Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0240

    Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas- 7 ta’ Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

    ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/240/oj

    14.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 74/1


    REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 240/2014

    tas-7 ta’ Jannar 2014

    dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jipprovdi għal kodiċi ta’ kondotta Ewropea sabiex jappoġġa u jiffaċilita lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni tas-sħubiji ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija u l-programmi appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS). Dawn il-fondi issa qed joperaw f’qafas komuni u huma msejħa bħala “Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej” (minn hawn ‘il quddiem “il-fondi SIE”).

    (2)

    Il-ħidma fi sħubija huwa prinċipju li ilu stabbilit fl-implimentazzjoni tal-fondi SIE. Is-sħubija timplika kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kollha li jikkonsisti f’ċiklu tal-programm fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

    (3)

    L-imsieħba magħżula għandhom ikunu l-aktar rappreżentattivi tal-partijiet interessati rilevanti. Il-proċeduri tal-għażla għandhom ikunu trasparenti u jqisu l-oqfsa istituzzjonali u legali differenti tal-Istati Membri u l-kompetenzi nazzjonali u reġjonali tagħhom.

    (4)

    L-imsieħba għandhom jinkludu awtoritajiet pubbliċi, imsieħba ekonomiċi u soċjali u korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet volontarji u bbażati fil-Komunità, li jistgħu jinfluwenza b’mod sinifikanti jew ikunu affettwati b’mod sinifikanti mill-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-programmi ta’ Sħubija. Għandha tingħata attenzjoni speċifika biex jiġu inklużi gruppi li jistgħu jiġu affettwati minn programmi li iżda jsibuha diffiċli li jinfluwenzawhom, b’mod partikolari l-komunitajiet l-aktar vulnerabbli u marġinalizzati, li huma bl-ogħla riskju ta’ diskriminazzjoni jew ta’ esklużjoni soċjali, b’mod partikolari l-persuni b’diżabbiltà, il-migranti u l-persuni Roma.

    (5)

    Għall-għażla tal-imsieħba, huwa meħtieġ li jittieħed kont tad-differenzi bejn Ftehimiet ta’ programmi ta’ Sħubija. Il-Ftehimiet ta’ Sħubija jkopru l-fondi SIE kollha li jipprovdu appoġġ għal kull Stat Membru, filwaqt li l-programmi jirreferu biss għall-fondi SIE li jikkontribwixxu għalihom. L-imsieħba ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija għandhom ikunu dawk rilevanti minħabba l-użu ppjanat tal-fondi kollha SIE kollha, filwaqt li għal programmi huwa biżżejjed li l-imsieħba huma dawk rilevanti minħabba l-użu ppjanat tal-Fondi SIE li jikkontribwixxu għall-programm.

    (6)

    L-imsieħba għandhom ikunu involuti fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet u programmi ta’ Sħubija. Għal dan l-iskop, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji u prattiċi tajbin ewlenin li jikkonċernaw konsultazzjoni f’waqtha, sinifikanti u trasparenti tal-imsieħba dwar l-analiżi ta’ sfidi u ħtiġijiet li jridu jiġu trattati, l-għażla ta’ objettivi u prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati, u l-istrutturi ta’ koordinament u ftehimiet ta’ governanza f’diversi livelli li huma neċessarji għat-twettiq effettiv tal-politika.

    (7)

    L-imsieħba għandhom ikunu rappreżentati fil-kumitati ta’ monitoraġġ tal-programmi. Ir-regoli li jmexxu s-sħubija u l-proċeduri tal-kumitat għandhom jippromwovu l-kontinwità u s-sjieda ta’ programmar u implimentazzjoni, l-arranġamenti ta’ ħidma li huma ċari u trasparenti, kif ukoll il-prontezza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

    (8)

    Permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-kumitati ta’ monitoraġġ, l-imsieħba għandhom ikunu involuti fl-evalwazzjoni ta’ prestazzjoni fuq il-prijoritajiet differenti, ir-rapporti rilevanti dwar il-programmi u, fejn xieraq, is-sejħiet għal proposti.

    (9)

    Sħubija effettiva għandha tkun iffaċilitata billi tingħata għajnuna lill-imsieħba rilevanti sabiex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom fid-dawl tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi.

    (10)

    Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ prattika tajba, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u t-tixrid ta’ riżultati rilevanti fost l-Istati Membri, l-awtoritajiet maniġerjali u r-rappreżentanti tal-imsieħba permezz tat-twaqqif ta’ Komunità ta’ Prattika dwar is-Sħubija li tkopri l-fondi kollha SIE.

    (11)

    Ir-rwol tal-imsieħba fl-implimentazzjoni tal-Fehimiet ta’ Sħubija u l-prestazzjoni u l-effettività tal-partenarjat fil-perjodu ta’ programmar għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni mill-Istati Membri.

    (12)

    Sabiex tappoġġa u tiffaċilita lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni ta’ sħubija, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli eżempji tal-aħjar prattiċi eżistenti fl-Istati Membri,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-sħubija għall-Ftehimiet u programmi ta’ Sħubija appoġġati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

    KAPITOLU II

    IL-PRINĊIPJI ĠENERALI DWAR PROĊEDURI TRASPARENTI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TA’ MSIEĦBA RILEVANTI

    Artikolu 2

    Ir-rappreżentattività tal-imsieħba

    l-Istati Membri jiżguraw li l-imsieħba msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ikunu l-aktar rappreżentattivi tal-partijiet interessati rilevanti u jkunu nominati bħala rappreżentanti maħtura kif xieraq, billi jitqiesu l-kompetenza, il-kapaċità tagħhom li jieħdu sehem b’mod attiv u l-livell xieraq ta’ rappreżentanza.

    Artikolu 3

    L-identifikazzjoni tal-imsieħba rilevanti għall-Ftehim ta’ Sħubija

    1.   Għall-Ftehim ta’ Sħubija, l-Istati Membri jidentifikaw l-imsieħba rilevanti fost mill-inqas dan li ġej:

    (a)

    l-awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, inklużi:

    (i)

    l-awtoritajiet reġjonali, rappreżentanti nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u awtoritajiet lokali li jirrappreżentaw l-akbar bliet u żoni urbani, li l-kompetenzi tagħhom huma relatati mal-użu ppjanat tal-Fondi SIE;

    (ii)

    rappreżentanti nazzjonali ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u ċentri ta’ riċerka minħabba l-użu ppjanat tal-Fondi SIE;

    (iii)

    awtoritajiet pubbliċi nazzjonali oħra responsabbli għall-applikazzjoni ta’ prinċipji orizzontali msemmija fl-Artikoli minn 4 sa 8 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 minħabba l-użu ppjanat tal-Fondi SIE; u b’mod partikolari korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (2), id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE (3) u d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

    (b)

    l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, inklużi:

    (i)

    l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali rikonoxxuti fuq livell nazzjonali, b’mod partikolari organizzazzjonijiet ġenerali intersettorjali u l-organizzazzjonijiet settorjali, li s-setturi tagħhom huma relatati mal-użu ppjanat tal-Fondi SIE;

    (ii)

    kmamar tal-kummerċ nazzjonali u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw l-interess ġenerali ta’ industriji u fergħat, minħabba l-użu ppjanat tal-fondi SIE u bil-ħsieb li tiġi żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ intrapriżi kbar, ta’ daqs medju, żgħar u mikrointrapriżi, flimkien mar-rappreżentanti tal-ekonomija soċjali;

    (c)

    korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, bħall-imsieħba ambjentali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, u l-korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, inkluż:

    (i)

    korpi li jaħdmu fl-oqsma relatati mal-użu ppjanat tal-Fondi SIE u mal-applikazzjoni ta’ prinċipji orizzontali msemmija fl-Artikoli minn 4 sa 8 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ibbażata fuq ir-rappreżentattività tagħhom, u filwaqt li titqies il-kopertura ġeografika u tematika, il-kapaċità tal-ġestjoni, għarfien espert u approċċi innovattivi;

    (ii)

    organizzazzjonijiet oħra jew gruppi li huma affettwati b’mod sinifikanti jew li x’aktarx jiġu affettwati b’mod sinifikanti mill-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, b’mod partikolari gruppi li jitqiesu f’riskju ta’ diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali.

    2.   Fejn l-awtoritajiet pubbliċi, sħab ekonomiċi u soċjali, u korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili stabbilixxew organizzazzjoni li tiġbor flimkien l-interessi tagħhom biex jiffaċilitaw l-involviment tagħhom fis-sħubija (l-organizzazzjoni ċentrali), huma jistgħu jinnominaw rappreżentant wieħed biex jippreżenta l-opinjonijiet tal-organizzazzjoni ċentrali fis-sħubija.

    Artikolu 4

    Identifikazzjoni ta’ msieħba rilevanti għal programmi

    1.   Għal kull programm, l-Istati Membri jidentifikaw l-imsieħba rilevanti fost mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    l-awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, inklużi:

    (i)

    awtoritajiet reġjonali, rappreżentanti nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u awtoritajiet lokali li jirrappreżentaw l-akbar bliet u żoni urbani, li l-kompetenzi tagħhom huma relatati mal-użu ppjanat tal-Fondi SIE li jikkontribwixxu għall-programm;

    (ii)

    rappreżentanti nazzjonali jew reġjonali ta’ istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni, it-taħriġ u fornituri ta’ servizzi ta’ konsulenza u ċentri ta’ riċerka, minħabba l-użu ppjanat tal-Fondi SIE li jikkontribwixxu għall-programm;

    (iii)

    awtoritajiet pubbliċi oħra responsabbli mill-applikazzjoni ta’ prinċipji orizzontali msemmija fl-Artikoli minn 4 sa 8 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, minħabba l-użu ppjanat tal-Fondi SIE li jikkontribwixxu għall-programm, u b’mod partikolari korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali stabbilit skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, id-Direttiva 2004/113/KE u d-Direttiva 2006/54/KE;

    (iv)

    korpi oħra organizzati fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u awtoritajiet li jirrappreżentaw oqsma fejn jitwettqu investimenti territorjali integrati u strateġiji ta’ żvilupp lokali ffinanzjati mill-programm;

    (b)

    l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, inklużi:

    (i)

    organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali rikonoxxuti fuq livell nazzjonali jew reġjonali, b’mod partikolari organizzazzjonijiet intersettorjali ġenerali u organizzazzjonijiet settorjali li s-setturi tagħhom huma relatati mal-użu ppjanat tal-Fondi SIE li jikkontribwixxu għall-programm;

    (ii)

    kmamar tal-kummerċ nazzjonali jew reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw l-interess ġenerali ta’ industriji jew fergħat, bil-ħsieb li tiġi żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ intrapriżi kbar, ta’ daqs medju, żgħar u mikrointrapriżi flimkien mar-rappreżentanti tal-ekonomija soċjali;

    (iii)

    korpi oħra simili organizzati fuq livell nazzjonali jew reġjonali;

    (c)

    korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, bħall-imsieħba ambjentali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, u l-korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, inklużi:

    (i)

    korpi li jaħdmu fl-oqsma relatati mal-użu ppjanat tal-Fondi SIE li jikkontribwixxu għall-programm u għall-applikazzjoni ta’ prinċipji orizzontali msemmija fl-Artikoli minn 4 sa 8 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ibbażata fuq ir-rappreżentattività tagħhom, u filwaqt li titqies il-kopertura ġeografika u tematika, il-kapaċità tal-ġestjoni, għarfien espert u approċċi innovattivi;

    (ii)

    korpi li jirrappreżentaw il-gruppi ta’ azzjoni lokali msemmija fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

    (iii)

    organizzazzjonijiet oħra jew gruppi li huma affettwati b’mod sinifikanti jew li x’aktarx jiġu affettwati b’mod sinifikanti bl-implimentazzjoni tal-Fondi SIE; b’mod partikolari, gruppi li jitqiesu f’riskju ta’ diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali.

    2.   Fir-rigward ta’ programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropej, l-Istati Membri jistgħu jinvolvu fis-sħubija:

    (i)

    raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali li joperaw fiż-żona tal-programm transfruntiera jew transnazzjonali rispettiva tagħhom;

    (ii)

    awtoritajiet jew korpi li huma involuti fl-iżvilupp jew l-implimentazzjoni ta’ strateġija makroreġjonali jew tal-baċini tal-baħar fiż-żona tal-programm, inklużi koordinaturi tal-qasam ta’ prijorità għal strateġiji makroreġjonali.

    3.   Fejn l-awtoritajiet pubbliċi, sħab ekonomiċi u soċjali, u korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili stabbilixxew organizzazzjoni ċentrali, huma jistgħu jinnominaw rappreżentant wieħed li jippreżenta l-opinjonijiet ta’ organizzazzjoni ċentrali fis-sħubija.

    KAPITOLU III

    PRINĊIPJI ĠENERALI U PRATTIĊI TAJBA LI JIKKONĊERNAW L-INVOLIMENT TA’ IMSIEĦBA RILEVANTI FIL-PREPARAZZJONI TAL-FTEHIM U TAL-PROGRAMMI TA’ SĦUBIJA

    Artikolu 5

    Konsultazzjoni ta’ imsieħba rilevanti fil-preparazzjoni tal-Ftehim u tal-programmi ta’ Sħubija

    1.   Sabiex jiżguraw it-trasparenza u l-involviment effettiv ta’ msieħba rilevanti, l-Istati Membri u l-awtoritajiet maniġerjali jikkonsultawhom dwar il-proċess u l-iskeda tal-preparazzjoni tal-Ftehim u l-programmi ta’ Sħubija. Meta jagħmlu dan, huma jinżammu infurmati b’mod sħiħ dwar il-kontenut tagħhom u kwalunkwe tibdil fid-dazji.

    2.   Fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-imsieħba rilevanti, l-Istati Membri jqisu l-ħtieġa għal:

    (a)

    żvelar f’waqtu u aċċess faċli għal informazzjoni rilevanti;

    (b)

    żmien biżżejjed għall-imsieħba biex janalizzaw u jikkummentaw dwar dokumenti preparatorji prinċipali u dwar l-abbozz ta’ Ftehim ta’ Sħubija u l-abbozzi tal-programmi;

    (c)

    mezzi disponibbli li permezz tagħhom l-imsieħba jistgħu jistaqsu mistoqsijiet, jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet u jkunu informati dwar il-mod li bih il-proposti tagħhom tqiesu;

    (d)

    it-tixrid tal-eżitu tal-konsultazzjoni.

    3.   Fir-rigward tal-programmi ta’ żvilupp rurali, l-Istati Membri jieħdu kont tar-rwol li n-netwerks rurali nazzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ikun jistgħu jaqdu u jinvolvu msieħba rilevanti.

    4.   Fejn ġie stabbilit ftehim formali bejn il-livelli differenti ta’ gvernanza f’livell nazzjonali, l-Istat Membru jqis dawn ftehimiet ta’ governanza f’diversi livelli skont il-qafas istituzzjonali u legali tiegħu.

    Artikolu 6

    Preparazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija

    L-Istati Membri jinvolvu l-imsieħba rilevanti, skont tal-qafas istituzzjonali u legali tagħhom, fil-preparazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija, u b’mod partikolari dwar:

    (a)

    l-analiżi tad-differenzi, il-ħtiġijiet tal-iżvilupp u l-potenzjal ta' tkabbir b’referenza għall-għanijiet tematiċi, inklużi dawk indirizzati minn rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għal pajjiżi partikolari;

    (b)

    sommarji ta’ kundizzjonalitajiet ex ante tal-programmi u s-sejbiet ewlenin ta’ kwalunkwe evalwazzjonijiet ex ante tal-Ftehim ta’ Sħubija li jsiru b’inizjattiva ta’ Stat Membru;

    (c)

    l-għażla tal-objettivi tematiċi, l-allokazzjonijiet indikattivi tal-fondi SIE u r-riżultati mistennija ewlenin;

    (d)

    il-lista ta’ programmi u l-mekkaniżmi f’livell nazzjonali u reġjonali li jiżguraw il-koordinazzjoni tal-Fondi SIE ma’ xulxin u ma’ strumenti oħra tal-Unjoni u ta’ finanzjament nazzjonali u mal-Bank Ewropew għall-Investiment;

    (e)

    l-arranġamenti biex jiġi żgurat approċċ integrat għall-użu tal-Fondi SIE għall-iżvilupp territorjali ta’ żoni urbani, rurali, kostali u tas-sajd u żoni b’karatteristiċi territorjali partikolari;

    (f)

    l-arranġamenti biex jiġi żgurat approċċ integrat għall-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ żoni ġeografiċi l-aktar milquta mill-faqar jew ta’ gruppi fil-mira bl-ogħla riskju ta’ diskriminazzjoni jew esklużjoni, b’kunsiderazzjoni speċjali għal komunitajiet marġinalizzati;

    (g)

    l-implimentazzjoni ta’ prinċipji orizzontali msemmija fl-Artikoli 5, 7 u 8 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

    Artikolu 7

    Informazzjoni fuq l-involiment ta’ imsieħba rilevanti fil-Ftehim ta’ Sħubija

    L-Istati Membri jipprovdu għall-Ftehim ta’ Sħubija mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-lista ta’ msieħba involuti fit-tħejjija tal-Ftehim ta’ Sħubija;

    (b)

    l-azzjonijiet meħuda sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba, inklużi azzjonijiet meħuda f’termini ta’ aċċessibbiltà, b’mod partikolari għal persuni b’diżabilità;

    (c)

    ir-rwol tal-imsieħba fit-tħejjija tal-Ftehim ta’ Sħubija;

    (d)

    ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-imsieħba u deskrizzjoni tal-valur miżjud tagħha fit-tħejjija tal-Ftehim ta’ Sħubija.

    Artikolu 8

    Il-preparazzjoni tal-programmi

    L-Istati Membri jinvolvu l-imsieħba rilevanti, skont tal-qafas istituzzjonali u legali tagħhom, fil-preparazzjoni tal-programmi, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw:

    (a)

    l-analiżi u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet;

    (b)

    id-definizzjoni jew l-għażla ta’ prijoritajiet u l-għan speċifiku relatat;

    (c)

    l-allokazzjoni tal-fondi;

    (d)

    id-definizzjoni ta’ indikaturi speċifiċi tal-programmi;

    (e)

    l-implimentazzjoni ta’ prinċipji orizzontali kif definit fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

    (f)

    Il-kompożizzjoni tal-kumitati ta’ monitoraġġ.

    Artikolu 9

    Informazzjoni fuq l-involiment ta’ imsieħba rilevanti fil-programmi

    L-Istati Membri jipprovdu għal programmi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-azzjonijiet meħuda għall-involviment tal-imsieħba rilevanti fil-preparazzjoni tal-programmi u l-emendi tagħhom;

    (b)

    l-azzjonijiet ippjanati sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-imsieħba fl-implimentazzjoni tal-programmi.

    KAPITOLU IV

    PRATTIĊI TAJBA LI JIKKONĊERNAW IL-FORMULAZZJONI TAR-REGOLI TA’ SĦUBIJA U PROĊEDURI INTERNI TAL-KUMITATI TA’ MONITORAĠĠ

    Artikolu 10

    Ir-regoli ta’ sħubija tal-kumitat ta’ monitoraġġ

    1.   Meta jitfasslu r-regoli tas-sħubija tal-kumitat ta’ sorveljanza, l-Istati Membri jqisu l-involviment ta’ sħab li kienu involuti fil-preparazzjoni tal-programmi u jkollhom l-għan li jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

    2.   Fir-rigward tal-kumitati ta’ monitoraġġ tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropej, l-imsieħba jistgħu jkunu rappreżentati minn organizzazzjonijiet ċentrali f’livell transnazzjonali fil-livell tal-Unjoni jew għal programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jinvolvu sħab fit-tħejjijiet tal-kumitat ta’ monitoraġġ, b’mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’kumitati ta’ koordinazzjoni fil-livell nazzjonali organizzati fl-Istati Membri parteċipanti.

    Artikolu 11

    Ir-regoli ta’ proċedura tal-kumitat ta’ monitoraġġ

    Meta jitfasslu r-regoli ta’ proċedura, il-kumitati ta’ monitoraġġ iqisu l-elementi li ġejjin:

    (a)

    id-drittijiet tal-vot tal-membri;

    (b)

    l-avviż li jingħata ta’ laqgħat u t-trażmissjoni ta’ dokumenti, li, bħala regola ġenerali, ma għandux ikun inqas minn għaxart ijiem tax-xogħol;

    (c)

    l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-aċċessibbiltà ta’ dokumenti ta’ tħejjija sottomessi lill-kumitati ta’ monitoraġġ;

    (d)

    il-proċedura għall-adozzjoni, il-pubblikazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-minuti;

    (e)

    l-arranġamenti għall-istabbiliment u attivitajiet ta’ gruppi ta’ ħidma fil-kumitati ta’ monitoraġġ;

    (f)

    id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ interess għall-imsieħba involuti fil-monitoraġġ, il-valutazzjoni u s-sejħiet għall-proposti;

    (g)

    il-kundizzjonijiet, il-prinċipji u l-arranġamenti għar-regoli ta’ rimborż, l-opportunitajiet għall-bini tal-kapaċità u l-użu ta’ għajnuna teknika.

    KAPITOLU V

    PRINĊIPJI ĠENEREALI U PRASSI TAJBA LI JIKKONĊERNAW L-INVOLVIMENT TA’ SĦAB RILEVANTI FIL-PREPARAZZJONI TA’ SEJĦIET TA’ PROPOSTI, IR-RAPPORTI TAL-PROGRESS U B’RELAZZJONI GĦAL PROGRAMMI TA’ SORVELJANZA U EVALWAZZJONI

    Artikolu 12

    Obbligi relatati mal-protezzjoni tad-dejta, l-kunfidenzjalità u l-kunflitt tal-interess

    L-Istati Membri jiżguraw li l-imsieħba involuti fil-preparazzjoni ta’ sejħiet ta’ proposti, ir-rapporti tal-progress u fi programmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni jkunu konxji mill-obbligi tagħhom relatati mal-protezzjoni tad-dejta, il-kunfidenzjalità u l-kunflitt ta’ interess.

    Artikolu 13

    L-involviment ta’ msieħba rilevanti fil-preparazzjoni tas-sejħiet għall-proposti

    L-awtoritajiet maniġerjali jieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat kunflitt ta’ interess potenzjali fejn jinvolvu l-imsieħba rilevanti fit-tħejjija ta’ sejħiet għal proposti jew fil-valutazzjoni tagħhom.

    Artikolu 14

    L-involviment ta’ msieħba rilevanti fil-preparazzjoni tar-rapporti ta’ progress

    L-Istati Membri jinvolvu l-imsieħba rilevanti fit-tħejjija tar-rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija msemmi fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, b’mod partikolari dwar il-valutazzjoni tar-rwol tal-imsieħba fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u ħarsa ġenerali tal-opinjonijiet mogħtija mill-imsieħba matul il-konsultazzjoni, inkluż, fejn xieraq, id-deskrizzjoni tal-mod li bih l-opinjonijiet tal-imsieħba ġew ikkunsidrati.

    Artikolu 15

    L-involviment ta’ msieħba rilevanti fil-monitoraġġ ta’ programmi

    L-awtoritajiet maniġerjali jinvolvu l-imsieħba, fil-qafas tal-kumitat ta’ monitoraġġ u l-gruppi ta’ ħidma tagħhom, fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-programm, inklużi l-konklużjonijiet tar-reviżjoni tar-rendiment, u fil-preparazzjoni ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni annwali dwar il-programmi.

    Artikolu 16

    L-involviment ta’ msieħba fil-valutazzjoni ta’ programmi

    1.   L-awtoritajiet maniġerjali jinvolvu lill-imsieħba rilevanti fl-evalwazzjoni ta’ programmi fil-qafas tal-kumitati ta’ monitoraġġ u, fejn xieraq, gruppi ta’ ħidma speċifiċi stabbiliti mill-kumitati ta’ monitoraġġ għal dan l-għan.

    2.   L-awtoritajiet maniġerjali għall-programmi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni, jikkonsultaw l-imsieħba fuq ir-rapporti li jagħtu deskrizzjoni fil-qosor tas-sejbiet tal-evalwazzjonijiet imwettqa matul il-perjodu ta’ programmazzjoni f’konformità mal-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

    KAPITOLU VI

    OQSMA INDIKATTIVI, TEMI U PRATTIKI TAJBA DWAR L-UŻU TAL-FONDI SIE BIEX ISAĦĦU L-KAPAĊITÀ ISTITUZZJONALI TA’ MSIEĦBA RILEVANTI U R-RWOL TAL-KUMMISSJONI FIT-TIXRID TA’ PRATTIĊI TAJBA

    Artikolu 17

    It-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-imsieħba rilevanti

    1.   L-awtorità maniġerjali teżamina l-ħtieġa li jsir użu ta’ assistenza teknika bħala appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-imsieħba, b’mod partikolari fir-rigward l-awtoritajiet lokali żgħar, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u organizzazzjonijiet mhux governattivi, sabiex tgħinhom biex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi.

    2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jieħu l-forma ta’, inter alia, gruppi ta’ ħidma apposta, sessjonijiet ta’ taħriġ, strutturi ta’ koordinazzjoni u netwerking jew kontribuzzjonijiet lejn l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni f’laqgħat dwar it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ programm.

    3.   Għal programmi ta’ żvilupp rurali, l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi pprovdut permezz tan-netwerk rurali nazzjonali stabbilit skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

    4.   Għall-programmi tal-FSE l-awtoritajiet maniġerjali f’reġjuni inqas żviluppati jew reġjuni ta’ tranżizzjoni jew fl-Istati Membri li huma eliġibbli għal appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni jiżguraw li, skont il-ħtieġa, jiġu allokati riżorsi xierqa tal-FSE lill-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li huma involuti fil-programmi.

    5.   Għal kooperazzjoni territorjali Ewropea, l-appoġġ skont il-paragrafi 1 u 2 jista’ wkoll ikopri wkoll appoġġ lis-sħab sabiex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

    Artikolu 18

    Ir-rwol tal-Kummissjoni fit-tixrid tal-prattiċi tajba

    1.   Il-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni msejħa l-Komunità Ewropea ta’ prattika dwar is-sħubija, li jkunu komuni għall-Fondi SIE u miftuħa għall-Istati Membri interessati, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-imsieħba fil-livell tal-Unjoni.

    Il-Komunità Ewropea ta’ Prattika dwar Sħubija tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenza, il-bini tal-kapaċità, kif ukoll it-tqassim ta’ riżultati rilevanti.

    2.   Il-Kummissjoni tagħmel disponibbli eżempji ta’ prattika tajba fl-organizzazzjoni ta’ sħubija.

    3.   L-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-identifikazzjoni, it-trasferiment u t-tixrid tal-prattika tajba u approċċi innovattivi rigward l-implimentazzjoni ta’ programmi u azzjonijiet ta’ kooperazzjoni interreġjonali skont l-Artikolu 2(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jinkludi esperjenza ta’ sħubija fil-programmi ta’ kooperazzjoni.

    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000 p. 22).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għall-merkanzija u l-provvista tagħha, (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

    (4)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

    (6)  Ir- Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.


    Top