This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0481
Commission Delegated Regulation (EU) No 481/2014 of 4 March 2014 supplementing Regulation (EU) No 1299/2013 of the European Parliament and of the Council with regard to specific rules on eligibility of expenditure for cooperation programmes
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 481/2014 tal- 4 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 481/2014 tal- 4 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni
ĠU L 138, 13.5.2014, p. 45–50
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/05/2019
13.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 138/45 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 481/2014
tal-4 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, jeħtieġ li jiġu stipulati regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-kostijiet marbuta mal-persunal, tan-nefqa għall-uffiċċji u dik amministrattiva, tal-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, tal-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni u tan-nefqa marbuta mat-tagħmir (minn hawn 'il quddiem ”kategoriji ta' nefqa”). |
(2) |
Sabiex ikun hemm flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-eliġibbiltà għall-programmi ta' kooperazzjoni l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fi programm ta' kooperazzjoni partikolari għandhom jitħallew jiddeċiedu li ċerta kategorija ta' nefqa ma tapplikax għal assi prijoritarju speċifiku ta' programm ta' kooperazzjoni partikolari. |
(3) |
Għandu jiġi speċifikat kif ir-regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni stipulati f'dan ir-Regolament, jidħlu fil-qafas legali ġenerali dwar ir-regoli tal-eliġibbiltà applikabbli għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESI) kollha, kif stipulat fl-Artikoli 65 sa 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(4) |
Għal kull kategorija ta' nefqa, għandha tiġi stabbilita lista ta' elementi differenti ta' nefqa. |
(5) |
Għandu jiġi ċċarat li, bħala regola ġenerali, ir-rigali huma ineliġibbli. Madankollu, id-distribuzzjoni ta' oġġetti żgħar relatati mal-promozzjoni, il-komunikazzjoni, ir-reklamar jew l-informazzjoni għandha tkun eliġibbli. |
(6) |
Għandhom jiġu determinati l-elementi differenti tal-kostijiet marbuta mal-persunal, flimkien ma' regoli dwar il-kalkolu, il-kontabilità u r-rimborż tal-kostijiet tal-persunal b'mod ġenerali u dwar l-assenjar ta' karigi part-time jew kuntratti ta' servizz fuq bażi ta' kull siegħa b'mod partikolari. |
(7) |
L-elementi differenti tan-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji għandhom jiġu elenkati, flimkien ma' regoli dwar il-kalkolu, il-kontabilità u r-rimborż ta' tali elementi ta' kostijiet, bħala kostijiet diretti jew indiretti, b'mod partikolari fejn ikkombinati mar-rati fissi skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013. |
(8) |
L-elementi differenti tal-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni għandhom jiġu elenkati, flimkien mar-regoli dwar il-kalkolu, il-kontabilità u r-rimborż, irrispettivament minn jekk din in-nefqa tiġġarrabx mill-benefiċjarju jew direttament mill-persunal tiegħu. Għandhom jiġu ċċarati wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom jiġu kkontabilizzati l-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni jekk dawn jintefqu 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, kif imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. |
(9) |
Għandhom jiġu elenkati l-elementi differenti ta' kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni. |
(10) |
L-elementi differenti tan-nefqa marbuta mat-tagħmir għandhom jiġu elenkati, flimkien mar-regoli dwar l-eliġibbiltà ta' tagħmir użat. |
(11) |
Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Bla ħsara għar-regoli dwar l-eliġibbiltà, stipulati fl-Artikoli 65 sa 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew abbażi tagħhom, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-kategoriji ta' nefqa li ġejjin:
(a) |
il-kostijiet marbuta mal-persunal; |
(b) |
in-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji; |
(c) |
il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni; |
(d) |
il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni; kif ukoll |
(e) |
in-nefqa marbuta mat-tagħmir. |
2. L-Istati Membri parteċipanti fil-kumitat ta' monitoraġġ ta' programm ta' kooperazzjoni jistgħu jaqblu li, in-nefqa li tidħol taħt kategorija waħda jew aktar minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma tkunx eliġibbli taħt assi prijoritarju wieħed jew aktar.
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Kwalunkwe nefqa eliġibbli f'konformità ma' dan ir-Regolament, imħallsa minn jew f'isem il-benefiċjarju, tirrigwarda l-kostijiet involuti biex tingħata bidu jew biex tingħata bidu u tiġi implimentata operazzjoni jew parti minn operazzjoni.
2. Il-kostijiet li ġejjin mhumiex eliġibbli:
(a) |
multi, penalitajiet finanzjarji u n-nefqa fuq tilwim legali u l-litigazzjoni; |
(b) |
kostijiet ta' rigali, apparti dawk li l-valur unitarju tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 50, meta jkunu jirrigwardaw il-promozzjoni, il-komunikazzjoni, ir-reklamar jew l-informazzjoni; |
(c) |
il-kostijiet marbuta ma' fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju. |
Artikolu 3
Il-kostijiet marbuta mal-persunal
1. In-nefqa fuq il-kostijiet marbuta mal-persunal tikkonsisti f'kostijiet ta' impjieg gross tal-membri tal-persunal impjegati mill- benefiċjarju b'waħda mill-modalitajiet segwenti:
(a) |
full time; |
(b) |
part-time b'perċentwali fiss ta' ħin maħdum għal kull xahar; |
(c) |
part-time b'numru flessibbli ta' sigħat maħduma għal kull xahar; jew |
(d) |
fuq bażi ta' kull siegħa. |
2. In-nefqa fuq il-kostijiet marbuta mal-persunal tkun limitata għas-segwenti:
(a) |
il-pagamenti ta' salarji relatati mal-attivitajiet li l-entità ma twettaqx jekk l-operazzjoni kkonċernata ma tkunx saret, stabbiliti f'kuntratt ta' impjieg/xogħol, f'deċiżjoni ta' ħatra (minn hawn 'il quddiem imsejħa t-tnejn li huma “dokument ta' impjieg”) jew bil-liġi, u marbuta mar-responsabbiltajiet speċifikati fid-deskrizzjoni tal-impjieg tal-membru tal-persunal ikkonċernat; |
(b) |
kwalunkwe kostijiet oħra direttament marbuta mal-pagamenti ta' salarji mġarrba u mħallsa mill-impjegatur, bħalma huma t-taxxi fuq l-impjieg u s-sigurtà soċjali inklużi l-pensjonijiet, kif kopert mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) sakemm:
|
Fir-rigward tal-punt (a), il-pagamenti lil persuni fiżiċi li jaħdmu għall-benefiċjarju fil-qafas ta' kuntratt għajr kuntratt tal-impjieg/tax-xogħol, jistgħu jiġu assimilati mal-pagamenti ta' salarji u kuntratt bħal dan ikun jista' jitqies bħala dokument ta' impjieg.
3. Il-kostijiet marbuta mal-persunal jistgħu jiġu rimborżati:
(i) |
abbażi tal-kost reali (ipprovat permezz tad-dokument ta' impjieg u tar-rendikonti tas-salarju); jew |
(ii) |
abbażi tal-opzjonijiet relatati mal-kostijiet simplifikati, kif stabbilit fl-Artikolu 67(1), minn (b) sa (d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; jew billi |
(iii) |
bħala rata fissa f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. |
4. Il-kostijiet marbuta mal-persunal relatati ma' individwi li jiġu assenjati karigu part-time waqt operazzjoni, ikunu kkalkolati bħala:
(a) |
perċentwali fiss tal-kost tal-impjieg gross, f'konformità mal-perċentwali fiss tal-ħin maħdum waqt l-operazzjoni, mingħajr obbligu li tiġi stabbilita sistema separata ta' reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol; jew billi |
(b) |
sehem flessibbli tal-kost tal-impjieg gross, f'konformità mal-għadd ta' sigħat li jvarjaw minn xahar għal ieħor, maħduma waqt l-operazzjoni, abbażi ta' sistema ta' reġistrazzjoni ta' ħin li tkopri 100 % tal-ħin tax-xogħol tal-impjegat. |
5. Fir-rigward tal-karigi part-time msemmija taħt il-punt (a) tal-paragrafu 4, l-impjegatur joħroġ dokument għal kull impjegat li jistabbilixxi l-perċentwali tal-ħin li jkun irid jinħadem waqt l-operazzjoni.
6. Fir-rigward tal-karigi part-time msemmija taħt il-punt (b) tal-paragrafu 4, ir-rimborż tal-kostijiet marbuta mal-persunal jiġi kkalkulat fuq bażi ta' rata fis-siegħa, determinat billi:
(i) |
jiġi diviż il-kost gross tal-impjieg ta' kull xahar bil-ħin tax-xogħol ta' kull xahar stabbilit fid-dokument ta' impjieg u espress f'sigħat; jew billi |
(ii) |
jiġi diviż il-kost tal-impjieg gross annwali, dokumentat l-aktar riċenti, b'1 720 siegħa, f'konformità mal-Artikolu 68(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. |
Ir-rata fis-siegħa tiġi mmultiplikata bl-għadd ta' sigħat li jkunu effettivament inħadmu waqt l-operazzjoni.
7. Il-kostijiet marbuta mal-persunal relatati ma' individwi li, skont id-dokument ta' impjieg, jaħdmu fuq bażi ta' kull siegħa, ikunu eliġibbli billi jiġi mmultiplikat l-għadd ta' sigħat li jkunu effettivament inħadmu waqt l-operazzjoni mar-rata fis-siegħa miftiehma fid-dokument ta' impjieg, abbażi ta' sistema ta' reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol.
Artikolu 4
In-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji
In-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji tkun limitata għall-elementi li ġejjin:
(a) |
il-kirja tal-uffiċċji; |
(b) |
l-assigurazzjoni u t-taxxi relatati mal-bini fejn ikun qiegħed il-persunal u mat-tagħmir tal-uffiċċji (pereż. assigurazzjonijiet fuq is-serq u kontra n-nar); |
(c) |
l-utilitajiet (pereż. l-elettriku, it-tisħin, l-ilma); |
(d) |
il-provvisti tal-uffiċċju; |
(e) |
il-kontabilità ġenerali pprovduta fl-organizzazzjoni benefiċjarja; |
(f) |
l-arkivji; |
(g) |
il-manutenzjoni, it-tindif u t-tiswijiet; |
(h) |
is-sigurtà; |
(i) |
is-sistemi tal-IT; |
(j) |
il-mezzi ta' komunikazzjoni (pereż. it-telefown, il-faks, l-Internet, is-servizzi postali, il-biljetti ta' kuntatt); |
(k) |
l-imposti bankarji għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kont jew kontijiet, meta l-implimentazzjoni ta' operazzjoni tkun tirrikjedi li jinfetaħ kont separat; |
(l) |
l-imposti għal tranżazzjonijiet finanzjarji tranżnazzjonali. |
Artikolu 5
Il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni;
1. In-nefqa fuq il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni tkun limitata għall-elementi segwenti:
(a) |
il-kostijiet ta' vvjaġġar (pereż. il-biljetti, l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar u tal-karozzi, il-fjuwil, il-kilometraġġ, in-nollijiet, u l-miżati għall-parkeġġ); |
(b) |
l-ispejjeż tal-ikliet; |
(c) |
il-kostijiet ta' akkomodazzjoni; |
(d) |
il-kostijiet tal-viża; |
(e) |
Kumpensi għas-sussistenza ta' kuljum. |
2. Kwalunkwe element elenkat fil-punti minn (a) sa (d) tal-paragrafu 1, kopert minn kumpens għas-sussistenza ta' kuljum, ma jkunx rimborżat flimkien mal-kumpens għas-sussistenza ta' kuljum.
3. Il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni ta' esperti u fornituri tas-servizz esterni jaqgħu taħt il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni elenkati fl-Artikolu 6.
4. Il-pagament dirett ta' nefqa skont dan l-Artikolu min-naħa ta' impjegat tal-benefiċjarju jiġi sostnut billi l-benefiċjarju jagħti prova ta' rimborż lil dak l-impjegat.
5. F'dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet li jinvolvu assistenza teknika jew attivitajiet promozzjonali u bini ta' kapaċitajiet, in-nefqa mġarrba 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm tkun eliġibbli, jekk tiġġarrab f'konformità mal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.
6. L-awtorità maniġerjali tista' taċċetta l-kostijiet ta' akkomodazzjoni u tal-ikel li jsiru fi stabbilimenti li jinsabu barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm bħala eliġibbli, jekk ikunu ġġarrbu f'konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Dan japplika wkoll għall-kostijiet tal-ivvjaġġar fil-post fejn ikun/tkun sar(et) xi avveniment jew azzjoni 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm.
7. Fir-rigward tal-membri tal-persunal ta' benefiċjarji li jkunu jinsabu 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, l-awtorità maniġerjali tista' taċċetta l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi l-kostijiet tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-avveniment jew tal-azzjoni, ġewwa jew barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, bħala eliġibbli, jekk jiġġarrbu f'konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.
8. Fir-rigward tal-membri tal-persunal ta' benefiċjarji li jkunu jinsabu 'l ġewwa mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi l-kostijiet tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-avveniment jew tal-azzjoni, ġewwa jew barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, jitqiesu bħala eliġibbli, f'konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.
Artikolu 6
Il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni
In-nefqa fuq il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni tkun limitata għas-servizzi u l-għarfien espert li ġejjin, ipprovduti minn xi korp legali pubbliku jew privat jew minn persuna fiżika, gћajr il-benefiċjarju tal-operazzjoni:
(a) |
studji jew stħarriġiet (pereż. evalwazzjonijiet, strateġiji, dokumenti kunċettwali, pjanijiet ta' disinn, manwali); |
(b) |
it-taħriġ; |
(c) |
it-traduzzjonijiet: |
(d) |
is-sistemi tal-IT u l-iżvilupp ta' websajts, il-modifiki u l-aġġornamenti; |
(e) |
il-promozzjoni, il-komunikazzjoni, ir-reklamar jew l-informazzjoni marbuta ma' operazzjoni jew ma' programm ta' kooperazzjoni bħala tali; |
(f) |
l-immaniġġjar finanzjarju; |
(g) |
servizzi relatati mal-organizzazzjoni u mal-implimentazzjoni ta' avvenimenti jew laqgħat (inkluż il-kiri, il-forniment tal-ikel jew l-interpretazzjoni); |
(h) |
il-parteċipazzjoni f'avvenimenti (pereż. il-miżati ta' reġistrazzjoni); |
(i) |
il-konsulenza legali u s-servizzi notarili, l-għarfien espert tekniku u finanzjarju, servizzi oħra ta' konsulenza u kontabilità; |
(j) |
id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali; |
(k) |
il-verifiki skont l-Artikolu 125(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013; |
(l) |
il-kosti ta' ċertifikazzjoni u ta' awditu fuq il-livell ta' programm skont l-Artikoli 126 u 127 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; |
(m) |
l-għoti ta' garanziji minn bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra, fejn ikun mitlub mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, jew f'xi dokument ta' programmar adottat mill-kumitat ta' monitoraġġ; |
(n) |
l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għall-esperti esterni, il-kelliema, il-presidenti tal-laqgħat u l-fornituri tas-servizz; |
(o) |
għarfien espert u servizzi speċifiċi oħra meħtieġa għall-operazzjonijiet. |
Artikolu 7
In-nefqa marbuta mat-tagħmir
1. In-nefqa għall-finanzjament ta' tagħmir mixtri, mikri jew imwelli mill-benefiċjarju tal-operazzjoni apparti dik koperta bl-Artikolu 4, tkun limitata għas-segwenti:
(a) |
l-apparat tal-uffiċċju; |
(b) |
il-ħardwer u s-softwer tal-IT; |
(c) |
l-għamara u l-fittings; |
(d) |
l-apparat tal-laboratorju; |
(e) |
il-magni u l-istrumenti; |
(f) |
l-għodod jew l-apparat; |
(g) |
il-vetturi; |
(h) |
tagħmir speċifiku ieħor meħtieġ għall-operazzjonijiet. |
2. Il-kostijiet tax-xiri ta' tagħmir użat jista' jkun eliġibbli bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
ma tkun ingħatat l-ebda assistenza oħra għalih mill-Fondi ESI; |
(b) |
il-prezz tiegħu ma jaqbiżx il-prezz ġeneralment aċċettat fis-suq inkwistjoni; |
(c) |
ikollu l-karatteristiċi tekniċi meħtieġa għall-operazzjoni u jkun konformi ma' normi u standards applikabbli. |
Artikolu 8
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).