ċirkostanza element ta’ nfiq ma jista’ jiġi ffinanzjat darbtejn mill-baġit.

Artikolu 204c

Aspetti baġitarji

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu mit-taqsima tal-baġit tal-Parlament Ewropew. L-approprjazzjonijiet imwarrba għall-korpi jew l-esperti ta’ awditjar esterni indipendenti msemmijin fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 għandhom jiġu addebitati direttament lill-baġit tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 204d

Sejħa għal kontribuzzjonijiet

1.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw permezz ta’ sejħa għal kontribuzzjonijiet ippubblikata ta’ kull sena, tal-inqas fuq il-websajt tal-Parlament Ewropew.

2.   Partit politiku Ewropew jista’ jingħata biss kontribuzzjoni waħda fis-sena.

3.   Partit politiku Ewropew jista’ jirċievi kontribuzzjoni biss jekk japplika għal finanzjament skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

4.   Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tiddetermina l-kriterji ta’ eliġibbilità li jridu jiġu sodisfatti mill-applikant, kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni.

5.   Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tiddetermina, mill-anqas, in-natura tan-nefqa li tista’ tiġi rimborżata mill-kontribuzzjoni.

6.   Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tirrikjedi stima ta’ baġit.

Artikolu 204e

Proċedura ta’ għoti

1.   L-applikazzjonijiet għal kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu fiż-żmien dovut bil-miktub, inkluż, fejn xieraq, f’format elettroniku sikur.

2.   Il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jingħataw lill-applikanti li, fil-mument ta’ proċedura għall-għoti ta’ kontribuzzjoni, ikunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 106(1), 107 u 109(1)(a), kif ukoll dawk li jkunu rreġistrati fil-bażi tad-data ċentrali tal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 108.

3.   L-applikanti għandhom ikunu meħtieġa li jiċċertifikaw li huma ma jkunux jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2.

4.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw permezz ta’ ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni, kif speċifikat fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

5.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ jkun megħjun minn kumitat biex jevalwa u jistabbilixxi l-ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni. L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jispeċifika, bir-rispett dovut għall-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali, ir-regoli dwar is-sura, il-ħatra u l-funzjonament ta’ dan il-kumitat, u r-regoli għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi.

Artikolu 204f

Proċedura ta’ evalwazzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għandhom jintgħażlu abbażi tal-kriterji għall-għotja stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 minn fost l-applikazzjonijiet li jkunu konformi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni.

2.   Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet sabiex applikant ikun f’qagħda li jirċievi kontribuzzjoni skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

3.   Id-deċiżjoni tal-uffiċjal awtorizzanti responsabbli dwar l-applikazzjonijiet għandha tiddikjara mill-inqas:

(a)

is-suġġett u l-ammont kumplessiv tal-kontribuzzjoni;

(b)

l-isem tal-applikanti magħżula u l-ammonti aċċettati;

(c)

l-ismijiet ta’ kwalunkwe applikazzjoni miċħuda u r-raġunijiet għal dik iċ-ċaħda.

4.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jinforma lill-applikanti bil-miktub bid-deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet tagħhom. Jekk l-applikazzjoni għall-finanzjament tiġi miċħuda jew l-ammonti mitluba ma jingħatawx kemm parzjalment jew kompletament, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jagħti r-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni ma ntlaqgħetx jew għaliex l-ammonti mitluba ma ngħatawx, b’mod partikolari b’referenza għall-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għoti msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jinforma lill-applikant dwar il-mezzi disponibbli għal rimedju amministrattiv u/jew ġudizzjarju kif previst mill-Artikolu 97 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 204g

Forom ta’ kontribuzzjonijiet

1.   Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jieħdu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

rimborż ta’ perċentwal tal-ispejjeż rimborżabbli li jkunu realment iġġarrbu;

(b)

ir-rimborż abbażi ta’ kostijiet unitarji;

(c)

somom f’daqqa;

(d)

finanzjament b’rata fissa;

(e)

taħlita tal-forom imsemmijin fil-punti (a) sa (d).

2.   Tista’ tiġi rimburżata biss in-nefqa li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fis-sejħiet għal kontribuzzjonijiet u li ma tkunx iġġarrbet qabel id-data meta titressaq l-applikazzjoni.

Artikolu 204h

Regoli dwar il-kontribuzzjonijiet

1.   Kost unitarju għandu jkopri il-kategoriji speċifiċi kollha jew ċerti kategoriji speċifiċi ta’ nfiq rimborżabbli, li jkunu identifikati b’mod ċar minn qabel b’referenza għal ammont għal kull unità.

2.   Is-somom f’daqqa għandhom ikopru, f’termini globali, ċerta nefqa meħtieġa għat-twettiq ta’ attività speċifika tal-partit politiku Ewropew. Is-somom f’daqqa għandhom jintużaw biss flimkien ma’ forom oħra ta’ kontribuzzjonijiet.

3.   Il-finanzjament b’rata fissa għandu jkopri kategoriji speċifiċi ta’ nfiq rimborżabbli li jkunu identifikati b’mod ċar minn qabel, billi jiġi applikat perċentwal.

4.   Fejn jintużaw somom f’daqqa, finanzjamenti b’rata fissa jew kostijiet unitarji, dawn għandhom jiġu definiti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet flimkien mal-ammonti u r-rati rispettivi tagħhom, fejn ikun applikabbli. Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni tal-metodi biex jiġu stabbiliti s-somom f’daqqa, il-finanzjamenti b’rata fissa jew il-kostijiet unitarji, li għandhom ikunu bbażati fuq mezzi oġġettivi bħal data statistika, data storika ċertifikata jew awditjabbli tal-partiti politiċi Ewropej jew il-prattiki tas-soltu tagħhom biex jikkontabilizzaw l-ispejjeż. Il-ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu li jkun ivverifikat li ġew irrispettati l-kundizzjonijiet għall-għoti tas-somom f’daqqa, il-finanzjament b’rata fissa jew il-kostijiet unitarji.

Artikolu 204i

Prefinanzjament

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu kompletament permezz ta’ ħlas fil-forma ta’ prefinanzjament wieħed, ħlief jekk, f’każijiet iġġustifikati kif dovut, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jiddeċiedi mod ieħor.

Artikolu 204j

Garanziji

L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’, jekk iqis li dan ikun xieraq u proporzjonat, abbażi ta’ kull każ individwalment u b’mod soġġett għal analiżi tar-riskji, jirrikjedi li l-partit politiku Ewropew jiddepożita garanzija bil-quddiem sabiex jillimita r-riskji finanzjarji marbuta mal-pagament tal-prefinanzjament biss meta, fid-dawl tal-analiżi tar-riskji tiegħu, il-partit politiku Ewropew ikun f’riskju imminenti li jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-punti (a) u (d) tal-Artikolu 106(1) ta’ dan ir-Regolament, jew meta deċiżjoni tal-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej stabbilita skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 ('l-Awtorità') tkun ġiet ikkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 10(4) ta’ dak ir-Regolament.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 134 ta’ dan ir-Regolament dwar il-garanzija ta’ prefinanzjament għall-għotjiet għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-garanziji li jistgħu jkunu rikjesti fil-każijiet previsti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għall-ħlasijiet ta’ prefinanzjament magħmulin lill-partiti politiċi Ewropej.

Artikolu 204k

Użu tal-kontribuzzjonijiet

1.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintefqu bi qbil mal-Artikolu 204b.

2.   Kwalunkwe parti mill-kontribuzzjoni li ma tkunx intefqet fis-sena finanzjarja koperta minn dik il-kontribuzzjoni (sena n) għandha tintefaq fuq kwalunkwe nefqa rimborżabbli li tkun iġġarrbet sal-31 ta’ Diċembru tas-sena n+1. Kwalunkwe parti li jifdal tal-kontribuzzjoni li ma tkunx intefqet sa dak il-limitu ta’ żmien għandha tiġi irkuprata skont il-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tal-Ewwel Parti.

3.   Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jirrispettaw ir-rata ta’ kofinanzjament massima stabbilita fl-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. L-ammonti li jkun għad fadal mill-kontribuzzjonijiet tas-sena preċedenti ma jistgħux jintużaw għall-finanzjament tal-parti li l-partiti politiċi Ewropej iridu jipprovdu mir-riżorsi proprji tagħhom. Il-kontribuzzjonijiet mingħand partijiet terzi għal avvenimenti konġunti ma għandhomx jiġu jitqiesu li huma parti mir-riżorsi proprji ta’ partit politiku Ewropew.

4.   Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jużaw il-parti tal-kontribuzzjoni li ma tkunx intużat fis-sena finanzjarja koperta mill-kontribuzzjoni, qabel ma jużaw il-kontribuzzjonijiet mogħtija wara dik is-sena.

5.   Kull imgħax iġġenerat mill-ħlasijiet ta’ prefinanzjament, għandu jiġi kkunsidrat bħala parti mill-kontribuzzjoni.

Artikolu 204l

Rapport dwar l-użu tal-kontribuzzjonijiet

1.   Il-partit politiku Ewropew għandu, f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jippreżenta r-rapport annwali tiegħu dwar l-użu tal-kontribuzzjoni u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tiegħu għall-approvazzjoni lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

2.   Ir-rapport ta’ attività annwali msemmi fl-Artikolu 66(9) ta’ dan ir-Regolament għandu jkun abbozzat mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli abbażi tar-rapport annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Jistgħu jintużaw provi dokumentarji oħra għall-għanijiet tal-abbozzar ta’ dak ir-rapport.

Artikolu 204m

Pagament tal-bilanċ

1.   L-ammont tal-kontribuzzjoni m’għandux isir finali sakemm tingħata l-approvazzjoni tar-rapport annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali imsemmija fl-Artikolu 204l(1) mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli. L-approvazzjoni tar-rapport annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali għandhom ikunu bla ħsara għall-verifiki sussegwenti mill-Awtorità.

2.   Kwalunkwe ammont mill-prefinanzjament li ma jkunx intefaq m’għandux isir finali sakemm ma jkunx intuża mill-partit politiku Ewropew biex iħallas in-nefqa rimborżabbli li tissodisfa l-kriterji definiti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

3.   Meta l-partit politiku Ewropew jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu relatati mal-użu tal-kontribuzzjoni, il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu sospiżi, imnaqqsa jew mitmuma wara li l-partit politiku Ewropew ikun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

4.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jivverifika, qabel joħroġ il-pagament tal-bilanċ, li l-partit politiku Ewropew ikun għadu rreġistrat fir-Reġistru msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 u li ma kienx is-suġġett ta’ waħda mill-penalitajiet previsti fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament bejn id-data tal-applikazzjoni tiegħu u tmiem is-sena finanzjarja koperta mill-kontribuzzjoni.

5.   Meta l-partit politiku Ewropew ma jkunx għadu rreġistrat fir-Reġistru msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jew kien is-suġġett ta’ waħda mill-penalitajiet previsti fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ jissospendi, inaqqas jew itemm il-kontribuzzjoni kif ukoll jirkupra l-ammonti li jkunu tħallsu b’mod indovut skont il-ftehim jew id-deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni, b’mod proporzjonat għall-gravità tal-iżbalji, l-irregolaritajiet, il-frodi jew ksur ieħor tal-obbligi relatati mal-użu tal-kontribuzzjoni, wara li l-partit politiku Ewropew ikun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 204n

Kontroll u penalitajiet

1.   Kull ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni għandhom jipprevedu speċifikament li l-Parlament Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-poteri tagħhom ta’ kontroll, fuq id-dokumenti u fuq il-proprjetà, fuq il-partiti politiċi Ewropej kollha, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jkunu rċevew finanzjament tal-Unjoni.

2.   Penalitajiet amministrattivi u finanzjarji li jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi jistgħu jiġu imposti fuq applikanti mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, bi qbil mal-Artikolu 109 ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

3.   Il-penalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu imposti wkoll fuq il-partiti politiċi Ewropej li, fil-mument meta jippreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni jew wara li jkunu rċevew il-kontribuzzjoni, għamlu dikjarazzjonijiet foloz meta taw l-informazzjoni mitluba mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jew naqqsu milli jagħtu tali informazzjoni.

Artikolu 204o

Żamma ta’ rekords

1.   Il-partiti politiċi Ewropej għandhom iżommu r-rekords u l-provi dokumentarji kollha marbuta mal-kontribuzzjoni għal ħames snin wara l-preżentazzjoni tar-rapport annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fl-Artikolu 204l(1).

2.   Ir-rekords relatati ma’ awditjar, appelli, litigazzjonijiet jew is-saldu ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw mill-użu tal-kontribuzzjoni għandhom jinżammu sa tmiem tali awditjar, appelli, litigazzjonijiet jew saldu ta’ pretensjonijiet.

Artikolu 204p

Għażla tal-korpi ta’ awditjar jew l-esperti esterni

Il-korpi ta’ awditjar jew l-esperti esterni indipendenti msemmijin fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 għandhom jintgħażlu permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku. It-tul tal-kuntratt tagħhom m’għandux ikun aktar minn ħames snin. Wara li l-kuntratt ikun iġġedded darbtejn konsekuttivi, għandu jitqies li dawn għandhom interessi konfliġġenti li jistgħu jolqtu negattivament il-prestazzjoni tal-awditjar.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2017. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 125(3), u l-Artikolu 125(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, fil-verżjoni tagħhom qabel l-emendi magħmula bl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ atti magħmula u impenji fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi f’livell Ewropew sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU C 4, 8.1.2014, p. 1.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2014.

(3)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

(4)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 46.

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


Top