EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0231

Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

OJ L 77, 15.3.2014, p. 11–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/231/oj

15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/11


REGOLAMENT (UE) Nru 231/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata “Baġit għall-Ewropa 2020”, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-qafas għall-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, inkluż l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (“IPA II”).

(2)

Minħabba li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (4) skada fil-31 ta' Diċembru 2013 u sabiex isir użu aktar effettiv mill-azzjoni esterna tal-Unjoni, għandu jinżamm qafas għall-ippjanar u għall-konsenja tal-għajnuna esterna għall-perijodu mill-2014 sal-2020. Il-politika ta' tkabbir tal-Unjoni għandha tibqa' tiġi appoġġata minn strument speċifiku għall-finanzjament tal-azzjoni esterna. L-IPA II għandu għalhekk jiġi stabbilit.

(3)

L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li kull Stat Ewropew li japprova l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jiffurmaw parti minn minoranzi, jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni. Stat Ewropew li applika sabiex jissieħeb fl-Unjoni jista' jsir membru biss meta jkun ġie kkonfermat li jissodisfa l-kriterji għas-sħubija stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen f'Ġunju 1993 (il-“kriterji ta' Kopenħagen”) u dment li l-adeżjoni ma tkunx estendiet iżżejjed il-kapaċità tal-Unjoni biex tintegra l-membru l-ġdid. Dawk il-kriterji huma relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi, l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq operattiva kif ukoll il-kapaċità li pajjiż ilaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, u l-abbiltà li jassumu mhux biss id-drittijiet iżda wkoll l-obbligi taħt it-Trattati, inkluż l-aderenza mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja.

(4)

L-istrateġija għat-tkabbir ibbażata fuq il-konsolidazzjoni, il-kondizzjonalità u l-komunikazzjoni, flimkien mal-kapaċità tal-Unjoni li tintegra membri ġodda, għadha tifforma l-bażi għal kunsens imġedded dwar it-tkabbir. Il-proċess ta' adeżjoni huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali tal-applikanti kollha, b'kull wieħed minnhom jiġi vvalutat fuq il-merti tiegħu stess. Il-progress lejn l-adeżjoni jiddependi fuq ir-rispett ta' kull applikant għall-valuri tal-Unjoni u l-kapaċità tiegħu li jwettaq ir-riformi meħtieġa sabiex jallinja s-sistemi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi u ekonomiċi mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki fl-Unjoni.

(5)

Il-proċess ta' tkabbir isaħħaħ il-paċi, id-demokrazija u l-istabbiltà fl-Ewropa u jippermetti li l-Unjoni tkun f'pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-isfidi globali. Il-qawwa trasformattiva tal-proċess tat-tkabbir tiġġenera riforma politika u ekonomika estensiva fil-pajjiżi ta' tkabbir li hija ta' benefiċċju wkoll għall-Unjoni fl-intier tagħha.

(6)

Il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Islanda, il-Montenegro, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija u s-Serbja. Huwa kkonferma l-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus jew għal kwalunkwe deċiżjoni futura li għandha tittieħed mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill, dawk li jibbenefikaw min perspettiva Ewropea bħal din li ma ngħatawx status ta' pajjiż kandidat jistgħu jitqiesu bħala kandidati potenzjali għall-fini uniku ta' dan ir-Regolament. L-assistenza finanzjarja taħt dan ir-Regolament għandha tingħata lill-benefiċjarji kollha elenkati fl-Anness I.

(7)

L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tingħata f'konformità mal-qafas ta' politika dwar it-tkabbir iddefinit mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill u b'kont dovut tal-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u r-Rapporti ta' Progress inklużi fil-pakkett annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew. L-assistenza għandha tingħata wkoll f'konformità mal-ftehimiet konklużi mill-Unjoni mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, u f'konformità mas-Sħubiji Ewropej u għall-Adeżjoni. L-assistenza għandha tiffoka prinċipalment fuq għadd magħżul ta' oqsma ta' politika li ser jgħinu lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tolleranza, l-inklużjoni soċjali u n-nondiskriminazzjoni. L-assistenza għandha tkompli tappoġġa l-isforzi tagħhom biex jagħmlu progress fil-kooperazzjoni reġjonali, makroreġjonali u transkonfinali kif ukoll fl-iżvilupp territorjali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE. Hija għandha wkoll issaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, li jenfasizza aġenda tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiva b'attenzjoni partikolari fuq l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, bil-ħsieb li jinkisbu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (“Strateġija Ewropa 2020”) u għall-allinjament progressiv mal-kriterji ta' Kopenħagen. Il-koerenza bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress ġenerali li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni għandha tissaħħaħ.

(8)

Sabiex jittieħed kont tal-bidliet fil-qafas ta' politika dwar it-tkabbir jew ta' żviluppi sinifikanti fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, is-setgħa biex jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament u l-aġġornament tal-prijoritajiet tematiċi għall-assistenza elenkati fl-Anness II. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet adegwati matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(9)

It-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u l-governanza tajba, inkluż ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, jibqgħu sfidi ewlenin fil-parti l-kbira tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u huma essenzjali sabiex dawk il-benefiċjarji jersqu eqreb tal-Unjoni u biex aktar tard jassumu bis-sħiħ l-obbligi tas-sħubija mal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura aktar fit-tul tar-riformi mwettqin f'dawk l-oqsma u l-ħtieġa li jiġu akkumulati riżultati tanġibbli, l-assistenza finanzjarja taħt dan ir-Regolament għandha tindirizza r-rekwiżiti imposti fuq il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I malajr kemm jista' jkun.

(10)

Jeħtieġ li l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I ikunu ppreparati aħjar sabiex jindirizzaw l-isfidi globali, bħall-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima, u li jallinjaw ruħhom mal-isforzi tal-Unjoni biex tindirizza dawk il-kwistjonijiet. L-assistenza tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-għan li jiżdied il-proporzjon tal-baġit tal-Unjoni relatat mal-klima għal mill-inqas 20 %.

(11)

L-Unjoni għandha wkoll tipprovdi appoġġ għat-transizzjoni lejn l-adeżjoni għall-benefiċċju tal-benefiċjarji kollha elenkati fl-Anness I, abbazi tal-esperjenza tal-Istati Membri tagħha. Din il-kooperazzjoni għandha tiffoka b'mod partikolari fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fil-proċess tar-riforma.

(12)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità, il-koerenza u l-komplementarjetà tal-assistenza tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' assistenza. Il-passi meħtieġa għandhom jittieħdu wkoll biex tiġi żgurata koordinazzjoni u komplementarjetà aħjar, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet regolari, ma' donaturi oħra. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili għandu jissaħħaħ kemm fil-programmi implimentati permezz ta' korpi governattivi kif ukoll bħala benefiċjarja diretta tal-assistenza mill-Unjoni.

(13)

Il-prijoritajiet għall-azzjoni lejn il-kisba tal-għanijiet fl-oqsma ta' politika rilevanti li ser ikunu appoġġati taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu definiti f'dokumenti ta' strateġija indikattivi stabbiliti mill-Kummissjoni għad-durata tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020 fi sħubija mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u l-aġenda tat-tkabbir, f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi definiti b'dan ir-Regolament u b'kont debitu meħud tal-istrateġiji nazzjonali rilevanti. Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jidentifikaw ukoll l-oqsma ta' politika li għandhom jiġu appoġġati bl-assistenza u, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jistabbilixxu l-allokazzjonijiet indikattivi ta' fondi tal-Unjoni għal kull qasam ta' politika, imqassma għal kull sena, inkluż stima tan-nefqa relatata mal-klima. Għandu jkun hemm flessibbiltà suffiċjenti li tilqa' għall-ħtiġijiet emerġenti u li tagħti inċentivi għat-titjib tal-prestazzjoni. Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiżguraw koerenza u konsistenza mal-isforzi tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I kif rifless fil-baġits nazzjonali tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-appoġġ ipprovdut minn donaturi oħra. Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi interni u esterni, id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu analizzati u riveduti skont kif ikun il-każ.

(14)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I jiġu assistiti fl-isforzi tagħhom biex jirriformaw bil-ħsieb ta' sħubija mal-Unjoni. L-assistenza għandha tiġi ġestita b'attenzjoni kbira fuq ir-riżultati u b'inċentivi għal dawk li juru l-impenn tagħhom li jirriformaw permezz ta' implimentazzjoni effiċjenti ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni u progress lejn l-issodisfar tal-kriterji ta' sħubija.

(15)

L-assistenza għandha tkompli tagħmel użu mill-istrutturi u l-istrumenti li ġew ipprovati tajbin fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni. It-transizzjoni minn ġestjoni diretta mill-Kummissjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni għal ġestjoni indiretta mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għandha tkun progressiva u konformi mal-kapaċitajiet rispettivi ta' dawk il-benefiċjarji. F'konformità mal-prinċipju ta' demokrazija parteċipattiva, is-sorveljanza parlamentari f'kull benefiċjarju elenkat fl-Anness I tal-assistenza pprovduta lil dak il-benefiċjarju għandha tiġi mħeġġa mill-Kummissjoni.

(16)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat huma relatati mad-dokumenti ta' strateġija, dokumenti ta' programmar u ma' regoli speċifiċi li jistabbilixxu tali kondizzjonijiet uniformi u għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). B'kont meħud tan-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, partikolarment in-natura ta' orjentazzjoni politika tagħhom jew l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-proċedura ta'eżami għandha fil-prinċipju tintuża għall-adozzjoni tagħhom, ħlief fil-każ ta' miżuri fuq skala finanzjarja żgħira. Fl-istabbiliment ta' kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont tal-esperjenza miksuba preċedentement mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni. Dawk il-kondizzjonijiet uniformi għandhom jiġu emendati jekk l-iżviluppi jkunu jirrikjedu dan.

(17)

Il-kumitat stabbilit taħt dan ir-Regolament għandu jkun kompetenti fir-rigward ta' atti legali u impenji taħt ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, kif ukoll fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 (6).

(18)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perijodu tal-applikazzjoni tiegħu, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (7), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(19)

L-Unjoni għandha tfittex li tikseb l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-IPA II, strumenti oħra tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħra tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.

(20)

Ir-regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(21)

Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(22)

Huwa kunsiljabbli li tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel u mingħajr interruzzjoni bejn l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) stabbilit taħt ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, u l-IPA II u li jiġi allinjat il-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (9). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Objettiv ġenerali

L-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020 (IPA II) għandu jappoġġa lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi li huma meħtieġa minn dawk il-benefiċjarji sabiex ikunu konformi mal-valuri tal-Unjoni u biex progressivament jallinjaw ruħhom mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni bil-għan li jissieħbu fl-Unjoni.

Permezz ta' tali appoġġ, l-IPA II għandu jikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Objettivi speċifiċi

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandu jkollha l-għan li tikseb l-objettivi speċifiċi li ġejjin skont il-ħtiġijiet ta' kull wieħed mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, kif ukoll l-aġenda individwali tagħhom rigward it-tkabbir:

(a)

appoġġ għar-riformi politiċi, fost l-oħrajn permezz ta':

(i)

it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istituzzjonijiet tagħha, inkluż ġudikatura indipendenti u effiċjenti, u tal-istat tad-dritt, inkluż l-implimentazzjoni tiegħu;

(ii)

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, it-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, inkluż persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersess, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza, kif ukoll il-libertà tal-mezzi tax-xandir u r-rispett għad-diversità kulturali;

(iii)

il-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien;

(iv)

il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, il-konsolidazzjoni tal-paċi, u l-miżuri għall-bini ta' fiduċja;

(v)

il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

(vi)

it-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika u governanza tajba fil-livelli kollha;

(vii)

miżuri għall-bini tal-kapaċitajiet għat-titjib tal-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni, inkluż il-ġestjoni tal-flussi migratorji;

(viii)

l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

(ix)

it-titjib tad-djalogu soċjali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali;

(b)

l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali, bil-għan ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, fost l-oħrajn permezz ta':

(i)

il-kisba ta' standards tal-Unjoni fl-ekonomija, inkluż ekonomija tas-suq li taħdem, kif ukoll governanza fiskali u ekonomika;

(ii)

ir-riformi ekonomiċi meħtieġa biex jifilħu għall-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, filwaqt li jikkontribwixxu għall-kisba ta' għanijiet soċjali u ambjentali;

(iii)

il-promozzjoni tal-impjiegi u l-mobbiltà tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-iżvilupp tal-kapital uman;

(iv)

il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u ekonomika, b'mod partikolari dik tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, inkluż il-persuni b'diżabbiltà, ir-rifuġjati u l-persuni spostati;

(v)

it-trawwim ta' sistema edukattiva inklużiva u integrata u l-preservazzjoni u l-irkupru tal-wirt kulturali;

(vi)

l-iżvilupp tal-kapital fiżiku, inkluż it-titjib tal-infrastruttura, u tal-konnessjonijiet man-netwerks tal-Unjoni u n-netwerks reġjonali;

(vii)

it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-kapaċità innovattiva;

(c)

it-tisħiħ tal-kapaċità tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I fil-livelli kollha biex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija mal-Unjoni permezz ta' appoġġ tal-allinjament progressiv mal-acquis tal-Unjoni u l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu, inkluż it-tħejjija għall-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-Unjoni.

(d)

it-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni territorjali li jinvolvu l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, l-Istati Membri u, fejn ikun il-każ, pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

2.   Il-progress lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-paragrafu 1 għandu jiġi mmonitorjat u vvalutat abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u, fejn ikun il-każ, speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu li jkopru, fost l-oħrajn:

(a)

il-progress fl-oqsma tat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta' dritt u sistema ġudizzjarja indipendenti u effiċjenti, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u gruppi vulnerabbli, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-rikonċiljazzjoni, ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u r-ritorn tar-rifuġjati, u b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' esperjenza f'dawk l-oqsma;

(b)

il-progress fir-riformi soċjoekonomiċi u fiskali, l-indirizzar tal-iżbilanċi strutturali u makroekonomiċi; is-solidità u l-effettività tal-istrateġiji ta' żvilupp soċjali u ekonomiku, il-progress lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-ħolqien ta' edukazzjoni inklużiva u integrata, taħriġ u impjiegi ta' kwalità, inkluż permezz ta' investimenti pubbliċi appoġġati mill-IPA II; il-progress lejn il-ħolqien ta' ambjent li jiffavorixxi n-negozju;

(c)

il-progress fl-allinjament tal-korp ta' leġislazzjoni mal-acquis tal-Unjoni, inkluż rekord tal-implimentazzjoni tagħha; il-progress fir-riforma istituzzjonali relatata mal-Unjoni, inkluż transizzjoni lejn amministrazzjoni indiretta tal-assistenza pevista f'dan ir-Regolament;

(d)

il-progress fil-bini u t-tisħiħ tal-governanza tajba u l-kapaċitajiet amministrattivi, istituzzjonali u ta' assorbiment fil-livelli kollha, inkluż riżorsi umani adegwati, meħtieġa għall-adozzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni relatata mal-acquis;

(e)

l- inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali u territorjali u l-evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali.

3.   L-indikaturi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jintużaw għall-finijiet ta' monitoraġġ, valutazzjoni u analiżi tal-prestazzjoni, skont kif ikun il-każ. Ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jitqiesu bħala punt ta' referenza fil-valutazzjoni tar-riżultati tal-assistenza mill-IPA II. L-indikaturi ta' prestazzjoni rilevanti għandhom jiġu definiti u inklużi fid-dokumenti ta' strateġija u l-programmi msemmija fl-Artikoli 6 u 7 u għandhom ikunu stabbiliti b'tali mod li jippermettu li l-progress jiġi vvalutat b'mod objettiv matul iż-żmien u, fejn ikun il-każ, għal programmi differenti.

Artikolu 3

Oqsma ta' politika

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tindirizza prinċipalment l-oqsma ta' politika li ġejjin:

(a)

ir-riformi bi tħejjija għas-sħubija mal-Unjoni u l-bini tal-istituzzjonijiet u l-bini tal-kapaċitajiet relatati;

(b)

l-iżvilupp soċjoekonomiku u reġjonali;

(c)

l-impjiegi, il-politiki soċjali, l-edukazzjoni, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp tar-riżorsi umani;

(d)

l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

(e)

il-kooperazzjoni reġjonali u territorjali.

2.   L-assistenza taħt l-oqsma ta' politika kollha msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tappoġġa lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex jiksbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2, b'mod partikolari permezz tar-riformi ta' politika, l-approssimazzjoni tal-liġijiet, il-bini tal-kapaċitajiet u l-investiment.

Fejn ikun i-każ, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-governanza tajba, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

3.   L-assistenza taħt l-oqsma ta' politika msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 1 jistgħu jinkludu, il-finanzjament tat-tipi ta' azzjonijiet previsti taħt ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), ir-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

4.   L-assistenza taħt il-qasam ta' politika msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, tista' b'mod partikolari tiffinanzja azzjonijiet li jinvolvu lil ħafna pajjiżi jew orizzontali kif ukoll azzjonijiet ta' kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali.

Artikolu 4

Qafas għall-assistenza

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tingħata f'konformità mal-qafas ta' politika dwar it-tkabbir iddefinit mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill u għandha tieħu kont dovut tal-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u r-Rapporti ta' Progress inklużi fil-pakkett annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir, kif ukoll tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koerenza bejn l-assistenza u l-qafas ta' politika dwar it-tkabbir.

2.   L-assistenza għandha tkun immirata u aġġustata għas-sitwazzjoni speċifika tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, b'kont meħud ta' sforzi oħrajn meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' sħubija kif ukoll il-kapaċitajiet ta' dawk il-benefiċjarji. L-assistenza għandha tkun differenzjata fir-rigward tal-ambitu u l-intensità skont il-ħtiġijiet, l-impenn għal riformi u l-progress fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-riformi. Hija għandha tkun diretta prinċipalment lejn l-għoti ta' għajnuna lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi fis-settur. Il-politiki u l-istrateġiji settorjali għandhom ikunu komprensivi u għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 2(1).

3.   F'konformità mal-objettivi speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 2(1), il-prijoritajiet tematiċi għall-għoti ta' assistenza skont il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I jinsabu fl-Anness II. Kull waħda minn dawk il-prijoritajiet tematiċi tista' tikkontribwixxi għall-kisba ta' iktar minn objettiv speċifiku wieħed.

4.   F'konformità mal-objettiv speċifiku li jinsab fl-Artikolu 2(1)(d), l-assistenza għandha tappoġġa l-kooperazzjoni transkonfinali, kemm bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I kif ukoll bejnhom u l-Istati Membri jew il-pajjiżi taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (l-“ENI”, European Neighbourhood Instrument), stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 232/2014, bil-ħsieb tal-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, it-trawwim tal-integrazzjoni tal-Unjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp soċjoekonomiku. Il-prijoritajiet tematiċi għall-assistenza għall-kooperazzjoni territorjali jinsabu fl-Anness III.

Artikolu 5

Konformità, koerenza u komplementarjetà

1.   L-assistenza finanzjarja taħt dan ir-Regolament għandha tkun konsistenti mal-politiki tal-Unjoni. Hija għandha tikkonforma mal-ftehimiet konklużi mill-Unjoni mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u għandha tirrispetta l-impenji skont ftehimiet multilaterali li tagħhom l-Unjoni hija parti.

2.   Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni lejn aktar trasparenza u sens ta' responsabbiltà fl-għoti ta' assistenza, inkluż permezz tal-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-assistenza, filwaqt li tiżgura li d-data tkun komparabbli internazzjonalment u li tkun tista' tiġi ppubblikata u kondiviża faċilment u jkun hemm aċċess faċli għaliha.

3.   Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom jikkooperaw biex jiżguraw koerenza u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni bejn l-assistenza mogħtija taħt dan ir-Regolament u assistenza oħra mogħtija mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-BEI, inkluż permezz ta' laqgħat regolari u inklużivi mmirati għall-koordinazzjoni tal-assistenza.

4.   Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-BEI għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni tal-programmi ta' assistenza rispettivi tagħhom bl-għan li tiżdied l-effettività u l-effiċjenza fl-għoti ta' assistenza u biex jiġi evitat finanzjament doppju f'konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operazzjonali fil-qasam tal-assistenza esterna, u għall-armonizzazzjoni tal-linji ta' politika u l-proċeduri, partikolarment il-prinċipji internazzjonali dwar l-effettività tal-għajnuna. Il-koordinazzjoni tinvolvi konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' assistenza, b'mod partikolari fil-livell tal-qasam u għandha tikkostitwixxi pass ewlieni fil-proċessi ta' programmazzjoni tal-Istati Membri u l-Unjoni.

5.   Sabiex jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza fl-għoti tal-assistenza u sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura koordinazzjoni u komplementarjetà aħjar mal-organizzazzjonijiet u l-entitajiet multilaterali u reġjonali, bħall-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, l-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-Nazzjonijiet Uniti u d-donaturi li mhumiex parti mill-Unjoni.

6.   Fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-assistenza taħt dan ir-Regolament, fil-prinċipju, il-Kummissjoni għandha taġixxi fi sħubija mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I. Is-sħubija għandha tinkludi, skont kif ikun il-każ, awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati rilevanti.

Il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jissaħħu, inkluż, skont kif ikun il-każ, bħala benefiċjarji diretti tal-assistenza.

TITOLU II

IPPJANAR STRATEĠIKU

Artikolu 6

Dokumenti ta' strateġija

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tingħata abbażi ta' dokumenti ta' strateġija indikattivi għal pajjiż wieħed jew għal diversi pajjiżi (id-“dokumenti ta' strateġija”), li jiġu stabbiliti għat-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020, mill-Kummissjoni fi sħubija mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiddefinixxu l-prijoritajiet għall-azzjoni biex jintlaħqu l-objettivi fl-oqsma ta' politika rilevanti msemmija fl-Artikolu 3, li għandhom jiġu appoġġati taħt dan ir-Regolament f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikoli 1 u 2 rispettivament. Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu adottati f'konformità mal-qafas għall-assistenza stipulat fl-Artikolu 4 u għandhom jieħdu kont dovut tal-istrateġiji nazzjonali rilevanti.

3.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jinkludu l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi tal-Unjoni għal kull qasam ta' politika, kif applikabbli, imqassma kull sena, u għandhom jippermettu li jiġu indirizzati ħtiġijiet li jitfaċċaw, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-assistenza f'oqsma ta' politika differenti tiġi kkombinata. Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jinkludu l-indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress fir-rigward tal-kisba tal-miri li jinsabu fihom.

4.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija u r-rilevanza kontinwa tagħhom fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qafas ta' politika msemmi fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) bir-riżultati ta' dik il-valutazzjoni u tista' tipproponi reviżjonijiet tad-dokumenti ta' strateġija msemmija f'dan l-Artikolu u/jew tal-programmi u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1), skont il-każ. Dawk id-dokumenti ta' strateġija għandhom ukoll jiġu eżaminati f'nofs it-terminu u riveduti, skont kif ikun il-każ.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta d-dokumenti ta' strateġija msemmija f'dan l-Artikolu u kwalunkwe reviżjoni tagħhom f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

TITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 7

Programmazzjoni

1.   L-assistenza tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata direttament, indirettament jew f'ġestjoni kondiviża permezz ta' programmi u miżuri kif imsemmija fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 u f'konformità ma' regoli speċifiċi li jistabbilixxu kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari rigward l-istrutturi u l-proċeduri ta' ġestjoni, li l-Kummissjoni għandha tadotta f'konformità mal-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament. L-implimentazzjoni għandha, bħala regola, tieħu l-għamla ta' programmi annwali jew pluriennali, speċifiċi għall-pajjiż jew għal diversi pajjiżi kif ukoll programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali stabbiliti f'konformità mad-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 6 u mfasslin mill-benefiċjarji rispettivi elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament u/jew il-Kummissjoni, skont il-każ.

2.   Kwalunkwe programmazzjoni jew reviżjoni tal-programmi li jsir wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament UE Nru 236/2014 (ir-“rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu”) għandu jieħu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 8

Ftehimiet qafas u ftehimiet sussidjarji

1.   Il-Kummissjoni u l-benefiċjarji rispettivi elenkati fl-Anness I għandhom jikkonkludu ftehimiet qafas dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza.

2.   Il-ftehimiet sussidjarji dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza jistgħu jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji rispettivi elenkati fl-Anness I jew l-awtoritajiet ta' implimentazzjoni tagħhom, kif meħtieġ.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet trasversali

1.   F'ċirkostanzi debitament iġġustifikati u sabiex tiżgura l-koerenza u l-effettività tal-finanzjament tal-Unjoni jew biex trawwem il-kooperazzjoni reġjonali, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li testendi l-eliġibbiltà tal-programmi u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1) għal pajjiżi, territorji u reġjuni li f'ċirkostanzi differenti ma jkunux eliġibbli għal finanzjament skont l-Artikolu 1, meta l-programm jew il-miżura li għandha tiġi implimentata tkun ta' natura globali, reġjonali jew transkonfinali.

2.   Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għandu jikkontribwixxi għal programmi jew miżuri stabbiliti taħt dan ir-Regolament għal kooperazzjoni transkonfinali bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-Istati Membri. L-ammont tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-użu ta' dik il-kontribuzzjoni.

3.   Fejn ikun il-każ, l-IPA II tista' tikkontribwixxi għal programmi jew miżuri ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali li jiġu stabbiliti u implimentati taħt ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 u li fihom jipparteċipaw il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

4.   Fejn ikun il-każ, l-IPA II jista' jikkontribwixxi għal programmi jew miżuri ta' kooperazzjoni transkonfinali li jiġu stabbiliti u implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 u li fihom jipparteċipaw il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

5.   Fejn ikun il-każ, l-IPA II jista' jikkontribwixxi għal programmi jew miżuri li jiġu introdotti bħala parti minn strateġija makroreġjonali, u li fihom jiġu involuti l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Delega ta' setgħat

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 11 biex temenda l-Anness II ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu, u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fih, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat li jemenda l-Anness II ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 11

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati kif imsemmija fl-Artikolu 10 hija mogħtija lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 10 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill matul perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 12

Adozzjoni ta' aktar regoli ta' implimentazzjoni

Minbarra r-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 236/2014, għandhom jiġu adottati regoli speċifiċi li jistabbilixxu kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

Artikolu 13

Proċedura ta' Kumitat

1.   B'dan huwa stabbilit kumitat tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (il-“Kumitat tal-IPA II”) magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-Kumitat tal-IPA II għandu jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-oqsma kollha ta' politika msemmija fl-Artikolu 3. Il-Kumitat tal-IPA II għandu jkollu kompetenza wkoll għall-atti legali u l-impenji taħt ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 389/2006.

Artikolu 14

Ippremjar tal-prestazzjoni

1.   Id-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 6 għandhom jipprovdu għal ammont adegwat ta' assistenza biex jibqa' disponibbli biex benefiċjarju individwali elenkat fl-Anness I jiġi ppremjat għal:

(a)

progress partikolari magħmul lejn is-sodisfazzjon tal-kriterji għas-sħubija; u/jew

(b)

implimentazzjoni effiċjenti tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni li permezz tagħha jinkisbu riżultati partikolarment tajbin fir-rigward tal-miri speċifiċi stabbiliti fid-dokument ta' strateġija rilevanti.

2.   Fejn il-progress li jkun sar u/jew ir-riżultati li jkunu nkisbu minn benefiċjarju elenkat fl-Anness I jibqgħu sinifikattivament taħt il-livelli maqbula stabbiliti fid-dokumenti ta' strateġija, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-allokazzjonijiet b'mod proporzjonali, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

3.   Għandu jitwarrab ammont adegwat għal finijiet tal-ippremjar imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u dan għandu jiġi allokat abbażi ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-progress tul perijodu ta' diversi snin iżda mhux aktar tard mill-2017 u l-2020, rispettivament. L-indikaturi tal-prestazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(2) u speċifikati fid-dokumenti ta' strateġija, għandhom jiġu kkunsidrati.

4.   L-allokazzjoni indikattiva tal-fondi tal-Unjoni fid-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 6 għandha tieħu kont tal-possibbiltà li l-fondi addizzjonali kkonċernati jiġu allokati abbażi tal-prestazzjoni u/jew tal-progress.

Artikolu 15

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu mill-2014 sal-2020 huwa b'dan stabbilit għall-ammont ta' EUR 11 698 668 000 fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali. Ammont sa 4 % tal-pakkett finanzjarju għandu jiġi allokat għall-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-Istati Membri, f'konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tagħhom.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020.

3.   F'konformità mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), b'dan huwa allokat ammont indikattiv ta' EUR 1 680 000 000 mill-istrumenti differenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, jiġifieri l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), l-ENI, l-IPA II, u l-Istrument tas-Sħubija stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) għal azzjonijiet fir-rigward ta' mobbiltà fit-tagħlim lejn jew minn pajjiżi msieħba fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 u għal kooperazzjoni u djalogu politiku ma' awtoritajiet, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi. Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandu japplika għall-użu ta' dawk il-fondi.

Il-finanzjament għandu jkun disponibbli permezz ta' żewġ allokazzjonijiet pluriennali li jkopru l-ewwel erba' snin u t-tliet snin li jkun baqa', rispettivament. L-allokazzjoni ta' dak il-finanzjament għandha tkun riflessa fil-programmazzjoni prevista f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet identifikati tal-pajjiżi kkonċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti f'każ ta' ċirkustanzi maġġuri imprevisti jew bidliet politiċi importanti f'konformità mal-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 77.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82).

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta' sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2667/2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5).

(7)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)  Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(10)  Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

(12)  Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281).

(13)  Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tal-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

(14)  Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(15)  Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(16)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(17)  Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (ara l-paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(18)  Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (ara l-paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Albanija

Bosnja-Ħerzegovina

Islanda

Kosovo (*)

Montenegro

Serbja

Turkija

L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja


(*)  L-użu ta' dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.


ANNESS II

Prijoritajiet tematiċi għall-assistenza

L-assistenza tista', skont kif ikun il-każ, tindirizza l-prijoritajiet tematiċi li ġejjin:

(a)

Il-konformità mal-prinċipju ta' amministrazzjoni pubblika u governanza ekonomika fis-sod. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: isaħħu l-amministrazzjoni pubblika, inkluż il-professjonalizzazzjoni u depolitiċizzazzjoni tas-servizz pubbliku, li jintegraw prinċipji ta' meritokrazija u jiżguraw proċeduri amministrattivi adegwati; isaħħu l-kapaċità ta' tisħiħ tal-istabbiltà makroekonomika u jappoġġaw il-progress lejn ekonomija tas-suq li taħdem kif ukoll ekonomija aktar kompetittiva; jappoġġaw il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu ta' sorveljanza fiskali multilaterali tal-Unjoni u kooperazzjoni sistematika mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rigward il-prinċipji fundamentali tal-politika ekonomika kif ukoll it-tisħiħ tal-amministrazzjoni finanzjarja pubblika.

(b)

L-istabbiliment u l-promozzjoni sa minn stadju bikri tal-funzjonament korrett tal-istituzzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-istat tad-dritt. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jistabbilixxu sistemi ġudizzjarji indipendenti, responsabbli u effiċjenti, inkluż sistemi ta' reklutaġġ, evalwazzjoni u promozzjoni trasparenti u bbażati fuq il-mertu u proċeduri dixxiplinari effettivi f'każijiet ta' mġiba illeċita; jiżguraw l-istabbiliment ta' sistemi robusti ta' protezzjoni tal-fruntieri, jiġġestixxu l-flussi migratorji u jipprovdu asil għal dawk fil-bżonn; jiżviluppaw għodod effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi — inklużi r-Rom kif ukoll persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersess — u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà tal-mezzi tax-xandir.

(c)

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali inkluż assoċjazzjonijiet professjonali f'benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-inkoraġġiment ta' netwerking fil-livelli kollha fost l-organizzazzjonijiet ibbażati fl-Unjoni u dawk ta' benefiċjarji elenkati fl-Anness I, biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi djalogu effettiv mal-atturi pubbliċi u privati.

(d)

Investimenti fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jippromwovu aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità tajba fit-tfulija bikrija, fil-livell primarju u dak sekondarju; inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola; jadattaw is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) għad-domandi tas-suq tax-xogħol; itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja; isaħħu l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, u jappoġġaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-edukazzjoni u t-taħriġ; partikolarment bil-għan li jonqsu d-differenzi territorjali u titrawwem edukazzjoni mingħajr segregazzjoni.

(e)

Il-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ għall-mobbiltà tas-suq tax-xogħol. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li jintegraw b'mod sostenibbli fis-suq tax-xogħol liż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET), inkluż permezz ta' miżuri li jistimulaw l-investiment fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;li jappoġġaw l-integrazzjoni tal-persuni mingħajr xogħol; u li jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ogħla fis-suq tax-xogħol mill-gruppi sottorappreżentati kollha. Oqsma oħrajn ta' intervent għandhom ikunu l-appoġġ għall-ugwaljanza bejn is-sessi, l-adattament tal-ħaddiema u l-intrapriżi għall-bidla, l-istabbiliment ta' djalogu soċjali sostenibbli u l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol.

(f)

Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jintegraw lil komunitajiet emarġinati bħar-Rom; jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew nisel etniku, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali; u li jsaħħu l-aċċess għal servizzi li jintlaħqu minn kulħadd, sostenibbli u ta' kwalità għolja bħall-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali.

(g)

Il-promozzjoni ta' trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni fl-infrastrutturi tan-netwerk prinċipali, b'mod partikolari permezz ta' investiment fi proġetti b'valur miżjud Ewropew għoli. L-investimenti identifikati għandhom jingħataw prijorità skont il-kontribut tagħhom għall-mobbiltà, is-sostenibbiltà, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, ir-rilevanza għall-konnessjonijiet mal-Istati Membri, u b'mod koerenti maż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport.

(h)

It-titjib tal-ambjent tas-settur privat u l-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, bħala muturi ewlenin għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni. Għandha tingħata prijorità għal proġetti li jtejbu l-ambjent tan-negozju.

(i)

It-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni b'mod partikolari permezz tat-titjib tal-infrastruttura tar-riċerka, ta' ambjent favorevoli u tal-promozzjoni ta' netwerking u kollaborazzjoni.

(j)

Isir kontribut għas-sigurtà u s-sikurezza tal-provvista alimentari u ż-żamma ta' sistemi ta' biedja diversifikati u vijabbli f'komunitajiet rurali vibranti u fil-kampanja.

(k)

Tiżdied il-kapaċità tas-settur agroalimentari sabiex ilaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq kif ukoll sabiex jallinja ruħu progressivament mar-regoli u l-istandards tal-Unjoni, filwaqt li jfittex li jikseb l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fi żvilupp territorjali bbilanċjat taż-żoni rurali.

(l)

Il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, iż-żieda fir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tal-governanza u informazzjoni relatati mal-azzjoni klimatika. Il-finanzjament mill-IPA II għandu jippromwovi l-politiki b'appoġġ għat-tibdil lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, sikura u sostenibbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

(m)

Il-promozzjoni ta' miżuri ta' rikonċiljazzjoni, konsolidazzjoni tal-paċi u għal bini ta' fiduċja.


ANNESS III

Prijoritajiet tematiċi għal assistenza għal kooperazzjoni territorjali

L-assistenza għal kooperazzjoni transkonfinali tista', skont kif ikun il-każ, tindirizza l-prijoritajiet tematiċi li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni tal-Impjiegi, il-mobbiltà tas-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali u kulturali b'mod transkonfinali, permezz inter alia ta': l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol transkonfinali, inkluż il-mobbiltà transkonfinali; inizjattivi lokali konġunti favur l-impjiegi; informazzjoni u servizzi konsultattivi u taħriġ konġunt; ugwaljanza bejn is-sessi; opportunitajiet indaqs; integrazzjoni tal-komunitajiet tal-immigranti u l-gruppi vulnerabbli; investimenti għal servizzi ta' impjieg pubbliku; u l-appoġġ tal-investiment fis-saħħa pubblika u s-servizzi soċjali;

(b)

il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, fost l-oħrajn permezz ta': azzjonijiet konġunti għal protezzjoni ambjentali; il-promozzjoni tal-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u t-tibdil lejn ekonomija sikura u sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju; il-promozzjoni ta' investiment biex jiġu indirizzati riskji speċifiċi, l-iżgurar ta' reżiljenza għad-diżastri u l-iżvilupp ta' sistemi għall-ġestjoni ta' diżastri u tħejjija f'każijiet ta' emerġenza;

(c)

il-promozzjoni ta' trasport sostenibbli u t-titjib fl-infrastrutturi pubbliċi permezz inter alia ta': tnaqqis tal-iżolament permezz ta' aċċess imtejjeb għat-trasport, għan-netwerks u s-servizzi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-investiment f'sistemi u faċilitajiet transkonfinali ta' ilma, skart u enerġija;

(d)

l-inkoraġġiment tat-turiżmu u l-patrimonju kulturali u naturali;

(e)

l-investiment fiż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-ħiliet permezz inter alia tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' edukazzjoni konġunta, taħriġ vokazzjonali, skemi ta' taħriġ u infrastruttura li tappoġġa l-attivitajiet konġunti favur iż-żgħażagħ;

(f)

il-promozzjoni ta' governanza lokali u reġjonali u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-ippjanar u amministrattiva ta' awtoritajiet lokali u reġjonali;

(g)

it-tisħiħ tal-kompetittività, l-ambjent tan-negozju u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, kummerċ u investiment fost l-oħrajn permezz ta': promozzjoni u appoġġ għall-intraprenditorija, b'mod partikolari l-intrarpriżi żgħar u ta' daqs medju, u l-iżvilupp ta' swieq transkonfinali lokali u l-internazzjonalizzazzjoni;

(h)

it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni permezz inter alia ta': promozzjoni tal-kondiviżjoni tar-riżorsi umani u l-faċilitajiet għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

Il-fondi tal-IPA II jistgħu wkoll jiffinanzjaw, skont kif ikun il-każ, il-parteċipazzjoni ta' benefiċjarji elenkati fl-Anness I fi programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali taħt is-sostenn mill-FEŻR għall-mira tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u fi programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali taħt l-ENI. F'dawk il-każijiet, l-ambitu tal-assistenza għandu jiġi stabbilit f'konformità mal-qafas regolatorju tal-istrument rilevanti (li jkun jew il-FEŻR jew l-ENI).


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzjament tal-programmi orizzontali għall-minoranzi

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li l-punt (ii) tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti l-finanzjament ta' programmi mmirati lejn it-tisħiħ tar-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom f'konformità mal-kriterji ta' Kopenħagen, kif kien il-każ skont ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA).


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta' atti ta' implementazzjoni għat-twaqqif ta' provvedimenti għall-implimentazzjoni ta' ċerti regoli fir-Regolament Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-regoli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transfruntieri kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u regoli ta' implimentazzjoni oħrajn speċifiċi u aktar dettaljati fir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), għandhom l-għan li jissupplimentaw l-att bażiku u għaldaqstant għandhom ikunu atti delegati li għandi jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex se topponi l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tiftakar li l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE qiegħda attwalment tiġi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ tal-“bijoċidi”.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihomx referenza espliċita għall-possibbiltà li jissospendu l-assistenza f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar il-Benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) juża t-terminu “il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I” matul it-test kollu. Il-Parlament Ewropew iqis li dan it-terminu japplika għall-pajjiżi.


Top