Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0660

Regolament (UE) Nru 660/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart

OJ L 189, 27.6.2014, p. 135–142 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/660/oj

27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/135


REGOLAMENT (UE) Nru 660/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Sabiex jitħares l-ambjent, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistipula rekwiżiti għall-vjeġġi ta’ skart kemm fl-Unjoni u kemm bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi,. Madankollu, ġew identifikati xi diverġenzi u lakuni fl-infurzar u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet involuti fi spezzjonijiet fl-Istati Membri.

(2)

Hemm bżonn ta’ ppjanar adegwat tal-ispezzjonijiet tal-vjeġġi ta’ skart sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità meħtieġa għall-ispezzjonijiet u biex jiġu evitati b’mod effettiv il-vjeġġi illegali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-infurzar u l-ispezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandhom jissaħħu bil-għan li jiġi żgurat l-ippjanar regolari u konsistenti ta’ tali spezzjonijiet. Għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ spezzjoni għal spezzjonijiet li jsiru skont dawk id-dispożizzjonijiet. Il-pjanijiet ta’ spezzjoni għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju u għandhom jinkludu għadd ta’ elementi ewlenin, jiġifieri objettivi, prijoritajiet, iż-żona ġeografika koperta, informazzjoni dwar spezzjonijiet ippjanati, il-kompiti assenjati lill-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet, arranġamenti għal kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet involuti fi spezzjonijiet fi Stat Membru, fi Stati Membri differenti, kif ukoll, fejn adatt, bejn dawk l-awtoritajiet fi Stati Membri u f’pajjiżi terzi, u informazzjoni dwar it-taħriġ tal-ispetturi kif ukoll dwar ir-riżorsi umani, finanzjarji u oħrajn għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ spezzjoni kkonċernat.

(3)

Il-pjanijiet ta’ spezzjoni jistgħu jitfasslu separatament jew bħala parti minn pjanijiet oħrajn definiti b’mod ċar.

(4)

Billi l-pjanijiet ta’ spezzjoni huma koperti mid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, inkluż, fejn applikabbli, l-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4 tagħha, japplikaw għal tali pjanijiet.

(5)

Ir-riżultat tal-ispezzjonijiet u l-miżuri meħuda, inklużi kull penali imposti, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, inkluż elettronikament permezz tal-Internet.

(6)

Jeżistu regoli diverġenti fl-Unjoni kollha fir-rigward tas-setgħa ta’ u l-possibbiltà li l-awtoritajiet involuti fi ispezzjonijiet fl-Stati Membri jitolbu evidenza sabiex jivverifikaw il-legalità tal-vjeġġi. Tali evidenza tista’ tirrigwarda, fost l-oħrajn, jekk is-sustanza jew l-oġġett ikunx skart, skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, u jekk l-iskart ġiex ikklassifikat b’mod korrett, jew jekk l-iskart ikunx ser jiġi ttrasportat lejn impjanti li jirrispettaw l-ambjent f’konformità mal-Artikolu 49 ta’ dak ir-Regolament. L-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu għalhekk jipprovdi lill-awtoritajiet involuti fi spezzjonijiet fl-Istati Membri l-possibbiltà li jitolbu tali evidenza. Tali evidenza tista’ tintalab fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet ġenerali jew inkella skont il-każ. Fejn tali evidenza ma ssirx disponibbli jew tkun ikkunsidrata li mhix biżżejjed, it-trasport tas-sustanza jew l-oġġett ikkonċernati, jew il-vjeġġ ta’ skart ikkonċernat għandu jitqies bħala vjeġġ illegali u għandu jiġi ttrattat skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(7)

Il-vjeġġi ta’ skart illegali ta’ spiss jinbtu minn ġbir, tqassim u ħżin mhux kontrollati. It-twettiq ta’spezzjonijiet ta’ vjeġġi ta’ skart b’mod sistematiku, għandu għalhekk jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ dawk l-attivitajiet mhux kontrollati, biex b’hekk tiġi promossal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(8)

Sabiex jingħata żmien biżżejjed biex l-Istati Membri jippreparaw għall-applikazzjoni tal-miżuri meħtieġa taħt l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, kif emendat b’dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-ewwel pjanijiet ta’ spezzjoni jiġu adottati sal-1 ta’ Jannar 2017.

(9)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(10)

Is-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegat lill-Kummissjoni b’rispett għall-emenda ta’ ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Hija u tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(11)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(12)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

‘7a.

‘użu mill-ġdid’ tfisser kif definit fl-Artikolu 3(13) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

35a.

‘spezzjoni’ tfisser azzjonijiet li jsiru mill-awtoritajiet involuti biex jiġi aċċertat jekk stabbiliment, impriża, sensar, negozjant, vjeġġ ta’ skart jew l-irkupru jew ir-rimi relatat jikkonformax mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(*)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).’;"

(2)

fl-Artikolu 26, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.   Soġġett għall-ftehim mill-awtoritajiet kompetenti konċernati u min-notifikatur, l-informazzjoni u d-dokumenti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu preżentati u skambjati permezz ta’ skambju tad-data elettronika bil-firma elettronika jew bl-awtentikazzjoni elettronika skont id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), jew permezz ta’ sistema komparabbli ta’ awtentikazzjoni elettronika li tipprovdi l-istess livell ta’ sigurtà.

Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha, fejn fattibbli, tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi u organizzattivi għall-implimentazzjoni prattika tal-iskambju tad-data elettronika għall-preżentazzjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe standard internazzjonali rilevanti, u tiżgura li r-rekwiżiti huma f’konformità mad-Direttiva 1999/93/KE, jew tipprovdi tal-anqas l-istess livell ta’ sigurtà kif provdut taħt dik id-Direttiva. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59a(2).

(**)  Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).’;"

(3)

l-Artikolu 50 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   L-Istati Membri għandhom, permezz ta’ miżuri għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament, jipprovdu, fost l-oħrajn, għal spezzjonijiet ta’ stabbilimenti, impriżi, sensara u negozjanti skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2008/98/KE, u għal spezzjonijiet ta’ vjeġġi ta’ skart utal-irkupru jew rimi relatat.’;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘2a.   Sal-1 ta’ Jannar 2017, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward tat-territorju ġeografiku kollu tagħhom, jiġi stabbilit pjan wieħed jew aktar, separatament jew bħala parti identifikata b’mod ċar minn pjanijiet oħra, għal spezzjonijiet imwettqa skont il-paragrafu 2 (“pjan ta’ spezzjoni”). Il-pjanijiet ta’ spezzjoni għandhom ikun ibbażati fuq valutazzjoni tar-riskju li tkopri flussi ta’ skart u s-sorsi ta’ vjeġġi illegali speċifiċi, u li jqisu, jekk disponibbli u fejn xieraq, data bbażata fuq l-intelligence bħal data dwar investigazzjonijiet mill-pulizija u mill-awtoritajiet doganali u l-analiżi tal-attivitajiet kriminali. Dik il-valutazzjoni tar-riskju għandha timmira li, fost l-oħrajn, tidentifika l-għadd minimu ta’ spezzjonijiet meħtieġa, inklużi kontrolli fiżiċi fuq stabbilimenti, impriżi, sensara, negozjanti u vjeġġi ta’ skart jew fuq l-irkupru jew ir-rimi relatati. Pjan ta’ spezzjoni għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-objettivi u l-prijoritajiet tal-ispezzjonijiet, inkluża deskrizzjoni ta’ kif ġew identifikati dawk il-prijoritajiet;

(b)

iż-żona ġeografika koperta minn dak il-pjan ta’ spezzjoni;

(c)

informazzjoni dwar spezzjonijiet ippjanati, inkluż fuq verifiki fiżiċi;

(d)

il-kompiti assenjati lil kull awtorità involuta fl-ispezzjonijiet;

(e)

arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet;

(f)

informazzjoni dwar it-taħriġ tal-ispetturi dwar materji relatati mal-ispezzjonijiet; u

(g)

informazzjoni dwar ir-riżorsi umani, finanzjarji u oħrajn għall-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan ta’ spezzjoni.

Pjan ta’ spezzjoni għandu jiġi eżaminat mill-ġdid tal-inqas kull tliet snin u, għandu jiġi aġġornat, fejn ikun xieraq. Dak ir-rieżami għandu jevalwa sa liema punt ikunu ġew implimentati l-għanijiet u l-elementi l-oħra ta’ dik l-ispezzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘3.   L-ispezzjonijiet ta’ vjeġġi jistgħu jsiru b’mod partikolari:

(a)

fil-post ta l-oriġini, li jsiru mal-produttur, id-detentur jew in-notifikatur;

(b)

fil-punt tad-destinazzjoni, inkluż l-irkupru jew r-rimi interim jew non-interim, li jsiru mad-destinatarju jew mal-impjant;

(c)

fil-fruntieri tal-Unjoni; u/jew

(d)

matul il-vjeġġ fl-Unjoni.’;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.   L-ispezzjonijiet tal-vjeġġi għandhom jinkludu l-verifika ta’ dokumenti, il-konferma tal-identità u, fejn opportun, il-kontroll fiżiku tal-iskart.’;

(e)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

‘4a.   Sabiex ikun żgurat li sustanza jew oġġett li jinġarr bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar jew permezz ta’ passaġġ fuq l-ilma huwiex skart, l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistgħu, mingħajr ħsara għad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***), jitolbu lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess tas-sustanza jew tal-oġġett ikkonċernat, jew li torganizza t-trasport tiegħu, biex tippreżenta evidenza dokumentata:

(a)

rigward l-oriġini u d-destinazzjoni tas-sustanza jew l-oġġett ikkonċernat; u

(b)

li dan mhuwiex skart, inkluż, fejn adatt, evidenza tal-funzjonalità.

Għall-finijet tal-ewwl suparagrafu, il-protezzjoni tas-sustanza jew l-oġġett ikkonċernat kontra dannu waqt it-trasport, it-tagħbija u l-ħatt, bħall-imballaġġ xieraq u l-istivar adegwat, għandhom ukoll jiġu aċċertati.

4b.   L-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistgħu jikkonkludu li s-sustanza jew l-oġġett konċernat huwa skart, fejn:

l-evidenza msemmija fil-paragrafu 4a jew meħtieġa taħt leġislazzjoni oħra tal-Unjoni biex taċċerta li sustanza jew oġġett mhux skart, ma tkunx ġiet ippreżentata fil-perijodu speċifikat minnhom, jew

jikkunsidraw li l-evidenza u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom huma insuffiċjenti biex tintlaħaq konklużjoni, jew jikkunsidraw li -protezzjoni provduta kontra l-ħsara msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4a hija insuffiċjenti.

F’tali ċirkostanzi it-trasport tas-sustanza jew l-oġġett ikkonċernat jew il-vjeġġ ta’ skart, għandu jitqies bħala vjeġġ illegali. Konsegwentement, għandu jiġi trattat f’konformità mal-Artikoli 24 u 25 u l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet għandhom, mingħajr dewmien, jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn tkun saret l-ispezzjoni kkonċernata.

4c.   Sabiex jiġi aċċertat jekk vjeġġ ta’ skart jikkonformax ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistgħu jitolbu lin-notifikatur, lill-persuna li torganizza l-vjeġġ, lid-detentur, lit-trasportatur, lid-destinatarju u lill-impjant li jirċievi l-iskart biex jippreżentaw evidenza rilevanti dokumentata lilhom fi żmien perijodu speċifikat minnhom.

Sabiex jiġi aċċertat jekk vjeġġ ta’ skart li jaqa’ taħt ir-rekwiżiti ġenerali tal-informazzjoni tal-Artikolu 18 huwiex destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru li huma f’konformità mal-Artikolu 49, l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistgħu jitolbu lill-persuna li torganizza l-vjeġġ biex tippreżenta evidenza dokumentata rilevanti, provduta mill-impjant ta’ rkupru interim jew non-interim u, jekk meħtieġ, approvat mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni.

4d.   Fejn l-evidenza msemmija fil-paragrafu 4c ma tkunx ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet fil-perijodu speċifikat minnhom, jew huma jikkunsidraw li l-evidenza u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom ma tkunx suffiċjenti biex tintlaħaq konklużjoni, il-vjeġġ ikkonċernat għandu jitqies bħala vjeġġ illegali. Konsegwentement, dak il-vjeġġ għandu jiġi trattat f’konformità mal-Artikoli 24 u 25 u l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet għandhom, mingħajr dewmien, jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn tkun saret l-ispezzjoni kkonċernata, skont dan.

4e.   Sat-18 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tabella preliminari ta’ korrelazzjoni bejn il-kodiċijiet tan-nomenklatura magħquda, previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (****), u l-entrati tal-iskart elenkat fl-Annessi III, IIIA, IIIB, IV, IVA u V għal dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha żżomm dik it-tabella ta’ korrelazzjoni aġġornata, sabiex tirrifletti bidliet għal dik in-nomenklatura u għall-entrati elenkati f’dawk l-Annessi, kif ukoll biex tinkludi kwalunkwe kodiċi ġdid relatat mal-iskart tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata li l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali tista’ tadotta.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59a(2).’

(***)  Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38)."

(****)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).’;"

(f)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘5.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw, bilateralment u multilateralment, ma’ xulxin sabiex jiffaċilitaw il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ vjeġġi illegali. Għandhom jiskambjaw informazzjoni rilevanti dwar il-vjeġġi tal-iskart, il-flussi tal-iskart, l-operaturi u l-impjanti u jiskambjaw l-esperjenza u l-għarfien dwar miżuri ta’ infurzar, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont l-paragrafu 2a tal-Artikolu, fl-ambitu ta’ strutturi stabbiliti, partikolarment, permezz tan-netwerk ta’ korrispondenti nominati f’konformità mal-Artikolu 54.’;

(4)

fl-Artikolu 51, il-paragrafu (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   Qabel it-tmiem ta’ kull sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom ifasslu wkoll rapport għas-sena ta’ qabel ibbażat fuq il-kwestjonarju addizzjonali ta’ rappurtar fl-Anness IX, u għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni. Fi żmien xahar mit-trażmissjoni ta’ dak ir-rapport lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu pubblikament disponibbli, inkluż elettronikament permezz tal-Internet, it-taqsima ta’ dak ir-rapport relatata mal-Artikolu 24 u l-Artikolu 50(1), (2) u (2a, inkluża t-Tabella 5 tal-Anness IX, flimkien ma’ kwalunkwe spjegazzjoni li l-Istati Membri jqisu xierqa. Il-Kummissjoni għandha tiġbor lista tal-hyperlinks tal-Istati Membri msemmija fit-taqsima relatata mal-Artikolu 50(2) u (2a) tal-Anness IX u tagħmilha pubblikament disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha.’;

(5)

L-Artikolu 58 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 58

Emendi tal-Annessi

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 58a biex jiġi emendat dan li ġej:

(a)

l-Annessi IA, IB, IC, II, III, IIIA, IIIB, IV, V, VI u VII biex jitqiesu l-bidliet maqbula taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel u d-Deċiżjoni tal-OECD;

(b)

l-Anness V biex jirrifletti l-bidliet maqbula għal-lista ta’ skart adottata f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(c)

l-Anness VIII biex jirrifletti d-deċiżjonijiet meħuda taħt il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti.’;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘Artikolu 58a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti delegati bil-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 58 għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-17 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 58 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti li tkun speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe atti delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 58 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li huma mhumiex ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.’;

(7)

L-Artikolu 59 huwa mħassar;

(8)

L-Artikolu 59a huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 59a

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat huwa kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.’;

(9)

fl-Artikolu 60, jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘2a.   Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha, b’kont meħud, fost l-oħrajn, tar-rapporti mfassla skont l-Artikolu 51, tagħmel rieżami ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar ir-riżultati tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u jekk ikun meħtieġ, akkumpanjati minn proposta leġislattiva. F’dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, l-effettività tal-Artikolu 50(2a) fil-ġlieda kontra l-vjeġġi illegali, b’kont meħud tal-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi.’;

(10)

l-Anness IX huwa emendat kif ġej:

(a)

it-taqsima relatata mal-Artikolu 50(2) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

‘Informazzjoni fil-qosor dwar l-eżitu tal-ispezzjonijiet li saru skont l-Artikolu 50 (2), inkluż:

l-għadd ta’ spezzjonijiet, inklużi l-verifiki fiżiċi ta’ stabbilimenti, impriżi, sensara u negozjanti, relatati mal-vjeġġi ta’ skart:

l-għadd ta’ spezzjonijiet ta’ vjeġġi ta’ skart, inklużi l-verifiki fiżiċi:

l-għadd ta’ illegalitajiet preżunti rigward stabbilimenti, impriżi, sensara u negozjanti, relatati mal-vjeġġi ta’ skart:

l-għadd ta’ vjeġġi illegali preżunti li jiġu kkonfermati waqt l-ispezzjonijiet:

Kummenti oħra:’;

(b)

tiddaħħal it-taqsima li ġejja li tirrigwarda l-Artikolu 50(2a):

Artikolu 50(2a)

Informazjzoni dwar il-pjan(ijiet) ta’ spezzjoni

Għadd ta’ pjan(jiet) ta’ spezzjoni għat-territorju ġeografiku kollu:

Id-data tal-adozzjoni tal-pjan(ijiet) ta’ spezzjoni u l-perijodu kopert minnhom:

L-aħħar data ta’ rieżami tal-pjan(ijiet) ta’ spezzjoni:

L-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet:

Indika l-persuni jew il-korpi li lilhom jistgħu jiġu rappurtati tħassib jew irregolaritajiet:’;

(c)

tiddaħħal it-taqsima li ġejja li tirrigwarda l-Artikolu 50 (2) u (2a):

‘Il-link fejn l-informazzjoni magħmula pubblikament disponibbli mill-Istati Membri permezz tal-Internet skont l-Artikolu 51(2) tkun aċċessibbli elettronikament:’;

(11)

fl-Anness IX, Tabella 5, l-intestatura tal-aħħar kolonna hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Miżuri li ttieħdu, inklużi penali imposti’.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2016.

Minkejja it-tieni paragrafu, il-punt (4) tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2014.

(4)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

(5)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Top