Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0230

Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi

OJ L 77, 15.3.2014, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/230/oj

15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/1


REGOLAMENT (UE) Nru 230/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li jipprovdu appoġġ dirett għall-politika esterna tal-Unjoni u jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li skada fil-31 ta' Diċembru 2013.

(2)

Il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni ta' konflitti, it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-għajnuna lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni kkonfrontati minn diżastri naturali jew minn dawk ikkaġunati mill-bniedem huma fost l-objettivi ewlenija tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, hekk kif stabbilit, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-kriżijiet u l-konflitti li jolqtu lill-pajjiżi u r-reġjuni, u fatturi oħrajn bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, vjolenza bbażata fuq is-sessi, it-tibdil fil-klima, l-isfidi għaċ-ċibersigurtà u t-theddid għas-sigurtà li jiġi minn diżastri naturali joħolqu riskju għall- istabbiltà u s-sigurtà. Sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv u bikri dawk il-kwistjonijiet, jenħtieġu riżorsi finanzjarji u strumenti ta' finanzjament speċifiċi li jistgħu jaħdmu b'mod komplimentari ma' strumenti ta' għajnuna umanitarija u ta' kooperazzjoni fuq perijodu ta' żmien twil.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001, il-Kunsill Ewropew approva l-Programm tal-Unjoni għall-Prevenzjoni ta' Konflitti Vjolenti, li jenfasizza l-impenn politiku tal-Unjoni biex il-prevenzjoni ta' konflitti titqies bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, u jirrikonoxxi li l-istrumenti għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp jistgħu jikkontribwixxu għall-ksib ta' dak l-għan. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-prevenzjoni ta' konflitti ddikjaraw mill-ġdid il-validità ta' dak il-Programm bħala bażi ta' politika valida għall-azzjoni ulterjuri tal-Unjoni fil-qasam tal-prevenzjoni ta' konflitti. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009, il-Kunsill approva l-’Kunċett dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Medjazzjoni u Djalogu tal-UE’.

(4)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2007 dwar reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, datati wkoll fid-19 ta' Novembru 2007 dwar is-sigurtà u l-iżvilupp, enfasizzaw li r-rabta bejn l-iżvilupp u s-sigurtà għandha tinfluwenza l-istrateġiji u l-politiki tal-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'konformità mal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni b'mod ġenerali. B'mod aktar speċifiku, il-Kunsill ikkonkluda li l-ħidma futura fir-rigward tas-sigurtà u tal-iżvilupp għandha tinkludi l-implikazzjonijiet ta' sigurtà u ta' żvilupp tat-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet ambjentali u l-kwistjonijiet ta' ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-migrazzjoni.

(5)

Il-Kunsill Ewropew approva l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà fit-12 ta' Diċembru 2003 u l-analiżi kondiviża tar-Rapport ta' Implimentazzjoni tagħha fil-11 ta' Diċembru 2008. Fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Strateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa sikura” il-Kummissjoni nnotat ukoll l-importanza tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari għall-finijiet tal-ġlieda kontra theddid multipli bħalma huma t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-droga u t-terroriżmu.

(6)

Fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Lejn reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità — l-involviment f'ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabbiltà u l-paċi”, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-kontribut essenzjali li tagħti l-Unjoni għall-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà, billi kkontestat espressjonijiet ta' vjolenza u l-kawżi prinċipali tan-nuqqas ta' sigurtà u l-konflitt vjolenti. Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-ksib ta' dawk l-għanijiet.

(7)

Fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill approva approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nri 1325 (2000) u 1820 (2008) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li jirrikonoxxu r-rabtiet mill-qrib bejn il-kwistjonijiet ta' paċi, sigurtà, żvilupp u ugwaljanza bejn is-sessi. L-Unjoni b'mod konsistenti appellat għal implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà kif tinsab fir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment il-ħtieġa għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bini tal-paċi.

(8)

Il-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012, jappellaw għall-iżvilupp ta' gwida operazzjonali biex jiġi żgurat li jitqiesu d-drittijiet tal-bniedem fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' assistenza kontra t-terroriżmu, u jissottolinjaw li l-eradikazzjoni tat-tortura u ta' trattament ieħor krudili, inuman jew degradanti u r-rispett għal proċess f'konformità mal-liġi (inkluż li wieħed jiġi preżunt innoċenti, id-dritt għal proċess ġust, u drittijiet għal difiża) huma prijorità tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

(9)

Id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem tqiegħdu fuq quddiem fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi u għalhekk għandhom jitqiesu bħala prinċipji skont dan ir-Regolament.

(10)

Id-Dikjarazzjoni tal-25 ta' Marzu 2004 tal-Kunsill Ewropew dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu għamlet sejħa biex l-objettivi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jiġu integrati fil-programmi ta' għajnuna esterna. L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, adottata mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2005, sejħet għal żieda fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u man-Nazzjonijiet Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2011 dwar it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-aspetti interni u esterni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu appellaw biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu f'pajjiżi terzi fil-programmazzjoni strateġika tal-Istrument għall-Istabbiltà stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1717/2006.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 ġie adottat bil-għan li jippermetti lill-Unjoni tipprovdi rispons konsistenti u integrat għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' kriżi emerġenti, sabiex jiġi indirizzat it-theddid speċifiku għas-sigurtà globali u transreġjonali u biex tissaħħaħ it-tħejjija għall-kriżijiet. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jintroduċi strument rivedut, li jibni fuq l-esperjenza tar-Regolament (KE) Nru 1717/2006, sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-koerenza tal-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tar-reazzjoni għall-kriżijiet, tal-prevenzjoni ta' konflitti, tal-bini tal-paċi u tat-tħejjija għall-kriżijiet fl-indirizzar ta' theddid u sfidi għas-sigurtà.

(12)

Il-miżuri adottati taħt dan ir-Regolament għandhom jiksbu l-objettivi tal-Artikolu 21 tat-TUE u tal-Artikoli 208 u 212 tat-TFUE. Huma jistgħu jikkomplementaw u għandhom ikunu konsistenti ma' miżuri adottati mill-Unjoni għall-ilħuq tal-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà komuni fil-qafas tat-Titolu V tat-TUE, u miżuri adottati fil-qafas tal-Ħames Parti tat-TFUE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw biex jiżguraw tali konsistenza, kull istituzzjoni skont is-setgħat rispettivi tagħha.

(13)

Dan ir-Regolament għandu jkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”) kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (3). Id-Dikjarazzjoni tal-2010 mir-Rappreżentant Għoli dwar il-kontabbiltà politika kkonfermat il-prinċipji ta' djalogu u konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u tal-għoti ta' informazzjoni u rappurtar lill-Parlament Ewropew.

(14)

Il-Kummissjoni u s-SEAE, skont kif ikun meħtieġ, għandhom ikollhom skambji regolari u frekwenti ta' fehmiet u informazzjoni mal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, skont il-ftehimiet interistituzzjonali rilevanti dwar il-kwistjoni, il-Parlament Ewropew għandu jingħata aċċess għal dokumenti sabiex id-dritt ta' skrutinju skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi eżerċitat b'mod infurmat.

(15)

Ir-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(16)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-miżuri ta' programmazzjoni u ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(17)

B'kont meħud tan-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari n-natura tal-orjentazzjoni tal-politika tagħhom u l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha, fil-prinċipju, tintuża għall-adozzjoni tagħhom, għajr fil-każ ta' miżuri fuq skala finanzjarja żgħira.

(18)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f'każijiet debitament ġustifikati relatati mal-ħtieġa għal reazzjoni rapida mill-Unjoni jirrikjedu raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

(19)

L-Unjoni għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn dan l-istrument, strumenti oħrajn tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.

(20)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill- Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjaretà u tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(21)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perjodu tal-applikazzjoni tiegħu li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlenija, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (6) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(22)

Huwa kunsiljabbli li l-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (7). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument (l-“Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi”) li jipprevedi, għall-perijodu mill-2014 sal-2020, appoġġ dirett għall-politika esterna tal-Unjoni billi jżid l-effiċjenza u l-koerenza tal-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tar-reazzjoni għall-kriżijiet, tal-prevenzjoni ta' konflitti, tal-bini tal-paċi u tat-tħejjija għall-kriżijiet, u fit-trattament ta' theddid globali u transreġjonali.

2.   L-Unjoni għandha tadotta miżuri għal kooperazzjoni fl-iżvilupp, kif ukoll miżuri għal kooperazzjoni finanzjarja, ekonomika u teknika ma' pajjiżi terzi, ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u ma' atturi oħra Statali u tas-soċjetà ċivili taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “atturi tas-soċjetà ċivili” jinkludi organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw popolazzjonijiet indiġeni, gruppi lokali taċ-ċittadini u assoċjazzjonijiet tan-negozjanti, kooperattivi, trade unions, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi ekonomiċi u soċjali, organizzazzjonijiet lokali (li jinkludu netwerks) involuti fil-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali deċentralizzati, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet għat-tagħlim, kulturali, ta' riċerka u xjentifiċi, universitajiet, knejjes u assoċjazzjonijiet u komunitajiet reliġjużi, il-medja u kwalunkwe assoċjazzjonijiet nongovernattivi u fondazzjonijiet privati u pubbliċi li x'aktarx jikkontribwixxu għall-iżvilupp jew għad-dimensjoni esterna tal-linji politiċi interni. Korpi jew atturi oħrajn mhux elenkati f'dan il-paragrafu jistgħu jiġu ffinanzjati meta dan ikun meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

4.   L-objettivi speċifiċi ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu:

(a)

li f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti, jikkontribwixxi malajr għall-istabbiltà billi tiġi pprovduta reazzjoni effettiva mfassla biex jgħin jippreserva, jistabbilixxi jew jistabbilixxi mill-ġdid il-kondizzjonijiet essenzjali għall-implimentazzjoni xierqa tal-politiki u azzjonijiet esterni tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TUE;

(b)

li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' konflitti u jiżgura kapaċità u tħejjija għall-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' qabel u ta' wara kriżi u jikkontribwixxi għall-bini tal-paċi; u

(c)

li jindirizza theddid speċifiku globali u transreġjonali għall-paċi u s-sigurtà u l-istabbilità internazzjonali.

Artikolu 2

Konsistenza u komplementarjetà tal-għajnuna tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri adottati skont dan ir-Regolament ikunu konsistenti mal-qafas ta' politika strateġika ġenerali tal-Unjoni għall-pajjiżi sħab, u b'mod partikolari mal-objettivi tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll ma' miżuri oħra rilevanti tal-Unjoni.

2.   Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament jistgħu jikkomplementaw, u għandhom ikunu konsistenti ma' miżuri adottati taħt it-Titolu V tat-TUE u l-Parti Ħamsa tat-TFUE. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom iqisu, kif dovut, il-fehmiet tal-Parlament Ewropew.

3.   L-għajnuna tal-Unjoni pprovduta taħt dan ir-Regolament għandha tikkomplementa l-għajnuna pprovduta mill- istrumenti tal-Unjoni għall-għajnuna esterna, għandha tiġi pprovduta biss sakemm dawk l-istrumenti ma jkunux jistgħu jipprovdu reazzjoni adegwata u effettiva, u għandha tiġi ppjanata u implimentata b'tali mod li tiffaċilita l-kontinwità tal-azzjonijiet meħuda taħt dawk l-istrumenti, fejn applikabbli.

4.   Għandhom ikunu inklużi, fejn possibbli, il-kwistjonijiet trasversali li ġejjin, anke fil-programmazzjoni:

(a)

il-promozzjoni tad-demokrazija u l-governanza tajba;

(b)

id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja, inkluż id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet ta' popli indiġeni;

(c)

in-nondiskriminazzjoni;

(d)

l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa;

(e)

il-prevenzjoni ta' konflitti; u

(f)

it-tibdil fil-klima.

5.   L-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (8) u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li huma eliġibbli għal finanzjament taħt dawk l-atti leġislattivi ma għandhomx jiġu ffinanzjati taħt dan ir-Regolament.

6.   Sabiex jissaħħu l-effikaċja u l-komplementarjetà tal-miżuri ta' għajnuna tal-Unjoni u tal-miżuri ta' għajnuna nazzjonali u biex jiġi evitat li jkun hemm finanzjament doppju, il-Kummissjoni għandha tippromwovi koordinazzjoni mill-qrib fost l-attivitajiet tal-Unjoni u ma' dawk tal-Istati Membri kemm fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fuq livell operazzjonali. Għal dak l-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħaddmu sistema għall-iskambju ta' informazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tieħu inizzjattivi biex tiġi promossa tali koordinazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet multilaterali, reġjonali u sottoreġjonali u ma' donaturi oħrajn.

TITOLU II

TIPI TA' GĦAJNUNA TAL-UNJONI

Artikolu 3

Għajnuna b'reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti għall-prevenzjoni ta' konflitti

1.   L-Unjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja sabiex jinkisbu l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 1(4) b'reazzjoni għas-sitwazzjonijiet eċċezzjonali u mhux previsti li ġejjin:

(a)

sitwazzjoni ta' urġenza, ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti,

(b)

għal sitwazzjoni li tkun ta' theddida għad-demokrazija, għal-liġi u għall-ordni, għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali jew għas-sigurtà u s-sikurezza tal-individwi, b'mod partikolari dawk esposti għal vjolenza bbażata fuq is-sessi f'sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' stabbiltà, jew

(c)

għal sitwazzjoni li tista' teskala għal konflitt armat jew li tiddistabilizza serjament lill-pajjiż(i) terz(i) ikkonċernat(i).

Tali għajnuna tista' wkoll tindirizza sitwazzjonijiet fejn l-Unjoni tkun invokat klawżoli ta' elementi essenzjali ta' ftehimiet internazzjonali biex tissospendi, parzjalment jew totalment, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi.

2.   L-għajnuna teknika u finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 tista' tkopri dawn li ġejjin:

(a)

l-appoġġ, permezz tal-għoti ta' għajnuna teknika u loġistika, għall-isforzi magħmula minn organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u minn atturi Statali u tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tat-tisħiħ tal-fiduċja, tal-medjazzjoni, tad-djalogu u tar-rikonċiljazzjoni;

(b)

appoġġ għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà b'mod partikolari f'pajjiżi fraġli li qegħdin f'konflitt jew għadhom kif għaddew minn konflitt;

(c)

appoġġ għall-istabbiliment u l-funzjonament ta' amministrazzjonijiet interim awtorizzati f'konformità mad-dritt internazzjonali;

(d)

appoġġ għall-iżvilupp ta' istituzzjonijiet Statali pluralistiċi u demokratiċi, inklużi miżuri biex jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa f'tali istituzzjonijiet, amministrazzjoni ċivili effettiva u sorveljanza ċivili tas-sistema tas-sigurtà, kif ukoll miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-forom kollha ta' traffikar illegali;

(e)

appoġġ għall-qrati kriminali internazzjonali u għat-tribunali nazzjonali ad hoc, għall-kummissjonijiet għall-verità u r-rikonċiljazzjoni, u għall-mekkaniżmi li legalment isolvu allegazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u jaffermaw u jaġġudikaw id-drittijiet ta' proprjetà, stabbiliti skont standards internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

(f)

appoġġ għal miżuri meħtieġa sabiex tinbeda r-rijabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-infrastruttura ewlenija, tad-djar, tal-bini pubbliku u tal-assi ekonomiċi, u l-kapaċità produttiva essenzjali, u miżuri oħra biex tinbeda mill-ġdid attività ekonomika, biex jinħolqu impjiegi u biex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet minimi meħtieġa għal żvilupp soċjali sostenibbli;

(g)

l-appoġġ għal miżuri ċivili relatati mad-demobilizzazzjoni u mal-integrazzjoni mill-ġdid tal-ex-kombattenti u l-familji tagħhom fis-soċjetà ċivili, u fejn hu xieraq, mar-ripatrijazzjoni tagħhom, kif ukoll għall-miżuri li jindirizzaw il-problema tas-suldati tfal u tal-kombattenti nisa;

(h)

appoġġ għal miżuri biex itaffu l-effetti soċjali tar-ristrutturazzjoni tal-forzi armati;

(i)

appoġġ għal miżuri biex, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni u tal-objettivi tagħhom, jindirizzaw l-impatt soċjoekonomiku tal-mini tal-art kontra l-bniedem, ta' splussivi attivi jew ta' fdal splussiv ieħor tal-gwerra fuq il-popolazzjoni ċivili. L-attivitajiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament jistgħu jkopru, fost l-oħrajn, edukazzjoni dwar riskji, il-kxif u t-tneħħija ta' mini u, flimkien ma' dan, il-qerda ta' ħażniet;

(j)

appoġġ għal -miżuri biex, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni u tal-objettivi tagħhom, jiġi miġġieled l-użu illegali tal-armi tan-nar, tal-armi ħfief u tal-armi ta' kalibru żgħir u l-aċċess għalihom;

(k)

appoġġ għal miżuri biex jiżguraw li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' konflitt, inkluż l-esponiment tagħhom għal vjolenza bbażata fuq is-sess, jiġu milħuqa adegwatament;

(l)

appoġġ għar-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-vittmi ta' konflitt armat, inklużi l-miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tat-tfal;

(m)

appoġġ għal miżuri li jippromwovu u jiddefendu r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u l-istrumenti internazzjonali relatati;

(n)

appoġġ għal miżuri soċjoekonomiċi li jippromwovu l-aċċess ekwu għar-riżorsi naturali f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti, inkluż il-bini tal-paċi, u l-ġestjoni trasparenti tagħhom;

(o)

appoġġ għal miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt potenzjali ta' ċaqliq għall-għarrieda ta' popolazzjonijiet b'rilevanza għall-qagħda politika u tas-sigurtà, inklużi miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet li jilqgħuhom f'sitwazzjoni ta' kriżi jew kriżi emerġenti, inkluż il-bini tal-paċi;

(p)

appoġġ għal miżuri li jippromwovu l-iżvilupp u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess politiku, inklużi l-miżuri li jsaħħu r-rwol tan-nisa fi proċessi u miżuri bħal dawn li jippromwovu mezzi tal-informazzjoni indipendenti, pluralista u professjonali;

(q)

appoġġ għal miżuri ta' reazzjoni għal diżastri naturali jew dawk ikkaġunati mill-bniedem li jheddu l-istabbiltà, u għal theddid għas-saħħa pubblika marbut mal-pandemiċi, meta ma jkunx hemm għajnuna umanitarja u ta' protezzjoni ċivili mill-Unjoni jew billi jikkomplementawha.

3.   Fis-sitwazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Unjoni tista' tipprovdi wkoll għajnuna teknika u finanzjarja li ma tkunx espressament koperta mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Tali għajnuna għandha tkun limitata għal miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(2), li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

huma jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ġenerali ta' dan ir-Regolament u fl-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (a)tal-Artikolu 1(4);

(b)

huma limitati fit-tul ta' żmien għall-perijodu stabbilit fl-Artikolu 7(2);

(c)

huma normalment ikunu eliġibbli taħt ta' strumenti oħra tal-Unjoni għall-għajnuna esterna jew tal-komponenti l-oħra ta' dan ir-Regolament, iżda, minħabba li jkun meħtieġ reazzjoni rapida għas-sitwazzjoni, dawn għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti.

Artikolu 4

Għajnuna għall-prevenzjoni ta' konflitti, il-bini tal-paċi u t-tħejjija għal kriżijiet

1.   L-Unjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja sabiex jinkisbu l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 1(4). Tali għajnuna għandha tkopri l-appoġġ għall-miżuri li għandhom l-għan li jibnu u li jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni u tas-sħab tagħha sabiex jiġu evitati l-konflitti, biex tinbena l-paċi u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' qabel u ta' wara kriżi f'koordinazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sottoreġjonali oħrajn, u ma' atturi Statali u tas-soċjetà ċivili, b'rabta mal-isforzi tagħhom biex:

(a)

jippromwovu twissija bikrija u analiżi tar-riskju li tkun sensittiva għall-konflitti fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-politika;

(b)

jiffaċilitaw u jibnu l-kapaċità fil-bini ta' fiduċja, medjazzjoni, djalogu u rikonċiljazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' tensjonijiet interkomunitarji emerġenti;

(c)

isaħħu l-kapaċitajiet għall-parteċipazzjoni u l-iskjerament f'missjonijiet ta' stabbilizzazzjoni ċivili;

(d)

itejbu l-irkupru ta' wara l-konflitti kif ukoll ta' wara d-diżastri b'rilevanza għall-qagħda politika u ta' sigurtà;

(e)

irażżnu l-użu tar-riżorsi naturali għall-finanzjament ta' konflitti, u jappoġġaw il-konformità mill-partijiet interessati b'inizjattivi bħall-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċessi Kimberley, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni ta' kontrolli domestiċi effiċjenti fuq il-produzzjoni tar-riżorsi naturali, u l-kummerċ bihom.

2.   Il-miżuri msemmija taħt dan l-Artikolu:

(a)

għandhom jinkludu t-trasferiment ta' kompetenzi, l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prassi, l-istima tar-riskju jew tat-theddid, ir-riċerka u l-analiżi, is-sistemi ta' twissija bikrija, it-taħriġ u t-twettiq ta' servizz;

(b)

għandhom jagħtu kontribut għall-iżvilupp ulterjuri ta' djalogu strutturat dwar kwistjonijiet għall-bini tal-paċi;

(c)

jistgħu jinkludu għajnuna teknika u finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-bini tal-paċi u tal-azzjonijiet li jappoġġaw il-bini tal-Istat.

Artikolu 5

Għajnuna biex jiġi indirizzat theddid globali u transreġjonali u theddid emerġenti

1.   L-Unjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja sabiex jinkisbu l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 1(4) fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-theddid għal-liġi u l-ordni, għas-sigurtà u s-sikurezza tal-individwi, għall-infrastruttura kritika u għas-saħħa pubblika;

(b)

il-mitigazzjoni tar-riskji, kemm jekk ikunu ta' oriġini intenzjonali, aċċidentali jew naturali, jew relatati ma' materjali jew aġenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari.

2.   L-għajnuna fl-oqsma msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tkopri l-appoġġ għall-miżuri li għandhom l-għan li:

(a)

isaħħu l-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u tal-awtoritajiet ġudizzjarji u ċivili involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, inkluża l-kriminalità tal-informatika, u l-forom kollha ta' traffikar illegali u fil-kontroll effettiv ta' kummerċ u transitu illegali;

(b)

jindirizzaw theddid għall-infrastruttura kritika, li jistgħu jinkludu trasport internazzjonali, inklużi t-traffiku ta' passiġġieri u ta' merkanzija, l-operazzjonijiet ta' enerġija u d-distribuzzjoni tal-enerġija, u l-informazzjoni elettronika u n-netwerks ta' komunikazzjoni. Dawn il-miżuri adottati f'dan il-qasam għandhom jenfasizzaw b'mod partikolari l-kooperazzjoni transreġjonali u l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali fl-oqsma tas-sensibilizzazzjoni tar-riskji, l-analiżi tal-vulnerabilità, it-tħejjija għal emerġenzi, il-ġestjoni tal-allerti u tal-konsegwenzi tagħhom;

(c)

jiżguraw reazzjoni adegwata għal theddid kbir għas-saħħa pubblika, inklużi l-epidemiji mhux mistennija b'impatt potenzjalment transnazzjonali;

(d)

jindirizzaw l-effetti globali u transreġjonali tal-bidla fil-klima li jkollhom impatt potenzjalment destabbilizzanti fuq il-paċi u s-sigurtà.

3.   Fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2:

(a)

għandha tingħata prijorità lill-kooperazzjoni transreġjonali li tinvolvi żewġ pajjiżi terzi jew aktar li urew li għandhom rieda politika ċara biex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw. Il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tista' ssir ukoll ma' pajjiżi, reġjuni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sub-reġjonali individwali;

(b)

huma għandhom jenfasizzaw b'mod partikolari l-governanza tajba u għandhom ikunu konformi mad-dritt internazzjonali;

(c)

fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil awtoritajiet involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, għandha tingħata prijorità lill-miżuri ta' appoġġ li jikkonċernaw l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-leġislazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi finanzjarja, il-liġi doganali u l-liġi dwar l-immigrazzjoni, l-iżvilupp tal-proċeduri ta' infurzar tal-liġi li jkunu allinjati mal-ogħla standards internazzjonali u li jkunu f'konformità mad-dritt internazzjonali, it-tisħiħ tal-kontroll demokratiku u tal-mekkaniżmi ta' superviżjoni istituzzjonali, u l-prevenzjoni ta' radikaliżmu vjolenti;

(d)

fir-rigward ta' għajnuna relatata mal-problema tad-drogi, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-kooperazzjoni internazzjonali li għandha l-għan li tippromwovi l-aħjar prassi marbuta mat-tnaqqis fit-talba, fil-produzzjoni u fil-ħsara.

4.   L-għajnuna fl-oqsma msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tkopri l-appoġġ għall-miżuri li għandhom l-għan li:

(a)

jippromwovu attivitajiet ċivili ta' riċerka bħala alternattiva għar-riċerka relatata mad-difiża;

(b)

isaħħu l-prassi tas-sikurezza marbutin ma' faċilitajiet ċivili fejn jinħażnu jew jiġu ġestiti materjali jew aġenti sensittivi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari fil-kuntest ta' programmi ċivili ta' riċerka;

(c)

jappoġġaw, fil-qafas tal-politiki ta' kooperazzjoni tal-Unjoni u tal-objettivi tagħhom, l-istabbiliment ta' infrastruttura ċivili u studji ċivili rilevanti, neċessarji għaż-żarmar, għar-rimedju jew għall-konverżjoni ta' faċilitajiet u siti marbutin mal-armi meta dawn jiġu ddikjarati bħala li m'għadhomx parti minn programm ta' difiża;

(d)

isaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet ċivili kompetenti involuti fl-iżvilupp u l-infurzar tal-kontroll effettiv tat-traffikar illegali ta' materjali jew aġenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari(inkluż it-tagħmir għall-produzzjoni jew it-twassil tagħhom);

(e)

jiżviluppaw il-qafas legali u l-kapaċitajiet istituzzjonali għall-istabbiliment u l-infurzar ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, inklużi miżuri ta' kooperazzjoni reġjonali.

(f)

jiżviluppaw stat ta' tħejjija effettiva taċ-ċivil għad-diżastri, l-ippjanar għal emerġenzi, ir-reazzjoni għal kriżijiet, u l-kapaċitajiet għal miżuri ta' tindif.

TITOLU III

PROGRAMMAZZJONI U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 6

Qafas ġenerali

L-għajnuna tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 permezz ta':

(a)

miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali u programmi interim ta' reazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 7;

(b)

dokumenti ta' strateġija tematika u programmi indikattivi pluriennali kif imsemmija fl-Artikolu 8;

(c)

programmi ta' azzjoni annwali, miżuri individwali u miżuri speċjali;

(d)

miżuri ta' appoġġ.

Artikolu 7

Miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali u programmi interim ta' reazzjoni

1.   L-għajnuna tal-Unjoni taħt l-Artikolu 3 għandha tingħata permezz ta' miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali u programmi interim ta' reazzjoni.

2.   F'sitwazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3). Tali miżura ta' għajnuna eċċezzjonali jista' jkollha tul sa 18-il xahar, li jista' jiġi estiż darbtejn b'perijodu ieħor li ma jaqbiżx is-sitt xhur, sa massimu ta' tul totali ta' 30 xahar, fil-każ ta' ostakoli oġġettivi u mhux mistennija għall-implimentazzjoni tagħha, dment li ma jkun hemm l-ebda żieda fl-ammont finanzjarju tal-miżura.

F'każijiet ta' kriżijiet u konflitti mtawla, il-Kummissjoni tista' tadotta miżura ta' għajnuna eċċezzjonali oħra ta' tul sa 18-il xahar.

It-tul tal-miżura ta' għajnuna eċċezzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu kkumbinat mat-tul ta' dik imsemmija fit-tieni subparagrafu ma għandux jeċċedi 36 xahar.

3.   Meta miżura ta' għajnuna eċċezzjonali tkun tiswa aktar minn EUR 20 000 000, din għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

4.   Qabel ma tadotta jew iġġedded miżura ta' għajnuna eċċezzjonali li tkun tiswa sa EUR 20 000 000, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar in-natura u l-objettivi tagħha u l-ammonti finanzjarji previsti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill qabel ma tagħmel bidliet sostanzjali għall-miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali li jkunu diġà adottati. Il-Kummissjoni għandha tqis l-approċċ ta' politika rilevanti tal-Kunsill kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-implimentazzjoni sussegwenti tagħha ta' dawn il-miżuri, fl-interessi tal-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

5.   Kemm jista' jkun malajr wara l-adozzjoni ta' miżura ta' għajnuna eċċezzjonali, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill billi tagħti ħarsa ġenerali lejn in-natura, il-kuntest u r-raġunament tal-miżura adottata, inkluża l-komplementarjetà ta' dik il-miżura mar-reazzjoni li tkun attwali u dik ippjanata tal-Unjoni.

6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta programmi interim ta' reazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 bil-ħsieb li jiġu stabbiliti jew jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kondizzjonijiet essenzjali meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni esterna.

Il-programmi interim ta' reazzjoni għandhom jibnu fuq il-miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali.

7.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew kif dovut u fil-ħin dwar l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni skont l-Artikolu 3, inklużi l-ammonti finanzjarji previsti, u għandha wkoll tinforma lill-Parlament Ewropew meta tagħmel bidliet jew estensjonijiet sostanzjali għal dik l-għajnuna.

Artikolu 8

Dokumenti ta' strateġija tematika u programmi indikattivi pluriennali

1.   Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jikkostitwixxu l-bażi ġenerali għall-implimentazzjoni tal-għajnuna taħt l-Artikoli 4 u 5. Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jipprovdu qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab jew ir-reġjuni kkonċernati.

2.   It-tħejjija u l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna, bħalma hija s-sħubija, il-koordinazzjoni, u fejn applikabbli, l-armonizzazzjoni. Għal dak il-għan, id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom ikunu konsistenti, u jevitaw id-duplikazzjoni, mad-dokumenti ta' programmazzjoni li jkunu ġew approvati jew adottati skont strumenti oħra tal-Unjoni għall-għajnuna esterna.

Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom, fil-prinċipju, ikunu bbażati fuq djalogu tal-Unjoni jew, fejn adatt, tal-Istati Membri rilevanti, mal-pajjiżi sħab jew mar-reġjuni kkonċernati inklużi s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi jew ir-reġjuni kkonċernati jakkwistaw b'mod suffiċjenti s-sjieda tagħhom tal-proċess tal-programmazzjoni.

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin fl-istadju bikri tal-proċess tal-programmazzjoni sabiex jippromwovu l-konsistenza u l-kumplimentarjetà fost l-attivitajiet ta' kooperazzjoni tagħhom.

3.   Kull dokument ta' strateġija tematika għandu jkun akkumpanjat minn programm indikattiv pluriennali li jiġbor fil-qosor l-oqsma ta' prijorità magħżula għall-finanzjament tal-Unjoni, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-iskeda ta' żmien tal-għajnuna mill-Unjoni.

Il-programm indikattiv pluriennali għandu jiddetermina l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għal kull programm fih, b'kont meħud tal-ħtiġijiet u d-diffikultajiet partikolari tal-pajjiżi sħab jew tar-reġjuni kkonċernati. L-allokazzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw f'forma ta' firxa fejn ikun meħtieġ.

4.   Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jiġu approvati u l-programmi indikattivi pluriennali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014. Dik il-proċedura għandha tapplika wkoll għal reviżjonijiet sostanzjali li jkollhom l-effett li jimmodifikaw b'mod sinifikanti d-dokumenti ta' strateġija tematika jew il-programmi indikattivi pluriennali.

5.   Il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 ma għandhiex tapplika għal modifiki mhux sostanzjali jew aġġustamenti tekniċi għad-dokumenti ta' strateġija tematika u l-programmi indikattivi pluriennali li f'konformità magħhom jiġu assenjati mill-ġdid il-fondi fi ħdan l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għal kull qasam prijoritarju, jew id-daqs tal-allokazzjoni finanzjarja indikattiva inizjali jiżdied jew jonqos b'mhux aktar minn 20 % iżda b'ammont li ma jaqbiżx l-EUR 10 000 000, dment li t-tali modifiki jew aġġustamenti tekniċi ma jaffettwawx l-oqsma u l-objettivi prijoritarji stabbiliti f'dawk id-dokumenti.

F'każijiet bħal dawn, il-modifiki jew aġġustamenti tekniċi għandhom jiġu kkomunikati mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 11.

6.   Għal raġunijiet imperattivi ta' emerġenza debitament iġġustifikati relatati mal-ħtieġa ta' reazzjoni rapida mill-Unjoni, il-Kummissjoni tista' timmodifika dokumenti ta' strateġija tematika u programmi indikattivi pluriennali skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

7.   Kwalunkwe programmar jew reviżjoni ta' programmi li jsiru wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 għandhom jieħdu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 9

Is-soċjetà ċivili

It-tħejjija, il-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' miżuri taħt dan ir-Regolament għandhom isiru, fejn ikun possibbli u xieraq, f'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili.

Artikolu 10

Id-drittijiet tal-bniedem

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri adottati taħt dan ir-Regolament f'rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jiġu implimentati f'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali.

2.   F'konformità mal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa gwida operazzjonali biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem jitqiesu fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni tat-tortura u ta' trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor u mar-rispett għal proċess dovut, inklużi l-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal proċess ġust u drittijiet għal difiża. Għandha tkun preżenti wkoll perspettiva ċara rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-miżuri li jindirizzaw iċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja bir-reqqa jekk l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 sabiex tkun żgurata konformità mal-obbligi ta' drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni f'dan ir-rigward fir-rapportar regolari tagħha.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-“Kumitat tal-Istrument għall-Istabbiltà u l-Paċi”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 12

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika f'konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE, b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha.

Artikolu 13

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu mill-2014 sal-2020 huwa stabbilit għal EUR 2 338 719 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.   Fil-perijodu mill-2014 sal-2020:

(a)

mill-inqas 70 punt perċentwali tal-pakkett finanzjarju għandhom jiġu allokati għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3; u

(b)

disa' punti perċentwali tal-pakkett finanzjarju għandhom jiġu allokati għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 4.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(2)  Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1)

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(7)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat- 2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).

(9)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Top