Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0957

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 957/2014 tal- 10 ta' Settembru 2014 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward it-tneħħija ta' esteri tal-aċidu montaniku (E 912) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 270, 11.9.2014, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/957/oj

11.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 957/2014

tal-10 ta' Settembru 2014

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward it-tneħħija ta' esteri tal-aċidu montaniku (E 912)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) u 14 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (2) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3)

L-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) huma xemgħat awtorizzati bħala aġenti tal-kisi biex jiġi ttrattat il-wiċċ tal-frott taċ-ċitru, il-bettieħ, il-papaja, il-mango, l-avokado u l-ananas skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(4)

L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula li l-addittivi tal-ikel kollha li kienu diġà permessi fl-Unjoni qabel l-20 ta' Jannar 2009 huma soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(5)

Għal dak il-għan, programm għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel huwa stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (3). Skont ir-Regolament (UE) Nru 257/2010, il-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għandha ssir sal-31 ta' Diċembru 2018. Madankollu, ċerti addittivi tal-ikel, inklużi l-esteri tal-aċidu montaniku (E 912), għandhom prijorità ogħla u għandhom jiġu evalwati qabel.

(6)

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 257/2010, l-operatur(i) kummerċjali interessati u kwalunkwe parti interessata oħra għandhom iressqu d-dejta relatata mal-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittiv tal-ikel fil-perjodu stabbilit mill-awtorità fis-sejħa tagħha għad-dejta.

(7)

Fil-15 ta' Frar 2012, l-Awtorità nediet sejħa pubblika għal dejta xjentifika dwar l-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) (4) billi stiednet lill-partijiet interessati biex sal-1 ta' Ġunju 2012 iressqu d-dejta mitluba jew jagħtu informazzjoni.

(8)

Fis-7 ta' Ġunju 2013 l-Awtorità tat Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) bħala addittivi tal-ikel (5). L-opinjoni ddikjarat li ma kienet disponibbli l-ebda dejta dwar it-tossikokinetika u t-tossiċità riproduttiva u tal-iżvilupp tal-esteri tal-aċidu montaniku. Id-dejta disponibbli fuq żmien qasir u t-tossiċità subkronika, il-ġenotossiċità u t-tossiċità kronika u l-karċinoġeniċità tal-esteri tal-aċidu montaniku kienu limitati. Ma tressqet l-ebda dejta dwar l-użu. Abbażi ta' dawk il-limitazzjonijiet, l-Awtorità kkonkludiet li l-esteri tal-aċidu montaniku bħala addittiv tal-ikel ma setgħux jiġu evalwati.

(9)

L-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) Nru 257/2010 jistipula li fejn it-tagħrif meħtieġ għat-tlestija tal-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittiv tal-ikel partikolari ma jingħatax mill-operatur(i) kummerċjali interessati jew kwalunkwe parti interessata oħra lill-Awtorità fi żmien l-iskadenzi stipulati, l-addittiv tal-ikel jista' jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjonijiet ta' dan l-addittiv tal-ikel għandhom jitneħħew ukoll mir-Regolament (UE) Nru 231/2012.

(10)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-lista tal-Unjoni ta' adittivi tal-ikel approvati għandha tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(11)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata kemm fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni kif ukoll wara applikazzjoni.

(12)

Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 għandhom jiġu emendati bit-tneħħija tal-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel awtorizzati peress li minħabba n-nuqqas ta' evidenza xjentifika riċenti l-inklużjoni tagħhom fil-lista ma għadhiex ġustifikata.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ikel li fih esteri tal-aċidu montaniku (E 912) li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm il-ħażniet jiġu eżawriti.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).

(4)  http://www.efsa.europa.eu/en/dataclosed/call/120215a.htm

(5)  EFSA Journal 2013; 11(6):3236.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti B, it-Taqsima 3 “Addittivi għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa”, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra;

(2)

Fil-Parti E, fil-kategorija tal-ikel 4.1.1 “Frott u ħxejjex friski, sħaħ”, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra.


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra.


Top