EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0570

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 570/2014 tas- 26 ta' Mejju 2014 li jtemm il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ċerti alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja

OJ L 157, 27.5.2014, p. 85–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/11/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/570/oj

27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/85


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 570/2014

tas-26 ta' Mejju 2014

li jtemm il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ċerti alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

A.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(1)

Il-Kunsill, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1138/2011 (2) impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom (“FOH”) li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (“ir-Regolament definittiv”). Ir-Regolament definittiv kien preċedut mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 446/2011 (3) li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-FOH li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (“ir-Regolament proviżorju”). Is-sejbiet li wasslu għall-impożizzjoni tad-dazji antidumping definittivi se jissejjħu “is-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Fil-21 ta' Jannar 2012, PT Ecogreen Oleochemicals, produttur esportatur Indoneżjan tal-FOH, Ecogreen Oleochemicals (Singapor) Pte. Ltd u Ecogreen Oleochemicals GmbH (hawnhekk b'mod konġunt jissejħu bħala “Ecogreen”) issottomettew applikazzjoni (kawża T-28/12) fil-Qorti Ġenerali għall-annullament tar-Regolament definittiv sa fejn hu kkonċernat id-dazju antidumping fir-rigward tal-Ecogreen. L-Ecogreen ikkontestat l-aġġustament li sar fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku lill-prezz tal-esportazzjoni tagħha għall-iskop ta' paragun ta' dak il-prezz tal-esportazzjoni mal-valur normali tal-kumpanija.

(3)

Fil-kawża T-249/06 (Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 fir-rigward ta' Interpipe NTRP VAT inter alia minħabba żball manifest ta' valutazzjoni meta sar l-aġġustament abbażi tal-Artikolu 2(10)(i) u fir-rigward ta' Interpipe Niko Tube ZAT għal raġunijiet oħra. Fis-16 ta' Frar 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat l-appell imressaq mill-Kunsill u l-Kummissjoni (Kawżi Magħquda C-191/09 P u C-200/09 P).

(4)

Minħabba li ċ-ċirkostanzi fattwali għal Ecogreen kienu simili għal dawk ta' Interpipe NTRP VAT fir-rigward tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, kien ikkunsidrat xieraq li jkun ikkalkulat mill-ġdid il-marġini ta' dumping ta' Ecogreen mingħajr ma jsir aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i).

(5)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1241/2012 tal-11 ta' Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1138/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (4), kien għalhekk ippubblikat fil-21 ta' Diċembru 2012, b'applikazzjoni retroattiva mit-12 ta' Novembru 2011 (“Regolament li jemenda”).

(6)

Il-marġini ta' dumping hemm stabbilit għal Ecogreen kien de minimis skont l-Artikolu 9(3) tar-regolament bażiku. L-investigazzjoni fir-rigward ta' Ecogreen kienet għalhekk mitmuma mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri. Sussegwentement il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fid-9 ta' April 2013 li ma kienx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-azzjoni mressqa fil-kawża T-28/12.

(7)

Għalkemm il-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fl-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja baqgħu soġġetti għal dazji antidumping, is-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali b'mod partikolari l-effetti ta' ħsara tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid fid-dawl ta' dumping tas-sejbiet ta' dumping rieżaminati li jinsabu f'dan ir-Regolament li jemenda.

B.   VALUTAZZJONI MILL-ĠDID TAS-SEJBIET TAL-INVESTIGAZZJONI ORIĠINALI

1.   Il-qafas tal-valutazzjoni mill-ġdid

(8)

Avviż rigward il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ċertu alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (“il-pajjiżi kkonċernati”) kien ippublbikat fit-28 ta' Frar 2013 (5) (“ftuħ mill-ġdid”). L-avviż isemmi li l-ftuħ mill-ġdid kien limitat fil-kamp ta' applikazzjoni għall-eżami tal-impatt li l-marġnijiet ġodda ta' dumping stabbiliti jistgħu jkollhom fuq is-sejbiet li jikkonċernaw b'mod partikolari l-ħsara u l-kawżalità stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali (“investigazzjoni mill-ġdid”).

(9)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni, dwar il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu bil-miktub il-fehmiet tagħhom u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż.

(10)

Bosta partijiet argumentaw li ma kienx ċar fuq liema bażi legali l-Kummissjoni reġgħet fetħet l-investigazzjoni oriġinali u liema dejta l-Kummissjoni se tiġbor biex tistabbilixxi l-fatti u jintlaħqu konklużjonijiet fl-investigazzjoni mill-ġdid attwali.

(11)

Partijiet sostnew ukoll li ma kienx ċar x'tip ta' investigazzjoni nbdiet u dak li jista' jkun l-eżitu finali fil-kuntest tal-livell tal-miżuri definittivi, liema perjodu jkun kopert u liema aspetti tal-investigazzjoni oriġinali kienu qed jiġu vvalutati mill-ġdid.

(12)

Huwa mfakkar mill-ġdid li dan il-ftuħ mill-ġdid huwa l-konsegwenza meħtieġa għall-adozzjoni tar-Regolament li jemenda, li kien preċiżament ir-riżultat tas-sejbiet tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-249/06 (Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(13)

Huwa mfakkar mill-ġdid li fl-investigazzjoni oriġinali l-hekk imsejjaħ perjodu ta' investigazzjoni (PI) kien il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2009 sat-30 ta' Ġunju 2010. Il-valutazzjoni tal-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-aħħar tal-PI u ġiet imsejħa “il-perjodu kkunsidrat”.

(14)

L-investigazzjoni mill-ġdid attwali tiffoka fuq l-istess PI u l-istess perjodu meqjus. Ir-riżultati miksuba għal dawn il-perjodi matul l-investigazzjoni oriġinali sa fejn huma kkonċernati l-ħsara u l-kawżalità qed jiġu evalwati mill-ġdid fid-dawl tal-marġnijiet ta' dumping li għadhom kif ġew stabbiliti għall-esportaturi Indoneżjani fir-Regolament li jemenda.

(15)

B'mod aktar speċifiku, u kif imsemmi fl-avviż ta' ftuħ mill-ġdid, l-għan tal-investigazzjoni mill-ġdid attwali huwa li jiddetermina jekk il-marġini tad-dumping “de minimis” li ġie stabbilit għal produttur esportatur wieħed fl-Indoneżja u l-bidla fil-livell tal-marġnijiet ta' dumping għall-kumpaniji Indoneżjani l-oħra stabbiliti mir-Regolament li jemenda, jistgħu jkollhom impatt fuq is-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali dwar ħsara u kawżalità.

(16)

Ir-riżultati tal-investigazzjoni mill-ġdid huma stabbiliti hawn taħt. Kif kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali, ċerta dejta u informazzjoni tkun ipprovduta f'forma ta' indiċjar b'mod partikolari biex tinżamm il-kunfidenzjalità tad-dejta li oriġinarjament kienet sottomessa.

2.   Il-prodott ikkonċernat u prodotti simili

(17)

Huwa mfakkar mill-ġdid li l-prodott ikkonċernat huwa dak definit fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri, alkoħols xaħmin saturati b'katina ta' atomi ta' karbonju ta' tul ta' C8, C10, C12, C14, C16 jew C18 (l-iżomeri bil-friegħi mhux inklużi) li jinkludu alkoħols xaħmin saturati uniċi (imsejħa wkoll “qatgħat uniċi”) u taħlitiet li b'mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta' ktajjen ta' atomi ta' karbonju ta' tulijiet ta' C6-C8, C6-C10, C8-C10, C10-C12 (ġeneralment kategorizzati bħala C8-C10), taħlitiet li b'mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta' ktajjen ta' atomi ta' karbonju ta' tulijiet ta' C12-C14, C12-C16, C12-C18, C14-C16 (ġeneralment kategorizzati bħala C12-C14), u taħlitiet li b'mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta' ktajjen ta' atomi ta' karbonju ta' tulijiet ta' C16-C18, li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja, u l-Malasja, li bħalissa jaqaw taħt il-kodiċijiet NM ex 2905 16 85, 2905 17 00, ex 2905 19 00 u ex 3823 70 00 (“alkoħol xaħmi”).

(18)

Is-sejbiet tar-Regolament li jemenda ma jaffettwawx is-sejbiet stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali dwar il-prodott li qed jiġi kkunsidrat u l-prodott simili.

3.   Id-dumping

(19)

Kif imsemmi fil-premessa (7) tar-Regolament li jemenda, il-marġnijiet tad-dumping għall-kumpaniji kollha fl-Indoneżja, minbarra għall-produttur esportatur l-ieħor b'marġini individwali, li kien ibbażat fuq dak tal-produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera bl-ogħla marġini tad-dumping, kienu riveduti biex iqisu l-ikkalkular mill-ġdid tal-marġni ta' dumping tal-Ecogreen.

(20)

Il-marġnijiet ta' dumping stabbiliti fil-premessa (23) tar-Regolament definittiv għall-produtturi esportaturi Indjani u dawk stabbiliti fil-premessa (55) għal produtturi esportaturi Malasjani ma kinux affettwati minn dan ir-Regolament li jemenda.

(21)

Kif imsemmi fil-premessa (6) tar-Regolament li jemenda, il-marġini tad-dumping għal Ecogreen ġie stabbilit għal inqas minn 2 % u għalhekk taħt il-limitu de minimis previst fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. L-importazzjonijiet fl-Unjoni li saru minn dan il-produttur esportatur għandhom għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta' dumping fl-investigazzjoni mill-ġdid.

(22)

Il-volum, il-prezz u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li ma kinux l-oġġett ta' dumping li saru mill-esportatur Indoneżjan żviluppaw kif muri fit-tabella hawn taħt matul il-perjodu kkunsidrat. Kif imsemmi fil-premessa (16) hawn fuq, id-dejta sottomessa hija indiċjata.

L-Importazzjonijiet

2007

2008

2009

PI

Tunnellati

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

110

107

115

Annwali Δ%

 

9,6

– 2,3

7,5

Sehem mis-Suq

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

107

110

113

Annwali Δ%

 

6,8

2,9

2,8

Prezz medju f'EUR/tunnellata

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

110

91

91

Annwali Δ%

 

9,9

– 17,0

0,2

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(23)

B'referenza għat-tabella murija fil-premessa (70) tar-Regolament provviżorju, li ġie kkonfermat mill-premessa (64) tar-Regolament definittiv, u fit-tabella ta' hawn fuq, l-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta' dumping irrappreżentaw sehem limitat tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi kkonċernati u li kibru proporzjonalment inqas mill-importazzjonijiet soġġetti għal dumping matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-fatt, l-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta' dumping irrappreżentaw madwar 15 %–18 % tal-volum totali tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati fl-2007 u madwar 10 %–13 % biss matul il-PI.

(24)

L-investigazzjoni mill-ġdid turi li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mhux l-oġġett ta' dumping mill-Ecogreen naqsu b'9 % matul il-perjodu kkunsidrat iżda baqgħu stabbli bejn l-2009 u l-PI.

4.   Ħsara

4.1.   Produzzjoni tal-Unjoni u l-Industrija tal-Unjoni

(25)

Is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (57) sa (61) tar-Regolament definittiv dwar il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni mhumiex affettwati mill-investigazzjoni mill-ġdid u huma b'dan ikkonfermati.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(26)

Is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (64) sa (66) tar-Regolament provviżorju li ġew ikkonfermati mill-premessa (62) tar-Regolament definittiv jibqgħu mhux affettwati. Huwa konfermat li, kif muri fit-tabella t'hawn taħt, il-konsum tal-Unjoni ta' alkoħol xaħmi kien pjuttost stabbli, u żdied biss ftit b'2 % matul il-perjodu kkunsidrat. Kif imsemmi fil-premessa (64) tar-Regolament provviżorju, l-informazzjoni dwar il-konsum ġiet ipprovduta f'forma ta' indiċjar li żżomm il-kunfidenzjalità tad-dejta.

Konsum

2007

2008

2009

PI

Indiċi: 2007 = 100

100

102

97

102

Annwali Δ%

 

2,2

– 4,8

4,6

4.3.   L-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni u t-twaqqigħ tal-prezz

4.3.1.   Il-valutazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping

(27)

Kif kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali, ġie eżaminat jekk il-valutazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għat-tliet pajjiżi kkonċernati kienet għadha ġġustifikata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping riveduti għall-produtturi esportaturi Indoneżjani msemmija fil-premessi (19) u (21) hawn fuq.

(28)

Huwa mfakkar mill-ġdid li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku jgħid li fejn l-importazzjonijiet ta' prodott minn aktar minn pajjiż wieħed ikunu fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet antidumping, l-effetti ta' importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu vvalutati b'mod kumulattiv biss jekk ikun stabbilit li: (a) il-marġini ta' dumping stabbilit fir-rigward tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ikun iktar mid-de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) ta' dak ir-Regolament u li l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ma jkunx negliġibbli; u (b) valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet tkun xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn prodotti importati u l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-prodott simili tal-Unjoni.

(29)

Is-sejbiet li jikkonċernaw il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati kienu vvalutati mill-ġdid għall-perjodu kkunsidrat. L-informazzjoni dwar il-volum ta' importazzjoni użat biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet medji imsemmija fit-tabella fil-premessa (63) (b) tar-Regolament definittiv ma jinbidlux fir-rigward tal-Malasja u l-Indja. Id-dejta dwar l-Indoneżja ġiet rieżaminata biex tieħu kont tal-fatt li, kif imsemmi aktar 'il fuq fil-premessa (21) hawn fuq, produttur esportatur wieħed ma baqax jiġi kkunsidrat li l-prodotti tiegħu kienu soġġett ta' dumping fis-suq tal-Unjoni. L-importazzjonijiet ġodda stabbiliti li huma l-oġġett ta' dumping żviluppaw kif muri hawn isfel. B'referenza għall-premessa (16) hawn fuq, l-informazzjoni dwar il-volum tal-importazzjonijiet hija pprovduta f'forma ta' indiċjar għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati.

Il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping

2007

2008

2009

PI

Il-Malasja

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

161

141

137

Annwali Δ%

 

61,4

– 12,5

– 2,9

L-Indja

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

118

104

143

Annwali Δ%

 

18,2

– 11,8

37,5

l-Indoneżja

 

 

 

 

Indiċi: 2008 = 100

 

100

142

168

Annwali Δ%

 

 

42,1

17,9

(30)

L-investigazzjoni wriet li l-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għal kull pajjiż ikkonċernat ma kienx negliġibbli matul il-PI u li l-preżenza ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fis-suq tal-Unjoni baqgħet sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat u b'mod partikolari matul il-PI. Il-fatt li wieħed mill-produtturi esportaturi Indoneżjani nstab mir-Regolament li jemenda li ma kienx qed iwettaq dumping ma jbiddilx din il-konklużjoni.

(31)

Is-sejbiet li jikkonċernaw il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati kienu wkoll evalwati għall-perjodu kkunsidrat u jidhru fit-tabella ta' hawn taħt. Il-prezzijiet imsemmija fit-tabella fil-premessa (63) (b) tar-Regolament definittiv ma jinbidlux fir-rigward tal-Malasja u l-Indja. Id-dejta dwar l-Indoneżja ġiet riveduta biex tieħu kont tal-fatt li, kif imsemmi aktar 'il fuq fil-premessa (21), produttur esportatur wieħed ma baqax jiġi kkunsidrat li l-prodotti tiegħu kienu soġġett għal dumping fis-suq tal-Unjoni. B'referenza għall-premessa (16) hawn fuq l-informazzjoni dwar il-prezz tal-esportatur Indoneżjan li nstab li qed jiddampja hu provdut f'forma ta' indiċjar.

Importazzjonijiet ibbażati fuq il-Eurostat (aġġustati biex ikopru l-prodott ikkonċernat u importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping)

2007

2008

2009

PI

Prezz medju f'EUR/tunnellata fil-Malasja

911

944

799

857

Indiċi: 2007 = 100

100

104

88

94

Annwali Δ%

 

3,6

– 15,4

7,3

Prezz medju f'EUR/tunnellata fl-Indja

997

1 141

897

915

Indiċi: 2007 = 100

100

114

90

92

Annwali Δ%

 

14,4

– 21,4

2,1

Prezz medju f'EUR/tunnellata fl-Indoneżja

 

 

 

 

Indiċi: 2008 = 100

 

100

70

72

Annwali Δ%

 

 

– 30,0

2,6

Sors: Eurostat u r-risposti tal-Kwestjonarji.

(32)

L-investigazzjoni wriet li, ħlief għall-2007 meta ma kien hemm l-ebda importazzjonijiet mill-Indoneżja, l-ipprezzar ta' produtturi esportaturi Indoneżjani baqa' kważi l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, is-sejba magħmula fil-premessa (63) (b) tar-Regolament definittiv li l-imġiba tal-ipprezzar u l-ipprezzar tal-pajjiżi kkonċernati kienu fil-biċċa l-kbira simili b'mod partikolari matul il-PI jistgħu b'hekk jiġu kkonfermati. Il-fatt li wieħed mill-produtturi esportaturi Indoneżjani nstab mir-Regolament li jemenda li ma kienx qed iwettaq dumping ma jbiddilx din il-konklużjoni.

(33)

Barra minn hekk, is-sejbiet li saru fil-premessa (127) tar-Regolament provviżorju u kkonfermati fil-premessa (122) tar-Regolament definittiv, u b'mod partikolari li l-livelli tal-eliminazzjoni tal-ħsara stabbiliti għall-pajjiżi kkonċernati kienu b'mod sinifikanti aktar mil-limitu de minimis ta' 2 % jibqgħu validi wkoll. Barra minn hekk, il-mezzi tal-bejgħ u x-xejriet tal-prezzijiet għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati ġew analizzati u nstabu li huma simili kif muri fit-tabella ta' hawn fuq. Il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati kellhom tendenza li jonqsu wara l-quċċata li laħqu fl-2008 u kienu fuq livell globali partikolarment baxx meta mqabbla mal-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni kif uriet l-investigazzjoni.

(34)

It-tabella ta' hawn taħt turi li s-sehem mis-suq ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għal kull pajjiż ikkonċernat b'mod ġenerali żdied matul il-perjodu meqjus. B'referenza għall-premessa (16) hawn fuq, l-informazzjoni hija provduta f'forma ta' indiċjar.

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping

2007

2008

2009

PI

Il-Malasja

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

157

145

135

Annwali Δ%

 

57

– 8

– 7

L-Indja

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

115

107

141

Annwali Δ%

 

15

– 7

31

L-Indoneżja

 

 

 

 

Indiċi: 2008 = 100

 

100

142

168

Annwali Δ%

 

 

50

13

(35)

Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, l-investigazzjoni mill-ġdid turi li s-sejbiet magħmula fl-investigazzjoni oriġinali dwar l-akkumulazzjoni jibqgħu l-istess. Huwa għalhekk ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku rigward il-valutazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati jkomplu jiġu ssodisfati. L-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping li joriġinaw fil-pajjiżi kkonċernati għalhekk jistgħu jiġu vvalutati flimkien għall-iskop ta' investigazzjoni mill-ġdid tal-ħsara u l-kawżalità.

4.3.2.   L-ammont, il-prezz u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping

(36)

Sabiex tistabbilixxi l-livell kumulattiv tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat, ittieħed kont tal-fatt li r-Regolament li jemenda kkonferma r-riżultati pożittivi ta' dumping għall-produtturi esportaturi kollha fl-Indoneżja bl-eċċezzjoni ta' Ecogreen. L-esportazzjonijiet tagħhom huma kkunsidrati li huma l-oġġett ta' dumping u għalhekk jibqgħu soġġetti għal dazji antidumping.

(37)

Bl-istess mod, l-investigazzjoni mill-ġdid tqis il-fatt li l-marġnijiet ta' dumping stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali għall-produtturi esportaturi kollha fl-Indja u l-Malasja jibqgħu l-istess, u li l-importazzjonijiet tagħhom huma kkunsidrati li huma l-oġġett ta' dumping u jibqgħu soġġetti għal dazji antidumping.

(38)

Il-volum ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati kien aġġustat bit-tnaqqis tal-volum tal-importazzjonijiet mhux dumped minn produttur esportatur Indoneżjan, kif imsemmi fil-premessa (29) hawn fuq.

(39)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, id-dejta msemmija fil-premessa (70) tar-Regolament provviżorju, u kkonfermata mill-premessa (64) tar-Regolament definittiv, u s-sejbiet fil-premessi (71) sa (73) tar-Regolament provviżorju dwar il-valutazzjoni tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping matul il-perjodu kkunsidrat, kif ikkonfermat bil-premessa (65) tar-Regolament definittiv, jiġu rieżaminati kif indikat hawn taħt. B'referenza għall-premessa (16) hawn fuq, l-informazzjoni li tikkonċerna l-volumi totali tal-importazzjoni u s-sehem tas-suq ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping hija pprovduta f'forma ta' indiċjar.

Importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati

2007

2008

2009

PI

Tunnellati

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

167

155

165

Annwali Δ%

 

67,0

– 7,3

6,5

Sehem mis-suq

 

 

 

 

Indiċi: 2007 = 100

100

163

159

162

Annwali Δ%

 

62,7

– 2,3

1,8

Prezz medju f'EUR/tunnellata ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping

931

1 007

827

878

Indiċi: 2007 = 100

100

108

89

94

Annwali Δ%

 

8,2

– 17,9

6,1

Sors: Eurostat u r-risposti tal-Kwestjonarji.

(40)

Il-volum ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati stabbilit fl-investigazzjoni mill-ġdid attwali żdied b'mod sinifikanti b'65 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-akbar żieda seħħet bejn l-2007 u l-2008 meta l-importazzjonijiet żdiedu b'67 %. L-importazzjonijiet imbagħad naqsu bi ftit fl-2009 biex reġgħu żdiedu kważi għal-livell tal-2008 matul il-PI.

(41)

Il-prezzijiet medji rieżaminati tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati varjaw bil-qawwi matul il-perjodu kkunsidrat, u rriflettew tnaqqis ġenerali ta' 6 %. Iżda ta' min jinnota li bejn l-2008 u l-PI r-rata tat-tnaqqis kienet għolja daqs 14 %. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati dejjem kienu aktar baxxi minn dawk stabbiliti mill-bqija tad-dinja u kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet mill-industrija tal-Unjoni, għalhekk wasslu għal żieda fis-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

(42)

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati żdied b'mod sinifikanti bi 62 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-ikbar żieda seħħet bejn l-2007 u l-2008. Kien hemm tnaqqis żgħir fl-importazzjonijiet matul il-kriżi ekonomika, li naqqset is-sehem mis-suq tal-pajjiżi kkonċernati b'4 % bejn l-2008 u l-2009, iżda mbagħad reġgħu rkupraw dan is-sehem mis-suq sal-aħħar tal-perjodu kkunsidrat.

(43)

L-esklużjoni tal-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta' dumping minn Ecogreen għalhekk ma tbiddel bl-ebda mod is-sejbiet li saru fl-investigazzjoni oriġinali dwar il-volum, il-prezz u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, li huma għalhekk ikkonfermati.

4.3.3.   Twaqqigħ fil-prezzijiet

(44)

Huwa mfakkar mill-ġdid li l-firxiet li jikkonċernaw it-twaqqigħ tal-prezzijiet misjuba fl-investigazzjoni oriġinali ġew spjegati fil-premessi (74) u (75) tar-Regolament provviżorju u kkonfermati fil-premessa (67) tar-Regolament definittiv. Il-kalkoli individwali stabbiliti għal kull wieħed mill-esportaturi kkonċernati ma kinux affettwati minn dan ir-Regolament li jemenda. Dawn is-sejbiet huma għalhekk ikkonfermati.

(45)

It-twaqqigħ medju fil-prezzijiet għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping vvalutati b'mod kumulattiv għal tliet pajjiżi flimkien wara l-esklużjoni tal-importazzjonijiet mhux dumped huwa 2 %. Dan it-twaqqigħ apparentement baxx fil-prezzijiet għandu jitqies fid-dawl tal-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet imġiegħla tbaxxi l-prezzijiet tagħha minħabba l-preżenza tal-importazzjonijiet bi prezz baxx fis-suq tal-UE. Dawn il-prezzijiet madankollu ma kinux qed ikopru l-ispiża tal-produzzjoni, b'mod partikolari matul il-PI. Il-bejgħ taħt il-prezz medju għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping vvalutati b'mod kumulattiv, bl-esklużjoni tal-Ecogreen, kien ta' 22 %.

(46)

B'reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet tal-Kummissjoni, importatur tal-FOH li joriġina fl-Indoneżja sostna li l-prezz medju tal-importazzjonijiet li ma kinux l-oġġett ta' dumping ikun inqas mill-prezz medju tal-importazzjonijiet prodotti mill-produttur Indoneżjan li jesporta li jkun fadal skont il-miżuri. Madankollu, din il-pretensjoni ma taffettwawx is-sejba tat-twaqqigħ tal-prezzijiet ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping evalwati b'mod kumulattiv.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(47)

Is-sejbiet li saru fil-premessi (76) sa (91) tar-Regolament provviżorju u kkonfermati fil-premessi (71) sa (84) tar-Regolament definittiv dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni mhumiex affettwati bir-Regolament li jemenda u għalhekk jistgħu jiġu kkonfermati.

(48)

Huwa mfakkar mill-ġdid li l-investigazzjoni oriġinali wriet li ħafna mill-indikaturi tal-ħsara marbuta mal-industrija tal-Unjoni bħall-produzzjoni (– 17 %), l-utilizzazzjoni tal-kapaċità (– 15 %), il-volum tal-bejgħ (– 18 %), is-sehem mis-suq (– 12 %) u l-impjiegi (– 13 %) iddeterjoraw matul il-perjodu kkunsidrat. B'mod partikolari, l-indikaturi tal-ħsara relatati mal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni bħal-likwidità u l-profittabilità kienu affettwati serjament. Dan ifisser li l-abilità tal-industrija tal-Unjoni li tiġbor il-kapital kienet imxekkla, b'mod partikolari matul il-PI.

(49)

Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, hi kkonfermata l-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni sofriet ħsara materjali fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   Kawżalità

(50)

Wara l-konferma tal-eżistenza ta' ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni, ġie stmat mill-ġdid jekk għadx hemm rabta kawżali bejn l-imsemmija ħsara wara s-sejbiet riveduti għal dumping kif stabbilit fir-Regolament li jemenda u l-importazzjonijiet rieżaminati li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati.

5.1.   L-effett tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping

(51)

Kif jidher fil-premessa (26) hawn fuq, il-konsum fl-Unjoni kien pjuttost stabbli u żdied biss bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(52)

It-tabella fil-premessa (39) hawn fuq, li teskludi importazzjonijiet magħmula mill-esportatur Indoneżjan instab permezz tar-Regolament li jemenda li m'għamilx dumping tal-prodotti tiegħu fis-suq tal-Unjoni, juri li l-volum rieżaminat tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mit-tliet pajjiżi kkonċernati baqgħu importanti u żdied b'mod sinifikanti b'iktar minn 60 000 tunnellata metrika f'termini assoluti u b'iktar minn 60 % f'termini relattivi matul il-perjodu kkunsidrat. Bl-istess mod, is-sehem fis-suq miżmum minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping żdiedu b'mod sinifikanti u kisbu aktar minn ħames punti perċentwali matul dak il-perjodu.

(53)

Dawn ix-xejriet huma simili ħafna għal dawk stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali u b'mod partikolari fil-premessi (86) sa (94) tar-Regolament definittiv. Iż-żieda fis-sehem tas-suq, li ġie stabbilit f'57 % fl-investigazzjoni oriġinali, hija issa għall-perjodu meqjus bħala aktar minn 60 % bid-dejta rieżaminata.

(54)

Tabilħaqq, l-investigazzjoni mill-ġdid ikkonfermat li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati eżerċitaw pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni, mill-bidu tas-sena 2008, meta dawn l-importazzjonijiet kibru b'67 %. F'dik is-sena, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, kif jidher fil-premessa (39), kienu ferm aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Dan irriżulta f'telf sinifikanti fil-volum tal-bejgħ (– 15,4 %) u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li huma qatt ma setgħu jerġgħu jiksbu fil-bqija tal-perjodu kkunsidrat. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati żiedu s-sehem tagħhom tas-suq b'iktar minn disa' punti perċentwali.

(55)

Ġie muri fil-premessa (72) tar-Regolament definittiv li sabiex twieġeb għal din il-pressjoni, l-industrija tal-Unjoni kellha tnaqqas b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha b'16,9 % fl-2009 u kellha saħansitra tnaqqas aktar b'5,3 % matul il-PI. Anki jekk din l-imġiba tal-prezzijiet ippermettiet lill-industrija tal-Unjoni li tillimita t-telf fis-sehem tas-suq, dan wassal għal telf sinifikanti akkumulat matul il-perjodu meqjus, kif muri fil-premessa (86) tar-Regolament provviżorju, u kkonfermat fil-premessa (78) tar-Regolament definittiv. Din is-sitwazzjoni ikkoinċediet mal-preżenza ta' volumi kbar ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping bi prezz baxx fis-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari, matul il-PI.

(56)

Fl-2009, għalkemm il-volum assolut ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati naqas b'7,3 %, f'konformità mat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u t-tnaqqis fis-suq tal-UE, huwa osservat li l-prezz medju tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping naqsu bi 17,9 %, u b'hekk aktar minn 16,9 % mit-tnaqqis tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni. Matul il-PI, l-industrija tal-Unjoni kellha tnaqqas il-prezzijiet tagħha u akkumulat telf finanzjarju.

(57)

Dawn il-kunsiderazzjonijiet juru l-konsegwenzi severi tal-preżenza ta' volumi kbar ta' importazzjonijiet li l-oġġetti ta' dumping bi prezz baxx fis-suq tal-Unjoni kellhom fuq l-imġiba dwar il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fis-suq prinċipali tagħha u l-impatti negattivi li kellha fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħha b'mod partikolari matul il-PI.

(58)

L-importatur imsemmi hawn fuq saħaq li fl-analiżi tar-rabta kawżali, il-bqija tal-importazzjonijiet Indoneżjani li huma l-oġġett ta' dumping għandhom jiġu dekumulati mill-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Indja u fil-Malasja, fuq il-bażi ta' fatturi bħas-sehem mis-suq stabbli, il-livell ogħla tal-prezz, in-nuqqas ta' sottokwotazzjoni, il-marġini ta' sottokwotazzjoni ta' dawk l-importazzjonijiet Indoneżjani u l-evoluzzjoni parallela tal-ishma Indoneżjani u tal-industrija tal-Unjoni. L-importatur sostna wkoll li ma teżistix rabta kawżali bejn il-ħsara u l-importazzjonijiet Indoneżjani li huma l-oġġett ta' dumping, ladarba jkunu dekumulati.

(59)

Din il-pretensjoni kienet miċħuda għaliex il-fatturi mqajma mill-importatur, xi kultant fuq bażi selettiva, mhumiex dawk ikkunsidrati rilevanti skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku biex jiġi ddeterminat jekk kumulazzjoni għandhiex tiġi applikata, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn prodotti importati u prodotti simili tal-Unjoni. Tabilħaqq, l-investigazzjoni oriġinali kkonkludiet li l-prodott ikkonċernat huwa prodott intermedjarju użat l-aktar bħala input għall-produzzjoni ta' sulfati, etossilati ta' alkoħols xaħmin u sulfati tal-etere, u li l-prodott importat jikkompeti direttament ma' prodott tal-Unjoni, irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini. L-uniformità tal-kompetizzjoni fuq is-suq tal-Unjoni għalhekk titlob il-valutazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet skont l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament bażiku. L-argumenti tal-importatur ma jindirizzawx din is-sejba, u jistgħu biss isiru rilevanti ladarba tapplika d-dekumulazzjoni. Minħabba li m'hemm l-ebda bażi biex jiġu emendati s-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali dwar il-kumulazzjoni, l-analiżi tal-effetti ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping hija kkonfermata.

(60)

Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-bqija tal-importazzjoniet Indoneżjani saru f'livelli ta' prezzijiet dumped, dawn żiedu bil-qawwa s-sehem mis-suq tagħhom matul il-perjodu kkonċernat u kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(61)

Fl-aħħar nett, l-importatur semma li Ecogreen kienet qed tbiegħ taħt il-prezz aktar mill-produttur Indoneżjan l-ieħor li jesporta u li għalhekk, minħabba li l-importazzjonijiet tal-Ecogreen huma kkunsidrati li għandhom impatt negliġibbli, l-istess konklużjoni għandha tapplika a fortiori fir-rigward tal-importazzjonijiet Indoneżjani li jifdal.

(62)

Din il-konklużjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata. Is-sentenza tal-Qorti wasslet għal bidla fil-kalkolu ta' dumping ta' Ecogreen, li mbagħad sar de minimis. Huwa biss għal din ir-raġuni li l-impatt tal-importazzjonijiet tal-Ecogreen kellhom jiġu kkunsidrati bħala negliġibbli. Għaldaqstant, il-pretensjoni hija miċħuda.

(63)

Abbażi tas-sejbiet ta' hawn fuq, huwa konkluż li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

5.2.   L-effett ta' fatturi oħrajn

(64)

L-effett ta' fatturi oħra fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest tal-kawżalità kienet eżaminata mill-ġdid.

5.2.1.   L-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta' dumping mill-Indoneżja

(65)

Kif imsemmi fil-premessa (23) hawn fuq, l-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta' dumping żdiedu proporzjonalment inqas minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u kienu jirrappreżentaw biss sehem limitat tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi kkonċernati matul il-PI. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet ukoll li dawn l-importazzjonijiet kellhom biss sehem tas-suq modest matul il-perjodu kkunsidrat u b'mod partikolari matul il-PI.

(66)

Il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping żdied b'6,5 % bejn l-2009 u l-PI, jiġifieri iktar mill-irkupru tas-suq muri biż-żieda ta'4,6 % fil-konsum tal-Unjoni, u għalhekk kiseb aktar sehem fis-suq.

(67)

Huwa għalhekk ikkunsidrat li kwalunkwe impatt tal-importazzjonijiet mhux l-oġġett ta' dumping li seta' kien hemm fuq is-suq tal-Unjoni matul il-PI ma jistax jegħleb l-impatt negattiv sinifikanti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping deskritti fid-dettall fil-premessi (51) sa (57).

(68)

Abbażi tas-sejbiet ta' hawn fuq, huwa kkunsidrat li l-preżenza tal-importazzjonijiet mhux dumped minn Ecogreen fis-suq tal-Unjoni matul il-PI mhijiex tali li tikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni matul il-PI.

5.2.2.   Fatturi oħra eżaminati fl-investigazzjoni oriġinali

(69)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-fatturi l-oħra eżaminati fil-kuntest tal-kawżi potenzjali ta' ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni kienu: l-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-bqija tad-dinja, il-prestazzjoni fl-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-impatt tal-kriżi ekonomika u l-bejgħ tal-iżomeri bil-friegħi li mhumiex koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott.

(70)

Minħabba li dawn il-fatturi mhumiex affettwati bil-marġnijiet ta' dumping rieżaminati stabbiliti għall-produtturi esportaturi Indoneżjani, is-sejbiet u l-konklużjoni li ntlaħqu fil-premessi (95) sa (100) tar-Regolament definittiv fir-rigward ta' dawn il-fatturi huma kkonfermati. L-impatt ta' dawn il-fatturi ma kinux tali li jkissru r-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(71)

L-investigazzjoni mill-ġdid attwali turi li għad hemm rabta ċara u diretta bejn iż-żieda fil-volum u tal-effett tal-prezz negattiv tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Unjoni matul il-PI.

(72)

L-analiżi ta' hawn fuq turi li l-volum tal-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta' dumping kien limitat meta mqabbel mal-biċċa l-kbira tal-prodotti importati li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati. F'kuntest ta' konsum pjuttost stabbli, dawn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping żdiedu b'mod sinifikanti kemm f'termini assoluti kif ukoll f'dawk relattivi matul il-perjodu kkunsidrat u l-preżenza tagħhom kellha impatt negattiv konsiderevoli fuq is-suq tal-Unjoni. Tabilħaqq, ġie osservat li, minħabba d-distorsjoni maħluqa fis-suq, l-industrija tal-Unjoni kellha tnaqqas b'mod sinifikanti l-prezzijiet tagħha bi 22,2 % mill-2008, u ma setgħetx tkopri l-ispejjeż tagħha u tikseb ammont raġonevoli ta' profitt, b'mod partikolari, matul il-PI.

(73)

L-investigazzjoni mill-ġdid ikkonfermat ukoll li l-effetti ta' fatturi oħra minbarra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ma setgħux ikissru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(74)

Konsegwentement, l-investigazzjoni mill-ġdid turi li hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja u l-ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessi (101) sa (102) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

6.   L-interess tal-Unjoni

(75)

Il-konklużjoni milħuqa fil-premessa (118) tar-Regolament definittiv fir-rigward tal-interess tal-Unjoni ma kinitx affettwata minn dan ir-Regolament u hija b'dan ikkonfermata.

C.   IL-VALUTAZZJONI MILL-ĠDID TAL-MIŻURI DEFINITTIVI

(76)

Kif muri hawn fuq, l-investigazzjoni mill-ġdid tal-fatti rilevanti u s-sejbiet stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali filwaqt li jqisu l-marġnijiet il-ġodda tad-dumping kif stabbiliti fir-Regolament li jemenda wriet li l-bqija tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja fis-suq tal-Unjoni qed jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni matul il-PI.

(77)

Minħabba l-konklużjonijiet li ntlaħqu fl-investigazzjoni oriġinali fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni u minħabba li l-estensjoni attwali tal-investigazzjoni mill-ġdid ikkonfermat l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati, il-miżuri definittivi imposti permezz tar-Regolament li jemenda għandhom jiġu kkonfermati fl-istess livell. B'konsegwenza ta' dan, huwa konkluż li din l-investigazzjoni mill-ġdid għandha tintemm bla ma jiġu emendati l-miżuri definittivi imposti mir-Regolament definittiv.

(78)

Il-miżuri antidumping fis-seħħ, kif stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1138/2011 u emendati bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1241/2012 jibqgħu validi u għalhekk għandhom jibqgħu fis-seħħ. Huwa mfakkar mill-ġdid li l-miżuri imposti kienu dazji speċifiċi u kienu stabbiliti għal kull produttur esportatur ikkonċernat kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju definittiv AD speċifiku

(EUR għal kull tunnellata netta)

L-Indja

VVF (India) Ltd

46,98

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

86,99

L-Indoneżja

P.T.Ecogreen Oleochemicals

0,00

P.T. Musim Mas

45,63

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

45,63

Il-Malasja

KL-Kepong Oleomas Sdn.Bhd.

35,19

Emery Oleochemicals (M) Sdn. Bhd.

61,01

Fatty Chemical Malaysia Sdn. Bhd

51,07

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

61,01

(79)

L-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, il-partijiet interessati kollha fl-Unjoni, b'mod partikolari l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet tan-negozjanti, kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li jintemm il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni mill-ġdid tal-antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' alkoħols xaħmin mill-pajjiżi kkonċernati u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw u li jinstemgħu. Il-kummenti bil-fomm u bil-kitba mressqa minn dawn il-partijiet tqiesu iżda ma biddlux il-konklużjonijiet milħuqa f'dan ir-Regolament.

(80)

Produttur esportatur wieħed offra impenn fuq il-prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(81)

Instab b'mod partikolari li l-produttur esportatur inkwistjoni jipproduċi firxa ta' prodotti apparti l-prodott ikkonċernat u jbiegħ dawn il-prodotti oħra lill-istess klijenti. Dan joħloq riskju serju ta' kumpens transversali u jrendi l-monitoraġġ effettiv tal-impenn estremament diffiċli, idgħajjef l-effikaċja tal-impenn ta' prezz f'dan il-każ attwali. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-offerta ta' impenn ma tistax tiġi aċċettata.

(82)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' alkoħols xaħmin saturati b'katina ta' atomi ta' karbonju ta' tul ta' C8, C10, C12, C14, C16 jew C18 (l-iżomeri bil-friegħi mhux inklużi) li jinkludu alkoħols xaħmin saturati uniċi (imsejħa wkoll “qatgħat uniċi”) u taħlitiet li b'mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta' ktajjen ta' atomi ta' karbonju ta' tulijiet ta' C6-C8, C6-C10, C8-C10, C10-C12 (ġeneralment kategorizzati bħala C8-C10), taħlitiet li b'mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta' ktajjen ta' atomi ta' karbonju ta' tulijiet ta' C12-C14, C12-C16, C12-C18, C14-C16 (ġeneralment kategorizzati bħala C12-C14), u taħlitiet li b'mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta' ktajjen ta' atomi ta' karbonju ta' tulijiet ta' C16-C18, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 2905 16 85, 2905 17 00, ex 2905 19 00 u ex 3823 70 00 (kodiċijiet TARIC 2905168510, 2905190060, 3823700011 u 3823700091), u li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja, u l-Malasja.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 293, 11.11.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 122, 11.5.2011, p. 47.

(4)  ĠU L 352, 21.12.2012, p. 1.

(5)  ĠU C 58, 28.2.2013, p. 24.


Top