Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0377

Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 122, 24.4.2014, p. 44–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/377/oj

24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/44


REGOLAMENT (UE) Nru 377/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 189(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) kien inizjattiva ta' monitoraġġ tad-dinja, immexxija mill-Unjoni u mwettqa bi sħab mal-Istati Membri u mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). L-oriġini tal-GMES tmur lura għal Mejju tal-1998, meta istituzzjonijiet involuti fl-iżvilupp ta' attivitajiet spazjali fl-Ewropa għamlu dikjarazzjoni konġunta magħrufa bħala l-“Manifest ta' Baveno”. Il-Manifest talab impenn fit-tul għall-iżvilupp ta' servizzi ta' monitoraġġ ambjentali bbażati fl-ispazju, permezz tal-użu u aktar żvilupp tal-ħiliet u t-teknoloġiji Ewropej. Fl-2005, l-Unjoni għamlet l-għażla strateġika li flimkien mal-ESA tiżviluppa kapaċità indipendenti Ewropea ta' osservazzjoni tad-dinja biex tipprovdi servizzi fil-qasam ambjentali u dak tas-sigurtà.

(2)

Fuq il-bażi ta' dik l-inizjattiva, ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li stabbilixxa l-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) u r-regoli għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet inizjali tiegħu.

(3)

Filwaqt li l-programm stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 għandu jkompli skont il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (4), l-akronimu “GMES” għandu jinbidel bl-isem “Copernicus” biex jiffaċilita l-komunikazzjoni mal-pubbliku ġenerali. Il-Kummissjoni rreġistrat il-marka kummerċjali biex tkun tista' tintuża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tiġi lliċenzjata lil utenti interessati oħra, b'mod partikolari lill-fornituri ta' servizzi ewlenin.

(4)

Il-Programm Copernicus (Copernicus) hu bbażat fuq sħubija bejn l-Unjoni, l-ESA u l-Istati Membri. Għalhekk, għandu jibni fuq il-kapaċitajiet eżistenti Ewropej u nazzjonali u għandu jikkomplementahom b'assi ġodda żviluppati flimkien. Biex timplimenta dan l-approċċ, il-Kummissjoni għandha tfittex li żżomm djalogu mal-ESA u l-Istati Membri li huma proprjetarji ta' riżorsi rilevanti tal-ispazju u in situ.

(5)

Sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, Copernicus għandu jiżgura kapaċità awtonoma tal-Unjoni għall-osservazzjonijiet mill-ispazju u jipprovdi servizzi operazzjonali fil-qasam tal-ambjent, il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà ċivili, filwaqt li jiġu rrispettati b'mod sħiħ il-mandati nazzjonali dwar it-twissijiet uffiċjali. Għandu wkoll juża d-data disponibbli pprovduta mill-missjonijiet kontribwenti u in situ l-aktar mill-Istati Membri. Copernicus għandu kemm jista' jkun juża l-kapaċitajiet fil-qasam tal-osservazzjoni u s-servizzi spazjali tal-Istati Membri. Copernicus għandu jagħmel użu wkoll mill-kapaċitajiet tal-inizjattivi kummerċjali fl-Ewropa, u b'hekk jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta' settur spazjali kummerċjali vijabbli fl-Ewropa. Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati sistemi għall-ottimizzazzjoni tat-trasmissjoni tad-data biex itejbu aktar il-kapaċitajiet b'reazzjoni għaż-żieda fid-domanda mill-utenti għal data qrib il-ħin reali.

(6)

Biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-użu tat-teknoloġiji tal-osservazzjoni tad-dinja kemm mill-awtoritajiet lokali kif ukoll mill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), għandhom jiġu promossi netwerks iddedikati għad-distribuzzjoni tad-data ta' Copernicus, inklużi korpi nazzjonali u reġjonali.

(7)

L-objettiv ta' Copernicus għandu jkun li jipprovdi informazzjoni preċiża u affidabbli fl-qasam tal-ambjent u dak tas-sigurtà, imfassla skont il-bżonnijiet tal-utenti u li jappoġġja politiki oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk rigward is-suq intern, it-trasport, l-ambjent, l-enerġija, il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà ċivili, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-għajnuna umanitarja.

(8)

Copernicus għandu jitqies bħala kontribut Ewropew għall-bini tas-Sistema ta' Sistemi Globali ta' Osservazzjoni tad-Dinja (GEOSS) żviluppata fil-qafas tal-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO).

(9)

Copernicus għandu jiġi implimentat b'mod konsistenti ma' strumenti u azzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari azzjonijiet ambjentali u tat-tibdil fil-klima, u strumenti fil-qasam tas-sigurtà, il-protezzjoni ta' data personali, il-kompetittività u l-innovazzjoni, il-koeżjoni, ir-riċerka, it-trasport, il-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali, u mas-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita Ewropej (Galileo u EGNOS). Id-data ta' Copernicus għandha tkun konformi mad-data ta' referenza spazjali tal-Istati Membri kif ukoll mar-regoli tal-implimentazzjoni u l-linji gwida tekniċi tal-infrastruttura għall-informazzjoni spazjali fl-Unjoni li ġiet stabbilita bid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Copernicus għandu jikkumplementa wkoll is-Sistema Komuni ta' Informazzjoni Ambjentali (SEIS), kif imsemmi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-1 ta' Frar 2008 intitolata: Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) u l-attivitajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-rispons ta' emerġenza. Copernicus għandu jiġi implimentat ukoll skont l-objettivi tad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku, b'mod partikolari t-trasparenza, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tas-servizzi, u li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Id-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus għandhom ikunu disponibbli bla ħlas u pubblikament biex jappoġġaw l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2010 intitolata: Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

(10)

Copernicus huwa programm li għandu jitwassal skont Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u dak inklużiv (l-istrateġija “Ewropa 2020”). Għandu jkun ta' benefiċċju għal firxa wiesgħa ta' politiki tal-Unjoni u jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari billi tiġi żviluppata politika spazjali effettiva li tipprovdi l-istrumenti biex jiġu indirizzati uħud mill-isfidi globali ewlenin u jintlaħqu l-miri dwar it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà tal-enerġija. Copernicus għandu wkoll jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika spazjali Ewropea u jappoġġa t-tkabbir tas-swieq Ewropej għad-data u s-servizzi bbażati fl-ispazju.

(11)

Copernicus għandu wkoll jibbenefika mir-riżultati pprovduti minn Orizzont 2020, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), b'mod partikolari permezz tal-attivitajiet tiegħu ta' riċerka u innovazzjoni għal teknoloġiji u applikazzjonijiet futuri għall-osservazzjoni tad-dinja permezz ta' telerilevament, teknoloġiji tal-ajru u in situ u data ta' rispons għall-isfidi l-kbar tas-soċjetà. Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sinerġija, it-trasparenza u ċ-ċarezza xierqa dwar l-aspetti differenti ta' Copernicus.

(12)

L-evoluzzjoni tal-Copernicus għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-għażliet biex tissodisfa ħtiġijiet li jevolvu tal-utent, inkluż l-akkwist mill-missjonijiet nazzjonali/pubbliċi u l-fornituri kummerċjali fl-Ewropa, l-ispeċifikazzjoni ta' missjonijiet ġodda ddedikati, il-ftehimiet internazzjonali li jiżguraw l-aċċess għal missjonijiet mhux Ewropej, u s-suq Ewropew tal-osservazzjoni tad-dinja.

(13)

Fl-interess taċ-ċarezza u sabiex jiġi faċilitat il-kontroll tal-ispejjeż, l-ammont massimu allokat mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' Copernicus għandu jinqasam f'diversi kategoriji. Madankollu, fl-interess tal-flessibbiltà u biex jiġi żgurat li Copernicus jiffunzjona bla xkiel, il-Kummissjoni għandha tkun tista' terġa' talloka l-fondi minn kategorija għal oħra.

(14)

Il-provvista ta' servizzi operazzjonali tiddependi mill-funzjonament tajjeb, id-disponibbiltà kontinwa u s-sikurezza tal-komponent spazjali ta' Copernicus. Ir-riskju dejjem jiżdied ta' kolliżjoni ma' satelliti oħra u tifrik spazjali huma theddida serja għall-komponent spazjali ta' Copernicus. Għalhekk, l-attivitajiet ta' Copernicus għandhom jinkludu l-protezzjoni tal-komponent spazjali ta' Copernicus u l-operazzjonijiet tiegħu, inkluż waqt it-tlugħ ta' satelliti. F'dan ir-rigward, kontribuzzjoni proporzjonali għall-ispejjeż ta' servizzi li jkunu kapaċi jipprovdu tali protezzjoni tista' tiġi ffinanzjata mill-baġit allokat għal Copernicus sa fejn ikun possibbli filwaqt li tiġi segwita ġestjoni rigoruża tal-ispejjeż u f'konformità sħiħa mal-ammont massimu ta' EUR 26,5 miljun fi prezzijiet attwali stabbilit f'dan ir-Regolament. Tali kontribuzzjoni għandha tintuża biss għall-provvista ta' data u servizzi u mhux għax-xiri ta' infrastruttura.

(15)

Bil-ħsieb li titjieb l-implimentazzjoni ta' Copernicus u l-ippjanar fit-tul tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta' ħidma annwali, inkluż pjan ta' implimentazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta' Copernicus. Dak il-pjan ta' implimentazzjoni għandu jkun progressiv u għandu jiddeskrivi l-azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' Copernicus filwaqt li jqis il-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-utenti u l-iżviluppi teknoloġiċi.

(16)

L-implimentazzjoni tal-komponent ta' servizzi ta' Copernicus għandha tiġi bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi minħabba l-kumplessità u r-riżorsi allokati lil Copernicus. Dan għandu jiffaċilita wkoll l-adozzjoni pubblika tas-servizzi minħabba li l-utenti jkunu jistgħu jantiċipaw id-disponibbiltà u l-evoluzzjoni tas-servizzi kif ukoll il-kooperazzjoni ma' Stati Membri u partijiet oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tadotta u taġġorna, kif meħtieġ, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-servizzi kollha ta' Copernicus billi tindirizza aspetti bħall-ambitu, l-arkitettura, il-portafolli ta' servizzi tekniċi, tqassim indikattiv tal-ispejjeż u l-ippjanar, il-livelli ta' prestazzjoni, il-ħtiġijiet ta' aċċess għal data spazjali u dik in situ, l-evoluzzjoni, l-istandards, l-arkivjar u d-disseminazzjoni ta' data.

(17)

L-implimentazzjoni tal-komponent spazjali ta' Copernicus għandha tiġi bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi minħabba l-kumplessità u r-riżorsi allokati lil Copernicus. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tadotta u taġġorna, kif meħtieġ, speċifikazzjonijiet li jagħtu dettalji dwar l-attivitajiet li għandhom jiġu appoġġati taħt il-komponent spazjali ta' Copernicus u t-tqassim indikattiv tal-ispejjeż u l-ippjanar. Peress li Copernicus għandu jinbena fuq investimenti magħmula mill-Unjoni, l-ESA u l-Istati Membri fil-kuntest tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà, l-attivitajiet taħt il-komponent spazjali ta' Copernicus għandhom jieħdu kont, fejn adatt, tal-elementi tax-Xenarju Fit-Tul tal-ESA li huwa dokument ippreparat u aġġornat mill-ESA, li jistabbilixxi qafas ġenerali għall-komponent spazjali ta' Copernicus.

(18)

Copernicus għandu jkun indirizzat għall-utent, u għalhekk jinħtieġ l-involviment kontinwu u effettiv tal-utenti, b'mod partikolari rigward id-definizzjoni u l-validazzjoni ta' rekwiżiti tas-servizz.

(19)

Id-dimensjoni internazzjonali ta' Copernicus hija ta' rilevanza partikolari fl-iskambju tad-data u l-informazzjoni, flimkien mal-aċċess għall-infrastruttura ta' osservazzjoni. Tali sistema ta' skambju hija aktar kosteffiċjenti minn skemi ta' xiri ta' data u ssaħħaħ id-dimensjoni globali ta' Copernicus.

(20)

Il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Ftehimiet Qafas mal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jipprovdu għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali għandha ssir possibbli billi jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali għal dan il-għan.

(21)

L-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu liberi li jikkontribwixxu għall-programmi fuq il-bażi ta' ftehimiet adattati.

(22)

Il-Kummissjoni għandu jkollha r-responsabbiltà globali għal Copernicus. Hija għandha tiddefinixxi l-prijoritajiet u tiżgura l-koordinazzjoni u s-sorveljanza globali ta' Copernicus. Dak għandu jinkludi wkoll sforzi speċjali li jwasslu għal kuxjenza pubblika akbar dwar l-importanza tal-programmi spazjali għaċ-ċittadini Ewropej. Għandha tforni fil-ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha x'taqsam ma' Copernicus.

(23)

Għall-implimentazzjoni ta' Copernicus, il-Kummissjoni għandha tistrieħ, fejn ikun adatt, fuq organizzazzjonijiet intergovernattivi Ewropej li tkun diġà stabbilixxiet sħubijiet magħhom, b'mod partikolari l-ESA għall-koordinazzjoni teknika tal-komponent spazjali ta' Copernicus, id-definizzjoni tal-arkitettura tiegħu, l-iżvilupp u l-akkwist ta' riżorsi spazjali, l-aċċess għad-data u l-operazzjoni ta' missjonijiet iddedikati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tistrieħ ukoll fuq l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta' Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT) għall-operazzjoni ta' missjonijiet iddedikati skont il-kompetenza esperta u l-mandat tagħha.

(24)

B'kunsiderazzjoni tad-dimensjoni ta' sħubija ta' Copernicus u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompetenza teknika, l-implimentazzjoni ta' Copernicus għandha tiġi ddelegata lil entitajiet b'kapaċità teknika u professjonali xierqa. Dawn l-entitajiet għandhom jiġu inkoraġġuti biex jiftħu l-eżekuzzjoni ta' dawk il-kompiti għall-kompetizzjoni sa livell adegwat, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

(25)

Copernicus għandu jinkludi komponent ta' servizz li jiżgura l-għoti ta' informazzjoni dwar monitoraġġ tal-atmosfera, monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar, monitoraġġ tal-art, it-tibdil fil-klima, ġestjoni tal-emerġenzi u sigurtà. B'mod partikolari, Copernicus għandu jagħti informazzjoni dwar l-istat tal-atmosfera inkluż fuq skala lokali, nazzjonali, Ewropea u globali; informazzjoni dwar l-istat tal-oċeani, inkluż bit-twaqqif ta' grupp iddedikat Ewropew għall-monitoraġġ tal-baħar; informazzjoni b'appoġġ tal-monitoraġġ tal-art li jappoġġa l-implimentazzjoni ta' politiki lokali, nazzjonali u Ewropej; informazzjoni b'appoġġ għall-adattament u l-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima; informazzjoni ġeospazjali b'appoġġ għall-ġestjoni ta' emerġenzi, inkluż b'attivitajiet ta' prevenzjoni u sigurtà ċivili inkluż appoġġ għall-azzjoni esterna tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tidentifika arranġamenti kuntrattwali xierqa favur is-sostenibbiltà tal-forniment ta' servizz.

(26)

Fl-implimentazzjoni tal-komponent tas-servizz ta' Copernicus, il-Kummissjoni tista' tistrieħ, fejn ikun debitament ġustifikat min-natura speċjali tal-azzjoni u l-għarfien speċifiku, fuq entitajiet kompetenti, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN), iċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp għal Medda Medja (ECMWF), aġenziji oħra rilevanti Ewropej, gruppi jew konsorzji ta' korpi nazzjonali, jew kwalunkwe korp rilevanti potenzjalment eliġibbli għal delega f'konformità mar-Regolament Finanzjarju. L-għażla tal-entità għandha tieħu kont dovut tal-kosteffiċjenza li tafdalhom dawk il-kompiti u l-impatt fuq l-istruttura ta' governanza tal-entità u fuq ir-riżorsi finanzjarji u dawk umani tagħha.

(27)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni kien involut attivament fl-inizjattiva tal-GMES u fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-bidu tal-GMES stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 911/2010. Għall-implimentazzjoni ta' Copernicus, il-Kummissjoni għandha tkompli tistrieħ fuq l-appoġġ xjentifiku u tekniku tal-JRC.

(28)

L-akkwist pubbliku tal-entitajiet fdati bl-implimentazzjoni ta' Copernicus għandu jkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni jew standards internazzjonali ekwivalenti, sakemm jippermettu d-dispożizzjonijiet dwar kuntratti pubbliċi fir-Regolament Finanzjarju. L-aġġustamenti speċifiċi meħtieġa għal dawn ir-regoli, kif ukoll l-arranġamenti għat-tiġdid tal-kuntratti eżistenti, għandhom ikunu ddefiniti fil-ftehimiet ta' delega korrispondenti. L-akkwist pubbliku għandu jkollu l-għan, l-ewwel u qabel kollox, li jikseb l-aħjar valur għall-prezz imħallas, jikkontrolla l-ispejjeż, itaffi r-riskji, itejjeb l-effiċjenza u jnaqqas id-dipendenza minn fornitur wieħed. Għandha tiġi żgurata politika ta' aċċess miftuħ u kompetizzjoni ġusta fil-katina sħiħa tal-provvista, u l-offerta ta' opportunitajiet ekwilibrati ta' parteċipazzjoni tal-industrija fil-livelli kollha ta' attività u inklużi b'mod partikolari l-SMEs. Għandha tiġi evitata l-possibbiltà ta' abbuż ta' dominanza u ta' dipendenza fit-tul fuq fornitur wieħed. Sabiex jitnaqqsu r-riskji tal-programmi, tiġi evitata d-dependenza fuq fornitur wieħed u sabiex jiġi assigurat il-kontroll ġenerali aħjar ta' Copernicus, tal-ispejjeż u ta' kalendarju għandha tiġi segwita, fejn xieraq, il-politika ta' diversi fornituri. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-industrija Ewropea għandu jkun preservat u promoss fl-oqsma kollha relatati mal-osservazzjoni tad-dinja skont il-ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni tagħmel Parti.

(29)

Ir-riskju ta' prestazzjoni fqira tal-kuntratt jew ta' nonprestazzjoni għandu jittaffa kemm jista' jkun. Għal dik il-fini, il-kuntratturi għandhom juru s-sostenibbiltà tal-prestazzjoni kontrattwali tagħhom fir-rigward tal-impenji meħuda u t-tul tal-kuntratt. Għalhekk, l-awtoritajiet kontraenti għandhom, fejn xieraq, jispeċifikaw rekwiżiti relatati mal-affidabbiltà tal-provvisti u l-forniment ta' servizzi. Barra minn hekk, fil-każ ta' xirjiet ta' oġġetti u servizzi ta' natura sensittiva, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissoġġettaw tali xirjiet għal rekwiżiti speċifiċi, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni. L-industriji tal-Unjoni għandhom ikollhom permess jirrikorru għal sorsi barra l-Unjoni għal ċerti komponenti u servizzi f'każ ta' vantaġġi sostanzjali ppruvati f'termini ta' kwalità u spejjeż, waqt li jitqiesu, madankollu, in-natura strateġika ta' Copernicus u r-rekwiżiti tal-Unjoni ta' sigurtà u ta' kontroll tal-esportazzjoni. Għandu jittieħed vantaġġ mill-investiment tas-settur pubbliku u mill-esperjenza u l-kompetenza industrijali, waqt li jiġi assigurat li ma jkunx hemm ksur tar-regoli dwar proċeduri ta' sejħiet għall-offerti kompetittivi.

(30)

Sabiex tigi vvalutata aħjar l-ispiża totali ta' prodott, servizz jew xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti, inkluża l-ispiża operazzjonali tiegħu fit-tul, l-ispiża totali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja utli tal-prodott, servizz jew xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti għandha titqies kull meta xieraq matul l-akkwist, billi jintuża approċċ tal-effikaċja meta mqabbla mal-ispejjeż bħall-kalkolu tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja fi proċedura ta' akkwist għall-għoti ta' kuntratt abbażi tal-kriterju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża. Għal dan il-għan, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura li l-metodoloġija maħsuba biex tgħodd l-ispejjeż għaċ-ċiklu tal-ħajja utli ta' prodott, servizz jew xogħol tissemma espressament fid-dokumenti tal-kuntratt jew l-avviż tal-kuntratt u li hija tippermetti l-verifika tal-preċiżjoni tal-informazzjoni fornita mill-offerenti.

(31)

L-awtorità kontraenti għandha tkun tista' ġġib lura kundizzjonijiet uniformi meta kumpannija waħda jew iktar minn waħda jkollhom, qabel sejħa għall-offerti, informazzjoni privileġġata dwar l-attivitajiet marbuta mas-sejħa għall-offerti. Għandu jkun possibbli li jingħata kuntratt fl-għamla ta' kuntratt kondizzjonali ta' pagament f'fażijiet, tiddaħħal emenda, taħt ċerti kondizzjonijiet, fil-kuntest tal-prestazzjoni tiegħu, jew anke jkun impost livell minimu ta' subkuntrattar. Fl-aħħar nett, minħabba l-inċertezzi teknoloġiċi li huma karatteristika ta' Copernicus, il-prezzijiet tal-kuntratti ma jistgħux jitbassru dejjem preċiż u għalhekk ikun tajjeb li jiġu konklużi kuntratti f'għamla speċifika li ma tistipulax prezz fiss u tinkludi klawsoli li jħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(32)

Biex Copernicus jinżamm fl-ogħla ammont tiegħu billi jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji tekniċi u tal-iskeda u l-ispejjeż marbuta magħhom u tkun aċċertata l-affidabbiltà kontinwa tal-provvista, Copernicus għandu jagħmel l-akbar użu mill-investimenti finanzjarji u infrastrutturali minn qabel tas-settur pubbliku kif ukoll mill-esperjenza u l-kompetenza industrijali miksuba b'investimenti bħal dawn fil-GMES. Dan għandu jgħodd b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-komponenti rikorrenti tas-segmenti spazjali u terrestri żviluppati mill-ESA u l-Istati Parteċipanti tagħha fil-kuntest tal-programm fakultattiv tal-Komponent Spazjali tal-GMES bil-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Fil-każ ta' dan tal-aħħar l-awtorità kontraenti għandha tikkunsidra li tuża l-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt jew l-ekwivalenti.

(33)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Copernicus fuq bażi sostenibbli, huwa meħtieġ li jiġu kkoordinati l-attivitajiet tad-diversi sħab involuti f'Copernicus, u li tiġi żviluppata, stabbilita u operata kapaċità ta' servizz u osservazzjoni li tissodisfa d-domandi tal-utenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (il-Kumitat Copernicus) fl-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-kontributi lil Copernicus mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi kif ukoll tal-koordinazzjoni mas-settur privat, billi jagħmel l-aħjar użu tal-kapaċitajiet eżistenti u jidentifika lakuni li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin ukoll lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni koerenti ta' Copernicus. Billi t-tmexxija pubblika tajba tirrikjedi ġestjoni uniformi ta' Copernicus, teħid iktar rapidu tad-deċiżjonijiet u aċċess ugwali għall-informazzjoni, ir-rappreżentanti tal-entitajiet inkarigati b'kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem bħala osservaturi fix-xogħol tal-Kumitat Copernicus. Għall-istess raġunijiet, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li kkonkludew ftehim internazzjonali mal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat Copernicus, soġġett għall-obbligi ta' sigurtà u kif previst fit-termini ta' tali ftehim. Dawk ir-rappreżentanti m'għandhomx ikunu intitolati li jieħdu sehem fil-proċeduri ta' votazzjoni tal-Kumitat Copernicus.

(34)

Il-ħidma tal-entitajiet li l-Kummissjoni tkun iddelegatilhom kompiti ta' implimentazzjoni għandha titkejjel u titqabbel ma' indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill indikazzjoni tal-progress tal-operazzjonijiet Copernicus u l-implimentazzjoni ta' Copernicus.

(35)

Ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1159/2013 (9) stabbilixxa l-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u l-għoti ta' liċenzji għal min juża l-GMES u ddefinixxa l-kriterji għar-restrizzjoni tal-aċċess għad-data ddedikata tal-GMES u l-informazzjoni tas-servizz tal-GMES.

(36)

Id-data u l-informazzjoni prodotti fil-qafas ta' Copernicus għandhom ikunu disponibbli fuq bażi sħiħa, miftuħa u mingħajr ħlas soġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet xierqa, sabiex jippromwovu l-użu u l-kondiviżjoni tagħhom, u sabiex jissaħħu s-swieq Ewropej tal-osservazzjoni tad-dinja, b'mod partikolari s-settur downstream, biex b'hekk jippermettu t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi.

(37)

Il-Kummissjoni għandha taħdem mal-fornituri tad-data biex jaqblu dwar il-kondizzjonijiet tal-liċenzja għad-data ta' partijiet terzi biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' din f'Copernicus, f'konformità ma' dan ir-Regolament u d-drittijiet applikabbli tal-partijiet terzi.

(38)

Għandhom jiġu kkunsidrati d-drittijiet ta' aċċess għad-data Sentinel ta' Copernicus mogħtija taħt il-Programm tal-Komponent Spazjali tal-GMES kif approvat mill-Bord tal-Programm tal-ESA dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja fl-24 ta' Settembru 2013.

(39)

Minħabba li Copernicus huwa programm ta' natura ċivili taħt kontroll ċivili, għandha tingħata prijorità lill-kisba ta' data u l-produzzjoni ta' informazzjoni, inkluż immaġini b'riżoluzzjoni għolja, li ma jikkostitwixxux riskju jew theddida għas-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Madankollu, minħabba li xi data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus jistgħu jeħtieġu protezzjoni, biex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni sigura ta' tali informazzjoni, fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-parteċipanti kollha f'Copernicus għandhom jiżguraw livell ta' protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE ekwivalenti għal dik prevista mir-regoli dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (10) u mir-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill stabbiliti fl-Annessi għad-Deċiżjoni 2013/488/UE (11).

(40)

Minħabba li xi data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus, inklużi immaġnijiet b'riżoluzzjoni għolja, jista' jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, f'każijiet debitament ġustifikati, il-Kunsill għandu jkollu s-setgħa li jadotta l-miżuri sabiex jittratta r-riskji u t-theddid għas-sigurtà tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(41)

L-Unjoni għandha tkun il-proprjetarju tal-assi kollha tanġibbli u intanġibbli li jinħolqu jew jiġu żviluppati permezz ta' Copernicus. Biex tikkonforma għal kollox mad-drittijiet fundamentali marbuta mas-sjieda, għandhom isiru l-arranġamenti meħtieġa mal-proprjetarji eżistenti. Għandu jinftiehem li d-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda ta' assi intanġibbli stipulati f' dan ir-Regolament ma jkoprux drittijiet intanġibbli li mhumiex trasferibbli skont liġijiet nazzjonali rilevanti. Tali sjieda mill-Unjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Unjoni, skont dan ir-Regolament u fejn jitqies adatt abbażi ta' valutazzjoni każ b'każ, tagħmel dawk l-assi disponibbli għal partijiet terzi jew tiddisponi minnhom. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha tkun tista' tittrasferixxi s-sjieda tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn xogħol taħt Copernicus, jew toħroġ liċenzja għalihom, fl-interess ta' teħid qawwi ta' servizzi ta' Copernicus minn utenti downstream.

(42)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, dawk imħallsa ħażin jew użati ħażin u, fejn adattat, penali amministrattivi u dawk finanzjarji f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

(43)

Peress li Copernicus huwa programm kumpless, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn esperti indipendenti minn kostitwenza wiesgħa ta' partijiet interessati, inkluż b'mod partikolari esperti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà nnominati mill-Istati Membri, rappreżentanti ta' entitajiet nazzjonali rilevanti responsabbli għall-ispazju u utenti ta' Copernicus, biex jipprovdulha l-kompetenza esperta teknika u xjentifika meħtieġa, kif ukoll perspettivi interdixxiplinarji u transettorjali, waqt li jitqiesu l-inizjattivi eżistenti rilevanti fuq il-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali.

(44)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament rigward l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komponenti tas-servizzi u tal-ispazju, aspetti ta' sigurtà u l-miżuri għall-promozzjoni tal-konverġenza tal-Istati Membri fl-użu ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus u l-aċċess tagħhom għat-teknoloġija u l-iżvilupp fl-osservazzjoni tad-dinja, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(45)

Peress li Copernicus għandu jkun indirizzat għall-utent, jeħtieġ l-involviment kontinwu u effettiv tal-utenti, b'mod partikolari rigward id-definizzjoni u l-validazzjoni ta' rekwiżiti tas-servizz. Sabiex jiżdied il-valur tal-utenti, il-kontribut tagħhom għandu jitfittex attivament permezz ta' konsultazzjoni regolari mal-utenti finali mis-setturi pubbliċi u privati. Għal dak il-għan, għandu jitwaqqaf grupp ta' ħidma (il-“Forum tal-Utenti”) biex jassisti lill-Kumitat Copernicus fl-identifikazzjoni tal-ħtiġjiet tal-utenti, il-verifika tal-konformità tas-servizz u l-koordinament tal-utenti tas-settur pubbliku.

(46)

Għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tar-rekwiżiti tad-data meħtieġa għall-evoluzzjoni tas-servizzi operattivi, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri dwar l-aċċess, ir-reġistrazzjoni u l-użu tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus, il-kriterji tekniċi speċifiċi meħtieġa biex ma jkunx hemm disturbi fid-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus u l-kriterji għar-restrizzjoni tal-ksib jew id-disseminazzjoni ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus minħabba drittijiet konfliġġenti. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fuq livell espert. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adattata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(47)

L-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati sabiex ikunu jistgħu jippermettu aġġustamenti mill-ġdid u evoluzzjonijiet ġodda. B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-effetti tal-politika tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus fuq il-partijiet interessati, l-utenti downstream, l-influwenza fuq in-negozju kif ukoll fuq l-investimenti nazzjonali u privati fl-infrastrutturi ta' osservazzjoni tad-dinja. L-evalwazzjoni għandha tindirizza wkoll l-involviment possibbli futur tal-aġenziji rilevanti Ewropej, bħall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea. Biex jinkisbu l-aħjar riżultati u ssir kapitalizzazzjoni tal-għarfien u l-kompetenza esperta miksuba waqt il-fażijiet tal-implimentazzjoni ta' Copernicus, għandhom jiġu studjati mudelli organizzattivi ġodda għall-ippjanar futur, li jiżgura impenn ekonomiku fit-tul.

(48)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif ta' Copernicus, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li jinkludi wkoll il-kapaċità pan-Ewropea u jiddependi fuq l-għoti koordinat ta' servizzi fl-Istati Membri kollha li għandu jiġi kkoordinat fil-livell tal-Unjoni, iżda minħabba l-iskala tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(49)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta'referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (13), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(50)

Huwa xieraq li l-perijodu ta' finanzjament ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak stipulat fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

(51)

Għalhekk huwa meħtieġ ukoll li r-Regolament (UE) Nru 911/2010 jitħassar sabiex jiġi stabbilit qafas adattat għall-governanza u l-finanzjament u sabiex jiġi żgurat Copernicus kompletament operattiv. Kwalunkwe miżura adottata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 911/2010 għandha tibqa' valida sabiex tiżgura l-kontinwità tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINANZJARJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi il-Copernicus, il-programm tal-Unjoni ta' osservazzjoni u monitoraġġ tad-dinja (“Copernicus”) u jistabilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Copernicus huwa programm ta' natura ċivili immexxi mill-utenti taħt kontroll ċivili, li jibni fuq kapaċitajiet eżistenti nazzjonali u dawk Ewropej, filwaqt li jiżgura kontinwità mal-attivitajiet miksuba taħt il-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà.

2.   Copernicus jikkonsisti mill-komponenti li ġejjin:

(a)

komponent ta' servizzi li jiżgura l-provvista ta' informazzjoni fl-oqsma li ġejjin: il-monitoraġġ tal-atmosfera, il-monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar, il-monitoraġġ tal-art, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni ta' emerġenzi, u s-sigurtà;

(b)

komponent spazjali li jiżgura osservazzjonijiet sostenibbli mill-ispazju għall-oqsma ta' servizz imsemmija fil-punt (a);

(c)

komponent in situ li jiżgura aċċess ikkoordinat għal osservazzjonijiet permezz ta' installazzjonijiet tal-ajru, tal-baħar u dawk tal-art għall-oqsma ta' servizz imsemmija fil-punt (a).

3.   Għandhom jiġu stabbiliti rabtiet u interfaċċi adattati bejn il-komponenti msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“missjonijiet dedikati” tfisser il-missjonijiet ta' osservazzjoni tad-dinja mill-ispazju għall-użu u mħaddma f'Copernicus, b'mod partikolari l-missjonijiet Sentinel;

(2)

“missjonijiet kontribwenti” tfisser il-missjonijiet ta' osservazzjoni tad-dinja mill-ispazju li jipprovdu data lil Copernicus li tikkumplementa data pprovduta mill-missjonijiet dedikati;

(3)

“data ta' missjonijiet dedikati” tfisser data ta' osservazzjoni tad-dinja mill-ispazju minn missjonijiet dedikati għall-użu f'Copernicus;

(4)

“data ta' missjonijiet kontribwenti” tfisser data ta' osservazzjoni tad-dinja mill-ispazju minn missjonijiet kontribwenti li ġiet illiċenzjati jew prevista għall-użu f'Copernicus;

(5)

“data in situ” tfisser data ta' osservazzjoni minn sensuri fuq l-art, fil-baħar jew fl-arja flimkien ma' data ta' referenza jew anċillari li nħarġitilha liċenzja jew prevista għall-użu f'Copernicus;

(6)

“data u informazzjoni ta' parti terza” tfisser data u informazzjoni li nħolqot barra l-ambitu ta' Copernicus u li jinħtieġu għall-implimentazzjoni tal-objettivi tiegħu;

(7)

“data ta' Copernicus” tfisser data ta' missjonijiet dedikati, data ta' missjonijiet kontribwenti u data in situ;

(8)

“informazzjoni ta' Copernicus” tfisser informazzjoni mis-servizzi ta' Copernicus imsemmija fl-Artikolu 5(1) wara l-ipproċessar jew l-immudellar tad-data ta' Copernicus;

(9)

“Utenti ta' Copernicus” tfisser:

(a)

utenti ewlenin ta' Copernicus: Istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali fdati bid-definizzjoni, l-implimentazzjoni, l-infurzar jew il-monitoraġġ ta' servizz pubbliku jew politika fl-oqsma msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2);

(b)

utenti ta' riċerka: universitajiet jew kwalunkwe organizzazzjoni oħra edukattiva u ta' riċerka;

(c)

utenti kummerċjali u dawk privati;

(d)

għaqdiet ta' karità, organizzazzjonijiet nongovernattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 4

Objettivi

1.   Copernicus għandu jikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

li jwettaq monitoraġġ tad-dinja bħala appoġġ għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-isforzi tal-protezzjoni ċivili u s-sigurtà ċivili;

(b)

li jamplifika kemm jista' jkun il-benefiċċji soċjoekonomiċi, biex b'hekk tiġi appoġġata l-istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi tagħha ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv billi jiġi promoss l-użu tal-osservazzjoni tad-dinja f'applikazzjonijiet u servizzi;

(c)

li jrawwem l-iżvilupp ta' industrija Ewropea kompetittiva tal-ispazju u s-servizzi u jamplifika kemm jista' jkun l-opportunitajiet għal intrapriżi Ewropej biex jiġu żviluppati u pprovduti sistemi u servizzi innovattivi ta' osservazzjoni tad-dinja;

(d)

li jiżgura aċċess awtonomu għall-għarfien ambjentali u t-teknoloġiji ewlenin għas-servizzi ta' osservazzjoni u ġeoinformazzjoni dinjija, biex b'hekk l-Ewropa tkun tista' tieħu deċiżjonijiet u azzjonijiet b'mod indipendenti;

(e)

li jappoġġa u jikkontribwixxi għall-politiki Ewropej u jippromwovi inizjattivi globali, bħall-GEOSS.

2.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali, stipulati fil-paragrafu 1, Copernicus għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jwassal data u informazzjoni preċiżi u affidabbli lill-utenti ta' Copernicus, ipprovduti fuq bażi fit-tul u sostenibbli li permezz tagħhom ikunu jistgħu jitwettqu s-servizzi msemmija fl-Artikolu 5(1) u li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-utenti ewlenin ta' Copernicus;

(b)

li jipprovdi aċċess sostenibbli u affidabbli għad-data u l-informazzjoni spazjali minn kapaċità awtonoma Ewropea ta' osservazzjoni tad-dinja bi speċifikazzjonijiet tekniċi konsistenti u jibni fuq l-assi u l-kapaċitajiet Ewropej u nazzjonali attwali, u jikkumplementahom fejn ikun meħtieġ;

(c)

li jipprovdi aċċess sostenibbli u affidabbli lil data in situ, filwaqt li jiddependi, b'mod partikolari, fuq kapaċitajiet eżistenti li jiġu operati fuq livell Ewropew u dak nazzjonali, u fuq sistemi u netwerks ta' osservazzjoni globali.

3.   Il-kisba tal-objettivi stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandha titkejjel bl-indikaturi ta' riżultati li ġejjin:

(a)

id-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus ikunu disponibbli skont ir-rekwiżiti rispettivi ta' għoti ta' livell ta' servizz għall-ambjent, il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà ċivili;

(b)

domanda ikbar għad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus imkejla mill-progressjoni fl-għadd ta' utenti, mill-volum ta' data u ta' informazzjoni ta' valur miżjud, li jkunu ġew aċċessati min-numru ikbar ta' servizzi downstream, u mit-twessigħ tad-distribuzzjoni fl-Istati Membri u l-Unjoni;

(c)

l-użu tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus mill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, dawk reġjonali jew lokali, inkluż il-livell ta' adozzjoni u sodisfazzjoni tal-utenti, u l-benefiċċji pprovduti lil soċjetajiet Ewropej;

(d)

il-penetrazzjoni tas-suq, inkluża l-espansjoni ta' swieq eżistenti u l-ħolqien ta' swieq ġodda u l-kompetittività tal-operaturi downstream Ewropej;

(e)

id-disponibbiltà sostenibbli tad-data ta' Copernicus li tappoġġa lis-servizzi ta' Copernicus.

Artikolu 5

Komponent ta' servizzi ta' Copernicus

1.   Il-komponent ta' servizzi ta' Copernicus għandu jikkonsisti mis-servizzi li ġejjin:

(a)

is-servizz ta' monitoraġġ tal-atmosfera, li għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja fuq skala Ewropea, u l-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera fuq skala globali. Dan għandu b'mod partikolari jipprovdi informazzjoni għas-sistemi ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja mħaddma fuq skali lokali sa dawk nazzjonali, u għandu jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-parametri klimatiċi tal-kompożizzjoni atmosferika, inkluż, fejn hu fattibbli, l-interazzjoni mal-kopertura tal-foresti;

(b)

is-servizz ta' monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar, li għandu jipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u d-dinamika ta' ekosistemi fiżiċi tal-oċean u tal-baħar għall-oċean globali u għaż-żoni tal-baħar reġjonali Ewropej, b'appoġġ għas-sigurtà marittima, kontribut għall-monitoraġġ taċ-ċirkolazzjoni tal-iskart, l-ambjent tal-baħar, ir-reġjuni kostali u dawk polari, u għar-riżorsi tal-baħar kif ukoll għat-tbassir meteoroloġiku u l-monitoraġġ tal-klima;

(c)

is-servizz ta' monitoraġġ tal-art, li għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-użu tal-art u l-kopertura tal-art, il-krijosfera, it-tibdil fil-klima u l-parametri bioġeofiżiċi, inkluż id-dinamika tagħhom, b'appoġġ għall-monitoraġġ ambjentali minn perspettiva globali sa dik lokali tal-bijodiversità, il-ħamrija, l-ilmijiet interni u tal-kosta, il-foresti u l-veġetazzjoni, u r-riżorsi naturali, kif ukoll fl-implimentazzjoni inġenerali ta' politiki tal-ambjent, l-agrikoltura, l-iżvilupp, l-enerġija, l-ippjanar urban, l-infrastruttura u t-trasport;

(d)

is-servizz dwar it-tibdil fil-klima, li għandu jipprovdi informazzjoni biex tiżdied il-bażi ta' għarfien għall-appoġġ ta' politiki ta' adattament u ta' mitigazzjoni. Dan għandu jikkontribwixxi b'mod partikolari għall-provvista ta' Parametri Essenzjali tal-Klima, analiżi tal-klima, projezzjonijiet u indikaturi fuq skali temporali u spazjali rilevanti għall-istrateġiji ta' adattament u ta' mitigazzjoni għad-diversi oqsma ta' benefiċċju settorjali u soċjetali tal-Unjoni;

(e)

is-servizz ta' ġestjoni ta' emerġenzi, li għandu jipprovdi informazzjoni għal rispons f'emerġenza rigward tipi ta' diżastri differenti, inklużi perikoli meteoroloġiċi, perikoli ġeofiżiċi, diżastri magħmula mill-bniedem intenzjonalment u aċċidentalment u diżastri umanitarji oħra, kif ukoll attivitajiet ta' prevenzjoni, tħejjija, rispons u ta' rkupru;

(f)

is-servizz ta' sigurtà, li għandu jipprovdi informazzjoni b'appoġġ għall-isfidi tas-sigurtà ċivili tal-Ewropa filwaqt li jtejjeb il-kapaċitajiet ta' prevenzjoni tal-kriżijiet, ta' tħejjija u ta' reazzjoni, b'mod partikolari għal sorveljanza fuq il-fruntiera u marittima, iżda flimkien ma' appoġġ għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-arrangamenti ta' kooperazzjoni li jistgħu jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u diversi korpi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, b'mod partikolari ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-provvista tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, ikunu kosteffettivi u deċentralizzati fejn adatt, jiġu integrati fuq livell Ewropew id-data u l-kapaċitajiet eżistenti in situ u dawk ta' referenza fl-Istati Membri, biex b'hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni. L-akkwist ta' data ġdida li tidduplika sorsi eżistenti għandha tiġi evitata, ħlief jekk l-użu ta' settijiet ta' data eżistenti jew aġġornabbli ma jkunx teknikament vijabbli, kosteffettiv jew possibbli fi żmien opportun.

Is-servizzi għandhom jimplimentaw sistemi rigorużi għall-kontroll tal-kwalità u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-livelli ta' servizz, inklużi d-disponibbiltà, l-affidabbiltà, il-kwalità u l-puntwalità.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-evoluzzjoni tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 u l-adozzjoni tagħhom mis-settur pubbliku, għandhom jitwettqu wkoll l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

attivitajiet ta' żvilupp bl-għan li jitjiebu l-kwalità u l-prestazzjoni ta' servizzi, inklużi l-evoluzzjoni u l-adattament tagħhom, filwaqt li jiġu evitati jew mitigati r-riskji operazzjonali u jiġu sfruttati sinerġiji ma' attivitajiet relatati, eżempju taħt Orizzont 2020;

(b)

attivitajiet ta' appoġġ li jikkonsistu minn miżuri biex jippromwovu l-użu u l-adozzjoni tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus minn:

(i)

awtoritajiet pubbliċi fdati bid-definizzjoni, l-implimentazzjoni, l-infurzar jew il-monitoraġġ ta' servizz pubbliku jew oqsma ta' politika msemmija fil-paragrafu 1. Dan għandu jinkludi l-bini ta' kapaċità u l-iżvilupp ta' proċeduri u għodod standard sabiex jiġu integrati d-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus fil-fluss ta' xogħol tal-utenti;

(ii)

utenti oħra u applikazzjonijiet downstream. Dak għandu jinkludi l-attivitajiet ta' lħuq, taħriġ u dawk ta' disseminazzjoni.

Artikolu 6

Il-komponent spazjali ta' Copernicus

1.   Il-komponent spazjali ta' Copernicus għandu jipprovdi osservazzjonijiet mill-ispazju, li jservu primarjament is-servizzi msemmija fl-Artikolu 5(1).

2.   Il-komponent spazjali ta' Copernicus għandu jikkonsisti minn missjonijiet dedikati u data ta' missjonijiet kontribwenti, u jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

provvista ta' osservazzjonijiet mill-ispazju, inklużi:

(i)

it-tlestija, iż-żamma u l-operazzjoni ta' missjonijiet dedikati, inkluża d-definizzjoni tal-kompiti tas-satelliti, il-monitoraġġ u l-kontroll tas-satelliti, ir-riċeviment, l-ipproċessar, l-arkivjar u d-disseminazzjoni ta' data, il-kalibrazzjoni u l-validazzjoni permanenti;

(ii)

il-provvista ta' data in situ għall-kalibrazzjoni u l-validazzjoni ta' osservazzjonijiet minn missjonijiet dedikati;

(iii)

il-provvista, l-arkivjar u d-disseminazzjoni ta' data ta' missjonijiet kontribwenti li jikkomplementaw id-data ta' missjonijiet dedikati;

(b)

attivitajiet b'rispons għall-ħtiġijiet evolventi tal-utenti, inklużi:

(i)

identifikazzjoni ta' lakuni ta' osservazzjoni u speċifikazzjoni ta' missjonijiet dedikati ġodda fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-utenti;

(ii)

żviluppi bl-għan li jiġu mmodernizzati u kkomplementati l-missjonijiet dedikati, inkluż id-disinn u l-akkwist ta' elementi ġodda tal-infrastruttura spazjali relatata;

(c)

protezzjoni tas-satelliti kontra r-riskju ta' kolliżjoni b'kont meħud tal-qafas tal-Unjoni ta' appoġġ għas-sorveljanza u t-traċċar fl-ispazju;

(d)

dekummissjonar sikur tas-satelliti fit-tmiem tal-ħajja tagħhom.

Artikolu 7

Il-komponent in situ ta' Copernicus

1.   Il-komponent in situ ta' Copernicus għandu jipprovdi l-aċċess għal data in situ, filwaqt li jservi primarjament lis-servizzi ta' Copernicus imsemmija fl-Artikolu 5(1).

Huwa għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-provvista ta' data in situ lis-servizzi operazzjonali, inkluża data in situ ta' partijiet terzi fuq il-livell internazzjonali, fuq il-bażi ta' kapaċitajiet eżistenti;

(b)

il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-ġbir u l-provvista ta' data in situ;

(c)

assistenza teknika lill-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tas-servizz għal data ta' osservazzjoni in situ;

(d)

il-kooperazzjoni ma' operaturi in situ biex tiġi promossa l-konsistenza ta' attivitajiet ta' żvilupp relatati mal-infrastruttura u n-netwerks ta' osservazzjoni in situ;

(e)

l-identifikazzjoni ta' lakuni fl-osservazzjonijiet in situ li ma jistgħux jimtlew minn infrastruttura u netwerks eżistenti, inkluż fuq il-livell globali, u l-indirizzar tagħhom, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

2.   Id-data in situ għandha tintuża f'Copernicus f'konformità mad-drittijiet applikabbli ta' partijiet terzi, inklużi dawk tal-Istati Membri, u r-restrizzjonijiet applikabbli dwar l-użu jew id-distribuzzjoni mill-ġdid.

3.   F'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tista' tafda, b'mod parzjali jew bis-sħiħ, l-attivitajiet tal-komponent in situ lill-operaturi tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 11(1) ta' dan ir-Regolament jew, meta tkun tinħtieġ koordinazzjoni globali, lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Artikolu 8

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7 huwa ta' EUR 4 291,48 miljun fi prezzijiet attwali għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqassam fil-kategoriji ta' nfiq li ġejjin fil-prezzijiet attwali:

(a)

għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 5 u 7, EUR 897,415 miljun;

(b)

għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6, EUR 3 394,065miljun, inkluż ammont massimu ta' EUR 26,5 miljun għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(2).

3.   Il-Kummissjoni tista' talloka mill-ġdid fondi minn kategorija ta' nfiq waħda, kif stipulat fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, għal oħra, sa limitu ta' 10 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. Fejn l-allokazzjoni mill-ġdid jilħaq ammont kumulattiv akbar minn 10 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Copernicus, f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 30(3).

4.   L-interessi ġġenerati minn pagamenti ta' qabel il-finanzjament li jkunu saru lil entitajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġit b'mod indirett għandhom jiġu assenjati għal attivitajiet skont il-ftehim tad-delega jew il-kuntratt li jkun ġie konkluż bejn il-Kummissjoni u l-entità kkonċernata. F'konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, l-entitajiet responsabbli mill-implimentazzjoni indiretta tal-baġit għandhom jiftħu kontijiet li jippermettu li l-fondi u l-interessi korrispondenti jiġu identifikati.

5.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali. L-impenji baġitarji għal attivitajiet li jestendu fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jitqassmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali.

6.   L-allokazzjoni finanzjarja għal Copernicus tista' tkopri wkoll spejjeż relatati ma' attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u ta' evalwazzjoni li jinħtieġu direttament għall-ġestjoni ta' Copernicus u għall-ksib tal-objettivi tiegħu, inklużi studji, laqgħat, azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, kif ukoll spejjeż marbuta ma' netwerks tal-IT li jiffokaw fuq l-ipproċessar ta' informazzjoni u l-iskambju ta' data.

7.   Il-Kummissjoni tista' tafda l-implimentazzjoni ta' Copernicus lill-entitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju. Fejn il-baġit ta' Copernicus jiġi implimentat permezz ta' ġestjoni indiretta abbażi tal-Artikoli 10(3) jew 11(1), sa fejn ikun permess skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju, għandhom japplikaw ir-regoli dwar l-akkwist tal-entitajiet fdati bil-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit. L-aġġustamenti speċifiċi meħtieġa għal dawk ir-regoli kif ukoll l-arranġamenti għat-tiġdid tal-kuntratti eżistenti, għandhom ikunu ddefiniti fil-ftehimiet ta' delega korrispondenti.

KAPITOLU II

GOVERNANZA TA' COPERNICUS

Artikolu 9

Rwol tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha r-responsabbiltà globali għal Copernicusu għall-koordinazzjoni tal-komponenti differenti tiegħu. Hija għandha tamministra l-fondi allokati taħt dan ir-Regolament u tissorvelja l-implimentazzjoni ta' Copernicus inklużi l-istabbiliment tal-prijoritajiet, l-involviment tal-utenti, l-ispejjeż, l-iskeda, it-twettiq u l-akkwist.

2.   Il-Kummissjoni għandha tamministra, f'isem l-Unjoni u fil-qasam tal-kompetenza tagħha, ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tiżgura l-koordinazzjoni ta' Copernicus ma' attivitajiet fuq il-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bl-għan tat-twettiq operazzjonali ta' servizzi u d-disponibbiltà fit-tul tad-data ta' osservazzjoni meħtieġa.

4.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-iżvilupp adatt tas-servizzi ta' Copernicus u tiżgura l-komplementarjetà, il-konsistenza u r-rabtiet bejn Copernicus u l-politiki, l-istrumenti, il-programmi u l-azzjonijiet l-oħra rilevanti tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li dawk il-politiki, l-istrumenti, programmi u azzjonijiet jibbenefikaw mis-servizzi ta' Copernicus.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi ambjent ta' investiment stabbli fuq medda twila ta' żmien u tikkonsulta mal-partijiet interessati meta tiddeċiedi li tbiddel il-prodotti tas-servizzi kemm tad-data ta' Copernicus kif ukoll tal-informazzjoni ta' Copernicus koperti minn dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe entità fdata b'kompiti ta' implimentazzjoni għandha tipprovdi s-servizzi tagħha lill-Istati Membri kollha.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 31 dwar l-istabbiliment tar-rekwiżiti tad-data għall-evoluzzjoni tal-komponent tas-servizz Copernicus imsemmi fl-Artikolu 5(1).

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 30(4) dwar:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komponent ta' servizz ta' Copernicus, imsemmija fl-Artikolu 5(1), rigward l-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komponent spazjali ta' Copernicus, imsemmija fl-Artikolu 6, rigward l-implimentazzjoni u l-evoluzzjoni tiegħu fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-utenti.

9.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew, fi żmien opportun, l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' Copernicus, b'mod partikolari f'termini tal-ġestjoni ta' riskji, l-ispiża globali, l-ispejjeż operazzjonali annwali ta' kull element sinifikanti tal-infrastruttura ta' Copernicus, l-iskeda, it-twettiq, l-akkwist u l-valutazzjoni tal-ġestjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

Artikolu 10

Ir-rwol tal-Aġenzija Spazjali Ewropea

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' delega mal-ESA filwaqt li tafdaha bil-kompiti li ġejjin:

(a)

l-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-komponent spazjali ta' Copernicus;

(b)

id-definizzjoni tal-arkitettura tas-sistema globali għall-komponent spazjali ta' Copernicus u l-evoluzzjoni tagħha fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-utenti, ikkoordinati mill-Kummissjoni;

(c)

il-ġestjoni tal-fondi allokati;

(d)

l-iżgurar tal-proċeduri ta' monitoraġġ u ta' kontroll;

(e)

l-iżvilupp ta' missjonijiet dedikati ġodda;

(f)

l-akkwist ta' missjonijiet dedikati rikorrenti;

(g)

it-tħaddim tal-missjonijiet dedikati, bl-eċċezzjoni ta' dawk imwettqa mill-EUMETSAT skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(h)

il-koordinazzjoni ta' skema għal aċċess għal data ta' missjonijiet kontribwenti mis-servizzi ta' Copernicus;

(i)

l-akkwist tad-drittijiet ta' aċċess u n-negozar ta' kondizzjonijiet ta' użu tad-data ta' satelliti kummerċjali meħtieġa mis-servizzi ta' Copernicus imsemmi fl-Artikolu 5(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' delega mal-EUMETSAT filwaqt li tafdaha bir-responsabbiltà li tħaddem missjonijiet dedikati u tipprovdi aċċess għad-data ta' missjonijiet kontribwenti, skont il-mandat u l-kompetenza esperta tagħha.

3.   Il-ftehimiet ta' delega mal-ESA u l-EUMETSAT għandhom jiġu konklużi fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delega adottata mill-Kummissjoni f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   F'konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju, l-ESA u l-EUMETSAT għandhom jaġixxu, fejn adatt, bħala awtoritajiet kontraenti bil-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kompiti ta' akkwist iddelegati lilhom.

5   Il-ftehimiet ta' delega, safejn meħtieġa għall-kompiti u l-implimentazzjoni baġitarja ddelegati, għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet ġenerali għall-ġestjoni tal-fondi fdati lill-ESA u l-EUMETSAT u għandhom iqisu, fejn adatt, ix-Xenarju Fit-Tul (LTS) tal-ESA. B'mod partikolari, huma għandhom jistipulaw l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fir-rigward tal-iżvilupp, l-akkwist u l-operazzjoni tal-komponent spażjali ta' Copernicus, il-finanzjament rilevanti, il-proċeduri ta' ġestjoni u l-miżuri ta' monitoraġġ u kontroll, il-miżuri applikabbli fil-każ ta' implimentazzjoni inadegwata tal-kuntratti f'termini tal-ispejjeż, l-iskeda, it-twettiq u l-akkwist, kif ukoll ir-regoli dwar is-sjieda tal-assi tanġibbli u dawk intanġibbli kollha.

6.   Il-miżuri ta' monitoraġġ u ta' kontroll, għandhom, b'mod partikolari, jipprevedu sistema provviżorja għat-tbassir ta' spiża, informazzjoni sistematika lill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż u l-iskeda, u, fil-każ ta' diskrepanza bejn il-baġits ippjanati, it-twettiq u l-iskeda, għal azzjoni korrettiva li tiżgura l-implimentazzjoni tal-attivitajiet fil-limiti tal-baġits allokati.

7.   Il-Kumitat Copernicus għandu jiġi kkonsultat dwar id-deċiżjoni ta' delega msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 30(3). Il-Kumitat Copernicus għandu jiġi infurmat minn qabel dwar il-ftehimiet ta' delega li għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, mal-ESA u l-EUMETSAT.

8.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat Copernicus dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-offerti ta' akkwist u tal-kuntratti ma' entitajiet fis-settur privat li għandhom jiġu konklużi mill-ESA u l-EUMETSAT, inkluża l-informazzjoni relatata mas-subkuntrattar.

Artikolu 11

Operaturi tas-Servizz

1.   Il-Kummissjoni tista' tafda l-kompiti ta' implimentazzjoni tal-komponent ta' servizz, permezz ta' ftehimiet ta' delega jew ftehimiet kuntrattwali, fejn debitament ġustifikat min-natura speċjali tal-azzjoni u kompetenza esperta eżistenti speċifika, il-mandat, il-kapaċità tal-operazzjoni u l-ġestjoni, fost l-oħrajn, lill-entitajiet li ġejjin:

(a)

l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA);

(b)

l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX);

(c)

l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA);

(d)

iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN);

(e)

iċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perijodu Medju (ECMWF);

(f)

aġenziji, gruppi jew konsorzji Ewropej oħra rilevanti ta' korpi nazzjonali.

Il-ftehimiet ta' delega mal-operaturi tas-servizz għandhom jiġu konklużi fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delega adottata mill-Kummissjoni f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   L-għażla tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont dovut tal-kosteffiċjenza li wieħed jafda dawk il-kompiti lil ħaddieħor u l-impatt fuq l-istruttura ta' governanza tal-entitajiet u fuq ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħhom.

3.   Il-Kumitat Copernicus għandu jiġi kkonsultat dwar id-deċiżjoni ta' delega msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 30(3). Il-Kumitat Copernicus għandu jiġi infurmat minn qabel dwar il-ftehimiet ta' delega li għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-operaturi tas-servizz.

Artikolu 12

Programm ta' ħidma tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tadotta programm ta' ħidma annwali għal Copernicus skont l-Artikolu 84 tar-Regolament Finanzjarju.

2   Il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi pjan ta' implimentazzjoni, li jagħti dettalji dwar l-azzjonijiet li jagħmlu parti mill-komponenti ta' Copernicus imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7 u għandu jħares 'il quddiem, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tal-utenti u l-iżviluppi teknoloġiċi li qed jevolvu.

3.   Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(4) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Kooperazzjoni mal-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-Istati Membri sabiex ittejjeb l-iskambju ta' data u informazzjoni bejniethom u trawwem l-iżvilupp tad-distribuzzjoni tad-data fil-livelli reġjonali u dawk lokali. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li d-data u l-informazzjoni meħtieġa jkunu disponibbli għal Copernicus. Il-missjonijiet kontribwenti, is-servizzi u l-infrastrutturi in situ tal-Istati Membri huma kontribuzzjonijiet essenzjali għal Copernicus.

2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri biex jiġi promoss l-użu tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus mill-Istati Membri u jiġi appoġġat l-aċċess tagħhom għat-teknoloġija u l-iżvilupp fl-Osservazzjoni tad-Dinja. Tali miżuri ma għandux ikollhom l-effett li jgħawġu l-kompetizzjoni ħielsa. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(4).

KAPITOLU III

AKKWIST PUBBLIKU

TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-akkwist pubbliku

Artikolu 14

Prinċipji ġenerali

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(7) u l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew tas-sigurtà pubblika jew biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, ir-Regolament Finanzjarju, u b'mod partikolari l-prinċipji ta' aċċess miftuħ u kompetizzjoni ġusta tul il-katina tal-provvista industrijali, l-offerti fuq il-bażi tal-għoti ta' informazzjoni trasparenti u f'waqtha, il-komunikazzjoni ċara tar-regoli applikabbli dwar l-akkwist, il-kriterji tal-għażla u tal-għoti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tippermetti kondizzjonijiet ekwi għall-offerenti potenzjali kollha, għandu japplika għal Copernicus.

Artikolu 15

Objettivi speċifiċi

Matul il-proċedura tal-akkwist, għandhom jiġu segwiti l-objettivi li ġejjin mill-awtoritajiet kontraenti fis-sejħiet għall-offerti tagħhom:

(a)

li tiġi promossa l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa u miftuħa possibbli fl-Unjoni mill-operaturi ekonomiċi kollha, b'mod partikolari minn min jidħol ġdid u mill-SMEs, inkluż permezz tal-inkoraġġiment għar-rikors għas-subkuntrattar mill-offerenti;

(b)

li jiġu evitati l-abbuż possibbli ta' pożizzjoni dominanti u d-dipendenza fuq fornitur uniku;

(c)

li jittieħed vantaġġ mill-investimenti preċedenti fis-settur pubbliku u mil-lezzjonijiet meħuda kif ukoll mill-esperjenza u l-kompetenza esperta industrijali, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm konformità mar-regoli tas-sejħiet għall-offerti kompetittivi;

(d)

li tiġi segwita l-provvista minn diversi fornituri kull fejn adatt sabiex jiġi żgurat kontroll globali aħjar ta' Copernicus, tal-ispejjeż u tal-iskeda tiegħu;

(e)

li jittieħed kont kull fejn adatt tal-ispiża totali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja utli tal-prodott, is-servizz jew ix-xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti.

TAQSIMA II

Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-akkwist pubbliku

Artikolu 16

L-istabbiliment ta' kondizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusti

L-awtorità kontraenti għandha tieħu l-miżuri adatti biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta meta involviment preċedenti ta' operatur ekonomiku f'attivitajiet assoċjati mas-suġġett tas-sejħa għall-offerti:

(a)

jista' jagħti vantaġġi sinifikanti lil dak l-operatur ekonomiku f'termini ta' informazzjoni privileġġata u għalhekk jista' jagħti lok għal tħassib dwar il-konformità mat-trattament ugwali; jew

(b)

jaffettwa l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni normali jew l-imparzjalità u l-oġġettività tal-għoti jew it-twettiq tal-kuntratti.

Dawn il-miżuri ma għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni, jew jikkompromettu t-trattament ugwali jew il-kunfidenzjalità ta' data miġbura dwar l-impriżi, ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-istruttura tal-ispejjeż tagħhom. F'dak il-kuntest, dawk il-miżuri għandhom jieħdu kont tan-natura u l-partikolaritajiet tal-kuntratt maħsub.

Artikolu 17

Sigurtà tal-informazzjoni

Fejn il-kuntratti jinvolvu, jeħtieġu u/jew jinkludu informazzjoni klassifikata, l-awtoritàkontraenti għandha tispeċifika fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti l-miżuri u r-rekwiżiti meħtieġa sabiex tkun żgurata s-sigurtà ta' din l-informazzjoni fil-livell meħtieġ.

Artikolu 18

Affidabbiltà tal-provvista

L-awtorità kontraenti għandha tispeċifika, fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, ir-rekwiżiti tagħha rigward l-affidabbiltà tal-provvisti u tal-forniment ta' servizzi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Artikolu 19

Kuntratt kondizzjonali b'pagamenti fi stadji

1.   L-awtorità kontraenti tista' tagħti kuntratt fl-għamla ta' kuntratt kondizzjonali ta' pagamenti fi stadji.

2.   Kuntratt kondizzjonali b'pagamenti fi stadji għandu jinkludi stadju fiss li jkun akkumpanjat minn impenn baġitarju li jirriżulta f'impenn sod li jingħataw ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi kuntrattati għal dak l-istadju u stadju wieħed jew aktar li jkunu kondizzjonali f'termini kemm tal-baġit kif ukoll tal-eżekuzzjoni. Id-dokumenti tal-sejħa għall-offerti għandhom jirreferu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratti kondizzjonali b'pagamenti fi stadji. B'mod partikolari, dawn għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kuntratt, il-prezz jew l-arranġamenti għad-determinazzjoni tal-prezz u l-arranġamenti għall-forniment tal-provvisti u s-servizzi f'kull stadju.

3.   L-obbligi tal-istadju fiss għandhom ikunu parti minn parti sħiħa konsistenti; l-istess japplika għall-obbligi f'kull stadju kondizzjonali, filwaqt li jittieħed kont tal-obbligi fl-istadji preċedenti.

4.   It-twettiq ta' kull stadju kondizzjonali għandha tiġi soġġetta għal deċiżjoni mill-awtorità kontraenti, innotifikata lill-kuntrattur f'konformità mal-kuntratt. Meta stadju kondizzjonali jiġu kkonfermat tard jew ma jiġix ikkonfermat, il-kuntrattur jista' jibbenefika, jekk il-kuntratt jipprevedi hekk u skont il-kondizzjonijiet stipulati fih, minn allokazzjoni ta' trasferiment u allokazzjoni ta' noneżekuzzjoni.

5.   Fejn, rigward stadju partikolari, l-awtorità kontraenti tinnota li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li ġew miftiehma għal dak l-istadju ma jkunux saru, hija tista' titlob li titħallas għad-danni u ttemm il-kuntratt, jekk il-kuntratt jipprevedi dan u skont il-kondizzjonijiet stipulati fih.

Artikolu 20

Kuntratti ta' rimborż tal-ispejjeż

1.   L-awtorità kontraenti tista' tagħżel kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż sa ammont limitu, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2.

Il-prezz li għandu jitħallas għal tali kuntratti għandu jikkonsisti minn rimborż tal-ispejjeż diretti kollha mġarrba mill-kuntrattur fit-twettiq tal-kuntratt, bħall-infiq fuq il-ħaddiema, il-materjali, l-oġġetti għall-konsum, u l-użu ta' tagħmir u infrastrutturi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt. Dawn l-ispejjeż għandhom jiżdiedu b'tariffa fissa li tkopri l-ispejjeż indiretti u l-profitt, jew ammont li jkopri l-ispejjeż indiretti u l-kumpens ta' miżata ta' inċentiv abbażi tal-ilħuq tal-objettivi rigward it-twettiq u l-iskedi.

2.   L-awtorità kontraenti tista' tagħżel kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż meta ma jkunx oġġettivament possibbli li jiġi speċifikat prezz fiss preċiż u jekk ikun jista' jintwera b'mod raġonevoli li tali prezz fiss ikun abnormalment għoli minħabba l-inċertezzi inerenti fit-twettiq tal-kuntratt minħabba li:

(a)

il-kuntratt ikollu karatteristiċi kumplessi ħafna jew karatteristiċi li jirrikjedu l-użu ta' teknoloġija ġdida u li, għalhekk, jinkludi għadd sinifikanti ta' riskji tekniċi; jew

(b)

l-attivitajiet soġġetti għall-kuntratt għandhom, għal raġunijiet operazzjonali, jibdew b'mod immedjat anki jekk ma jkunx għadu possibbli li jiġi ddeterminat prezz fiss riġidu sħiħ minħabba r-riskji sinifikanti jew għaliex it-twettiq tal-kuntratt ikun jiddependi parzjalment mit-twettiq ta' kuntratti oħra.

3.   Il-prezz limitu għal kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż għandu jkun il-prezz massimu pagabbli. Dan jista' jinqabeż biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati u bi qbil minn qabel mill-awtorità kontraenti.

4.   Id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti ta' proċedura tal-akkwist għal kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż għandhom jispeċifikaw:

(a)

it-tip ta' kuntratt, jiġifieri jekk huwiex kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż sa prezz limitu;

(b)

għal kuntratt ta' rimborż parzjali tal-ispejjeż, l-elementi tal-kuntratt soġġetti għal rimborż tal-ispejjeż;

(c)

il-prezz limitu totali;

(d)

il-kriterji tal-għoti, li jistgħu jagħtu lok għall-plawsibbiltà tal-baġit globali stmat, tal-ispejjeż rimborżabbli, tal-mekkaniżmi għad-determinazzjoni ta' dawn l-ispejjeż, u l-profitt, imsemmija fis-sejħa għall-offerti li għandha tiġi vvalutata;

(e)

it-tip ta' żieda msemmija fil-paragrafu 1 li għandha tiġi applikata għall-ispejjeż diretti;

(f)

ir-regoli u l-proċeduri li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż ippjanati mill-offerent għat-twettiq tal-kuntratt, f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-paragrafu 5;

(g)

ir-regoli ta' kontabilità li l-offerenti għandhom jikkonformaw magħhom;

(h)

fil-każ ta' kuntratt ta' rimborż parzjali tal-ispejjeż li għandu jinbidel f'kuntratt ta' prezz fiss riġidu, il-parametri għal tali konverżjoni.

5.   L-ispejjeż iddikjarati mill-kuntrattur waqt it-twettiq ta' kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż għandhom ikunu eliġibbli biss jekk dawn:

(a)

tabilħaqq jiġġarrbu matul il-perijodu tal-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għat-tagħmir, l-infrastrutturi u l-assi fissi intanġibbli meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt li jistgħu jitqiesu eliġibbli għall-valur sħiħ tal-ammont tax-xiri tagħhom;

(b)

jissemmew fil-baġit globali stmat li jista' jiġi rivedut b'emendi għall-kuntratt inizjali;

(c)

ikunu meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt;

(d)

jirriżultaw minn u huma attribwibbli għat-twettiq tal-kuntratt;

(e)

ikunu identifikabbli, verifikabbli, imniżżla fir-rekords tal-kontabilità tal-kuntrattur u ddeterminati f'konformità mal-istandards ta' kontabilità msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet u fil-kuntratt;

(f)

jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi applikabbli tat-taxxa u dik soċjali;

(g)

ma jidderogawx mit-termini tal-kuntratt;

(h)

ikunu raġonevoli, ġustifikati u konformi mar-rekwiżiti ta' ġestjoni finanzjarja tajba, b'mod partikolari rigward l-ekonomija u l-effiċjenza.

Il-kuntrattur għandu jkun responsabbli għall-kontabilità tal-ispejjeż tiegħu, u għaż-żamma ta' rekords tal-kontabilità tajbin jew kwalunkwe dokument ieħor meħtieġ biex juri li l-ispejjeż li għalihom intalab rimborż ikunu iġġarrbu u li jikkonforma mal-prinċipji stipulati f'dan l-Artikolu. Spejjeż li ma jistgħux jiġu sostanzjati mill-kuntrattur għandhom jitqiesu li mhumiex eliġġibbli u r-rimborż tagħhom għandu jiġi rrifjutat.

6.   L-awtorità kontraenti għandha tkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin sabiex jiġi żgurat it-twettiq korrett tal-kuntratti tar-rimborż tal-ispejjeż:

(a)

tiddetermina l-prezz limitu l-aktar realistiku possibbli, filwaqt li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex tintegra d-diffikultajiet tekniċi;

(b)

tikkonverti kuntratt ta' rimborż tal-ispejjeż parzjali f'kuntratt ta' prezz fiss riġidu sħiħ hekk kif ikun possibbli li jiġi ddeterminat dan il-prezz fiss riġidu waqt it-twettiq tal-kuntratt. Għal din ir-raġuni, hija għandha tiddetermina l-parametri ta' konverżjoni biex jiġi kkonvertit kuntratt konkluż fuq bażi ta' rimborż tal-ispejjeż għal kuntratt bi prezz fiss riġidu;

(c)

timplimenta miżuri ta' monitoraġġ u ta' kontroll li jipprovdu, b'mod partikolari, sistema ta' previżjoni tal-ispejjeż stmati;

(d)

tiddetermina l-prinċipji, l-għodod u l-proċeduri adatti għall-implimentazzjoni ta' kuntratti, b'mod partikolari għall-identifikazzjoni u l-kontroll tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati mill-kuntrattur jew is-subkuntratturi tiegħu matul it-twettiq tal-kuntratt, u għall-introduzzjoni ta' emendi fil-kuntratt;

(e)

tivverifika li l-kuntrattur u s-subkuntratturi tiegħu jikkonformaw mal-istandards ta' kontabilità stipulati fil-kuntratt u mal-obbligu li jipprovdu d-dokumenti tal-kontabilità tagħhom li għandhom jippreżentaw verżjoni vera u ġusta tal-kontijiet;

(f)

matul it-twettiq tal-kuntratt, hija għandha tiżgura b'mod kontinwu l-effettività tal-prinċipji, l-għodod u l-proċeduri msemmija fil-punt (d).

Artikolu 21

Emendi

L-awtorità kontraenti u l-kuntratturi jistgħu jibdlu l-kuntratt b'emenda bil-kondizzjoni li din l-emenda tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ma tibdilx is-suġġett tal-kuntratt;

(b)

ma tfixkilx il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt;

(c)

ma tintroduċix kondizzjonijiet li, li kieku dehru mill-bidu fid-dokumenti tal-kuntratt, kienu jippermettu l-ammissjoni ta' offerenti li mhumiex dawk li ġew ammessi inizjalment jew kienu jippermettu li tiġi aċċettata offerta li mhijiex dik li ġiet aċċettata inizjalment.

Artikolu 22

Subkuntrattar

1.   L-awtorità kontraenti għandha titlob lill-offerent biex jiġi subkuntrattat sehem tal-kuntratt permezz ta' sejħa għall-offerti kompetittiva fil-livelli adatti ta' subkuntrattar lil kumpanniji li mhumiex dawk li jagħmlu parti mill-grupp tal-offerent, b'mod partikolari dawk li jidħlu ġodda u SMEs.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tesprimi s-sehem rikjest tal-kuntratt li għandu jiġi subkuntrattat fil-forma ta' firxa minn perċentwal minimu sa wieħed massimu. Għandha tiżgura li tali perċentwali jkunu proporzjonati mal-objettiv u l-valur tal-kuntratt,filwaqt l titqies in-natura tas-settur ta' attività kkonċernata, u b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet kompetittivi u l-potenzjal industrijali osservat.

3.   Jekk l-offerent jindika fis-sejħa għall-offerti tiegħu li huwa biħsiebu ma jissubkuntratta l-ebda sehem mill-kuntratt jew jissubkuntratta sehem li huwa inferjuri għall-minimu tal-firxa msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dan lill-awtorità kontraenti. L-awtorità kontraenti għandha tippreżenta dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

4.   L-awtorità kontraenti tista' tirrifjuta s-subkuntratturi magħżula mill-kandidat fl-istadju tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt prinċipali jew mill-offerent magħżul għat-twettiq tal-kuntratt. Hija għandha tiġġustifika dan ir-rifjut bil-miktub, u dan jista' jiġi bbażat biss fuq il-kriterji użati għall-għażla tal-offerenti għall-kuntratt ewlieni.

KAPITOLU IV

POLITIKA DWAR ID-DATA U S-SIGURTÀ

Artikolu 23

Politika dwar id-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus

1.   Il-politika dwar id-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt Copernicus għandha tappoġġa l-objettivi msemmija fl-Artikolu 4 u l-objettivi li ġejjin:

(a)

li jiġu promossi l-użu u l-qsim tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus;

(b)

li jissaħħu s-swieq Ewropej tal-osservazzjoni tad-dinja, b'mod partikolari s-settur downstream, bl-għan li jiġi permess it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

(c)

li jsir kontribut lejn is-sostenibbiltà u l-kontinwità tal-għoti tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus;

(d)

li jiġu appoġġati l-komunitajiet tar-riċerka, it-teknoloġija u dawk tal-innovazzjoni tal-Ewropa.

2.   Data ta' missjonijiet dedikati u informazzjoni ta' Copernicus għandhom ikunu disponibbli permezz ta' pjattaformi ta' disseminazzjoni ta' Copernicus, skont kondizzjonijiet tekniċi definiti minn qabel, fuq bażi sħiħa, miftuħa u mingħajr ħlas, soġġett għal-limitazzjonijiet li ġejjin:

(a)

kondizzjonijiet ta' liċenzjar għal data u informazzjoni ta' partijiet terzi;

(b)

formati, karatteristiċi u mezzi ta' disseminazzjoni;

(c)

interessi tas-sigurtà u relazzjonijiet esterni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha;

(d)

riskju ta' tfixkil, għal raġunijiet ta' sigurtà jew tekniċi, tas-sistema li tipproduċi data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus;

(e)

li jiġi żgurat aċċess affidabbli għad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus għall-utenti Ewropej.

Artikolu 24

Kondizzjonijiet u limitazzjonijiet tal-aċċess u l-użu tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus

1.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta politiki dwar data u informazzjoni ta' partijiet terzi u mingħajr ħsara għar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-infrastruttura spazjali u dik in situ taħt kontroll nazzjonali jew taħt kontroll ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, tista' tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 31, dwar:

(a)

il-kondizzjonijiet u l-proċeduri rigward l-aċċess għal, ir-reġistrazzjoni u l-użu ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus, inklużi l-mezzi ta' disseminazzjoni;

(b)

il-kriterji tekniċi speċifiċi meħtieġa għall-prevenzjoni tat-tfixkil ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus, inkluża l-prijorità ta' aċċess;

(c)

il-kriterji u l-proċeduri għar-restrizzjoni tal-akkwist jew id-disseminazzjoni ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus minħabba drittijiet konfliġġenti.

2.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta politiki dwar data u informazzjoni ta' partijiet terzi u mingħajr ħsara lir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-infrastruttura spazjali u dik in situ taħt kontroll nazzjonali jew taħt kontroll ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, tista' tadotta miżuri f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(4), dwar:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasmissjoni u l-użu tad-data ta' missjonijiet dedikati li tiġi trasmessa lil stazzjonijiet riċeventi jew permezz ta' konnessjonijiet dedikati ta' medda ta' frekwenza għolja lil stazzjonijiet li ma jkunux parti minn Copernicus;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-arkivjar ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri rilevanti ta' liċenzjar għal data ta' missjonijiet dedikati u informazzjoni ta' Copernicus, u t-trasmissjoni ta' data satellitari lil stazzjonijiet riċeventi jew permezz ta' konnessjonijiet dedikati ta' medda ta' frekwenza għolja lil stazzjonijiet li ma jkunux parti minn Copernicus f'konformità ma' dan ir-Regolament u applikabbli għad-drittijiet ta' partijiet terzi.

Artikolu 25

Protezzjoni ta' interessi ta' sigurtà

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-qafas ta' sigurtà ta' Copernicus, b'kont meħud tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 4. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-miżuri ta' sigurtà meħtieġa li għandhom jiġu mfassla biex jiġi evitat kwalunkwe riskju jew theddida għall-interess jew is-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2001/844/KE, KESE, Euratom u d-Deċiżjoni 2013/488/UE.

2.   Abbażi tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa marbuta mas-sigurtà għal Copernicus. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(4).

3.   Il-Kummissjoni tista' tiġi assistita minn esperti indipendenti mill-Istati Membri sabiex jiġu ddefiniti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-qafas ta' sigurtà msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Minkejja l-paragrafu 2, il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri li għandhom jittieħdu kull meta s-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha tista' tiġi affettwata mid-data u l-informazzjoni pprovduta permezz ta' Copernicus.

5.   Fejn l-informazzjoni klassifikata tal-UE tiġi ġġenerata jew ittrattata fi ħdan Copernicus, il-parteċipanti kollha għandhom jiżguraw livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak previst mir-regoli stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KESE, Euratom u fl-Annessi għad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 26

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   Il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali li ġejjin jistgħu jipparteċipaw f'Copernicus, abbażi ta' ftehimiet xierqa:

(a)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

(b)

il-pajjiżi kandidati, flimkien ma' kandidati potenzjali, f'konformità mal-Ftehimiet ta' Qafas rispettivi jew mal-Protokoll għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni;

(c)

il-Konfederazzjoni Svizzera, pajjiżi terzi oħrajn mhux imsemmija fil-punti (a) u (b) u organizzazzjonijiet internazzjonali, f'konformità mal-ftehimiet konklużi mill-Unjoni ma' tali pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati għall-involviment tagħhom.

2.   Il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jipprovdu l-appoġġ finanzjarju jew kontributi in natura lil Copernicus. Dak l-appoġġ finanzjarju u dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħala dħul estern assenjat, f'konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Finanzjarju u għandhom ikunu ammissibbli skont it-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim konkluż mal-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali rispettiva.

3.   Il-koordinazzjoni internazzjonali tas-sistemi ta' osservazzjoni u l-iskambji relatati ta' data jistgħu jiġu indirizzati minn Copernicus, sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni globali u l-komplementarjetà tiegħu u b'kont meħud tal-ftehimiet internazzjonali eżistenti u l-proċessi ta' koordinazzjoni.

Artikolu 27

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti biex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma protetti, meta azzjonijiet iffinanzjati taħt Copernicus jiġu implimentati, permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b'kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu b'mod żbaljat u, fejn adatt, b'pieni amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonali u disważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' awditjar, fuq il-bażi ta' dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt Copernicus.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi awditi u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (15)bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja, jew kuntratt iffinanzjat taħt Copernicus.

4.   Mingħajr ħsara għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet ta' għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' Copernicus għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 28

Sjieda

1.   L-Unjoni għandha tkun il-proprjetarju tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha li nħolqu jew li ġew żviluppati taħt Copernicus. Għalhekk, il-ftehimiet għandhom jiġu konklużi ma' partijiet terzi, kull fejn ikun adatt, rigward drittijiet ta' proprjetà eżistenti.

2.   It-termini u l-kondizzjonijiet relatati mat-trasferiment tas-sjieda lill-Unjoni għandhom ikunu stabbiliti fil-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura, permezz ta' qafas adatt, l-użu ottimali tal-assi msemmija f'dan l-Artikolu; b'mod partikolari, hija għandha tamministra d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati ma' Copernicus bl-aktar mod effettiv possibbli, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu protetti u li jingħata valur lid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-Unjoni, l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u l-ħtieġa ta' żvilupp armonjuż tas-swieq u ta' teknoloġiji ġodda u l-kontinwità tas-servizzi. Għal dak l-għan, hija għandha tiżgura li l-kuntratti li tidħol għalihom, taħt Copernicus, jinkludu l-possibbiltà ta' trasferiment jew liċenzjar ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali li tirriżulta minn ħidma mwettqa taħt Copernicus.

Artikolu 29

Assistenza lill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista' tiġi assistita minn esperti indipendenti, minn oqsma differenti, relatati mal-kamp ta' applikazzjoni ta' Copernicus, minn kostitwenza wiesgħa ta' partijiet interessati, inklużi rappreżentanti tal-utenti ta' Copernicus u entitajiet nazzjonali responsabbli mill-ispazju, biex jipprovdulha l-kompetenza esperta teknika u xjentifika meħtieġa, kif ukoll il-perspettivi interdixxiplinarji u dawk transsettorjali, b'kont meħud tal-inizjattivi eżistenti rilevanti fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u dak reġjonali.

Artikolu 30

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat (il-Kumitat Copernicus). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Il-Kumitat Copernicus għandu jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċifiċi b'mod partikolari rigward l-aspetti ta' sigurtà (“Bord tas-Sigurtà”).

2.   Il-Kumitat Copernicus għandu jistabbilixxi l-“Forum tal-Utenti” bħala grupp ta' ħidma sabiex jagħti pariri lill-Kumitat Copernicus dwar l-aspetti tar-rekwiżiti tal-utenti, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tiegħu.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.   Ir-rappreżentanti tal-entitajiet li lilhom jiġu fdati kompiti ta' Copernicus għandhom jiġu involuti, fejn adatt, bħala osservaturi fil-ħidma tal-Kumitat Copernicus taħt il-kondizzjonijiet stipulati mir-regoli ta' proċedura tiegħu.

6.   Il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 26 jistgħu jipprevedu l-involviment, kif adatt, ta' rappreżentanti ta' pajjiżi terzi jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-ħidma tal-Kumitat Copernicus taħt il-kondizzjonijiet stipulati fir-regoli tal-proċedura tiegħu.

7.   Il-Kumitat Copernicus għandu jiltaqa' b'mod regolari, preferibbilment kull tliet xhur. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport dwar il-progress ta' Copernicus f'kull laqgħa. Dawk ir-rapporti għandhom jagħtu ħarsa ġenerali tal-istatus u l-iżviluppi ta' Copernicus, b'mod partikolari f'termini ta' ġestjoni tar-riskju, l-ispejjeż, l-iskeda, it-twettiq, l-akkwist u pariri rilevanti pprovduti lill-Kummissjoni.

Artikolu 31

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 9(7) u l-Artikolu 24(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni tul id-durata ta' Copernicus.

3.   Id-delega ta' setgħa imsemmija fl-Artikolu 9(7) u l-Artikolu 24(1) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Dan ma għandux jaffettwa l-validità ta' kwalunkwe att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att ddelegat adottat skont l-Artikolu 9(7) u l-Artikolu 24(1) għandujidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 32

Evalwazzjoni

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2017, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, għandu jiġi stabbilit rapport ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-kompiti kollha ffinanzjati minn Copernicus fil-livell tar-riżultati u l-impatti tagħhom, il-valur miżjud Ewropew tagħhom u dwar l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi. L-evalwazzjoni għandha tindirizza r-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-objettivi deskritti fl-Artikoli 4, il-prestazzjoni tal-istruttura organizzattiva u l-ambitu tas-servizzi użati. L-evalwazzjoni għandha tinkludi wkoll valutazzjoni ta' involviment possibbli ta' aġenziji Ewropej rilevanti (inkluż l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea) u jekk adatt tkun akkumpanjata mill-proposti leġislattivi rilevanti.

B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatti tal-politika tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus, fuq il-partijiet interessati, l-utenti downstream, l-influwenza fuq in-negozju kif ukoll fuq l-investimenti nazzjonali u privati fl-infrastrutturi ta' Osservazzjoni tad-dinja.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi u l-utenti ta' Copernicus, u għandhom jeżaminaw l-effettività u l-effiċjenza ta' Copernicus u l-kontribut tiegħu għall-objettivi msemmija fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultat ta' dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u għandha, fejn meħtieġ, tipproponi miżuri adatti.

3.   Il-Kummissjoni tista', kull meta jkun meħtieġ, tiġi assistita minn entitajiet indipendenti, twettaq evalwazzjoni tal-metodi għat-twettiq tal-proġetti kif ukoll l-impatt tal-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jiġi evalwat jekk l-objettivi, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, ikunux intlaħqu.

4.   Il-Kummissjoni tista' titlob Stat Membru biex jipprovdi evalwazzjoni speċifika tal-azzjonijiet u l-proġetti relatati ffinanzjati skont dan ir-Regolament jew, fejn adatt, biex jagħtiha l-informazzjoni u l-assistenza meħtieġa biex twettaq evalwazzjoni ta' tali proġetti.

Artikolu 33

Tħassir

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 huwa mħassar.

2.   Kwalunkwe miżura adottata fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 911/2010 għandha tibqa' valida.

3.   Referenzi għar-Regolament (UE) Nru 911/2010 li tħassar għandhom jinftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Ottubru 2013.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2014.

(3)  Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(5)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(6)  Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(7)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(8)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(9)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1159/2013 tat-12 ta' Lulju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni u ta' liċenzjar għall-utenti tal-GMES u jiddefinixxi l-kriterji għar-restrizzjoni tal-aċċess għad-dejta ddedikata tal-GMES u l-informazzjoni ta' servizz tal-GMES (ĠU L 309, 19.11.2013, p. 1).

(10)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (notifikata permezz tad-dokument numru C(2001) 3031) (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat- 23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(14)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999. (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(15)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

Tabella ta' korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 33

Regolament (UE) Nru 911/2010

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikoli 2, 5, 6 u 7

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikoli 4, 9, 10, 11, 13 u 26

Artikolu 5

Artikoli 5, 9, 11 u 13

Artikolu 6

Artikoli 14 sa 22

Artikolu 7

Artikoli 9 u 26

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikoli 23, 24 u 25

Artikolu 10

Artikoli 24 u 31

Artikolu 11

Artikolu 31

Artikolu 12

Artikolu 31

Artikolu 13

Artikoli 23, 24 u 25

Artikolu 14

Artikoli 4 u 32

Artikolu 15

Artikoli 9 u 12

Artikolu 16

Artikolu 30

Artikolu 17

Artikolu 30

Artikolu 18

Artikolu 27

Artikolu 19

Artikolu 34

Anness

Artikolu 4


Top