Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0104

Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 349, 5.12.2014, p. 1–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/104/oj

5.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 349/1


DIRETTIVA 2014/104/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Novembru 2014

dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 103 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huma kwistjoni ta' politika pubblika u għandhom jiġu applikati b'mod effettiv fl-Unjoni kollha sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix imfixkla.

(2)

L-infurzar pubbliku tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jitwettaq mill-Kummissjoni bl-użu tas-setgħat previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (3). Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE, u għadhom identiċi fis-sustanza. L-infurzar pubbliku jitwettaq ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. F'konformità ma' dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinnominaw awtoritajiet amministrattivi kif ukoll ġudizzjarji biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE bħala infurzaturi pubbliċi u biex iwettqu l-funzjonijiet varji mogħtija lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni minn dak ir-Regolament.

(3)

L-Artikoli 101 u 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu, għall-individwi kkonċernati, drittijiet u obbligi li l-qrati nazzjonali jridu jinfurzaw. Il-qrati nazzjonali għandhom rwol ugwalment essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni (infurzar privat). Meta jieħdu deċiżjoni dwar tilwim bejn individwi privati, huma jipproteġu d-drittijiet soġġettivi skont il-liġi tal-Unjoni, pereżempju billi jagħtu kumpens għad-danni lill-vittmi ta' ksur. L-effett sħiħ tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u b'mod partikolari l-effett prattiku tal-projbizzjonijiet stipulati fihom, jeħtieġ li kulħadd — sew jekk individwu, inklużi konsumaturi u impriżi, jew awtorità pubblika — ikun jista' jagħmel pretensjoni għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali għall-ħsara kkawżata lilu minn ksur ta' dawk id-dispożizzjonijiet. Id-dritt għal kumpens fil-liġi tal-Unjoni japplika bl-istess mod għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE minn impriżi pubbliċi u minn impriżi li ġew fdati bi drittijiet speċjali jew esklużivi mill-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 106 TFUE.

(4)

Id- dritt fil-liġi tal-Unjoni għall-kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali u tal-Unjoni jirrikjedi li kull Stat Membru jkollu regoli proċedurali li jiżguraw l-eżerċizzju effettiv ta' dak id-dritt. Il-ħtieġa għal rimedji proċedurali effettivi tirriżulta wkoll mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi tal-Unjoni.

(5)

L-azzjonijiet għad-danni huma biss element wieħed minn sistema effettiva ta' infurzar privat ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u huma kkumplimentati minn possibilitajiet alternattivi ta' rimedju, bħar-riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim u deċiżjonijiet ta' infurzar pubbliku li jinċentivaw lill-partijiet biex jipprovdu kumpens.

(6)

Sabiex jiġu żgurati azzjonijiet ta' infurzar privat skont il-liġi ċivili u infurzar pubbliku effettiv mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li ż-żewġ għodod jinteraġixxu biex tiġi żgurata l-effettività massima tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Huwa meħtieġ li tiġi rregolata l-koordinazzjoni ta' dawk iż-żewġ forom ta' infurzar, b'mod koerenti, pereżempju fir-rigward tal-arranġamenti għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Tali koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tevita wkoll id-diverġenza tar-regoli applikabbli, li tista' tikkomprometti l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(7)

Skont l-Artikolu 26(2) TFUE, is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment ħieles tal-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital huwa żgurat. Hemm differenzi kbar bejn ir-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Dawk id-differenzi jwasslu għal inċertezza fir-rigward tal-kondizzjonijiet li taħthom, il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jistgħu jeżerċitaw id-dritt għall-kumpens li għandhom skont it-TFUE u jaffettwaw l-effettività sostantiva tat-tali dritt. Billi l-partijiet li ġarrbu l-ħsara ta' spiss jagħżlu l-Istat Membru tagħhom ta' stabbiliment bħala l-forum li fih jitolbu kumpens għad-danni, id-diskrepanzi bejn ir-regoli nazzjonali jwasslu għal kondizzjonijiet mhux indaqs fir-rigward tal-azzjonijiet għad-danni u għalhekk jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-swieq li fihom jaħdmu dawn il-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-impriżi li wettqu l-ksur.

(8)

L-impriżi stabbiliti u li qegħdin jaħdmu f'diversi Stati Membri huma soġġetti għal regoli proċedurali differenti li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-punt sa liema jkunu jistgħu jitqiesu responsabbli għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Dan l-infurzar mhux indaqs tad- dritt għall-kumpens fil-liġi tal-Unjoni jista' jirriżulta mhux biss f'vantaġġ kompetittiv għal xi impriżi li kisru l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, iżda wkoll f'diżinċentiv għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta' stabbiliment u l-provvista ta' oġġetti jew servizzi f'dawk l-Istati Membri fejn id-dritt għal kumpens huwa infurzat b'mod aktar effettiv. Minħabba li d-differenzi fir-reġimi ta' responsabbiltà applikabbli fl-Istati Membri jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv kemm il-kompetizzjoni kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa adatt li din id-Direttiva tiġi bbażata fuq il-bażijiet legali doppji tal-Artikoli 103 u 114 TFUE.

(9)

Filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-ksur fuq skala kbira tal-liġi tal-kompetizzjoni spiss ikollu element transkonfinali, jeħtieġ li jiġu żgurati kondizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi li jaħdmu fis-suq intern u li jittejbu l-kondizzjonijiet għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet li huma jiksbu mis-suq intern. Għalhekk huwa xieraq li tiżdied iċ-ċertezza legali u li jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri fir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur kemm tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni kif ukoll tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta din tiġi applikata b'mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Approssimazzjoni ta' dawk ir-regoli tgħin biex tiġi evitata ż-żieda ta' differenzi bejn ir-regoli tal-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni fil-każijiet ta' kompetizzjoni.

(10)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprevedi li “[f]ejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens tal-Artikolu [101(1) TFUE] li jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [101 TFUE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mill-Artikolu [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE].” Fl-interessi tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għal ċertezza legali akbar u kondizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi u l-konsumaturi, huwa xieraq li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jiġi estiż għall-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta tiġi applikata skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-applikazzjoni ta' regoli differenti dwar ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 jew102 TFUE u fir-rigward tal-ksur tar-regoli tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni li għandhom jiġu applikati fl-istess każijiet b'mod parallel għal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jaffettwaw b'mod negattiv il-pożizzjoni tal-atturi fl-istess każ u l-ambitu tal-pretensjonijiet tagħhom, u jikkostitwixxu ostakolu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Din id-Direttiva ma għandhiex jaffettwa azzjonijiet għad-danni fir-rigward ta' ksur tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni li ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE.

(11)

Fin-nuqqas tal-liġi tal-Unjoni, l-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mir-regoli u l-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja), kwalunkwe persuna tista' titlob kumpens għal ħsara mġarrba fejn ikun hemm relazzjoni kawżali bejn dik il-ħsara u ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Jeħtieġ li r-regoli nazzjonali kollha li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għal ħsara li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inklużi dawk li jikkonċernaw aspetti mhux ikkunsidrati minn din id-Direttiva bħal pereżempju l-kunċett tar-relazzjoni kawżali bejn il-ksur u l-ħsara, josservaw il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza. Dan ifisser li ma għandhomx ikunu fformulati jew applikati b'mod li jagħmilha eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens iggarantit mit-TFUE jew b'mod inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal azzjonijiet domestiċi simili. Meta l-Istati Membri jipprovdu kondizzjonijiet oħra għall-kumpens skont il-liġi nazzjonali, bħal kawżalità, adegwatezza jew ħtija huma għandhom ikunu jistgħu jżommu kondizzjonijiet bħal dawn sakemm huma jikkonformaw mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta' effettività u ekwivalenza, u din id-Direttiva.

(12)

Din id-Direttiva tafferma mill-ġdid l-acquis communautaire dwar id-dritt għall-kumpens għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-locus standi u d-definizzjoni tad-dannu, kif iddikjarat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ma tantiċipa l-ebda żvilupp ulterjuri tiegħu. Kull individwu li ġarrab xi ħsara kkawżata minn tali ksur jista' jagħmel talba għal kumpens għat-telf reali (damnum emergens), għall-profitt li ġie miċħud lil dik il-persuna (telf ta' profitt jew lucrum cessans), bl-imgħax, irrispettivament minn jekk dawk il-kategoriji ġewx stabbiliti separatament jew flimkien fil-liġi nazzjonali. Il-ħlas tal-imgħax hu komponent essenzjali tal-kumpens biex jagħmel tajjeb għad-dannu sostnut billi tiġi kkunsidrata l-iskadenza taż-żmien u għandu jkun dovut mill-mument li tkun seħħet il-ħsara sal-mument meta jitħallas il-kumpens, mingħajr preġudizzju għall-kwalifika ta' tali interess bħala interess kumpensatorju jew ta' kontumaċja skont il-liġi nazzjonali u mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni ta' jekk l-iskadenza taż-żmien tiġix ikkunsidrata bħala kategorija separata (imgħax) jew bħala parti kostitwenti tat-telf reali jew tat-telf tal-profitt. Huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-regoli li għandhom jiġu applikati għal dak il-fini.

(13)

Id-dritt għall-kumpens huwa rikonoxxut għal kull persuna fiżika jew ġuridika — għall-konsumaturi, għall-impriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi bl-istess mod — irrispettivament jekk teżistix relazzjoni kuntrattwali diretta mal-impriża ħatja tal-ksur, u irrispettivament jekk jinstabx jew le li kien hemm ksur fil-passat minn awtorità tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma għandhiex tirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Mingħajr preġudizzju għall-kumpens għal telf ta' opportunità, il-kumpens sħiħ skont din id-Direttiva ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew jekk permezz ta' ħsara punittiva, multipla jew ħsarat oħra.

(14)

Azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni tipikament jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. L-evidenza meħtieġa biex tiġi ppruvata pretensjoni għad-danni hija ħafna drabi esklużivament f'idejn il-kontroparti jew il-partijiet terzi, u ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-attur jew ma tkunx aċċessibbli għalih. F'dawn iċ-ċirkustanzi, rekwiżiti legali stretti biex l-atturi jiddikjaraw fid-dettal il-fatti kollha dwar il-każ sa mill-bidu tal-azzjoni u biex jipprovdu minn qabel elementi ta' evidenza ta' sostenn speċifikati b'mod preċiż jistgħu jimpedixxu indebitament l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-kumpens iggarantit mit-TFUE.

(15)

L-evidenza hija element importanti biex jitressqu azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, billi l-litigazzjoni rigward il-liġi tal-kompetizzjoni hija kkaratterizzata minn asimmetrija tal-informazzjoni, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-atturi jkollhom id-dritt li jiksbu d-divulgazzjoni tal-evidenza li tirrigwarda l-pretensjoni tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jispeċifikaw il-partijiet speċifiċi tal-evidenza. Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-mezzi, dawn tal-aħħar għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-konvenuti fl-azzjonijiet għad-danni, sabiex ikunu jistgħu jitolbu għad-divulgazzjoni tal-evidenza minn dawk l-atturi. Il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu wkoll jordnaw li l-evidenza tingħata minn partijiet terzi, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi. Meta l-qorti nazzjonali tkun tixtieq tordna d-divulgazzjoni tal-evidenza mill-Kummissjoni, japplika l-prinċipju fl-Artikolu 4(3) TUE ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-talbiet għall-informazzjoni. Meta l-qrati nazzjonali jordnaw lill-awtoritajiet pubbliċi biex jiddivulgaw l-evidenza, japplikaw il-prinċipji ta' kooperazzjoni legali u amministrattiva skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.

(16)

Il-Qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu, taħt il-kontroll strett tagħhom, speċjalment rigward in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri ta' divulgazzjoni, jordnaw divulgazzjoni ta' partijiet speċifiċi ta' evidenza jew kategoriji ta' evidenza fuq talba ta' parti. Mir-rekwiżit tal-proporzjonalità jirriżulta li jista' jkun hemm ordni għad-divulgazzjoni biss ladarba attur jistabbilixxi b'mod kredibbli, fuq il-bażi ta' fatti li huma disponibbli għal dak l-attur b'mod raġonevoli, li l-attur ikun ġarrab ħsara li ġiet ikkawżata mill-konvenut. Meta talba għad-divulgazzjoni għandha l-għan li tikseb kategorija ta' evidenza, dik il-kategorija għandha tiġi identifikata b'referenza għal karatteristiċi komuni tal-elementi kostituttivi tagħha bħan-natura, is-suġġett jew il-kontenut tad-dokumenti li ntalbet id-divulgazzjoni tagħhom, iż-żmien li matulu tfasslu, jew kriterji oħra, dment li l-evidenza li taqa' f'din il-kategorija hija rilevanti skont it-tifsira ta' din id-Direttiva. Tali kategoriji għandhom jiġu definiti b'mod kemm jista' jkun preċiż u strett abbażi ta' fatti raġonevolment disponibbli.

(17)

Meta qorti fi Stat Membru wieħed titlob lil qorti kompetenti fi Stat Membru ieħor biex tiġbor evidenza jew titlob li tinġabar evidenza direttament minn Stat Membru ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 (4).

(18)

Filwaqt li l-evidenza rilevanti li jkun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni oħra kunfidenzjali għandha fil-prinċipju tkun disponibbli fl-azzjonijiet għad-danni, it-tali informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi protetta kif xieraq. Il-qrati nazzjonali għalhekk għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa ta' miżuri biex it-tali informazzjoni kunfidenzjali ma tiġix divulgata matul il-proċedimenti. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-possibbiltà li partijiet sensittivi f'dokumenti jiġu riveduti, seduti jsiru in camera, jiġu limitati l-persuni li jitħallew jaraw l-evidenza, u istruzzjoni lill-esperti biex jipproduċu sintesi tal-informazzjoni b'mod aggregat jew f'forma mhux kunfidenzjali. Miżuri li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali, madankollu, m'għandhiextimpedixxi l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens.

(19)

Din id-Direttiva la taffettwa l-possibbiltà taħt il-liġijiet tal-Istati Membri li jsir appell għal ordnijiet ta' divulgazzjoni, u lanqas il-kondizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta' tali appelli.

(20)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (5) jirregola l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u huwa mfassal biex jagħti lill-pubbliku dritt għall-aċċess l-aktar wiesa' possibbli għal dokumenti ta' dawk l-istituzzjonijiet. Madankollu, dak id-dritt huwa soġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta' interess Minn dan isegwi li s-sistema ta' eċċezzjonijiet stipulata fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi kuntrarji f'sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, l-interessi li jkunu aġevolati mid-divulgazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni u, dawk li jkunu kompromessi minn tali divulgazzjoni. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal tali regoli u prattiki skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

(21)

L-effettività u l-konsistenza tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni rigward id-divulgazzjoni tal-evidenza li hija inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni. Id-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhiex tnaqqas l-effettività tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma tkoprix id-divulgazzjoni ta' dokumenti interni ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew ta' korrispondenza bejniethom.

(22)

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens, mhux meħtieġ li kull dokument relatat mal-proċedimenti skont l-Artikolu 101 jew 102 TFUE jiġi żvelat lil attur għas-sempliċi raġuni tal-intenzjoni tal-attur għal azzjoni għad-danni, peress li huwa ferm improbabbli li l-azzjoni għad-danni tkun teħtieġ li tkun ibbażata fuq l-evidenza kollha fil-fajl relatat ma' dawk il-proċedimenti.

(23)

Ir-rekwiżit tal-proporzjonalità għandu jiġi vvalutat b'attenzjoni meta jkun hemm riskju li d-divulgazzjoni tikxef l-istrateġija ta' investigazzjoni ta' awtorità tal-kompetizzjoni billi jiġi divulgat liema dokumenti huma parti mill-fajl jew riskji li għandhom effett negattiv fuq il-mod li bih l-impriżi jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-prevenzjoni ta' “spedizzjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni”, jiġifieri t-tiftix mhux speċifiku jew mifrux ħafna għal informazzjoni li huwa probabbli li ma tkunx ta' rilevanza għall-partijiet għall-proċedimenti. Għalhekk it-talbiet għad-divulgazzjoni ma għandhomx jitqiesu proporzjonati meta jirreferu għad-divulgazzjoni ġenerika tad-dokumenti fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni relatati ma' każ speċifiku, jew id-divulgazzjoni ġenerika ta' dokumenti ppreżentati minn parti fil-kuntest ta' każ partikolari. Tali talbiet wesgħin għad-divulgazzjoni ma jkunux kompatibbli mad-dmir tal-parti li qed tagħmel it-talba li tispeċifika l-oġġetti ta' evidenza jew il-kategoriji tal-evidenza b'mod l-aktar preċiż u strett possibbli.

(24)

Din id-Direttiva ma taffettwax id-dritt tal-qrati li jikkunsidraw, skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, l-interessi tal-infurzar pubbliku effettiv tal-liġi tal-kompetizzjoni meta jordnaw divulgazzjoni ta' kwalunkwe tip ta' evidenza bl-eċċezzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolviment.

(25)

Għandha tapplika eżenzjoni fir-rigward ta' kull divulgazzjoni li, jekk tingħata, tinterferixxi bla bżonn ma' investigazzjoni li tkun għaddejja minn awtorità tal-kompetizzjoni rigward il-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. L-informazzjoni li tħejjiet minn awtorità tal-kompetizzjoni matul il-proċedimenti tagħha għall-infurzar tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni u li ntbagħtet lill-partijiet għal dawk il-proċedimenti (bħal, pereżempju, “Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet”) jew imħejjija minn parti f'dawk il-proċedimenti (bħal pereżempju tweġibiet għat-talbiet ta' informazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni jew dikjarazzjonijiet tax-xhieda), għandhom għalhekk ikunu jistgħu jiġu divulgati f'azzjonijiet għad-danni biss wara li l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun għalqet il-proċedimenti tagħha, pereżempju bl-adozzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 5 jew skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 bl-eċċezzjoni ta' deċiżjonijiet dwar miżuri temporanji.

(26)

Il-programmi ta' klemenza u l-proċeduri ta' riżolviment huma għodda importanti għall-infurzar pubbliku tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni minħabba li jikkontribwixxu għall-iskoperta u l-prosekuzzjoni effiċjenti tal-impożizzjoni ta' penali għall-aktar ksur serju tal-liġi tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, peress li ħafna deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f'każijiet ta' kartell huma bbażati fuq l-applikazzjoni għall-klemenza, u azzjonijiet għad-danni f'każijiet ta' kartell ġeneralment isegwu minn dawk id-deċiżjonijiet, il-programmi ta' klemenza huma wkoll importanti għall-effettività tal-azzjonijiet għad-danni f'każijiet ta' kartell. L-impriżi jistgħu jaqtgħu qalbhom milli jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taħt il-programmi ta' klemenza u l-proċeduri ta' riżolviment jekk jiġu divulgati dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti bħal dikjarazzjonijiet ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolviment, li huma prodotti unikament għall-fini tal- kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Tali divulgazzjoni tippreżenta riskju li tesponi impriżi li qed jikkooperaw jew il-persunal maniġerjali tagħhom għal responsabbiltà ċivili jew kriminali taħt kondizzjonijiet agħar milli dawk tal-kokontraventuri li ma jikkooperawx mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-volontà kontinwa tal-impriżi biex javviċinaw b'mod volontarju lill-awtoritajiet b'dikjarazzjonijiet ta' klemenza jew sottomissjonijiet ta' riżolviment, tali dikjarazzjonijiet għandhom ikunu eżenti mid-divulgazzjoni tal-evidenza. Dik l-eżenzjoni għandha tapplika wkoll għal kwotazzjonijiet verbatim minndikjarazzjonijiet ta' klemenza jew sottomissjonijiet ta' riżolviment inklużi f'dokumenti oħra. Dawk il-limitazzjonijiet għad-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali. Sabiex jiġi żgurat li dik l-eżenzjoni ma tinterferixxix mingħajr raġuni mad-drittijiet ta' partijiet milquta għal kumpens, għandha tiġi limitata għal dawk id-dikjarazzjonijiet volontarji u awtoinkriminanti u s-sottomissjonijiet ta' riżolviment.

(27)

Ir-regoli f'din id-Direttiva dwar id-divulgazzjoni ta' dokumenti apparti dokumenti ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolviment jiżguraw li l-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jibqa' jkollhom mezzi alternattivi suffiċjenti li bihom jiksbu aċċess għall-evidenza li jeħtieġu sabiex iħejju l-azzjonijiet tagħhom għad-danni. Il-qrati nazzjonali għandhom, fuq talba minn attur, ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal dokumenti li għalihom tiġi invokata l-eżenzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-kontenuti tagħhom jaqgħux barra id-definizzjonijiet ta' dikjarazzjonijiet ta' klemenza u sottomissjonijiet ta' riżolvimenti stabbiliti f'din id-Direttiva. Kwalunkwe kontenut li jaqa' barra dawk id-definizzjonijiet għandu jista' jkun divulgat taħt il-kondizzjonijiet rilevanti.

(28)

Il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jordnaw fi kwalunkwe ħin, fil-kuntest ta' azzjoni għal danni, id-divulgazzjoni ta' evidenza li teżisti indipendentement mill-proċedimenti ta' awtorità ta' kompetizzjoni (“informazzjoni preeżistenti”).

(29)

Id-divulgazzjoni ta' evidenza għandha tiġi ordnata minn awtorità tal-kompetizzjoni biss meta dik l-evidenza ma tistax tinkiseb b'mod raġonevoli minn parti oħra jew minn parti terza.

(30)

Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fuq inizjattiva tagħhom stess, jistgħu jibagħtu osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati nazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Sabiex jiġi ppreservat il-kontribut magħmul mill-infurzar pubbliku għall-applikazzjoni ta' dawk l-Artikoli, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom bl-istess mod ikunu jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess, jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom, lill-qrati nazzjonali sabiex jivvalutaw il-proporzjonalità tad-divulgazzjoni tal-evidenza fil-fajls tal-awtoritajiet, fid-dawl tal-impatt li tali divulgazzjoni jkollha fuq l-effettività tal-infurzar pubbliku tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu sistema li permezz tagħha awtorità tal-kompetizzjoni tiġi infurmata bit-talbiet għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni meta l-persuna li titlob id-divulgazzjoni jew il-persuna li mingħandha hija mitluba d-divulgazzjoni hija involuta f'dik l-investigazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-ksur allegat, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jipprevedu proċedimenti ex-parte.

(31)

Kull persuna fiżika jew ġuridika li tikseb l-evidenza permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni għamdha tkun tista' tuża dik l-evidenza għall-finijiet ta' azzjoni għad-danni li tkun parti minnha. Tali użu għandu wkoll jiġi permess min-naħa ta' kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun ittrasferiet id-drittijiet u l-obbligi tagħha, inkluż permezz tax-xiri tal-pretensjoni tagħha. Fejn l-evidenza tkun inkisbet minn persuna ġuridika li tifforma parti minn grupp korporattiv li jikkostitwixxi impriża waħda għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, persuni ġuridiċi oħrajn li jappartjenu għall-istess impriża għandhom ukoll ikunu jistgħu jużaw dik l-evidenza.

(32)

Madankollu, l-użu ta' evidenza miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni ma għandux inaqqas bla raġuni l-effettività tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-limitazzjonijiet fuq id-divulgazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva ma jiġux kompromessi, l-użu ta' evidenza tat-tipi msemmija fil-premessi 24 u 25 li nkisbet unikament permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni għandu jkun limitat taħt l-istess ċirkostanzi. Il-limitazzjoni għandha tieħu l-forma ta' inammissibbiltà f'azzjonijiet għal danni jew il-forma ta' kwalunkwe protezzjoni oħra skont regoli nazzjonali applikabbli li jistgħu jiżguraw l-effett sħiħ tal-limiti fuq id-divulgazzjoni ta' dik it-tip ta' evidenza. Barra minn hekk, l-evidenza miksuba minn awtorità tal-kompetizzjoni ma għandhiex issir oġġett ta' skambju. Il-possibbiltà li tintuża l-evidenza li tkun inkisbet biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni għalhekk għandha tkun limitata għall-persuna fiżika jew ġuridika li oriġinalment ingħatalha aċċess u s-suċċessuri legali tagħha. Madankollu, dik il-limitazzjoni biex jiġi evitat il-kummerċ ta' evidenza ma tipprojbixxix lil qorti nazzjonali milli tordna d-divulgazzjoni ta' dik l-evidenza skont il-kondizzjonijiet previsti f'din id-Direttiva.

(33)

Il-fatt li pretensjoni għad-danni tinbeda, jew li investigazzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni tiġi skattata, jinvolvi riskju li l-persuni kkonċernati jistgħu jeqirdu jew jaħbu l-evidenza li tista' tkun utli biex tiġi sostanzjata pretensjoni għad-danni ta' parti li ġarrbet ħsara. Sabiex l-evidenza rilevanti ma tiġix distrutta u biex ikun żgurat li ordnijiet tal-qorti rigward id-divulgazzjoni ta' evidenza jitwettqu, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom is-saħħa li jimponu penali suffiċjentement deterrenti. Safejn jirrigwarda l-partijiet fil-proċedimenti, ir-riskju li jsiru inferenzi negattivi fil-proċedimenti għad-danni jista' jkun penalità partikolarment effettiva u jista' jgħin biex jiġi evitat dewmien żejjed. Għandu jkun hemm ukoll penali għal min ma jonorax l-obbligu ta' protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali u għal użu abbużiv minn informazzjoni li tkun divulgata. B'mod simili, għandhom ikunu disponibbli penali jekk l-informazzjoni miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jiġi użat b'mod abbużiv f'azzjonijiet għad-danni.

(34)

L-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-effett tad-deċiżjonijiet finali dwar il-ksur tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fuq azzjonijiet sussegwenti għad-danni. Deċiżjonijiet bħal dawn huma adottati biss wara li l-Kummissjoni tkun ġiet infurmata dwar id-deċiżjoni prevista jew, fin-nuqqas ta' dan, kull dokument ieħor li jindika d-direzzjoni tal-azzjoni proposta skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, u jekk il-Kummissjoni ma tkunx neħħiet il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni billi tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) ta' dak ir-Regolament.Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi tipprovdi gwida lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali b'mod bilaterali u fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni. Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, biex tiġi evitata l-inkonsistenza fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, biex tiżdied l-effettività u l-effikaċja proċedurali tal-azzjonijiet għad-danni u biex jitrawwem il-funzjonament tas-suq intern għall-impriżi u l-konsumaturi, is-sejba ta' ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE f'deċiżjoni finali minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell ma għandhiex terġa' tgħaddi minn litigazzjoni f'azzjonijiet sussegwenti għad-danni. Għaldaqstant tali sejba għandha titqies li tkun stabbilita b'mod inkontestabbli f'azzjonijiet għal danni miġjuba fl-Istat Membru tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew tal-qorti tal-appell dwar dak il-ksur. Madankollu, l-effett tas-sejba għandu jkopri biss in-natura tal-ksur u l-kamp ta' applikazzjoni materjali, personali, temporali u territorjali tiegħu kif determinat mill-awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha. Fejn dikjarazzjoni tgħid li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni nkisru f'każijiet fejn il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni huma applikati fl-istess każ u b'mod parallel, dak il-ksur għandu wkoll jitqies li ġie stabbilit b'mod irribattibbli.

(35)

Meta azzjoni għad-danni titressaq fi Stat Membru li mhuwiex Stat Membru ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell li sab il-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE li jirrigwarda l-azzjoni, għandu jkun possibbli li dik is-sejba tiġi ppreżentata f'deċiżjoni finali mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew il-qorti tal-appell quddiem il-qorti nazzjonali bħala evidenza, tal-anqas prima facie, tal-fatt li jkun seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Is-sejba tista' tiġi vvalutata, kif xieraq, flimkien ma' kwalunkwe evidenza oħra miġjuba mill-partijiet. L-effetti ta' deċiżjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-appell li jsibu ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE.

(36)

Ir-regoli nazzjonali dwar il-bidu, it-tul, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perijodi ta' preskrizzjoni ma għandhomx ixekklu milli jitressqu azzjonijiet għad-danni. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-azzjonijiet li jibnu fuq is-sejba ta' ksur minn awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell. Għan dan il-għan, għandu jkun possibbli li titressaq azzjoni għad-danni wara l-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni, bil-ħsieb li tkun infurzata l-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Il-perijodu ta' preskrizzjoni ma għandux jibda jgħodd qabel ma l-ksur ikun waqaf u qabel ma attur ikun jaf, jew jista' jkun mistenni raġonevolment li jkun jaf, l-imġiba li tikkostitwixxi l-ksur, il-fatt li l-ksur ikkawża ħsara lill-attur u l-identità tal-kontraventur. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu perijodi ta' limitazzjoni assoluti li huma ta' applikazzjoni ġenerali, dment li t-tul ta' żmien ta' tali perijodi ta' limitazzjoni assoluti ma jagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ.

(37)

Meta bosta impriżi jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni b'mod konġunt, bħal pereżempju fil-każ ta' kartell, huwa xieraq li jiġi previst li dawk il-kokontraventuri jkunu responsabbli in solidum għall-ħsara kollha kkawżata mill-ksur. Kokontraventur għandu jkollu d-dritt li jikseb kontribuzzjoni minn kokontraventuri oħra jekk huwa jkun ħallas kumpens aktar mis-sehem tiegħu. Id-determinazzjoni ta' dak is-sehem bħala r-responsabbiltà relattiva ta' kontraventur speċifiku u l-kriterji rilevanti, bħal pereżempju l-fatturat, is-sehem fis-suq, jew ir-rwol fil-kartell, hija kwistjoni għal-liġi nazzjonali applikabbli, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza.

(38)

L-impriżi li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fi programm ta' klemenza għandhom rwol ewlieni fit-turija ta' ksur sigriet ta' kartell u biex iwaqqfu dan il-ksur, u b'hekk ta' spiss inaqqsu l-ħsara li setgħet tiġi kkawżata li kieku kompla sar il-ksur. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li l-impriżi li jkunu rċevew l-immunità minn multi minn awtorità tal-kompetizzjoni fi programm ta' klemenza jiġu protetti milli jiġu esposti bla bżonn għall-pretensjonijiet għad-danni, filwaqt li jitqies li d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun sabet il-ksur tista' ssir finali għall-benefiċjarju tal-immunità qabel ma ssir finali għal impriżi oħra li ma jkunux irċevew l-immunità, u b'hekk jagħmlu potenzjalment lill-benefiċjarju tal-immunità l-mira preferenzjali tal-litigazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li l-benefiċjarju tal-immunità jinħeles fil-prinċipju mir-responsabbiltà in solidum għall-ħsara kollha u li kwalunkwe kontribuzzjoni li jrid jagħmel vis-à-vis l-kokontraventuri ma jaqbiżx l-ammont tal-ħsara kkawżata lix-xerrejja diretti jew indiretti tiegħu stess jew, fil-każ ta' kartell għax-xiri, il-fornituri diretti jew indiretti tiegħu. Sal-punt fejn kartell ikun ikkawża ħsara lil oħrajn li mhumiex il-klijenti jew il-fornituri tal-kontraventuri, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju tal-immunità ma għandhiex taqbeż ir-responsabbiltà relattiva tiegħu għall-ħsara kkawżata mill-kartell. Dak is-sehem għandu jiġi determinat skont l-istess regoli li ntużaw biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet bejn il-kontraventuri. Il-benefiċjarju tal-immunità għandu jibqa' responsabbli bis-sħiħ għall-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew indiretti tiegħu biss meta dawn ma jistgħux jiksbu kumpens sħiħ minn kontraventuri oħra.

(39)

Il-ħsara fil-forma ta' telf reali tista' tirriżulta mid-differenza fil-prezz bejn dak li fil-fatt tħallas u dak li kieku kellu jitħallas kieku ma kienx hemm il-ksur tal-liġi. Meta parti li tkun ġarrbet ħsara tkun naqqset it-telf reali tagħha billi tittrasferih kollu jew parzjalment lix-xerrejja tagħha stess, it-telf li jkun ġie trasferit ma jkunx jirrappreżenta aktar ħsara li għaliha l-parti li tkun ittrasferietu jeħtieġ li tikseb kumpens. Għalhekk huwa xieraq fil-prinċipju li kontraventur jiġi permess li jinvoka t-trasferiment tat-telf reali bħala difiża kontra pretensjoni għad-danni. Huwa xieraq li jiġi previst li l-kontraventur, sakemm jinvoka d-difiża bbażata fuq it-trasferiment, jrid jagħti prova tal-eżistenza u l-limitu tat-trasferiment tal-ispejjeż żejda. Dan l-obbligu tal-prova ma għandux jaffettwa l-possibbiltà għall-kontraventur li juża evidenza minbarra dik li mhix fil-pussess tiegħu, bħall-evidenza diġà akkwistati fil-proċedimenti jew l-evidenza miżmuma minn partijiet oħra jew partijiet terzi.

(40)

F'sitwazzjonijiet fejn it-trasferiment irriżulta f'anqas bejgħ u għalhekk fi ħsara f'forma ta' telf tal-profitt, ma għandux jinbidel id-dritt għal talba għal kumpens għal telf simili tal-profitt.

(41)

Skont il-kondizzjonijiet li taħthom qed joperaw l-impriżi, tista' tkun il-prattika kummerċjali li ż-żieda fil-prezzijiet tiġi trasferita 'l isfel fil-katina tal-provvista. Il-konsumaturi jew l-impriżi, li lilhom ġie b'hekk trasferit it-telf reali ġarrbu ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Filwaqt li tali ħsara għandha tiġi kkumpensata mill-kontraventur, jista' jkun partikolarment diffiċli għall-konsumaturi jew għall-impriżi li ma xtrawx huma stess mingħand dak il-kontraventur biex jippruvaw il-kobor ta' dik il-ħsara. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li, meta l-eżistenza ta' pretensjoni għad-danni jew l-ammont tad-danni li għandu jingħata jiddependi fuq jekk jew sa liema punt ikunu ġew trasferiti l-ispejjeż żejda mħallsa mix-xerrej dirett mill-kontraventur lix-xerrej indirett, dan tal-aħħar huwa meqjus li jkun ta l-prova li l-ispejjeż żejda mħallsa minn dak ix-xerrej dirett ikunu ġew trasferiti għal-livell tiegħu, fejn ikun jista' juri prima facie li tali trasferiment twettaq. Din is-suppożizzjoni konfutabbli tapplika sakemm il-kontraventur ma jurix b'mod kredibbli għas-sodisfazzjoni tal-qorti li t-telf effettiv ma ġiex ittrasferit jew mhux kompletament lix-xerrej indirett. Barra minn hekk huwa xieraq li jiġi definit taħt liema kondizzjonijiet ix-xerrej indirett għandu jitqies li jkun stabbilixxa t-tali prova prima facie. Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tat-trasferiment, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jikkalkolaw liema sehem tal-ispejjeż żejda ġie ttrasferit għal-livell tax-xerrejja indiretti fit-tilwim pendenti quddiemhom.

(42)

Il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida ċari, sempliċi u komprensivi għall-qrati nazzjonali dwar kif jiġi stmat is-sehem tal-ispejjeż żejda ttrasferiti lix-xerrejja indiretti.

(43)

Il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni ta' spiss jirrigwarda l-kondizzjonijiet u l-prezz li bih jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi u jwassal għal spejjeż żejda u ħsara oħra għall-klijenti tal-kontraventuri. Il-ksur jista' wkoll jikkonċerna l-provvisti lill-kontraventur (pereżempju fil-każ ta' kartell tax-xerrej). F'każijiet bħal dawn, it-telf reali jista' jirriżulta minn prezz aktar baxx imħallas minn kontraventuri lill-fornituri tagħhom. Din id-Direttiva u b'mod partikolari r-regoli dwar it-trasferiment għandhom japplikaw skont dan għal dawk il-każijiet.

(44)

L-azzjonijiet għad-danni jistgħu jitressqu kemm minn dawk li xtraw l-oġġetti jew is-servizzi mingħand il-kontraventur kif ukoll minn xerrejja iktar 'l isfel fil-katina tal-provvista. Fl-interess ta' konsistenza bejn is-sentenzi li jirriżultaw minn proċedimenti relatati u għalhekk biex tiġi evitata l-ħsara kkawżata mill-fatt li l-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ma tiġix ikkumpensata b'mod sħiħ jew mill-fatt li l-kontraventur ikun meħtieġ iħallas danni għall-ħsara li ma tkunx saret, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jagħmlu stima tal-proporzjon ta' kwalunkwe spejjeż żejda mġarrba mix-xerrejja diretti jew indiretti fit-tilwim pendenti quddiemhom. F'dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jqisu kif dovut, permezz ta' mezzi proċedurali jew sostantivi disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, kwalunkwe azzjoni relatata u s-sentenza li tirriżulta minnha, b'mod partikolari fejn issib li ġie pprovat trasferiment. Il-qrati nazzjonali għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi proċedurali xierqa, bħall-konsolidazzjoni tal-pretensjonijiet, biex jiżguraw li l-kumpens għat-telf reali mħallas fi kwalunkwe livell tal-katina ta' provvista ma jeċċedix il-ħsara tal-ispejjeż żejda kkawżata f'dak il-livell. Tali mezzi għandhom ikunu disponibbli wkoll f'każijiet transkonfinali. Din il-possibbiltà li jittieħed kont debitu tas-sentenzi għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet fundamentali tad-difiża u għad-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust ta' dawk li ma kinux partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji, u mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-valur ta' evidenza tas-sentenzi mogħtija f'dak il-kuntest. Huwa possibbli li azzjonijiet pendenti quddiem il-qrati ta' Stati Membri differenti, jitqiesu bħala relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Taħt dak l-Artikolu, il-qrati nazzjonali ħlief dik invokata l-ewwel mill-każ, jistgħu jissospendu l-proċeduri jew, taħt ċerti ċirkustanzi, jirrifjutaw li jagħtu sentenza. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont dak ir-Regolament.

(45)

Parti li tkun ġarrbet ħsara li tkun tat prova li ġarrbet ħsara bħala riżultat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, xorta trid tagħti prova tal-livell tal-ħsara mġarrba sabiex tikseb id-danni. Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni hija proċess li jirrikjedi l-preżentazzjoni ta' ħafna fatti u hemm il-possibbiltà li tkun meħtieġa l-applikazzjoni ta' mudelli ekonomiċi kumplessi. Dan ta' spiss huwa proċess li jiswa ħafna flus, u l-atturi jkollhom diffikultajiet fir-rigward tal-ksib tad-data meħtieġa biex isostnu l-pretensjonijiet tagħhom. Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tista' għalhekk tikkostitwixxi ostakolu sostanzjali li jipprevjeni pretensjonijiet effettivi għall-kumpens.

(46)

Fin-nuqqas ta' regoli tal-Unjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, is-sistema legali domestika ta' kull Stat Membru għandha tiddetermina r-regoli tagħha stess dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara u l-Istati Membri u l-qrati nazzjonali għandhom jiddeterminaw liema rekwiżiti għandu jissodisfa l-attur meta jagħti prova tal-ammont ta' ħsara li jkun ġarrab, il-metodi li jistgħu jintużaw fil-kwantifikazzjoni tal-ammont u l-konsegwenzi jekk ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali rigward il-kwantifikazzjoni ta' dannu f'każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju tal-ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna (il-prinċipju tal-effettività). Għandhom jitqiesu l-assimetriji tal-informazzjoni possibbli bejn il-partijiet u l-fatt li l-kwantifikazzjoni tal-ħsara tirrikjedi valutazzjoni ta' kif is-suq ikkonċernat kien jevolvi li kieku ma kienx sar ksur. Din il-valutazzjoni timplika paragun ma' sitwazzjoni li b'definizzjoni hija ipotetika u għalhekk ma tista' qatt issir b'eżattezza totali. Għalhekk huwa xieraq li jiġi żgurat li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa li jagħmlu stima tal-ammont tal-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Meta mitluba, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jipprovdu gwida dwar il-quantum. Biex jiġu żgurati l-koerenza u l-prevedibbiltà l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida ġenerali fil-livell tal-Unjoni.

(47)

Bħala rimedju għall-asimmetrija tal-informazzjoni u għal xi ftit mid-diffikultajiet assoċjati mal-kwantifikazzjoni tal-ħsara fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-pretensjonijiet għad-danni, huwa xieraq li wieħed jissoponi li l-ksur minn kartell jirriżulta fi ħsara, b'mod partikolari permezz ta' effett fuq il-prezzijiet. Skont il-fatti tal-każ, il-kartelli jwasslu għal żieda fil-prezzijiet jew impedixxu li jkun hemm tnaqqis tal-prezzijiet li kien iseħħ li kieku ma kienx il-kartell. Din is-suppożizzjoni ma għandhiex tkopri l-ammont konkret tal-ħsara. Il-kontraventuri għandhom jitħallew jikkontestaw it-tali suppożizzjoni. Huwa xieraq li tiġi limitata din is-suppożizzjoni konfutabbli għall-kartelli, minħabba n-natura sigrieta tagħhom, li żżid l-asimmetrija tal-informazzjoni msemmija u tagħmilha aktar diffiċli għall-atturi biex jiksbu l-evidenza meħtieġa biex jagħtu prova tal-ħsara.

(48)

Huwa mixtieq li tintlaħaq soluzzjoni “darba għal dejjem” għall-konvenuti bil-għan li titnaqqas l-inċertezza għall-kontraventuri u l-partijiet li ġarrbu ħsara. Għalhekk, il-kontraventuri u l-partijiet li ġarrbu ħsara għandhom jiġu mħeġġa biex jaqblu fuq kumpens tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni permezz ta' mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim bħal pereżempju riżolvimenti barra mill-qorti (inklużi dawk fejn imħallef jista' jiddikjara riżolviment vinkolanti), l-arbitraġġ, il-medjazzjoni jew il-konċiljazzjoni. tali riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim għandha tkopri kemm jista' jkun legalment possibbli mill-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-kontraventuri. Id-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar ir-riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim għalhekk huma maħsuba biex jiffaċilitaw l-użu tat-tali mekkaniżmi u jżidu l-effettività tagħhom.

(49)

Il-perijodi ta' preskrizzjoni biex titressaq azzjoni għad-danni jistgħu jkunu b'mod li jimpedixxu lill-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-kontraventuri milli jkollhom biżżejjed żmien biex jaslu għal qbil dwar il-kumpens li għandu jitħallas. Sabiex iż-żewġ naħat jingħataw l-opportunità ġenwina biex ifittxu riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim qabel ma jibdew il-proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali, il-perijodi ta' preskrizzjoni jeħtieġu li jiġu sospiżi għat-tul ta' żmien tal-proċess ta' riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim.

(50)

Barra minn hekk, meta l-partijiet jiddeċiedu li jfittxu riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim wara li tkun tressqet azzjoni għad-danni għall-istess pretensjoni quddiem qorti nazzjonali, dik il-qorti għandha tkun tista' tissospendi l-proċedimenti li tressqu quddiemha għat-tul ta' żmien tal-proċess ta' riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim. Meta tqis jekk għandhomx jiġu sospiżi l-proċedimenti, il-qorti nazzjonali għandha tqis il-vantaġġi ta' proċedura espedjenti.

(51)

Biex jiġu mħeġġa r-riżolvimenti kunsenswali, kontraventur li jħallas id-danni permezz ta' riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim ma għandux jitqiegħed f'pożizzjoni vis-à-vis il-kokontraventuri tiegħu agħar minn dik li kien ikun fiha mingħajr is-soluzzjoni kunsenswali. Dak jista' jseħħ jekk kontraventur fir-riżolviment għat-tilwim ikun baqa' responsabbli in solidum għall-ħsara kkawżata mill-ksur anke wara li jinsab riżolviment kunsenswali. Għalhekk kontraventur fir-riżolviment fil-prinċipju ma għandux jikkontribwixxi għall-kokontraventuri tiegħu mhux fir-riżolviment meta dawn tal-aħħar ikunu ħallsu d-danni lil parti li tkun ġarrbet il-ħsara li magħha l-ewwel kontraventur ikun sab soluzzjoni qabel. Il-korrelazzjoni għal din ir-regola ta' nonkontribuzzjoni hi li l-pretensjoni tal-parti li ġarrbet il-ħsara għandha titnaqqas permezz tar-riżolviment tas-sehem tal-ħsara tal-kontraventur kkawżata lilha, irrispettivament jekk l-ammont tar-riżolviment hux indaqs jew hux differenti mis-sehem relattiv tal-ħsara li l-kokontraventur fir-riżolviment ikkaġuna lill-parti fir-riżolviment li ġarrbet il-ħsara. Dak is-sehem relattiv għandu jiġi determinat skont ir-regoli li ntużaw biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet fost il-kontraventuri. Mingħajr it-tali tnaqqis, il-kontraventuri mhux fir-riżolviment jkunu affettwati mingħajr bżonn mir-riżolviment li fih ma kinux parti. Madankollu, sabiex jiżgura d-dritt għal kumpens sħiħ, il-kokontraventuri fir-riżolviment xorta għandu ikollhom iħallsu d-danni meta dik tkun l-unika possibbiltà għall-parti fir-riżolviment li tkun ġarrbet il-ħsara biex tikseb kumpensgħall-pretensjoni li jkun għad fadal. Il-pretensjoni li tkun għad fadal tirreferi għall-pretensjoni tal-parti li ġarrbet il-ħsara fir-riżolviment imnaqqsa mis-sehem tal-kokontraventur fir-riżolviment tal-ħsara li l-ksur ikkaġuna lill-parti fir-riżolviment li ġarrbet il-ħsara. Il-possibbiltà ta' din tal-aħħar li titlob danni mill-kokontraventur fir-riżolviment teżisti, sakemm ma tkunx ġiet eskluża b'mod espliċitu skont it-termini tar-riżolviment kunsenswali.

(52)

Għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-kokontraventuri fir-riżolviment, bil-ħlas ta' kontribuzzjoni lil kokontraventuri mhux fir-riżolviment għal danni li huma ħallsu lil partijiet mhux fir-riżolviment li jkunu ġarrbu ħsara, iħallsu ammont totali ta' kumpens li jaqbeż ir-responsabbiltà relattiva tagħhom għall-ħsara kkawżata permezz tal-ksur. Għalhekk, meta l-kokontraventuri fir-riżolviment jintalbu biex jikkontribwixxu għad-danni li jkunu tħallsu sussegwentement mill-kokontraventuri mhux fir-riżolviment lill-partijiet mhux fir-riżolviment li jkunu ġarrbu ħsara, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu d-danni li diġà jkunu tħallsu permezz tar-riżolviment kunsenswali u b'hekk tkun qed iżżomm f'moħħha li mhux il-kokontraventuri kollha huma neċessarjament involuti b'mod ugwali fl-ambitu sostantiv, temporali u ġeografiku sħiħ tal-ksur.

(53)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(54)

Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta' regoli li jikkonċernaw azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-effetti sħaħ tal-Artikolu 101 u 102 TFUE, u il-funzjonament xieraq tas-suq intern għall-impriżi u l-konsumaturi, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, imma jistgħu pjuttost, minħabba l-effettività u l-konsistenza meħtieġa fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(55)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (7), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument jew bosta dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(56)

Huwa xieraq li jiġu previsti regoli għall-applikazzjoni temporali ta' din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni minn impriża jew minn assoċjazzjoni ta' impriżi, tista' b'mod effettiv teżerċita d-dritt li titlob għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara minn dik l-impriża jew assoċjazzjoni. Tistabbilixxi regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.

2.   Din id-Direttiva tistipula regoli li jikkoordinaw l-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-infurzar ta' dawn ir-regoli f'azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni” tfisser ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni;

(2)

“kontraventur” tfisser l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta' impriżi li wettqet il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(3)

“il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni” tfisser id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li b'mod predominanti jsegwu l-istess għanijiet bħal dawk tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li huma applikati għall-istess każ u b'mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, bl-esklużjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimponu pieni kriminali fuq il-persuna fiżika, ħlief sa fejn dawn il-pieni kriminali huma l-mezz li bih jiġu applikati l-liġijiet tal-kompetizzjoni għall-impriża u jiġu infurzati;

(4)

“azzjoni għad-danni” tfisser azzjoni skont il-liġi nazzjonali li permezz tagħha pretensjoni għad-danni titressaq quddiem il-qorti nazzjonali minn parti li allegatament ġarrbet ħsara, minn xi ħadd li jaġixxi f'isem wieħed jew aktar partijiet li allegatament ġarrbu ħsara meta l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali tipprevedi għal dik il-possibbiltà, jew minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-dritt tal-parti li allegatament ġarrbet il-ħsara, inkluża l-persuna li akkwistat il-pretensjoni;

(5)

“pretensjoni għad-danni” tfisser pretensjoni għal kumpens għal ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(6)

“parti li ġarrbet ħsara” tfisser persuna li tkun sofriet danni kkawżati minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(7)

“awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni” tfisser awtorità nnominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li tkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE;

(8)

“awtorità tal-kompetizzjoni” tfisser il-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, jew it-tnejn skont kif jeħtieġ il-kuntest;

(9)

“qorti nazzjonali” tfisser qorti jew tribunal ta' Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE;

(10)

“qorti tal-appell” tfisser qorti nazzjonali li għandha s-setgħa bil-mezzi ta' appell ordinarji li teżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew li teżamina mill-ġdid is-sentenzi li jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar dawk id-deċiżjonijiet, irrispettivament minn jekk dik il-qorti għandhiex hija stess is-setgħa li ssib ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(11)

“deċiżjoni dwar ksur” tfisser deċiżjoni ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell li ssib ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(12)

“deċiżjoni finali dwar ksur” tfisser deċiżjoni dwar ksur li ma tistax jew li warajha ma hemmx aktar dritt ta' appell bil-mezzi ordinarji;

(13)

“evidenza” tfisser kull tip ta' mezz ta' prova ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali invokata, partikolarment dokumenti u l-oġġetti l-oħra kollha li jkun jinkludi informazzjoni, irrispettivament mill-mezz fejn l-informazzjoni hija maħżuna;

(14)

“kartell” tfisser ftehim jew prattika miftiehma bejn żewġ kompetituri jew aktar li għandha l-għan li tikkoordina l-imġiba kompetittiva tagħhom fis-suq jew tinfluwenza l-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni, permezz ta' prattiki bħal, imma mhux limitati għal, l-iffissar jew il-koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ jew tax-xiri jew ta' kondizzjonijiet kummerċjali oħrajn, inkluż fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, l-allokazzjoni tal-kwoti tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, il-kondiviżjoni tas-swieq u l-klijenti inklużi l-immanuvrar tal-offerti, ir-restrizzjonijiet tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet jew l-azzjonijiet antikompetittivi kontra kompetituri oħra;

(15)

“programm ta' klemenza” tfisser programm li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jew dispożizzjoni korrispondenti skont il-liġi nazzjonali li abbażi tiegħu parteċipant f'kartell sigriet, b'mod indipendenti mill-impriżi l-oħra involuti fil-kartell, jikkoopera ma' investigazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni, billi jipprovdi b'mod volontarju preżentazzjonijiet rigward l-għarfien ta' dak il-parteċipant tal-kartell u r-rwol tiegħu fih, u bħala skambju għal dan il-parteċipant jirċievi, permezz ta' deċiżjoni jew permezz ta' twaqqif tal-proċedimenti, l-immunità mill-multi li għandhom jiġu imposti għall-involviment tiegħu fil-kartell jew tnaqqis tat-tali multi;

(16)

“dikjarazzjoni ta' klemenza” tfisser preżentazzjoni orali jew bil-miktub ipprovduta b'mod volontarju minn, jew f'isem, impriża jew persuna fiżika lil awtorità tal-kompetizzjoni jew rekord tagħha, li tiddeskrivi l-għarfien ta' dik l-impriża jew tal-persuna fiżika dwar kartell u r-rwol tagħha fih, li tkun tfasslet speċifikament biex titressaq lill-awtorità tal-kompetizzjoni bil-għan li tinkiseb immunità jew tnaqqis tal-multi taħt programm ta' klemenza, li ma tinkludix informazzjoni preeżistenti;

(17)

“informazzjoni preeżistenti” tfisser evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti ta' awtorità kompetenti, kemm jekk tali informazzjoni tinsabx jew le fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni;

(18)

“sottomissjoni ta' riżolviment” tfisser preżentazzjoni volontarja minn, jew f'isem, impriża lil awtorità tal-kompetizzjoni li tiddeskrivi r-rikonoxximent ta' impriża jew ir-rinunzja tagħha għal tilwima dwar is-sehem tagħha fi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u r-responsabbiltà tagħha għal dak il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, li tkun tfasslet speċifikament sabiex tippermetti lill-awtorità tal-kompetizzjoni tapplika proċedura simplifikata jew proċedura mħaffa;

(19)

“benefiċjarju tal-immunità” tfisser impriża jew persuna fiżika li tkun ingħatat l-immunità mill-multi minn awtorità tal-kompetizzjoni taħt programm ta' klemenza;

(20)

“spejjeż żejda” tfisser id-differenza bejn il-prezz imħallas realment u l-prezz li kellu jitħallas fin-nuqqas ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(21)

“riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim” tfisser kwalunkwe mekkaniżmu li jippermetti lill-partijiet jilħqu riżolvimenti għat-tilwim barra mill-qorti dwar talba għad-danni;

(22)

“riżolviment kunsenswali” tfisser qbil milħuq permezz ta' riżoluzzjoni kunsenswali tat-tilwim.

(23)

“xerrej dirett” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li xtrat, direttament mingħand kontraventur, prodotti jew servizzi li kienu l-oġġett ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(24)

“xerrej indirett” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li xtrat, mhux direttament mingħand kontraventur, imma mingħand xerrej dirett jew xerrej sussegwenti, prodotti jew servizzi li kienu l-oġġett ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, jew prodotti jew servizzi li jkun fihom it-tali oġġetti jew imnisslin minnhom;

Artikolu 3

Dritt għal kumpens sħiħ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista' titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara.

2.   Kumpens sħiħ għandu jqiegħed persuna li ġarrbet il-ħsara fil-pożizzjoni li kienet tkun fiha dik il-persuna li kieku ma jkunx seħħ il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Għalhekk għandu jkopri d-dritt għall-kumpens għat-telf reali u għat-telf ta' profitt, kif ukoll il-ħlas tal-imgħax.

3.   Kumpens sħiħ taħt din id-Direttiva ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew b'mezzi ta' danni punittivi, multipli jew dawk ta' tipi oħra.

Artikolu 4

Prinċipji ta' effettività u ekwivalenza

F'konformità mal-prinċipju ta' effettività, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha rigward l-eżerċizzju ta' talbiet għal kumpens għad-danni jkunu mfassla u applikati b'mod li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għal kumpens sħiħ għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. F'konformità mal-prinċipju tal-ekwivalenza, ir-regoli jew il-proċeduri nazzjonali rigward azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ma għandhomx ikunu inqas favorevoli għall-partijiet li allegatament ikunu ġarrbu l-ħsara minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili għal danni li jirriżultaw minn ksur ta' liġi nazzjonali.

KAPITOLU II

DIVULGAZZJONI TAL-EVIDENZA

Artikolu 5

Divulgazzjoni tal-evidenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti relatati ma' azzjoni għal danni fl-Unjoni fuq talba ta' attur li jkun ippreżenta ġustifikazzjoni raġunata li tkun tinkludi fatti u evidenza disponibbli b'mod raġonevoli suffiċjenti biex isostnu l-plawsibbiltà tal-pretensjoni tiegħu għad-danni, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut jew lil parti terza biex jiddivulgaw evidenza rilevanti li huma jkunu jikkontrollaw, soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu, fuq talba tal-konvenut, jordnaw lill-attur jew lil parti terza biex jiddivulgaw l-evidenza rilevanti.

Dan il-paragrafu huwa bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni ta' elementi speċifiċi ta' evidenza jew ta' kategoriji rilevanti ta' evidenza ċċirkoskritta bl-aktar mod preċiż u bl-aktar mod ristrett possibbli abbażi ta' fatti disponibbli b'mod raġonevoli fil-ġustifikazzjoni raġunata.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa proporzjonat. Fid-determinazzjoni ta' jekk kwalunkwe divulgazzjoni mitluba minn parti hijiex proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-partijiet terzi kollha kkonċernati. Partikolarment għandhom jikkunsidraw:

(a)

safejn il-pretensjoni jew id-difiża hija appoġġata mill-fatti u l-evidenza disponibbli li jiġġustifikaw it-talba għad-divulgazzjoni tal-evidenza;

(b)

l-ambitu u l-ispiża biex issir id-divulgazzjoni, speċjalment għal kwalunkwe part terza kkonċernata, inkluż l-evitar ta' tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li x'aktarx ma tkunx ta' rilevanza għall-partijiet fil-proċedura;

(c)

jekk l-evidenza li qed tintalab id-divulgazzjoni tagħha fihiex informazzjoni kunfidenzjali, speċjalment li tikkonċerna xi parti terza, u x'arranġamenti huma fis-seħħ għall-protezzjoni ta' tali informazzjoni kunfidenzjali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw id-divulgazzjoni ta' evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jikkunsidrawha rilevanti għall-azzjoni għad-danni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jordnaw id-divulgazzjoni ta' tali informazzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex tiġi protetta tali informazzjoni.

5.   L-interess tal-impriżi li jevitaw azzjonijiet għal danni wara ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni ma għandux jikkostitwixxi interess li jitlob protezzjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jagħtu effett sħiħ lill-privileġġ professjonali legali applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali meta jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li mingħandhom tintalab id-divulgazzjoni jingħataw l- opportunità li jinstemgħu qabel qorti nazzjonali tordna d-divulgazzjoni skont dan l-Artikolu.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 7 u għall-Artikolu 6, dan l-Artikolu ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jkollhom jew jintroduċu regoli li jwasslu għal divulgazzjoni akbar ta' evidenza.

Artikolu 6

Divulgazzjoni ta' evidenza inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-fini tal-azzjonijiet għad-danni, meta l-qrati nazzjonali jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni, japplika dan l-Artikolu flimkien mal-Artikolu 5.

2.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-prattiki dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-prattiki skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' dokumenti interni ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni u ta' korrispondenza bejn awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

4.   Fil-valutazzjoni, skont l-Artikolu 5(3), tal-proporzjonalità ta' ordni għad-divulgazzjoni ta' informazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom, barra minn hekk, jikkunsidraw dan li ġej:

(a)

it-talba ġietx ifformulata speċifikament fir-rigward tan-natura, is-suġġett jew il-kontenuti tad-dokumenti ppreżentati lil awtorità tal-kompetizzjoni jew miżmuma fil-fajl tagħha, aktar milli b'applikazzjoni mhux speċifika li tikkonċerna d-dokumenti ppreżentati lil awtorità tal-kompetizzjoni,

(b)

il-parti li titlob id-divulgazzjoni tkunx qed tagħmel dan b'rabta ma' azzjoni għad-danni quddiem qorti nazzjonali; u

(c)

b'rabta mal-paragrafi 5 u 10, jew fuq talba ta' awtorità tal-kompetizzjoni skont il-paragrafu 11, il-bżonn li tkun salvagwardjata l-effettività tal-eżekuzzjoni pubblika tal-liġi tal-kompetizzjoni.

5.   Il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni tal-kategoriji ta' evidenza li ġejjin biss wara li awtorità tal-kompetizzjoni, bl-adozzjoni ta' deċiżjoni jew b'mod ieħor, tkun temmet il-proċedimenti tagħha:

(a)

informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni;

(b)

informazzjoni li l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun ħejjiet u bagħtet lill-partijiet matul il-proċedimenti tagħhom; u

(c)

sottomissjonijiet ta' riżolviment li ġew irtirati.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tal-azzjonijiet għad-danni, il-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu fi kwalunkwe mument jordnaw lil parti jew parti terza biex jiddivulgaw ebda waħda mill-kategoriji ta' evidenza li ġejjin:

(a)

dikjarazzjonijiet ta' klemenza; u

(b)

sottomissjonijiet ta' riżolviment.

7.   Pretendent jista' jippreżenta talba ġustifikata biex qorti nazzjonali jkollha aċċess għall-evidenza msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 6 għall-uniku għan biex ikun żgurat li l-kontenut tagħhom jikkorrispondi mad-definizzjonijiet fil-punti (16) u (18) tal-Artikolu 2. F'dik il-valutazzjoni, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu assistenza biss mill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti. L-awturi tal-evidenza inkwistjoni jista' wkoll ikollhom il-possibbiltà li jinstemgħu. Fl-ebda każ il-qorti nazzjonali ma għandha tippermetti lil partijiet oħrajn jew lil partijiet terzi aċċess għal dik l-evidenza.

8.   Jekk huma biss partijiet tal-evidenza mitluba li huma koperti mill-paragrafu 6, il-partijiet li jibqa' tagħha għandhom, skont il-kategorija li taqa' fiha, jiġu rilaxxati f'konformità mal-paragrafi rilevanti ta' dan l-Artikolu.

9.   Id-divulgazzjoni tal-evidenza fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni li ma taqax taħt waħda mill-kategoriji elenkati f' dan l-Artikolu tista' tiġi ordnata f'azzjonijiet għal danni fi kwalunkwe mument, mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jitolbu d-divulgazzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni ta' evidenza inkluża fil-fajl tagħha biss meta l-ebda parti jew parti terza ma tkunx f'pożizzjoni jew ma tkunx tista' b'mod raġonevoli tipprovdi dik l-evidenza.

11.   Sal-punt li awtorità tal-kompetizzjoni hija lesta li tiddikjara l-fehmiet tagħha dwar il-proporzjonalità ta' talbiet għal divulgazzjoni, hija tista', fuq inizjattiva tagħha stess, tippreżenta osservazzjonijiet lill-qorti nazzjonali li quddiemha jintalab ordni ta' divulgazzjoni.

Artikolu 7

Limiti għall-użu tal-evidenza miksuba biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evidenza fil-kategoriji elenkati fl-Artikolu 6(6) li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika unikament permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew titqies inammissibbli fl-azzjonijiet għad-danni jew inkella protetta skont ir-regoli nazzjonali biex jiġi żgurat l-effett sħiħ tal-limiti fuq id-divulgazzjoni ta' evidenza stipulati fl-Artikolu 6.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sakemm awtorità tal-kompetizzjoni tagħlaq il-proċedimenti tagħha billi tadotta deċiżjoni jew b'mod ieħor, l-evidenza fil-kategoriji elenkati fl-Artikolu 6(5) li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika unikament permezz tal-aċċess għall-fajl ta' dik l-awtorità tal-kompetizzjoni jew titqies inammissibbli fl-azzjonijiet għad-danni jew inkella tkun protetta skont ir-regoli nazzjonali applikabbli biex jiġi żgurat l-effett sħiħ tal-limiti fuq id-divulgazzjoni ta' evidenza stipulati fl-Artikolu 6.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evidenza li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni u li ma taqax taħt il-paragrafu 1 jew 2, tkun tista' tintuża f'azzjoni għad-danni biss minn dik il-persuna jew minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-drittijiet ta' dik il-persuna, inkluża persuna li xtrat il-pretensjoni ta' dik il-persuna.

Artikolu 8

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu b'mod effettiv jimponu penali fuq partijiet, partijiet terzi u r-rappreżentanti legali tagħhom fil-każ ta' wieħed mis-segwenti:

(a)

in-nuqqas jew ir-rifjut tagħhom li jikkonformaw ma' ordni ta' divulgazzjoni ta' kwalunkwe qorti nazzjonali;

(b)

id-distruzzjoni tagħhom ta' evidenza rilevanti;

(c)

in-nuqqas jew ir-rifjut tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi imposti minn ordni tal-qorti nazzjonali biex tipproteġi informazzjoni kunfidenzjali;

(d)

il-ksur tagħhom tal-limiti rigward l-użu ta' evidenza kif previst f'dan il-Kapitolu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-penali li jistgħu jiġu imposti mill-qrati nazzjonali jkunu effettivi, proporzjonati u disważivi. Il-penali disponsibbli għall-qrati nazzjonali għandhom jinkludu, fir-rigward tal-imġiba ta' parti għal proċedimenti għal azzjoni għad-danni, il-possibbiltà li jaslu għal inferenzi negattivi, bħal pereżempju l-preżunzjoni li l-kwistjoni rilevanti kienet ippruvata jew ma jilqgħux talbiet u difiżi kollha jew in parti, u l-possibbiltà li jordnaw il-ħlas tal-ispejjeż.

KAPITOLU III

EFFETT TAD-DEĊIŻJONIJIET NAZZJONALI, IL-PERIJODI TA' PRESKRIZZJONI, IR-RESPONSABBILTÀ IN SOLIDUM

Artikolu 9

Effett ta' deċiżjonijiet nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b'deċiżjoni finali ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b'mod inkontestabbli għall-finijiet ta' azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 1 tittieħed fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni finali tista', skont il-liġi nazzjonali tagħhom, tiġi ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala tal-inqas evidenza prima facie tal-fatt li seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u, kif xieraq, tista' tiġi valutata flimkien ma' kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-partijiet.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE.

Artikolu 10

Perijodi ta' preskrizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom, f'konformità ma' dan l-Artikolu, jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perijodi ta' preskrizzjoni għat-tressiq tal-azzjonijiet għad-danni. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perijodu ta' preskrizzjoni, it-tul ta' żmien tal-perijodu u ċ-ċirkostanzi li taħthom huwa interrott jew sospiż.

2.   Il-perijodi ta' preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-attur ikun jaf, jew jista' jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

(a)

bl imġiba u l-fatt li din tikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(b)

bil-fatt li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lilu; u

(c)

l-identità tal-kontraventur.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjonijiet għad-danni huma mill-inqas ta' ħames snin.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perijodu ta' preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont il-liġi nazzjonali, interrot jekk awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti tagħha fir-rigward ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor.

Artikolu 11

Responsabbiltà in solidum

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li kisru l-liġi tal-kompetizzjoni permezz ta' imġiba konġunta huma responsabbli in solidum għad-dannu kkawżat mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; bl-effett li kull waħda minn dawk l-impriżi hi obbligata li tagħti kumpens sħiħ għall-ħsara, u l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara għandha d-dritt titlob kumpens sħiħ minn kwalunkwe waħda minnhom sakemm tkun ġiet ikkumpensata bis-sħiħ.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kumpens sħiħ kif stipulat fl-Artikolu 3, fejn il-kontraventur ikun impriża żgħira jew ta' daqs medju (SME) kif definita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (8), il-kontraventur huwa responsabbli biss għax-xerrejja proprji diretti jew indiretti fejn:

(a)

is-sehem tagħha tas-suq fis-suq rilevanti kien taħt il-5 % f'xi żmien matul il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni; u

(b)

l-applikazzjoni tar-regoli normali għar-responsabbiltà in solidum tkun b'mod irrimedjabbli tikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika tagħha u twassal biex l-assi tagħha jitilfu l-valur kollu tagħhom.

3.   Id-deroga stipulata fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika fejn:

(a)

l-SME tkun mexxiet il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni jew ġiegħlet lil impriżi oħrajn jipparteċipaw fil-ksur; jew

(b)

l-SME nstabet preċedentement li kisret il-liġi tal-kompetizzjoni.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarju ta' immunità jkun responsabbli in solidum kif ġej:

(a)

għax-xerrejja jew fornituri diretti u indiretti tiegħu; u

(b)

għal partijiet oħra li ġarrbu ħsara biss meta kumpens sħiħ ma jistax jingħata mill-impriżi l-oħra li kienu involuti fl-istess ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe perjodu ta' preskrizzjoni applikabbli għal każijiet taħt dan il-paragrafu huwa raġonevoli u suffiċjenti biex il-partijiet li ġarrbu l-ħsara jkunu jistgħu jagħmlu tali azzjonijiet.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontraventur jista' jirkupra l-kontribuzzjoni minn kwalunkwe kontraventur ieħor u l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni jkun iddeterminat fid-dawl tar-responsabbiltà relattiva tagħhom għall-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta' kontraventur li jkun ingħata immunità mill-multi taħt programm ta' klemenza ma għandux jaqbeż l-ammont tal-ħsara li tkun ikkawżat lix-xerrejja jew lill-fornituri proprji diretti jew indiretti tiegħu.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-punt fejn il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lill-partijiet li ġarrbu ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew indiretti tal-kontraventur, l-ammont ta' kwalunkwe kontribuzzjoni minn benefiċjarju tal-immunità lil kontraventuri oħra għandu jkun iddeterminat fid-dawl tar-responsabbiltà relattiva tiegħu għal dik il-ħsara.

KAPITOLU IV

TRASFERIMENT TAL-ISPEJJEŻ ŻEJDA

Artikolu 12

Trasferiment tal-ispejjeż żejda u d-dritt għal kumpens sħiħ

1.   Biex tkun żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt għal kumpens kif stipulat fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dan il-Kapitolu, il-kumpens għal ħsara jista' jintalab minn kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet il-ħsara, irrispettivament ta' jekk humiex xerrejja diretti jew indiretti minn kontraventur, u li l-kumpens għal ħsara li jeċċedi dik ikkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni lill-attur, kif ukoll in-nuqqas ta' responsabbilità tal-kontraventur, jiġu evitati.

2.   Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli proċedurali xierqa sabiex jiġi żgurat li l-kumpens għal telf attwali fi kwalunkwe livell tal-katina tal-provvista ma jeċċedix il-ħsara minħabba spejjeż żejda, mġarrba f'dak il-livell.

3.   Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' parti li tkun ġarrbet il-ħsara li titlob u tikseb kumpens għat-telf ta' profitti minħabba trasferiment sħiħ jew parzjali ta' spejjeż żejda.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli stipulati f'dan il-Kapitolu japplikaw fejn il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni għandu x'jaqsam mal-provvista lill-kontraventur.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li tikkalkolaw, skont il-proċeduri nazzjonali, is-sehem ta' kwalunkwe spejjeż żejda li ġew ittrasferiti.

Artikolu 13

Trasferiment tad-difiża

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konvenut f'azzjoni għad-danni jista' jinvoka, bħala difiża kontra pretensjoni għad-danni, il-fatt li l-attur ittrasferixxa l-ispejjeż żejda kollha jew parti minnhom li rriżultaw mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Il-piż tal-provahiom li l-ispejjeż żejda ġew trasferiti għandu jkun tal-konvenut li b'mod raġonevoli jista' jkun jeħtieġ divulgazzjoni mill-attur jew minn partijiet terzi.

Artikolu 14

Xerrejja indiretti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta f'azzjoni għad-danni l-eżistenza ta' talba għad-danni jew l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata jiddependu fuq jekk — jew sa liema punt — spiża żejda ġiet ittrasferita lill-attur, b'kont meħud tal-prattika kummerċjali li ż-żieda fil-prezzijiet tiġi ttrasferita 'l isfel fil-katina tal-provvista, il-piż tal-prova tal-eżistenza u tal-ambitu ta' tali trasferiment jaqa' fuq il-attur li b'mod raġonevoli jista' jkun jeħtieġ divulgazzjoni mill-konvenut jew minn partijiet terzi.

2.   Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ix-xerrej indirett għandu jitqies li jkun ta prova li sar trasferiment fuqu meta dak ix-xerrej indirett jkun wera li:

(a)

il-konvenut wettaq ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(b)

il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni rriżulta fi spejjeż żejda għax-xerrej dirett tal-konvenut; u

(c)

huwa jkun xtara l-oġġetti jew is-servizzi li kienu l-oġġett tal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, jew xtara oġġetti jew servizzi mnisslin minnhom jew inkorporati fihom.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-konvenut jista' b'mod kredibbli juri għas-sodisfazzjon tal-qorti li l-ispejjeż żejda ma kinux ġew trasferiti, jew mhux kollha, lix-xerrej indirett.

Artikolu 15

Azzjonijiet għad-danni mill-atturi f'livelli differenti tal-katina tal-provvista

1.   Biex jiġi evitat li azzjonijiet għad-danni minn atturi f'livelli differenti tal-katina tal-provvista jwasslu għal responsabbiltà multipla jew nuqqas ta' responsabbiltà tal-kontraventur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-valutazzjoni ta' jekk il-piż tal-prova li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 hijiex issodisfata, il-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet azzjoni għad-danni jkunu jistgħu, b'mezzi disponibbli taħt il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, jieħdu kont debitu ta' kwalunkwe wieħed mis-segwenti:

(a)

azzjonijiet għad-danni li huma relatati mal-istess ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, iżda li jitressqu mill-atturi minn livell oħra fil-katina tal-provvista;

(b)

sentenzi li jirriżultaw minn azzjonijiet għal danni kif imsemmija fil-punt (a);

(c)

informazzjoni rilevanti fid-dominju pubbliku li tirriżulta mill-infurzar pubbliku tal-liġi tal-kompetizzjoni.

2.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

Artikolu 16

Linji gwida għall-qrati nazzjonali

Il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida għall-qrati nazzjonali dwar kif jiġi stmat is-sehem ta' spiża żejda li jkun ġie ttrasferit lix-xerrej indirett.

KAPITOLU V

KWANTIFIKAZZJONI TAL-ĦSARA

Artikolu 17

Kwantifikazzjoni tal-ħsara

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-piż u lanqas l-istandard tal-provi meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara ma jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa, skont proċeduri nazzjonali, jistmaw l-ammont ta' ħsara jekk jiġi stabbilit li attur ġarrab ħsara iżda li jkun prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat b'mod preċiż il-ħsara mġarrba abbażi tal-evidenza disponibbli.

2.   Għandu jiġi preżunt li ksur minn kartelli jikkaġuna ħsara. Il-kontraventur għandu jkollu d-dritt li jirribatti dik il-preżunzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti marbuta ma' azzjoni għal danni, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, tista', fuq talba ta' qorti nazzjonali, tassisti lil dik il-qorti nazzjonali fir-rigward taddeterminazzjoni tal-quantum tad-danni fejn dik l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tqis li tali assistenza hija adatta.

KAPITOLU VI

RIŻOLUZZJONI KONSENSWALI TAT-TILWIM

Artikolu 18

Effett sospensiv u effetti oħra tar-riżoluzzjoni konsenswali tat-tilwim

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodu ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjoni għad-danni jkun sospiż għat-tul ta' żmien ta' kwalunkwe proċess ta' riżoluzzjoni konsenswali tat-tilwim. Is-sospensjoni tal-perijodu ta' preskrizzjoni japplika biss fir-rigward ta' dawk il-partijiet li huma jew li kienu involuti jew rappreżentati fir-riżoluzzjoni konsenswali tat-tilwim.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali f'materji ta' arbitraġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet azzjoni għad-danni jistgħu jissospendu l-proċedimenti tagħhom għal massimu ta' sentejn fejn il-partijiet għal dawk il-proċedimenti huma involuti f'riżoluzzjoni konsenswali tat-tilwim rigward il-pretensjoni koperta minn dik l-azzjoni għad-danni.

3.   Awtorità tal-kompetizzjoni tista' tikkunsidra li l-kumpens li jitħallas b'riżultat ta' riżolviment kunsenswali u qabel id-deċiżjoni tagħha li timponi piena jkun fattur ta' mitigazzjoni.

Artikolu 19

Effett ta' riżolviment kunsenswali fuq azzjonijiet sussegwenti għad-danni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara riżolviment kunsenswali, mill-pretensjoni tal-parti f'riżolviment li ġarrbet id-dannu, jitnaqqas is-sehem tad-dannu tal-kokontraventur f'riżolviment li jkun ikkaġuna l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fuq il-parti li ġarrbet id-dannu.

2.   Kwalunkwe pretensjoni li jibqa' tal-parti f'riżolviment li ġarrbet id-dannu għandha tiġi eżerċitata biss kontra kokontraventuri mhux f'riżolviment,. Il-kokontraventuri mhux f'riżolviment ma għandhomx ikunu permessi li jirkupraw il-kontribuzzjoni għall-bqija tal-pretensjoni mill-kokontraventur f'riżolviment.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kokontraventuri mhux f'riżolviment ma jistgħux iħallsu d-danni li jikkorrispondu għall-bqija tal-pretensjoni tal-parti f'riżolviment li ġarrbet id-dannu, il-parti f'riżolviment li ġarrbet id-dannu tista' teżerċita l-bqija tal-pretensjoni kontra l-kokontraventur f'riżolviment.

Id-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu tista' tiġi espressament eskluża skont it-termini tar-riżolviment kunsenswali.

4.   Meta jkun qed jiġi ddeterminat l-ammont ta' kontribuzzjoni li kokontraventur jista' jirkupra minn kwalunkwe kokontraventur ieħor f'konformità mar-responsabbiltà relattiva tagħhom għall-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kont debitu ta' kwalunkwe dannu mħallas skont riżolviment kunsenswali preċedenti bl-involviment tal-kokontraventur rilevanti ta' ksur.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid din id-Direttiva u għandha tippreżenta rapport dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-27 ta' Diċembru 2020.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu, fost oħrajn, jinkludi informazzjoni fuq is-segwenti kollha:

(a)

l-impatt possibbli ta' restrizzjonijiet finanzjarji minħabba l-ħlas ta' penali imposti minn awtorità tal-kompetizzjoni għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fuq il-possibbiltà li partijiet li ġarrbu d-dannu jiksbu kumpens sħiħ għall-ħsara kkawżata minn dak il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(b)

il-punt sa fejn atturi għal danni kkawżati minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni stabbiliti f'deċiżjoni ta' ksur adottata minn awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru ma jkunux jistgħu jippruvaw quddiem qorti nazzjonali ta' Stat Membru ieħor li tali ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni seħħ;

(c)

il-punt sa fejn il-kumpens għal telf attwali jaqbeż il-ħsara minħabba spejjeż żejda kkawżata minħabba l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, jew imġarrba fi kwalunkwe livell tal-katina tal-provvista.

3.   Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

Artikolu 21

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma' din id-Direttiva sas-27 ta' Diċembru 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment.. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif issir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 22

Applikazzjoni temporali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta' din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is-26 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Novembru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 83.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2014.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27,6.2001, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(7)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).


Top