EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0615
Commission Implementing Regulation (EU) No 615/2014 of 6 June 2014 laying down detailed rules for the application of Regulation (EU) No 1306/2013 of the European Parliament and of the Council and Regulation (EU) No 1308/2013 of the European Parliament and of the Council in respect of work programmes to support the olive oil and table olives sectors
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 tas- 6 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 tas- 6 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda
OJ L 168, 7.6.2014, p. 95–102
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force. Latest consolidated version: 01/01/2023
7.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 168/95 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 615/2014
tas-6 ta' Ġunju 2014
li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1) u partikolarment l-Artikoli 57(2), 58(4), 62(2), 63(5), 64(7) u 66(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-programmi ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. Biex jiġu żgurati t-tħaddim tajjeb u l-applikazzjoni uniformi tal-qafas legali l-ġdid stabbilit minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu fir-rigward tal-programmi ta' ħidma relevanti. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jieħdu post ir-regoli stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 867/2008, revokat mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2014 (3). |
(2) |
Biex l-Istati Membri produtturi jkunu jistgħu jintroduċu miżuri għall-ġestjoni tal-iskema ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, jeħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-programmi ta' ħidma u l-emendi tagħhom, għall-ħlas tal-finanzjament mill-Unjoni, inkluż l-avvanzi, l-ammonti ta' garanziji li jridu jingħataw, il-kontrolli, ir-rapporti tal-ispezzjoni, il-korrezzjonijiet u l-penali fil-każ tal-irregolaritajiet jew negliġenza fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma. |
(3) |
Biex il-finanzjament disponibbli għall-Istat Membru jintuża' sew, għandha tiġi stabbilita proċedura biex issir emenda annwali lill-programmi ta' ħidma approvati għas-sena ta' wara, b'tali mod li jitqiesu l-bidliet ġustifikati kif imiss meta mqabbla mal-kundizzjonijiet inizjali. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu wkoll jistipulaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu emendati l-programmi ta' ħidma u jqassmu mill-ġdid l-ammonti allokati mingħajr ma jaqbżu l-ammonti annwali miżmuma mill-Istati Membri produtturi skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fil-każ ta' emendi lil programm ta' ħidma u bil-ħsieb li jkun hemm flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza għat-tressiq tat-talbiet. |
(4) |
Biex l-organizzazzjonijiet produtturi taż-żejt taż-żebbuġa li mistennija jibbenefikaw ikunu jistgħu jibdew jimplimentaw il-programmi ta' ħidma f'waqthom, għandhom isiru provvedimenti biex, soġġett għat-tressiq ta' garanzija bil-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jirċievu avvanz ta' mhux iktar minn 90 % tal-kontribut ippjanat tal-Unjoni għal kull sena kkonċernata mill-programm ta' ħidma approvat. L-arranġamenti għall-ħlas ta' dan l-avvanz jeħtieġ jiġu stipulati. |
(5) |
Għandhom isiru provvedimenti biex it-talbiet għall-finanzjament isiru minn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-għaqdiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti (minn hawn 'il quddiem, “l-organizzazzjonijiet benefiċjarji”) lill-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru skont skeda ta' żmien preċiza. Għandu jiġi stipulat ukoll li t-talba għandha titfassal skont mudell li għandu jiġi pprovdut mill-awtorità kompetenti u għandha tkun akkumpanjata minn dokumenti li juru evidenza tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma u tan-nefqa mġarrba. Għandu jiġi stabbilit li l-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru għandha tagħti l-finanzjament u tirrilaxxa l-garanzija wara t-tlestija tal-programm ta' ħidma sħiħ, u wara li tkun ivverifikat id-dokumenti ta' evidenza u l-kontrolli. |
(6) |
Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni tajba tal-programmi ta' ħidma, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu pjanijiet għall-kontrolli fuq il-post ta' kampjun ta' organizzazzjonijiet benefiċjarji magħżula fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju u għandhom jiċċekkjaw li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-finanzjament tal-UE jkunu ġew issodisfati. Għandu jkun hemm provvedimenti biex jitfassal rapport dettaljat tal-ispezzjoni għal kull kontroll fuq il-post. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema xierqa ta' korrezzjonijiet u penali għall-irregolaritajiet li jkunu saru, li tippermetti l-irkupru ta' kwalunkwe ammont li jkun tħallas skorrettament, flimkien mal-interessi, fejn ikun xieraq. |
(7) |
Biex ikun żgurat li l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma u l-valutazzjoni tagħhom jiġu mmonitorjati tul il-perjodu tal-implimentazzjoni, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandhom ifasslu rapport tal-attivitajiet tagħhom u jibagħtuh lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati. Għandhom isiru provvedimenti wkoll biex dawn ir-rapporti jintbagħtu lill-Kummissjoni. |
(8) |
Sabiex jiżdied l-impatt ġenerali tal-programmi ta' ħidma mwettqa fil-qasam tas-segwitu u l-ġestjoni tas-suq fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, għandhom isiru provvedimenti biex l-organizzazzjonijiet benefiċjarji u l-Istati Membri jippubblikaw ir-riżultati tal-miżuri meħuda fuq is-siti tal-Internet tagħhom. |
(9) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-kamp tal-applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, l-emendi tagħhom, għall-ħlas tal-finanzjament mill-UE, inkluż l-avvanzi, il-proċeduri li jridu jiġu segwiti u l-ammont ta' garanzija li jrid jingħata meta tinbagħat talba għall-approvazzjoni ta' programm ta' ħidma u meta jitħallas avvanz fuq l-għajnuna.
Artikolu 2
Emendi lill-programmi ta' ħidma
1. Skont proċedura li għandha tiġi stipulata mill-Istat Membru, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jistgħu jitolbu li jiġi emendat il-kontenut u l-baġit tal-programm ta' ħidma approvat tagħhom, dejjem jekk dan ma jinvolvix li jinqabeż l-ammont allokat lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
2. It-talbiet kollha għall-emendi lil programm ta' ħidma, inkluż meta jingħaqdu flimkien programmi ta' ħidma differenti, għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumenti ta' appoġġ li jagħtu r-raġunijiet għall-bidliet proposti kif ukoll in-natura u l-implikazzjonijiet tagħhom. It-talbiet għandhom jintbagħtu mill-organizzazzjoni benefiċjarja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel is-sena tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma.
3. Fejn organizzazzjonijiet benefiċjarji li kellhom pjanijiet ta' ħidma separati jkunu ngħaqdu, dawn għandhom joperaw il-pjanijiet b'mod parallel u b'mod separat sal-1 ta' Jannar tas-sena wara li jkunu ngħaqdu.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji li jitolbu, minħabba raġunijiet sostanzjati, li jimplimentaw il-programmi ta' ħidma rispettiva tagħhom mingħajr ma jgħaqqduhom.
4. L-emendi lil programm ta' ħidma għandhom isiru applikabbli xahrejn wara li t-talba għall-emendi tkun waslet għand l-awtorità kompetenti sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx tqis li l-emendi mitluba ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet applikabbli. F'dan il-każ, għandha tinforma lill-organizzazzjoni benefiċjarja li, jekk ikun hemm bżonn, tibgħat programm ta' ħidma rivedut.
5. Fil-każ li l-finanzjament tal-UE miksub mill-organizzazzjoni benefiċjarja jkun inqas mill-ammont fil-programm ta' ħidma approvat, il-benefiċjarju jista' jadatta l-programm tiegħu għall-finanzjament miksub. Il-benefiċjarju għandu jitlob lill-awtorità kompetenti biex tapprova din l-emenda lill-programm ta' ħidma.
6. B'deroga mill-paragrafi 2 u 4, l-awtorità kompetenti, matul l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, tista' taċċetta emendi lil miżura ta' programm ta' ħidma, bil-kundizzjoni li:
(a) |
l-emenda lill-miżuri tkun notifikata lill-awtorità kompetenti mill-organizzazzjoni benefiċjarja xahrejn qabel il-bidu tal-implimentazzjoni tal-miżura kkonċernata; |
(b) |
in-notifika tkun akkumpanjata minn dokumenti ta' appoġġ li jiġġustifikaw l-għan, in-natura u l-implikazzjonijiet tal-emenda proposta u li juru li l-emenda inkwistjoni ma tbiddel xejn mill-għan inizjali tal-programm ta' ħidma; |
(c) |
il-baġit allokat lill-miżura kkonċernata jkun baqa' l-istess; |
(d) |
it-tqassim finanzjarju għall-miżuri l-oħra fil-qasam tal-miżura kkonċernata ma jkunx jaqbeż l-EUR 40 000. |
7. Jekk l-awtorità kompetenti ma tagħmilx oġġezzjonijiet abbażi ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6 fi żmien xahar min-notifika tal-emenda tal-miżura, l-emenda għandha titiqes li ġiet aċċettata.
Artikolu 3
Avvanzi
1. L-organizzazzjoni benefiċjarja li tefgħet applikazzjoni għal avvanz kif stipulat fl-Artikolu 7(3)(h) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 għandha tirċievi, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, avvanz totali ta' massimu ta' 90 % tal-kontribut tal-Unjoni ppjanat għal kull sena koperta mill-programm ta' ħidma approvat.
2. Qabel tmiem ix-xahar wara dak tal-bidu tal-implimentazzjoni ta' kull sena tal-programm ta' ħidma approvat, l-Istat Membru għandu jħallas lill-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata somma inizjali ekwivalenti għal nofs l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. It-tieni parti tal-avvanz ekwivalenti għan-nofs li jifdal minn dak l-ammont għandu jitħallas wara l-kontroll indikat fil-paragrafu 3.
3. L-Istat Membru għandu jiċċekkja li l-ewwel parti tal-avvanz tkun intefqet u li l-miżuri relatati jkunu twettqu qabel ma jħallas it-tieni parti. Din il-verifika għandha ssir mill-Istat Membru abbażi tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 9 jew abbażi tar-rapport ta' spezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7.
Artikolu 4
Il-garanzija li trid tingħata
1. L-avvanzi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu soġġetti għad-depożitu ta' garanzija mill-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 f'ammont ugwali għal 110 % tal-avvanz mitlub.
2. Qabel data li għandha tiġi stipulata mill-Istat Membru u mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji kkonċernati jistgħu jitolbu lill-Istat Membru kkonċernat li tiġi rilaxxata l-garanzija indikata fil-paragrafu 1 f'ammont ekwivalenti għan-nefqa totali li tikkorrispondi għall-ammont tal-ewwel parti tal-avvanz li tkun tabilħaqq intużat u ċċekkjata mill-Istat Membru. L-Istat Membru għandu jistipula liema dokumenti ta' appoġġ għandhom jakkumpanjaw l-applikazzjoni, u għandu jiċċekkja dawn id-dokumenti u jirrilaxxa l-garanzija li tikkorrispondi għan-nefqa konċernata mhux aktar tard mit-tieni xahar wara dak li fih tkun saret l-applikazzjoni.
Artikolu 5
Ħlas tal-finanzjament tal-UE
1. Għall-finijiet tal-ħlas tal-finanzjament Komunitarju skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-organizzazzjoni benefiċjarja għandha titfa' applikazzjoni għall-finanzjament fl-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru sa data li trid tiġi determinata mill-Istat Membru iżda mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena wara kull sena tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma.
L-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru tista' tħallas lill-organizzazzjonijiet benefiċarji l-bilanċ ta' finanzjament tal-UE li jikkorrispondi ma' kull sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma wara li tiċċekkja, abbażi tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 9 jew abbażi tar-rapport ta' spezzjoni msemmi fl-Artikolu 7, li l-miżuri korrispondenti ma' kull parti tal-avvanz imsemmi fl-Artikolu 3(3) jkunu tabilħaqq intefqu.
Kull applikazzjoni għall-finanzjament tal-UE mibgħuta wara t-30 ta' Ġunju ma għandhiex tkun eliġibbli u kull ammont imħallas bħala avvanz fuq il-finanzjament tal-programm ta' ħidma għandu jitħallas lura skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 8.
2. L-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-UE għandhom jitfasslu skont mudell ipprovdut mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru. Biex tkun ammissibbli, l-applikazzjoni għandu jkollha magħha:
(a) |
rapport li jinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(b) |
fatturi u dokumenti tal-bank li juru l-ħlas tal-ispejjeż imġarrba matul il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma; |
(c) |
fejn ikun xieraq, id-dokumenti ta' appoġġ li juru l-ħlas tal-kontributi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji u tal-Istat Membru kkonċernat; |
3. L-applikazzjonijiet għall-finanzjament li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitqiesu bħala mhux eliġibbli u għandhom jiġu miċħuda. L-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata tista' tibgħat applikazzjoni ġdida għall-finanzjament flimkien mal-evidenza ġustifikatorja u l-elementi neqsin fi żmien perjodu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru.
4. L-applikazzjonijiet dwar infiq għal miżuri mwettqa u li jkunu tħallsu aktar minn xahrejn wara li jintemm il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma għandhom jiġu miċħuda.
5. Mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data ta' sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-finanzjament u tad-dokumenti ta' appoġġ imsemmija fil-paragrafu 2, u ladarba jkun eżamina d-dokumenti ta' appoġġ u l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 6, l-Istat Membru għandu jħallas il-finanzjament tal-UE li jkun dovut u, fejn xieraq, jirrilaxxa l-garanzija msemmija fl-Artikolu 4. Il-garanzija msemmija fl-Artikolu 7(3)(g) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 għandha tiġi rilaxxata wara t-tlestija tal-programm ta' ħidma sħiħ, tal-eżami tad-dokumenti ta' appoġġ u tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 6.
Artikolu 6
Kontrolli fuq il-post
1. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-aspetti li ġejjin:
(a) |
il-konformità mal-kundizzjoni għar-rikonoxximent tal-benefiċjarji stipulati fl-Artikoli 152, 154, 156, 157 u 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013; |
(b) |
l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati, b'mod partikolari l-miżuri ta' investiment u tas-servizzi; |
(c) |
in-nefqa tabilħaqq imġarrba mqabbla mal-finanzjament li ntalab u l-kontribut finanzjarju mill-operaturi taż-żebbuġ ikkonċernati. |
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru għandhom jimplimentaw pjan ta' kontroll tal-programm ta' ħidma li jiffoka fuq kampjun tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji magħżula fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju u kull sena għandu jkopri minimu ta' 30 % tal-organizzazzonijiet benefiċjarji li jingħataw finanzjament mill-UE skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. L-għażla għandha ssir b'tali mod li jiġi żgurat li:
(a) |
l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għaqdiet kollha tagħhom ikunu soġġetti għal kontrolli fuq il-post mill-inqas darba matul l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approgat wara l-ħlas tal-avvanz u qabel il-ħlas tal-aħħar parti tal-finanzjament tal-UE; |
(b) |
l-organizzazzjonijiet interprofessjonali kollha jiġu ċċekkjati f'kull sena tal-implimentazzjoni ta' kull programm ta' ħidma approvat. Jekk ikunu rċevew avvanz matul is-sena, il-kontroll għandu jiġi skedat wara d-data li fiha jkun tħallas l-avvanz. |
Jekk il-kontrolli juru xi irregolaritajiet, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel kontrolli addizzjonali matul is-sena msemmija u għandha żżid in-numru ta' organizzazzjonijiet benefiċjarji li jridu jiġu ċċekkjati fis-sena ta' wara.
3. L-awtorità kompetenti għandha tagħżel liema organizzazzjonijiet benefiċjarji trid tiċċekkja abbażi ta' analiżi tar-riskju bbażata fuq il-kriterji li ġejjin:
(a) |
l-ammont ta' finanzjament għall-programm ta' ħidma approvat; |
(b) |
in-natura tal-miżuri ffinanzjati fil-programm ta' ħidma; |
(c) |
l-ammont ta' progress fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma; |
(d) |
il-konklużjonijiet tal-kontrolli fuq il-post preċedenti jew il-verfiki preċedenti mwettqa matul il-proċedura ta' rikonoxximent indikata fl-Artikoli 154(4) u 158(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013; |
(e) |
kriterji oħra tar-riskju li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri. |
4. Il-kontrolli fuq il-post ma għandhomx ikunu mħabbra. Madankollu, sabiex tkun iffaċilitata l-organizzazzjoni prattika tal-kontrolli, tista' tingħata twissija bil-quddiem ta' mhux aktar minn 48 siegħa lill-organizzazzjoni benefiċjarja li trid tiġi ċċekkjata.
5. It-tul ta' kull kontroll fuq il-post għandha tikkorrispondi mal-ammont ta' progress fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approvat u l-infiq impenjat f'investimenti u servizzi.
Artikolu 7
Rapporti dwar l-ispezzjoni
Għandu jitfassal rapport dettaljat dwar l-ispezzjoni għal kull spezzjoni fuq il-post rikjest skont l-Artikolu 6 li, b'mod partikolari, jindika:
(a) |
id-data u t-tul tal-ispezzjoni; |
(b) |
lista ta' dawk preżenti; |
(c) |
lista tal-fatturi ċċekkjati; |
(d) |
numri ta' referenzi tal-fatturi magħżula mir-reġistru tal-bejgħ u x-xiri, u r-reġistru tal-VAT li fih ikunu ġew irreġistrati l-fatturi magħżula; |
(e) |
dokumenti tal-bank li juru l-ħlas tal-ammonti magħżula; |
(f) |
indikazzjoni tal-miżuri li diġà twettqu li ġew analizzati speċifikament fuq il-post; |
(g) |
ir-riżultat tal-kontroll. |
Artikolu 8
Pagamenti mħallsa skorrettament u penali
1. Fil-każ li r-rikonoxximent fl-Artikoli 154 u 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiġi rtirat minħabba li l-organizzazzjoni benefiċjarja ma tkunx issodisfat l-obbligi tagħha intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, l-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata ma għandhiex tkun eliġibbli biex tirċievi l-finanzjament tal-Unjoni għall-programm ta' ħidma sħiħ.
2. Jekk miżura partikolari ma tkunx ġiet implimentata f'konformità ma' programm ta' ħidma, l-organizzazzjoni benefiċjarja ma għandhiex tkun eliġibbli għall-finanzjament tal-miżura kkonċernata.
3. F'każ ta' miżura li sussegwentement tinstab li mhix eliġibbli, u li ġiet implimentata f'konformità ma' programm ta' ħidma approvat, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li jħallas il-finanzjament rilevanti dovut jew li ma jipproċedix bl-irkupru tal-ammonti li diġà tħallsu, jekk din id-deċiżjoni tkun permessa f'każijiet komparabbli ffinanzjati mill-baġit nazzjonali u jekk l-organizzazzjoni benefiċjarja ma tkunx aġixxiet b'negliġenza jew b'mod intenzjonat.
4. Fil-każ ta' negliġenza serja jew dikjarazzjonijiet foloz, l-organizzazzjoni benefiċjarja ma għandhiex tkun eliġibbli biex tirċievi:
(a) |
finanzjament pubbliku għall-programm ta' ħidma sħiħ u |
(b) |
finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-perjodu kollu ta' tliet snin wara dak li fih tkun ġiet skoperta l-irregolarità. |
5. Meta organizzazzjoni benefiċjarja titqies li mhijiex eliġibbli għall-finanzjament skont il-paragrafi 1, 2 jew 4, l-awtorità kompetenti għandha tirkupra l-finanzjament pubbliku li diġà jkun tħallas lil dik l-organizzazzjoni.
6. Fejn meħtieġ, għandu jiżdied l-imgħax fuq il-kontribut tal-Unjoni rkuprat skont il-paragrafu 5, ikkalkulat fuq il-bażi ta':
(a) |
il-perjodu bejn il-pagament u r-rimborż mill-benefiċjarju; |
(b) |
ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid ewlenin tiegħu ppubblikati fis-serje “C” ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-seħħ fid-data li fiha jkun sar il-pagament skorrett, biż-żieda ta' tliet punti perċentwali. |
7. L-ammonti relevanti tal-finanzjament tal-Unjoni rkuprati skont dan l-Artikolu għandhom jitħallsu lill-aġenzija tal-pagamenti u jitnaqqsu min-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija.
Artikolu 9
Rapport tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji
1. Qabel l-1 ta' Mejju kull sena, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandhom jibagħtu rapport annwali lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma għas-sena preċedenti ta' implimentazzjoni. Dan ir-rapport għandu jkopri dan li ġej:
(a) |
l-istadji tal-programm ta' xogħol implimentati jew li qed jiġu implimentati; |
(b) |
l-emendi ewlenin għall-programmi ta' ħidma; |
(c) |
valutazzjoni tar-riżultati diġà miksuba bbażata fuq l-indikaturi stipulati fl-Artikolu 7(3)(f) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014. |
Għas-sena finali ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma, rapport finali għandu jissostitwixxi r-rapport stipulat fl-ewwel subparagrafu.
2. Ir-rapport finali għandu jevalwa l-programm ta' ħidma u jkun magħmul minn talanqas dan li ġej:
(a) |
rendikont, ibbażat fuq l-indikaturi stipulati fl-Artikolu 7(3)(f) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014u l-kriterji l-oħra kollha rilevanti, li juri kemm ġew tabilħaqq issodisfati l-għanijiet tal-programmi; |
(b) |
rendikont tal-bidliet fil-programm ta' ħidma; |
(c) |
indikazzjoni tal-fatturi li jridu jitqiesu fit-tfassil tal-programm ta' ħidma li jmiss, skont il-każ. |
3. Id-dejta miġbura u l-istudji mfassla fl-implimentazzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-organizzazzjoni benefiċjarja wara t-tlestija tal-miżura relevanti.
Artikolu 10
Komunikazzjoni mill-Istati Membri
1. Qabel il-bidu ta' programm ta' ħidma ġdid ta' tliet snin u mhux iktar tard mill-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara t-tmiem tal-programm preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw dan ir-Regolament, u b'mod partikolari dawk marbuta ma':
(a) |
il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji stipulati fl-Artikoli 152, 156 u 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013; |
(b) |
il-kundizzjonijiet addizzjonali li jispeċifikaw il-miżuri eliġibbli adottati skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014; |
(c) |
il-miri u l-prijoritajiet tas-settur taż-żebbuġ imsemmija fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014 u l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-effikaċja msemmija fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Delegat imsemmi; |
(d) |
il-perjodu msemmi fl-Artikolu 2(3); |
(e) |
l-arranġamenti għas-sistema ta' avvanzi msemmija fl-Artikolu 3 u, fejn xieraq, is-sistema ta' ħlas tal-fondi nazzjonali, |
(f) |
l-applikazzjoni tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 6 u tal-penali u l-korrezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8. |
2. Mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju ta' kull sena ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma approvat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-dejta dwar:
(a) |
il-programmi ta' ħidma u l-karatteristiċi tagħhom, imqassma skont it-tip ta' organizzazzjoni benefiċjarja, skont il-qasam u l-miżuri u skont iż-żona reġjonali; |
(b) |
l-ammont ta' finanzjament allokat għal kull programm ta' ħidma; |
(c) |
l-iskeda ppjanata ta' finanzjament tal-Unjoni skont is-sena tal-baġit għall-perjodu totali kopert bil-programmi ta' ħidma. |
3. Mhux aktar tard mill-20 ta' Ottubru ta' kull sena ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament li jkun magħmul talanqas mill-informazzjoni li ġejja:
(a) |
in-numru ta' programmi ta' ħidma ffinanzjati, il-benefiċjarji, l-erja tal-artijiet bis-siġar taż-żebbuġ, l-imtieħen, il-faċilitajiet tal-ipproċessar u l-volumi ta' żejt u żebbuġ tal-mejda kkonċernati; |
(b) |
il-karatteristiċi tal-miżuri żviluppati f'kull wieħed mill-oqsma tal-miżuri; |
(c) |
kull diskrepanza bejn il-miżuri ppjanati u l-miżuri li tabilħaqq twettqu, u l-implikazzjonijiet tagħhom fil-livell tan-nefqa; |
(d) |
il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi ta' ħidma li jqisu, fost l-oħrajn il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(a)(iii); |
(e) |
l-istatistika tal-kontrolli u r-rapporti tal-ispezzjonijiet li saru skont l-Artikoli 6 u 7 u l-penali jew il-korrezzjonijiet applikati skont l-Artikolu 8; |
(f) |
in-nefqa skont il-programm ta' ħidma u skont il-qasam u l-miżuri, u l-kontribut finanzjarju tal-Unjoni, dak nazzjonali u dak tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji. |
4. Il-komunikazzjonijiet ipprovduti f'dan l-Artikolu għandhom isiru skont id-dispożizzjonjiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (4).
5. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jippubblikaw fuq is-siti tal-Internet tagħhom id-dejta kollha miġbura u l-istudji mfassla fit-twettiq tal-miżuri skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 611/2014, mat-tlestija tagħhom.
Artikolu 11
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-programmi ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda (ara l-paġna 55 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).