This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0599
Regulation (EU) No 599/2014 of the European Parliament and of the Council of 16 April 2014 amending Council Regulation (EC) No 428/2009 setting up a Community regime for the control of exports, transfer, brokering and transit of dual-use items
Regolament (UE) Nru 599/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju
Regolament (UE) Nru 599/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju
ĠU L 173, 12.6.2014, p. 79–83
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 08/09/2021; Imħassar b' 32021R0821
12.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/79 |
REGOLAMENT (UE) Nru 599/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ April 2014
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (2) jesiġi li l-oġġetti b’użu doppju jkunu suġġetti għal kontroll effettiv meta jkunu esportati jew fi transitu mill-Unjoni, jew jitwasslu lejn pajjiż terz bħala riżultat tas-servizzi ta’ senserija pprovduti minn sensar residenti jew stabbilit fl-Unjoni. |
(2) |
Sabiex l-Istati Membri u l-Unjoni jkunu jistgħu jikkonformaw mal-impenji internazzjonali tagħhom, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jistabbilixxi l-lista komuni ta’ oġġetti b’użu doppju li jsirulhom kontrolli fl-Unjoni. Id-deċiżjonijiet dwar l-oġġetti jittieħdu fi ħdan il-qafas tal-Grupp Awstralja, is-Sistema ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-Grupp ta’ Fornituri Nukleari, l-Arranġament ta’ Wassenaar u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi. |
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 jipprovdi biex il-lista ta’ oġġetti b’użu doppju fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament tiġi aġġornata b’konformità mal-obbligi u l-impenji rilevanti, u kull modifika tagħhom, li l-Istati Membri aċċettaw bħala membri tar-reġimi internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni u l-arranġamenti għall-kontroll tal-esportazzjoni, jew bir-ratifika tat-trattati internazzjonali rilevanti. |
(4) |
Il-lista ta’ oġġetti b’użu doppju fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 teħtieġ li tiġi aġġornata regolarment sabiex tiżgura l-konformità sħiħa mal-obbligi tas-sigurtà internazzjonali, biex tiggarantixxi t-trasparenza, u żżomm il-kompetittività tal-esportaturi. Id-dewmien fir-rigward tal-aġġornament ta’ dik il-lista ta’ oġġetti b’użu doppju jista’ jkollu effetti negattivi fuq is-sigurtà u fuq l-isforzi internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni, kif ukoll fuq il-prestazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi mill-esportaturi fl-Unjoni. Fl-istess ħin, in-natura teknika tal-emendi u l-fatt li dawk l-emendi għandhom ikunu konformi mad-deċiżjonijiet meħuda fir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni jfissru li għandha tiġi użata proċedura aċċellerata biex jiddaħħlu fis-seħħ fl-Unjoni l-aġġornamenti meħtieġa. |
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 jintroduċi l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni bħala wieħed minn erba’ tipi ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni disponibbli taħt dak ir-Regolament. L-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni jippermettu lill-esportaturi stabbiliti fl-Unjoni li jesportaw ċerti oġġetti speċifiċi lejn ċerti destinazzjonijiet speċifiċi skont il-kundizzjonijiet ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet. |
(6) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jistabbilixxi l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni li huma attwalment fis-seħħ fl-Unjoni. Minħabba n-natura ta’ dawn l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni, jista’ jkun hemm bżonn li ċerti destinazzjonijiet jitneħħew mill-ambitu ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet, b’mod partikolari jekk ċirkostanzi li jinbidlu juru li t-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni ffaċilitati ma għandhomx jibqgħu jiġu awtorizzati skont Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni għal destinazzjoni partikolari. Tali tneħħija ta’ destinazzjoni mill-kamp tal-applikazzjoni ta’ Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni ma għandhiex tipprekludi esportatur milli japplika għal tip ieħor ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 428/2009. |
(7) |
Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm aġġornamenti regolari u f’waqthom tal-lista komuni ta’ oġġetti b’użu doppju f’konformità mal-obbligi u l-impenji meħuda mill-Istati Membri fi ħdan ir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament. Huwa ferm importanti li l-Kummissjoni, matul ix-xogħol ta’ preparazzjoni tagħha, tikkonsulta b’mod xieraq, anke fil-livell tal-esperti. |
(8) |
Sabiex ikun hemm rispons mgħaġġel min-naħa tal-Unjoni għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sensittività tal-esportazzjonijiet taħt l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 fir-rigward tat-tneħħija ta’ destinazzjonijiet mill-kamp tal-applikazzjoni tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni. Minħabba li dawn il-modifiki għandhom isiru biss bħala reazzjoni għal żieda fil-valutazzjoni tar-riskju tal-esportazzjonijiet rilevanti u li l-użu kontinwu tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni għal dawk l-esportazzjonijiet jista’ jkollu effett negattiv imminenti fuq is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni tista’ tuża proċedura ta’ urġenza. |
(9) |
Il-Kummissjoni, fil-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(10) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 għandu jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 9(1), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin: “Bil-għan li jiġi żgurat li transazzjonijiet b’riskju baxx biss ikunu koperti mill-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni inklużi fl-Annessi IIa sa IIf, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a biex tneħħi destinazzjonijiet mill-kamp tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni, jekk tali destinazzjonijiet isiru soġġetti għal embargo tal-armi kif imsemmi fl-Artikolu 4(2). Fejn, f’każijiet ta’ tali embargo tal-armi, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu t-tneħħija ta’ destinazzjonijiet partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni, il-proċedura prevista fl-Artikolu 23b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan il-paragrafu.”; |
(2) |
fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu li ġej: “3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta’ oġġetti b’użu doppju stabbilita fl-Anness I. L-aġġornament tal-Anness I għandu jsir fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fejn l-aġġornament tal-Anness I jikkonċerna oġġetti b’użu doppju li jkunu elenkati wkoll fl-Annessi IIa sa IIg jew IV, dawk l-Annessi għandhom jiġu emendati kif meħtieġ.”; |
(3) |
jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 23a 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmijin fl-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-2 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 15(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li diġà jkun fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tavża b’dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu, it-tnejn li huma, infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġġedded b’xahrejn oħra fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. Artikolu 23b 1. L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza. 2. Jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23a(5). F’tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att bla dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ April 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2012 (ĠU C 68E, 7.3.2014, p. 112) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-3 ta’ Marzu 2014 (ĠU C 100, 4.4.2014, p. 6). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropewtat-3 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).
Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-importanza li jittejbu b’mod kontinwu l-effikaċja u l-koerenza tar-reġim strateġiku ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE, li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà u trasparenza adegwata mingħajr ma jfixkel il-kompetittività u l-kummerċ leġittimu f’oġġetti b’użu doppju.
It-tliet istituzzjonijiet iqisu li l-modernizzazzjoni u l-konverġenza ulterjuri tas-sistema huma meħtieġa sabiex din tlaħħaq ma’ theddidiet ġodda u bidliet teknoloġiċi rapidi, sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet, jinħoloq suq komuni ġenwin għal oġġetti b’użu doppju (kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni uniformi għall-esportaturi) u tkompli tkun mudell ta’ kontroll tal-esportazzjoni għal pajjiżi terzi.
Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-proċess tal-aġġornament tal-listi ta’ kontroll jiġi simplifikat (Annessi għar-Regolament); jissaħħu l-valutazzjoni tar-riskju u l-iskambju ta’ informazzjoni, jiġu żviluppati standards industrijali mtejba, u jitnaqqsu d-disparitajiet fl-implimentazzjoni.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-kwistjonijiet fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ ċerta informazzjoni u teknoloġiji tal-komunikazzjoni (ICT) li jistgħu jintużaw f’konnessjoni mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll biex idgħajfu s-sigurtà tal-UE, b’mod partikolari għat-teknoloġiji użati għas-sorveljanza tal-massa, il-monitoraġġ, l-insegwiment, l-intraċċar u l-iċċensurar, kif ukoll għal-vulnerabbilitajiet tas-software.
Inbdew konsultazzjonijiet tekniċi f’dan ir-rigward, inklużi fil-qafas taż-Żjara bejn il-Pari tal-UE dwar l-Użu Doppju, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Użu Doppju, u r-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni, u tkompla t-teħid ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ urġenza permezz ta’ sanzjonijiet (skont l-Artikolu 215 TFUE), jew ta’ miżuri nazzjonali. Ser jiżdiedu l-isforzi biex jiġu promossi l-ftehimiet multilaterali fil-kuntest tar-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni, u ser jiġu esplorati għażliet biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni fil-kuntest tal-analiżi li għadhom għaddejjin tal-politika tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-użu doppju, u t-tħejjija ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest it-tliet istituzzjonijiet ħadu nota tal-ftehim tal-4 ta’ Diċembru 2013 mill-Istati Parteċipanti tal-Arranġament Wassenaar biex jadottaw kontrolli fuq għodod kumplessi ta’ sorveljanza li jippermettu l-aċċess mhux awtorizzat għas-sistemi tal-kompjuters, u fuq sistemi ta’ sorveljanza tal-IP-netwerks.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom ukoll li jiżviluppaw aktar il-mekkaniżmu eżistenti “catch-all” għall-oġġetti ta’ użu doppju li mhumiex fl-Anness I għar-Regolament, sabiex ikomplu jsaħħu s-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni u l-applikazzjoni tagħha fis-suq uniku Ewropew.
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar atti delegati
Fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfakkar l-impenn li għamlet fil-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha fir-rigward tat-tħejjija ta’ atti delegati.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġġornament tar-Regolament
Sabiex tiżgura approċċ Ewropew aktar integrat, effiċjenti u koerenti għall-moviment (l-esportazzjoni, it-trasferimenti, is-senserija u t-transitu) ta’ oġġetti strateġiċi, il-Kummissjoni ser tipproponi proposta ġdida għall-aġġornament tar-Regolament kemm jista’ jkun malajr.