Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0796

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 796/2014 tat- 23 ta' Lulju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 501/2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

OJ L 218, 24.7.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 19/10/2015; Impliċitament imħassar minn 32015R1829

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/796/oj

24.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 796/2014

tat-23 ta' Lulju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 501/2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta' Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 (2) jistabbilixxi regoli għat-tfassil, l-għażla, l-implimentazzjoni, il-finanzjament u l-verifika tal-programmi msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 3/2008.

(2)

Fid-dawl tar-riforma tal-politika tal-Unjoni dwar il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli maħsuba sabiex tapplika mill-1 ta' Diċembru 2015, huwa xieraq li jiġi rrivedut il-kalendarju għas-sottomissjoni tal-programmi stabbilit fl-Artikoli 8 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 501/2008. Il-kalendarju rrivedut se jippermetti li l-organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali kkonċernati jsiru familjari mal-frekwenza l-ġdida ta' sottomissjonijiet li se tibda tapplika mill-2016 minħabba r-riforma fil-politika.

(3)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 501/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 501/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali tal-Unjoni, li jirrappreżentaw is-setturi kkonċeranti (imsejħa minn issa 'l quddiem ‘l-organizzazzjonijiet li jipproponu’), għandhom iressqu l-programmi tagħhom lill-Istat Membru sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar”;

(b)

L-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Għażla tal-Programmi mill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista msemmija fl-Artikolu 9(1), li jkun fiha wkoll, fejn japplika, il-lista tal-korpi ta' implimentazzjoni magħżula minnhom, jekk dawn ikunu diġà ntgħażlu skont l-Artikolu 8(3), u kif ukoll kopja ta' kull programm. Din għandha tintbagħat kemm b'mod elettroniku kif ukoll bil-posta u trid tasal għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta' April.

Meta jkun hemm programmi bis-sehem ta' bosta Stati Membri, din l-informazzjoni għandha tingħata bi qbil komuni bejn l-Istati Membri kkonċernati.

2.   Sa mhux aktar tard mill-15 ta' Lulju, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati jekk tinnota n-nuqqas ta' konformità totali jew parzjali ta' programm imressaq:

(a)

mar-regoli tal-Unjoni; jew

(b)

mal-linji gwida, għal dak li għandu x'jaqsam mas-suq intern; jew

(c)

mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 9(2), għal dak li għandu x'jaqsam mal-pajjiżi terzi.

3.   Skont l-Artikolu 7(2), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 3/2008, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-programmi rriveduti lill-Kummissjoni fi żmien 55 jum kalendarju wara li tkun waslitilhom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Wara verifika tal-programmi rriveduti, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru, liema programmi tista' tikkofinanzja skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 3/2008.

4.   L-organizzazzjoni/jiet proponenti għandhom jaraw li l-programmi magħżula jitwettqu u jitmexxew kif għandu jkun.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika għall-proposti tal-programmi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 3/2008 li jridu jitressqu mill-2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 147, 6.6.2008, p. 3).


Top