EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0938

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 938/2014 tat- 2 ta' Settembru 2014 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq l-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b'importazzjonijiet ta' roti kkunsinjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

OJ L 263, 3.9.2014, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/938/oj

3.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 938/2014

tat-2 ta' Settembru 2014

li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq l-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b'importazzjonijiet ta' roti kkunsinjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   IT-TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta' roti kkunsinjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le.

(2)

It-talba kienet ippreżentata fit-23 ta' Lulju 2014 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (EBMA) f'isem 15-il produttur tar-roti fl-Unjoni.

B.   IL-PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat mill-possibbiltà ta' evażjoni huwa roti u tipi oħrajn ta' roti oħrajn (inklużi triċikli għat-tqassim, iżda esklużi l-monoċikli), mhux bil-mutur, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”).

(4)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkunsinnat mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa' taħt l-istess kodiċijiet NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 (2).

D.   IR-RAĠUNIJIET

(6)

It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qegħdin jiġu evitati permezz ta' trasbord li jgħaddi mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini fejn isiru l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ.l-.

(7)

L-evidenza prima facie li ġiet ippreżentata hija din.

(8)

It-talba turi li kien hemm bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri u l-estensjoni tagħhom, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 (3), għal importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi jew le, mingħajr raġuni biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għal tibdil bħal dan għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

(9)

Din il-bidla tidher li tirriżulta mit-trasbord ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jgħaddi mil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini lejn l-Unjoni u minn operazzjonijiet ta' assemblaġġ fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini.

(10)

Barra minn hekk, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta' rimedju tal-miżuri antidumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qed jiddgħajfu kemm fil-kwantità kif ukoll fil-prezz. Volumi sinifikanti ta' importazzjonijiet tal-prodott investigat jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni qed isiru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

(11)

Fl-aħħar nett, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott investigat huma oġġett ta' dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

(12)

Jekk il-prattiki ta' evażjoni permezz tal-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord u l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ, ikunu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista' tkopri wkoll dawn il-prattiki.

E.   IL-PROĊEDURA

(13)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, kemm jekk iddikjarat bħala li joriġina mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le, suġġett għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a)   Il-Kwestjonarji

(14)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini. Kif xieraq, l-informazzjoni tista' tintalab ukoll mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(15)

F'kull eventwalità, il-partijiet interessati kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, fid-dawl tal-fatt li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

(16)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini se jkunu nnotifikati kif xieraq bit-tnedija tal-investigazzjoni.

(b)   Il-ġbir ta' informazzjoni u s-seduti ta' smigħ

(17)

Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

(c)   L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

(18)

B'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi evażjoni.

(19)

Minħabba li l-possibbiltà ta' evażjoni issir barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lil produtturi fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini ta' biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikli tat-tqassim, iżda esklużi l-monoċikli), mhux bil-mutur, li jistgħu juru li mhuma relatati (4) ma' ebda produttur soġġett għall-miżuri (5) u li jinstabu mhux involuti fi prattiki ta' evażjoni kif definiti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom iressqu talba sostnuta b'evidenza xierqa fil-limitu taż-żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

F.   IR-REĠISTRAZZJONI

(20)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, importazzjonijiet tal-prodott investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'konklużjonijiet ta' evażjoni, ikunu jistgħu jiġu imposti dazji antidumping minn dakinhar meta tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet bħal dawn ikkonsenjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini.

G.   IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN

(21)

Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati limiti taż-żmien li matulhom:

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u jibgħatu r-risposti għall-kwestjonarju jew kull informazzjoni oħra li għandha tittieħed inkonsiderazzjoni matul l-investigazzjoni;

il-produtturi fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet jew miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(22)

Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependu mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

H.   IN-NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

(23)

F'każijiet li xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

(24)

Fejn jinstab illi xi persuna interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni ma għandhiex tiġi meqjusa u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli,

(25)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u r-riżultati jkunu għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

I.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(26)

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa' xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

J.   L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI

(27)

Ta' min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(28)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament.

(29)

It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

(30)

Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'dan qed tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, sabiex ikun iddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti u tipi oħrajn ta' roti oħrajn (inklużi triċikli għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikli), mhux bil-mutur, li attwalment jaqgħu fil-kodiċijiet NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċijiet TARIC 8712003020 u 8712007092) ikkunsinnati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le, humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 502/2013.

Artikolu 2

L-awtoritajiet Doganali, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni tista', permezz ta' regolament, titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti manifatturati minn produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkun instab li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni.

Artikolu 3

(1)

Il-kwestjonarji jridu jintalbu mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

(3)

Il-produtturi fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri jridu jippreżentaw talba sostnuta b'evidenza xierqa fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.

(4)

Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.

(5)

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni skennjati, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta' ittra rreġistrata. Permezz ta' ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta' kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta' posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

Kull sottomissjoni bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali trid tkun immarkata “Ristrett (7) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, trid tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li trid tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta Elettronika: TRADE-R608-BICYCLES-CIR@ec.europa.eu

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 17).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 1).

(4)  B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1) li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) huma l-impjegatur u l-impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew iżjed tal-ishma jew tal-kwoti tal-ishma li jivvutaw jew tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F'dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif jissemma hawn fuq ma' kumpaniji soġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali tal-antidumping), xorta waħda tista' tingħata eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji suġġetti għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew użata biex ikun hemm evażjoni tal-miżuri oriġinali.

(6)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Top