Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0091

Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 257, 28.8.2014, p. 186–213 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/91/oj

28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/186


DIRETTIVA 2014/91/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha tiġi emendata sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-suq u l-esperjenzi tal-parteċipanti tas-suq u s-superviżuri sa issa, partikolarment biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-depożitarji, il-politika tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet.

(2)

Sabiex jiġi indirizzat l-effett potenzjalment detrimentali ta’ strutturi ta’ remunerazzjoni mfassla ħażin fuq il-ġestjoni tajba tar-riskji u fuq il-kontroll tat-teħid ta’ riskji minn individwi, għandu jkun hemm obbligu ċar fuq il-kumpaniji tal-maniġment tal-impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS) li jistabbilixxu u jżommu, għal dawk il-kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-UCITS li jimmaniġġaw, politiki ta’ remunerazzjoni u prattiki li huma konsistenti ma’ ġestjoni tajba u effettiva tar-riskju. Dawk il-kategoriji ta’ persunal għandhom jinkludu kwalunkwe impjegat u kwalunkwe membru ieħor tal-persunal fil-livell ta’ fondi jew sottofondi li jieħdu d-deċiżjonijiet, li huma maniġers tal-fondi u persuni li jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment reali, persuni li għandhom is-setgħa li jeżerċitaw l-influenza fuq tali impjegati u membri tal-persunal, inklużi konsulenti u analisti tal-investiment, maniġment superjuri u kwalunkwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li titfagħhom fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll għall-kumpaniji tal-investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2009/65/KE. Dawk il-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni għandhom japplikaw, b’mod proporzjonat, għal kwalunkwe parti terza li tieħu d-deċiżjonijiet tal-investiment li jaffettwaw il-profil ta’ riskju tal-UCITS minħabba funzjonijiet li jkunu ġew delegati f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/65/KE.

(3)

Sakemm il-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS u kumpaniji tal-investiment japplikaw il-prinċipji kollha li jirregolaw il-politiki ta’ remunerazzjoni, huma għandhom ikunu jistgħu japplikaw dawk il-politiki b’modi differenti skont id-daqs tagħhom, skont id-daqs tal-UCITS li jimmaniġġaw, l-organizzazzjoni interna tagħhom u n-natura tagħhom, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom.

(4)

Waqt li xi azzjonijiet għandhom jittieħdu mill-korp tal-maniġment, għandu jiġi żgurat li fejn, skont il-liġi nazzjonali, il-kumpanija tal-maniġment jew kumpanija tal-investiment jkollha effettivament korpi differenti b’funzjonijiet speċifiċi assenjati, ir-rekwiżiti diretti lejn il-korp tal-maniġment jew lejn il-korp tal-maniġment fil-funzjoni superviżorja tiegħu għandhom ukoll, jew għandhom minflok japplikaw għal dawk il-korpi bħal-Laqgħa Ġenerali.

(5)

Meta japplikaw il-prinċipji li jirrigwardaw il-politiki u prassi sodi ta’ remunerazzjoni stabbiliti minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prinċipji stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE (4), l-ħidma tal-Bord ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-impenji tal-G-20 biex jiġi moderat ir-riskju fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

(6)

Remunerazzjoni varjabbli garantita għandha tkun ta’ eċċezzjoni peress li mhijiex konsistenti mal-ġestjoni tajba tar-riskju jew il-prinċipju ta’ ħlas għal prestazzjoni u għandha tkun limitata għall-ewwel sena tal-impjieg.

(7)

Il-prinċipji dwar politiki tajbin ta’ remunerazzjoni għandhom japplikaw ukoll għal ħlasijiet li jsiru mill-UCITS innifisha lill-kumpaniji tal-maniġment jew tal-investiment.

(8)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tanalizza x’ikunu l-kosti u l-ispejjeż komuni ta’ prodotti ta’ investiment għall-konsumatur fl-Istati Membri, u jekk tkun meħtieġa armonizzazzjoni ulterjuri ta’ dawk il-kosti u l-ispejjeż, u tibgħat is-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(9)

Sabiex tiġi promossal-konverġenza superviżorja fil-valutazzjoni tal-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (‘AETS’), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandha tiżgura l-eżistenza ta’ linji gwida dwar politiki u prassi ta’ remunerazzjoni sodi fis-settur tal-immaniġġar tal-assi. L-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (‘ABE’), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandha tgħin lill-AETS fit-tħejjija ta’ dawn il-linji gwida. Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni, dawk il-linji gwida għandhom jipprovdu wkoll gwida ulterjuri dwar il-persuni li għalihom japplikaw il-politiki u l-prattiki ta’ remunerazzjoni u dwar l-adattament tal-prinċipji ta’ remunerazzjoni għad-daqs tal-kumpanija tal-maniġment jew tal-kumpanija tal-investiment, id-daqs tal-UCITS li jimmaniġġaw, l-organizzazzjoni interna tagħhom u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. Il-linji gwida tal-ESMA dwar il-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni għandhom, fejn ikun il-każ, ikunu allinjati, sa fejn hu possibbli, ma’ dawk għall-fondi rregolati taħt id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(10)

Id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Il-Karta), għall-prinċipji ġenerali tal-liġi u l-kuntratti tax-xogħol nazzjonali, il-leġislazzjoni applikabbli rigward id-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment u r-responsabbiltajiet ġenerali tal-korpi amministrattivi u superviżorji tal-kumpaniji konċernati, kif ukoll id-dritt, fejn applikabbli, tas-sħab soċjali li jikkonkludu u jeżegwixxu il-ftehimiet kollettivi, f’konformità mal-liġijiet u l-prassi nazzjonali.

(11)

Sabiex jiżguraw il-livell meħtieġ ta’ armonizzazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji rilevanti fl-Istati Membri differenti, għandhom jiġu adottati regoli addizzjonali li jistipulaw l-kompiti u d-dmirijiet tad-depożitarji, jidentifikaw l-entitajiet ġuridiċi li jistgħu jinħatru bħala depożitarji u jiċċaraw ir-responsabbiltà tad-depożitarji f’każ li jintilfu l-assi tal-UCITS fil-kustodja jew f’każ ta’ twettiq ħażin tad-dmirijiet ta’ sorveljanza mid-depożitarji. Prestazzjoni mhux xierqa bħal din tista’ tirriżulta fit-telf tal-assi iżda wkoll f’telf tal-valur tal-assi, jekk, pereżempju, depożitarju ma jirnexxilux jaġixxi fuq investimenti li mhumiex konformi mar-regoli tal-fondi.

(12)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li UCITS għandha taħtar depożitarju wieħed li jkollu sorveljanza ġenerali fuq l-assi tal-UCITS. Ir-rekwiżit li jkun hemm depożitarju wieħed biss għandu jiżgura li d-depożitarju jkollu perspettiva globali fuq l-assi kollha tal-UCITS u li kemm il-maniġers kif ukoll l-investituri tal-fond ikollhom punt wieħed biss ta’ referenza f’każ li jinqalgħu problemi fir-rigward tas-salvagwardja tal-assi jew tat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza. Is-salvagwardja tal-assi għandha tinkludi li l-assi jinżammu f’kustodja jew, fejn l-assi jkunu ta’ natura tali li ma jistgħux jinżammu f’kustodja, il-verifika tas-sjieda ta’ dawk l-assi kif ukoll iż-żamma tar-rekords għal dawk l-assi.

(13)

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, depożitarju għandu jaġixxi b’mod onest, ġust, professjonali, b’mod indipendenti u fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

(14)

Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat għat-twettiq tad-dmirijiet tad-depożitarji fl-Istati Membri kollha irrispettivament mill-forma ġuridika li tieħu l-UCITS, hemm bżonn li tiġi introdotta lista uniformi tad-dmirijiet ta’ sorveljanza li jorbtu d-depożitarji fir-rigward ta’ UCITS f’forma korporattiva (kumpanija ta’ investiment) u ta’ UCITS f’forma kuntrattwali.

(15)

Id-depożitarju għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ xieraq tal-flussi tal-flus tal-UCITS, u, b’mod partikolari, għall-iżgurar li l-flus tal-investituri u tal-flus li jappartjenu lill-UCITS jiġu rreġistrati b’mod korrett fil-kontijiet miftuħa f’isem l-UCITS, f’isem il-kumpanija tal-maniġment li taġixxi f’isem l-UCITS, jew f’isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-UCITS, f’entità msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE (8). Għalhekk għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet dettaljati fuq il-monitoraġġ tal-flus sabiex jiġu żgurati livelli ta’ protezzjoni tal-investitur effettivi u konsistenti. Meta d-depożitarju jiżgura li l-flus tal-investitur jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-flus, għandu jqis il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva.

(16)

Sabiex jiġu evitati trasferimenti dolużi ta’ flus, l-ebda kont ta’ flus assoċjat mat-tranżazzjonijiet tal-UCITS m’għandu jinfetaħ mingħajr l-għarfien tad-depożitarju.

(17)

Kwalunkwe ass miżmum f’kustodja għal UCITS għandu jkun distint mill-assi tad-depożitarju stess, u għandu jkun l-ħin kollu identifikat bħala li jappartjeni għal dik l-UCITS. Tali rekwiżit għandu jipprovdi saff addizzjonali ta’ protezzjoni għall-investituri f’każ ta’ inadempjenza tad-depożitarju.

(18)

Barra mid-dmir eżistenti tas-salvagwardja ta’ assi li jappartjenu lil UCITS jinżammu sikuri, l-assi li jistgħu jinżammu f’kustodja għandhom jiġu differenzjati minn dawk li ma jistgħux, li, minflok, għalihom japplika rekwiżit ta’ żamma ta’ rekords u verifika tas-sjieda. Il-grupp ta’ assi li jistgħu jiġu miżmuma f’kustodja għandhom jiġu differenzjati b’mod ċar, billi d-dmir li jintraddu lura assi mitlufa għandu japplika biss għal dik il-kategorija speċifika ta’ assi.

(19)

L-assi li jinżammu f’kustodja mid-depożitarju ma għandhomx jerġgħu jintużaw mid-depożitarju jew minn parti terza li lilha tkun ġiet iddelegata l-funzjoni ta’ kustodja akkont proprju. Ċerti kondizzjonijiet għandhom japplikaw għall-użu mill-ġdid ta’ assi akkont tal-UCITS.

(20)

Jeħtieġ li jiġu stipulati l-kondizzjonijiet għad-delega tad-dmirijiet ta’ kustodja tad-depożitarju lil parti terza. Delega u sottodelega għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati u soġġetti għal rekwiżiti stretti fir-rigward tal-adegwatezza tal-parti terza fdata bil-funzjoni delegata, u fir-rigward tal-kapaċità, l-attenzjoni u d-diliġenza dovuti li d-depożitarju għandu juża meta jagħżel, jaħtar u janalizza dik il-parti terza. Għall-finijiet li jinkisbu kondizzjonijiet tas-suq uniformi u livell daqstant ieħor għoli ta’ protezzjoni tal-investituri, dawn il-kondizzjonijiet għandhom jiġu allinjati ma’ dawk applikabbli id-Direttiva 2011/61/UE. Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-partijiet terzi li lihom ġew iddelegati funzjonijiet ta’ salvagwardja jiddisponu mill-mezzi meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom u li jissegregaw l-assi tal-UCITS.

(21)

Meta Depożitarju Ċentrali tat-Titoli (CSD), kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jew CSD ta’ pajjiż terz jipprovdi s-servizzi ta’ operazzjoni ta’ sistema ta’ saldu tat-titoli, kif ukoll, tal-anqas jew ir-reġistrazzjoni inizjali ta’ titoli f’sistema ta’ entrata fil-kotba permezz ta’ ikkreditar inizjali jew il-provvediment u ż-żamma ta’ kontijiet ta’ titoli fl-ogħla livell; kif speċifikat fit-Taqsima A tal-Anness dak ir-Regolament, il-provvediment ta’ dawk is-servizzi mis-CSD fir-rigward tat-titoli tal-UCITS li jiġu inizjalment reġistrati f’sistema ta’ entrata fil-kotba permezz ta’ ikkreditar inizjali minn dak is-CSD ma għandux jitqies bħala delega tal-funzjonijiet ta’ kustodja. Madankollu, l-affidament tal-kustodja at-titolital-UCITS lil CSD, jew lil kwalunkwe CSD ta’ pajjiż terz għandu jitqies bħala delega tal-funzjoni ta’ kustodja.

(22)

Parti terza li lilha tiġi delegata s-salvagwardja ta’ assi għandha tkun kapaċi żżomm kont omnibus, bħala kont komuni segregat għal UCITS multipli.

(23)

F’każijiet fejn il-kustodja tiġi ddelegata lil parti terza, ikun meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-parti terza tkun soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi dwar regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali effettivi. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jkunu fil-pussess tal-parti terza li lilha tkun ġiet iddelegata l-kustodja, għandhom jitwettqu awditi perjodiċi esterni.

(24)

Sabiex jiġu żgurati livelli għolja u konsistenti ta’ protezzjoni tal-investituri, għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar il-kondotta u dwar l-immaniġġar tal-kunflitti ta’ interess u għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha, inkluż fil-każ ta’ delega ta’ dmirijiet ta’ kustodja. B’mod partikolari, dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni ċara tal-kompiti u l-funzjonijiet bejn id-depożitarju, l-UCITS u l-kumpanija tal-maniġment jew il-kumpanija tal-investiment.

(25)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u biex jiġi ggarantit livell xieraq ta’ regolamentazzjoni prudenzjali u ta’ kontroll kontinwu, jeħtieġ li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta’ entitajiet li huma eliġibbli biex jaġixxu bħala depożitarji. Dawk l-entitajiet għandhom ikunu limitati għal banek ċentrali nazzjonali, istituzzjonijiet tal-kreditu, u entitajiet legali oħrajn awtorizzati taħt il-liġi tal-Istati Membri biex iwettqu attivitajiet ta’ depożitarji taħt din id-Direttiva, li huma soġġetti għal superviżjoni prudenzjali u rekwiżiti ta’ adegwatezza kapitali mhux inqas mir-rekwiżiti kkalkulati skont l-approċċ magħżul taħt l-Artikolu 315 jew 317 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), għandhom fondi proprji ta’ mhux inqas mill-ammont tal-kapital inizjali taħt l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew fergħa tagħhom fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS.

(26)

Jeħtieġ tiġi speċifikata u ċċarata r-responsabbiltà tad-depożitarju tal-UCITS fil-każ ta’ telf ta’ strument finanzjarju li jkun qed jinżamm f’kustodja. Id-depożitarju għandu jkun responsabbli, meta strument finanzjarju miżmum f’kustodja jintilef, li jrodd lura strument finanzjarju ta’ tip identiku jew ta’ ammont korrispondenti lill-UCITS. Ma għandu jkun previst l-ebda ħelsien mir-responsabbiltà fil-każ ta’ telf ta’ assi, ħlief meta d-depożitarju jkun jista’ jipprova li t-telf seħħ minħabba avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra. F’dak il-kuntest, depożitarju ma għandux ikun jista’ jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà billi jserraħ fuq sitwazzjonijiet interni bħal aġir frawdolenti minn xi impjegat.

(27)

Fejn id-depożitarju jiddelega kompiti ta’ kustodja u l-istrumenti finanzjarji miżmuma fil-kustodja ta’ parti terza jintilfu, id-depożitarju għandu jkun responsabbli. Fil-każ ta’ telf ta’ strument miżmum f’kustodja, depożitarju għandu jirodd lura strument finanzjarju ta’ tip identiku jew l-ammont korrispondenti, anke jekk it-telf seħħ għand parti terza li lilha ġiet iddelegata l-kustodja. Id-depożitarju għandu jinħeles minn dik ir-responsabbiltà biss fejn ikun jistà jipprova li t-telf irriżulta minn avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu u b’konsegwenzi li kienu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha għall-kuntrarju. F’dak il-kuntest, depożitarju ma għandux ikun jista’ jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà billi jserraħ fuq sitwazzjonijiet interni bħal aġir frawdolenti minn xi impjegat. Ma għandu jkun possibbli l-ebda ħelsien mir-responsabbiltà, kemm jekk regolatorju kif ukoll jekk kuntrattwali fil-każ ta’ telf ta’ assi minn depożitarju jew parti terza li lilha ġiet iddelegata l-kustodja.

(28)

Kull investitur f’UCITS għandu jkun jista’ jinvoka pretensjonijiet relatati mar-responsabbiltà tad-depożitarju tiegħu, direttament jew indirettament, permezz tal-kumpanija tal-maniġment jew tal-kumpanija tal-assigurazzjoni. Ir-rimedju kontra d-depożitarju ma għandux jiddependi fuq il-forma legali li tal-UCITS (korporattiva jew kuntrattwali) jew in-natura ġuridika tar-relazzjoni bejn id-depożitarju, il-kumpanija tal-maniġment u t-titolari tal-unitajiet. Id-dritt tat-titolari tal-unitajiet li jinvokaw ir-responsabbiltà depożitorja ma għandux iwassal għal dupplikazzjoni tar-rimedji jew għal trattament mhux ugwali tad-detenturi tal-unitajiet.

(29)

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva, depożitarju m’għandux jinżamm milli jagħmel l-arranġamenti sabiex ikopri l-ħsara u t-telf lill-UCITS jew lid-detenturi tal-unitajiet tal-UCITS. B’mod partikolari, dawn l-arranġamenti ma għandhomx jikkostitwixxu rilaxx tar-responabbilita’ tad-depożitarju, ma għandhomx jirriżultaw fi trasferiment jew kwalunkwe bidla fir-responsabbiltà tad-depożitarju u lanqas m’għandhom jaffettwaw id-drittijiet tal-investituri, inklużi d-drittijiet għal rimedju.

(30)

Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni pproponiet l-emendi għad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) sabiex ikun ipprovdut livell għoli ta’ protezzjoni għal investituri fil-UCITS fejn depożitarju ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu. Dik il-proposta hija ssupplimentata billi jiġu ċċarati l-obbligi u l-ambitu tar-responsabbiltà tad-depożitarju u l-parti terza li lilha ġew iddelegati l-funzjonijjiet ta’ salvagwardja f’din id-Direttiva.

(31)

Il-kummissjoni hija mistiedna tanalizza f’liema sitwazzjonijiet il-falliment ta’ depożitarju jew parti terza li lilha ġew iddelegati funzjonijiet ta’ salvagwardja jista’ jwassal għal telf lid-detenturi tal-unitajiet tal-UCITS li ma jistax isir irkupru tagħhom taħt din id-Direttiva, sabiex jiġi analizzat aktar x’tip ta’ miżuri jistgħu jkunu adegwati sabiex ikun assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investitur, tkun xi tkun il-katina ta’ intermedjazzjoni bejn l-investitur u s-sigurtajiet trasferibbli affettwati mill-falliment, u sabiex tissottometti s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(32)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-istess rekwiżiti japplikaw għad-depożitarji irrispettivament mill-forma ġuridika ta l-UCITS. Konsistenza tar-rekwiżiti għandha ttejjeb iċ-ċertezza ġuridika, iżżid il-protezzjoni tal-investitur u tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-kondizzjonijiet tas-suq uniformi. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda notifika li d-deroga mill-obbligu ġenerali li l-assi jiġu fdati għand depożitarju intużat minn xi kumpanija tal-investiment. Għalhekk, ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/65/KE li jirrigwardaw id-depożitarju ta’ kumpanija ta’ investiment għandhom jitqiesu superfluwi.

(33)

Filwaqt li din id-Direttiva tispeċifika sett minimu ta’ setgħat li għandu jkollhom l-awtoritajiet kompetenti, dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati fi ħdan sistema kompleta ta’ liġi nazzjonali li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-privatezza. Għall-eżerċitar ta’ dawk is-setgħat li jista’ jwassal għal interferenzi serji mad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u l-komunikazzjonijiet, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ salvagwardji adegwati u effettivi kontra kwalunkwe abbuż, inkluż meta jkun xieraq awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw tali setgħat intrusivi sa fejn ikun neċessarju għall-investigazzjoni adegwata ta’ każijiet serji fejn ma hemmx mezzi ekwivalenti biex jinkiseb l-istess riżultat b’mod effettiv.

(34)

Ir-reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konversazzjonijiet telefoniċi u rekords ta’ traffiku ta’ data minn UCITS, il-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji tal-investiment, depożitarji jew kwalunkwe entità oħra irregolata minn din id-Direttiva, kif ukoll rekords eżistenti telefoniċi u tat-traffiku ta’ data minn operaturi tat-telekomunikazzjoni jikkostitwixxu evidenza kruċjali u xi kultant l-unika sabiex tiġi identifikata u pprovata l-eżistenza ta’ ksur tal-liġi nazzjonali li jittrasponi din id-Direttiva kif ukoll tiġi vverifikata l-konformità mill-UCITS, il-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji tal-investiment, depożitarji jew kwalunkwe entità oħra irregolata minn din id-Direttiva b’ rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-investitur u rekwiżiti oħrajn stipulati f’din id-Direttiva u l-miżuri implimentattivi adottati taħtha. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konversazzjonijiet telefoniċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u rekords tat-traffiku ta’ data miżmuma mill-UCITS, kumpaniji tal-maniġment, kumpaniji tal-investiment, depożitarji jew kwalunkwe entità oħra rregolata minn din id-Direttiva.

L-aċċess rekords telefoniċi u għad-data huwa neċessarju għall-iskoperta ta’, u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal, ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jew il-miżuri implimentattivi tagħha. Sabiex jiġu introdotti kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Unjoni fir-rigward ta’ aċċess għal rekords telefoniċi u tat-traffiku ta’ data eżistenti miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni jew ir-reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konversazzjonijiet telefoniċi u tat-traffiku ta’ data miżmuma minn UCITS, kumpaniji tal-maniġment, kumpaniji tal-investiment, depożitarji jew kwalunkwe entità oħra rregolata minn din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetentigħandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jkunu jistgħu jirrikjedu rekords telefoniċi eżistenti u rekords tat-traffiku ta’ data eżistenti miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni sa fejn ikun permess taħt il-liġi nazzjonali u reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konversazzjonijiet telefoniċi kif ukoll tat-traffiku ta’ data miżmuma minn UCITS, kumpaniji tal-maniġment, kumpaniji tal-investiment, depożitarji jew kwalunkwe entità oħra rregolata minn din id-Direttiva, f’dawk il-każijiet fejn ikun jeżisti suspett raġonevoli li tali rekords relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni jew l-investigazzjoni jistgħu jkunu relevanti sabiex jiġi pprovat ksur tar-rekwiżiti stipulati f’ din id-Direttiva jew il-miżuri implimentattivi tagħha. L-aċċess għal rekords telefoniċi u tat-traffiku ta’ data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni ma għandux jinkludi l-kontenut ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi bil-vuċi.

(35)

Qafas prudenzjali u sod u l-kondotta tan-negozju fis-settur finanzjarju għandu jkun ibbażat fuq sistemi b’saħħithom ta’ superviżjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjonar. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom setgħat suffiċjenti biex jaġixxu u għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq sistemi ta’ penali li jkunu ugwali, b’saħħithom u ta’ deterrent f’każ ta’ ksur ta’ din id-Direttiva. Saret reviżjoni tas-setgħat eżistenti tas-sanzjonar u l-applikazzjoni prattika tagħhom bil-għan li tiġi promossal-konverġenza tas-sanzjonijiet tul firxa ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom is-setgħa li jimponu penali pekunjarji li jkunu għoljin biżżejjed biex ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, sabiex jikkumpensaw għal benefiċċji mistennija minn imġiba li tikser ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

(36)

Għalkemm xejn ma jżomm lill-Istati Membri milli jistabbilixxu regoli għal sanzjonijiet amministrattivi kif ukoll kriminali dwar l-istess ksur, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu meħtieġa li jistabbilixxu regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għal ksur ta’ din id-Direttiva fejn huma soġġetti għal-liġi kriminali nazzjonali. F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jimponu sanzjonijiet kemm amministrattivi kif ukoll kriminali għall-istess reat, iżda jistgħu jagħmlu dan jekk il-liġi nazzjonali tagħhom tippermettilhom. Madankollu, iż-żamma ta’ sanzjonijiet kriminali pjuttost milli sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tnaqqas jew taffettwa b’xi mod ieħor il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra jew li jaċċedu u jiskambjaw informazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet kompetenti fil-ħin opportun, inkluż wara kwalunkwe riferiment tal-ksur rilevanti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għal prosekuzzjoni kriminali. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur li hu soġġett għal-liġi kriminali nazzjonali. L-għażla għall-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali pjuttost milli, jew flimkien ma’, sanzjonijiet amministrattivi ma għandhiex tintuża biex jiġi evitat ir-reġim tas-sanzjonijiet f’din id-Direttiva.

(37)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha, meta jiddeterminaw it-tip ta’ penali jew miżuri amministrattivi u l-livell ta’ penali pekunjarji amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.

(38)

Sabiex jissaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom fuq il-pubbliku inġenerali, kif ukoll biex il-pubbliku jiġi informat dwar ksur ta’ regoli li jista’ jkun ta’ detriment għall-protezzjoni tal-investituri, is-sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati, ħlief f’ċerti ċirkostanzi li jkunu definiti sew. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, is-sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi anonima meta l-pubblikazzjoni toħloq ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti.

(39)

Sabiex l-AETS tkun tista’ ssaħħaħ aktar il-konsistenza fl-eżiti superviżorji f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, is-sanzjonijiet kollha żvelati pubblikament għandhom jiġu rrappurtati simultanjament lill-AETS, li wkoll għandha tippubblika rapport annwali dwar is-sanjzonijiet kollha imposti.

(40)

L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat investigattivi meħtieġa, u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiġi mħeġġeġ ir-rappurtar ta’ ksur potenzjali jew ta’ ksur reali. L-informazzjoni dwar ksur potenzjali u reali għandha wkoll tikkontribwixxi għall-prestazzjoni effettiva tal-kompiti tal-AETS f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-istazzjonijiet tal-komunikazzjoni għar-rappurtar ta’ dak il-ksur potenzjali u reali għandhom għalhekk jiġu stabbiliti wkoll mill-AETS. L-informazzjoni dwar ksur potenzjali u reali kkomunikat lill-AETS għandha tintuża biss għall-prestazzjoni tal-kompiti tal-AETS f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(41)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif stabbiliti fit-TFUE.

(42)

Sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva jintlaħqu, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tingħata lill-Kummissjoni. Partikolarment, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tispeċifika d-dettalji li jeħtieġu jiġu inklużi fil-ftehim standard bejn id-depożitarju u l-kumpanija tal-maniġment jew il-kumpanija tal-investiment, il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-funzjonijiet depożitarji, inkluż it-tip ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta’ kustodja tad-depożitarju, il-kundizzjonijiet li suġġett għalihom depożitarju jista’ jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta’ kustodja fuq l-istrumenti finanzjarji reġistrati ma’ depożitarju ċentrali u l-kundizzjonijiet li suġġett għalihom id-depożitarju għandu jissalvagwardja l-istrumenti finanzjarji maħruġa f’forma nominattiva u rreġistrati ma’ emittent jew reġistratur, id-dmirijiet ta’ diliġenza dovuta tad-depożitarji, l-obbligu tas-segregazzjoni, il-kundizzjonijiet li suġġett għalihom, u ċ-ċirkostanzi li fihom, strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja għandhom jiġu kkunsidrati li huma mitlufa, u dak li għandu jiġi mifhum b’avvenimenti esterni lil hinn mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tagħhom kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra. Il-livell ta’ protezzjoni tal-investitur ipprovdut minn dawk l-atti delegati għandu jkun tal-anqas għoli daqs dak ipprovdut minn atti delegati adottati taħt id-Direttiva 2011/61/UE. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet adatti waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell espert. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(43)

Bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tagħha tal-funzjonament tad-Direttiva 2009/65/KE, il-Kummissjoni, filwaqt li tieħu kont tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), se tirrivedi l-limiti ta’ esponiment ta’ kontroparti applikabbli għal transazzjonijiet tad-derivattivi, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti kategorizzazzjonijiet adegwati għal tali limiti sabiex id-derivattivi b’karatteristiċi ta’ riskju simili jiġu trattati bl-istess mod.

(44)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (14) ittieħed l-impenn mill-Istati Membri biex, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri tagħhom ta’ traspożizzjoni tiġi akkumpanjata minn dokument wieħed jew aktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis it-trażmissjoni ta’ tali dokumenti bħala ġustifikata.

(45)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li titjieb il-fiduċja tal-investitur f’UCITS, permezz tat-tisħiħ tar-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-depożitarji, il-politiki dwar ir-remunerazzjoni tal-kumpaniji tal-maniġment u l-kumpaniji ta’ investiment, u bl-introduzzjoni ta’ standards komuni għas-sanzjonijiet li japplikaw għal ksur ewlieni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta l-miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif jinsab f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(46)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u ta opinjoni fit-23 ta’ Novembru 2012 (16).

(47)

Għalhekk, id-Direttiva 2009/65/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(s)

‘korp tal-maniġment’ tfisser il-korp bl-awtorità deċiżjonali aħħarija f’kumpanija tal-maniġment, kumpanija ta’ investiment jew depożitarju, inklużi l-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali, jew il-funzjoni maniġerjali biss jekk iż-żewġ funzjonijiet ikunu separati. Fejn, skont il-liġi nazzjonali, fil-kumpanija tal-maniġment, il-kumpanija ta’ investiment jew depożitarju jkunu stabbiliti korpi differenti b’funzjonijiet speċifiċi, ir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva diretti lejn il-korp tal-maniġment jew lejn il-korp tal-maniġment fil-funzjoni superviżorja tiegħu għandhom ukoll, jew għandhom minflok, japplikaw għal dawk il-membri ta’ korpi oħrajn tal-kumpanija tal-maniġment, tal-kumpanija ta’ investiment jew depożitarju li lilhom il-liġi nazzjonali applikabbli tassenja r-responsabbiltà rispettiva;

(t)

‘strument finanzjarju’ tfisser strument finanzjarju speċifikat fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).”;"

(2)

jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 14a

1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-kumpaniji tal-maniġment jistabbilixxu u japplikaw politiki u prassi tar-remunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ u jippromwovu ġestjoni tajba u effikaċi tar-riskju u li la jinkoraġġixxu teħid ta’ riskji inkonsistenti mal-profili tar-riskju, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-UCITS li jimmaniġġaw u lanqas ma jxekklu l-konformità mad-dmir tal-kumpanija tal-maniġment li taġixxi fl-aħjar interess tal-UCITS.

2.   Il-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni għandhom jinkludu komponenti fissi u varjabbli tas-salarji u l-benefiċċji diskrezzjonali tal-pensjoni.

3.   Il-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni għandhom japplikaw għal dawk il-kategoriji tal-persunal, fosthom il-maniġment superjuri, dawk li jieħdu r-riskji, il-funzjonijiet tal-kontroll u kwalunkwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li taqa’ fil-faxx ta’ remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u dawk li jieħdu r-riskji u li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-kumpaniji tal-maniġment jew tal-UCITS li huma jimmaniġġaw.

4.   F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-parteċipanti tas-suq finanzjarju li jikkonċernaw il-persuni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 14b. Dawk il-linji gwida għandhom iqisu l-prinċipji dwar politiki sodi ta’ remunerazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE (**), id-daqs tal-kumpanija tal-maniġment u d-daqs tal-UCITS li jimmaniġġaw, l-organizzazzjoni interna tagħhom u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. Fil-proċess tal-iżvilupp ta’ dawk il-linji gwidi, l-AETS għandha tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (‘ABE’), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***), sabiex tiżgura konsistenza mar-rekwiżiti żviluppati għal setturi oħrajn tas-servizzi finanzjarji, partikolarment l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment.

Artikolu 14b

1.   Meta jistabbilixxu u japplikaw il-politiki tar-remunerazzjoni u prassi msemmija fl-Artikolu 14a, il-kumpaniji tal-maniġment għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin b’mod u sal-punt li jkun adattat għad-daqs tagħhom, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom:

(a)

il-politika ta’ remunerazzjoni tkun konsistenti ma’ u tippromwovi ġestjoni tajba u effettiva tar-riskju u ma tinkoraġġix teħid ta’ riskji li mhuwiex konsistenti mal-profili tar-riskju, mar-regoli jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-UCITS li l-kumpanija tal-maniġment timmaniġġa;

(b)

il-politika ta’ remunerazzjoni tkun konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-objettivi, mal-valuri u mal-interessi tal-kumpanija tal-maniġment u tal-UCITS li hija timmaniġġa u tal-investituri ta’ dawn l-UCITS, u tinkludi miżuri biex jiġu evitati l-konflitti ta’ interess;

(c)

il-politika ta’ remunerazzjoni tkun adottata mill-korp tal-maniġment tal-kumpanija tal-maniġment fil-funzjoni superviżorja tiegħu, u dak il-korp jadotta, u mill-inqas kull sena jirrivedi l-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ remunerazzjoni u jkun responsabbli għal, u jissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom; il-kompiti msemmija f’dan il-punt għandhom jitwettqu biss minn membri ta’ dak il-korp tal-maniġment li ma għandhom l-ebda funzjoni eżekuttiva fil-kumpanija tal-maniġment konċernata u li għandhom kompetenza fil-ġestjoni tar-riskju u remunerazzjoni;

(d)

l-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni tiġi, mill-inqas kull sena, soġġetta għal reviżjoni interna ċentrali u indipendenti għall-konformità tagħha mal-politiki u l-proċeduri ta’ remunerazzjoni adottati mill-korp tal-maniġment fil-funzjoni superviżorja tiegħu;

(e)

persunal li huwa involut fil-funzjonijiet ta’ kontroll għandu jiġi kumpensat skont il-kisba tal-għanijiet relatati mal-funzjonijiet tiegħu, b’mod indipendenti mill-prestazzjoni tal-oqsma tan-negozju li jikkontrolla;

(f)

ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali superjuri b’funzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ konformità tar-riskju tiġi ssorveljata b’mod dirett mill-kumitat ta’ remunerazzjoni, fejn ikun jeżisti tali kumitat;

(g)

fejn ir-remunerazzjoni tkun marbuta mal-prestazzjoni, l-ammont totali ta’ remunerazzjoni jkun ibbażat fuq taħlita tal-valutazzjoni fir-rigward tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità tan-negozju jew tal-UCITS ikkonċernata u fir-rigward tar-riskji tagħhom u tar-riżultati kumplessivi tal-kumpanija tal-maniġment meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni individwali, b’kont meħud ta’ kriterji finanzjarji u dawk mhux finanzjarji;

(h)

il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tkun stabbilita f’qafas pluriennali adatt għall-perijodu ta’ holding irrakkomandat lill-investituri tal-UCITS immaniġġat mill-kumpanija tal-maniġment sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-valutazzjoni ikun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul tal-UCITS u r-riskji ta’ investiment tagħha u li l-ħlas reali tal-komponenti tar-remunerazzjoni bbażati fuq il-prestazzjoni jkun mifrux fuq l-istess perijodu;

(i)

remunerazzjoni varjabbli ggarantita tkun eċċezzjonali, sseħħ biss fil-kuntest ta’ reklutaġġ ta’ persunal ġdid u tkun limitata għall-ewwel sena tal-ingaġġ;

(j)

il-komponenti fissi u varjabbli tar-remunerazzjoni totali għandhom ikunu bbilanċjati b’mod xieraq u l-komponent fiss għandu jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-remunerazzjoni totali sabiex jippermetti l-operat ta’ politika kompletament flessibbli dwar komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni, inkluża l-possibbiltà li ma jitħallas ebda komponent varjabbli tar-remunerazzjoni;

(k)

ħlasijiet marbuta mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt jirriflettu l-prestazzjoni li tkun inkisbet tul iż-żmien, u huma mfassla b’tali mod li ma jippremjawx il-fallimenti;

(l)

il-kejl tal-prestazzjoni użat biex jiġu kkalkolati l-komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni jew raggruppamenti ta’ komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni jinkludi mekkaniżmu ta’ aġġustament komprensiv li jintegra t-tipi rilevanti kollha ta’ riskji attwali u futuri;

(m)

soġġett għall-istruttura ġuridika tal-UCITS u għar-regoli tal-fond jew għall-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħha, porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 50 %, ta’ kwalunkwe komponent varjabbli ta’ remunerazzjoni jikkonsisti f’unitajiet tal-UCITS ikkonċernata, jew f’interessi ta’ sjieda ekwivalenti, jew fi strumenti marbuta mal-ishma jew fi strumenti ekwivalenti mhux ta’ flus b’inċentivi ugwalment effettivi bħal kwalunkwe wieħed mill-istrumenti msemmija f’dan il-punt, sakemm il-ġestjoni tal-kontijiet tal-UCITS ma tkoprix għal inqas minn 50 % tal-portafoll totali ġestit mill-kumpanija tal-maniġment, f’liema każ il-livell minimu ta’ 50 % ma japplikax.

L-istrumenti msemmija f’dan il-punt għandhom ikunu soġġetti għal politika adatta ta’ konteniment maħsuba biex l-inċentivi jiġu allinjati mal-interessi tal-kumpanija tal-maniġment u tal-UCITS li timmaniġġa, kif ukoll ma’ tal-investituri f’dawn l-UCITS. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jagħmlu restrizzjonijiet fuq it-tipi u d-disinji ta’ dawk l-istrumenti, jew jipprojbixxu ċerti strumenti kif xieraq. Dan il-punt għandu japplika kemm għall-porzjon tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li ġie differit skont il-punt (n) kif ukoll għall-parti tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li ma ġietx differita;

(n)

porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 40 %, tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni, jiġi differit fuq perijodu li huwa xieraq fid-dawl tal-perijodu ta’ holding irrakkomandat lill-investituri tal-UCITS ikkonċernata u jiġi allinjat b’mod korrett man-natura tar-riskji tal-UCITS inkwistjoni.

Il-perijodu msemmi f’dan il-punt għandu jkun mill-inqas ta’ tliet snin; ir-remunerazzjoni pagabbli taħt arranġamenti ta’ differiment ma għandhiex tvesti b’rata aktar mgħaġġla minn bażi prorata; fil-każ ta’ komponent varjabbli tar-remunerazzjoni ta’ ammont partikolarment għoli, għandu jiġi differit mill-inqas 60 % tal-ammont;

(o)

ir-remunerazzjoni varjabbli, inkluża l-parti differita, għandha titħallas jew tvesti biss jekk tkun sostenibbli skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tal-maniġment kollha, u ġġustifikata skont il-prestazzjoni tal-unità tan-negozju, l-UCITS u l-individwu kkonċernat.

Ir-remunerazzjoni varjabbli totali ġeneralment għandha titnaqqas b’mod konsiderevoli meta jkun hemm prestazzjoni finanzjarja baxxa jew negattiva tal-kumpanija tal-maniġment jew tal-UCITS ikkonċernata, filwaqt li għandhom jitqiesu kemm il-kumpens attwali kif ukoll it-tnaqqis fil-ħlasijiet ta’ ammonti miksuba qabel, inkluż permezz ta’ arranġamenti malus jew arranġamenti ta’ restituzzjoni;

(p)

il-politika tal-pensjonijiet għandha tkun konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-objettivi, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-kumpanija tal-maniġment u tal-UCITS li timmaniġġa.

Jekk l-impjegat jitlaq mill-kumpanija tal-maniġment qabel l-irtirar, il-benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni għandhom jinżammu mill-kumpanija tal-maniġment għal perijodu ta’ ħames snin fil-forma tal-istrumenti msemmija fil-punt (m). Fil-każ ta’ impjegat li jasal għall-pensjoni, il-benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni għandhom jitħallsu lill-impjegat fil-forma tal-istrumenti msemmija fil-punt (m), soġġetti għal perijodu ta’ żamma ta’ ħames snin;

(q)

il-persunal huwa meħtieġa jimpenja ruħu li ma jużax strateġiji personali ta’ hedging jew assigurazzjoni relatata mar-remunerazzjoni u r-responsabbiltà sabiex inaqqas l-effetti tal-allinjament tar-riskju integrati fl-arranġamenti tar-remunerazzjoni tiegħu;

(r)

ir-remunerazzjoni varjabbli ma għandhiex titħallas permezz ta’ vetturi jew metodi li jagħmluha faċli li r-rekwiżiti stipulati f’ din id-Direttiva jiġu evitati.

2.   F’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS tista’ titlob informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 14a ta’ din id-Direttiva.

L-AETS, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-ABE, għandha tinkludi fil-linji gwida tagħha dwar il-politiki ta’ remunerazzjoni dispożizzjonijiet dwar kif prinċipji differenti ta’ remunerazzjoni settorjali, bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****) u fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*****) għandhom jiġu applikati meta impjegati jew kategoriji oħra tal-persunal iwettqu servizzi soġġetti għal prinċipji differenti ta’ remunerazzjoni settorjali.

3.   Il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal kwalunkwe benefiċċju ta’ kwalunkwe tip imħallsa mill-kumpaniji tal-maniġment, għal kwalunkwe ammont imħallas direttament mill-UCITS stess, inkluż onorarji ta’ prestazzjoni, u għal kwalunkwe trasferiment ta’ unitajiet jew ishma tal-UCITS, magħmula għall-benefiċċju ta’ dawk il-kategoriji ta’ persunal, inkluż il-maniġment superjuri, dawk li jieħdu r-riskji, il-funzjonijiet ta’ kontroll u kwalunkwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li taqa’ fil-kategorija ta’ remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u ta’ dawk li jieħdu r-riskji, li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħhom jew tal-profil tar-riskju tal-UCITS li jimmaniġġaw.

4.   Il-kumpaniji tal-maniġment li huma sinifikanti f’termini tad-daqs tagħhom jew tad-daqs tal-UCITS li jimmaniġġaw, tal-organizzazzjoni interna u tan-natura, ambitu u kumplessità tal-attivitajiet tagħhom għandhom jistabbilixxu kumitat ta’ remunerazzjoni. Il-kumitat ta’ remunerazzjoni għandu jiġi kkostitwit b’mod li jippermettilu jeżerċita ġudizzju kompetenti u indipendenti fir-rigward tal-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni u ta’ inċentivi maħluqa għall-immaniġġar tar-riskju.

Il-kumitat ta’ remunerazzjoni li jkun, fejn xieraq, stabbilit f’konformità mal-linji gwida tal-AETS imsemmija fl-Artikolu 14a(4) għandu jkun responsabbli għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar ir-remunerazzjoni, inklużi dawk li għandhom implikazzjonijiet għar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju tal-kumpanija tal-maniġment jew tal-UCITS ikkonċernata, u li għandhom jittieħdu mill-korp tal-maniġment fil-funzjoni superviżorja tiegħu. Il-kumitat ta’ remunerazzjoni għandu jkun ippresedut minn membru tal-korp tal-maniġment li ma jwettaq ebda funzjoni eżekuttiva fil-kumpanija tal-maniġment konċernata. Il-membri tal-kumitat ta’ remunerazzjoni għandhom ikunu membri tal-korp tal-maniġment li ma jwettqu ebda funzjoni eżekuttiva fil-kumpanija tal-maniġment konċernata.

Jekk il-liġi nazzjonali tipprevedi rappreżentanza tal-impjegati fil-korp tal-maniġment, il-kumitat ta’ remunerazzjoni għandu jinkludi rappreżentant wieħed jew aktar tal-impjegati. Meta jkun qed iħejji d-deċiżjonijiet tiegħu, il-kumitat ta’ remunerazzjoni għandu jqis l-interess fit-tul tal-investituri u partijiet interessati oħra u l-interess pubbliku.

(**)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE tat-30 ta’ April 2009 dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22)."

(***)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12)."

(****)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1)."

(*****)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”;"

(3)

fl-Artikolu 20(1), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

il-kuntratt bil-miktub mad-depożitarju msemmi fl-Artikolu 22(2);”;

(4)

L-Artikolu 22 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 22

1.   Kumpanija tal-investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġa, kumpanija tal-maniġment għandha tiżgura li jinħatar depożitarju wieħed skont dan il-Kapitolu.

2.   Il-ħatra tad-depożitarju għandha tiġi evidenzjata permezz ta’ kuntratt bil-miktub.

Il-kuntratt, fost affarijiet oħra, għandu jirregola l-fluss ta’ informazzjoni meqjusa neċessarja biex id-depożitarju jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu għall-UCITS li għalih ikun inħatar bħala depożitarju, kif stabbilit f’din id-Direttiva u fil-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti l-oħra.

3.   Id-depożitarju għandu:

(a)

jiżgura li l-bejgħ, il-ħruġ, ir-riakkwist, it-tifdija u l-kanċellazzjoni ta’ unitajiet tal-UCITS jitwettqu skont il-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni;

(b)

jiżgura li l-valur tal-unitajiet tal-UCITS jiġi kkalkulat skont il-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni;

(c)

iwettaq l-istruzzjonijiet tal-kumpanija tal-maniġment jew ta’ kumpanija tal-investiment, sakemm dawn ma jkunux f’konflitt mal-liġi nazzjonali applikabbli, jew mar-regoli tal-fond jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni;

(d)

jiżgura li fi transazzjonijiet li jinvolvu l-assi tal-UCITS, kwalunkwe korrispettiv tintbagħat lill-UCITS fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

(e)

jiżgura li l-introjtu tal-UCITS jiġi applikat skont il-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni.

4.   Id-depożitarju għandu jiżgura li l-flussi tal-flus tal-UCITS jiġu mmonitorjati sew, u b’mod partikolari li l-ħlasijiet kollha magħmula minn, jew għan-nom ta’, investituri mas-sottoskrizzjoni ta’ unitajiet tal-UCITS ġew irċevuti, u li l-flus kollha tal-UCITS iddaħħlu f’kontijiet tal-flus li:

(a)

jinfetħu f’isem l-UCITS jew f’isem il-kumpanija tal-maniġment li taġixxi f’isem l-UCITS, jew f’isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-UCITS;

(b)

jinfetħu f’entità msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE (******); u

(c)

jinżammu skont il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE.

Fejn il-kontijiet tal-flus jinfetħu f’isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-UCITS, l-ebda flus tal-entità msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u l-ebda parti mill-flus proprji tad-depożitarju ma għandhom jiddaħħlu f’dawn il-kontijiet.

5.   L-assi tal-UCITS għandhom jiġu fdati għand id-depożitarju għas-salvagwardja kif ġej:

(a)

għal strumenti finanzjarji li jistgħu jinżammu f’kustodja, id-depożitarju għandu:

(i)

iżomm f’kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu rreġistrati f’kont ta’ strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tad-depożitarju, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu mogħtija fiżikament lid-depożitarju;

(ii)

jiżgura li l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu rreġistrati f’kont ta’ strumenti finanzjarji li jkun infetaħ fil-kotba tad-depożitarju jiġu rreġistrati fil-kotba tad-depożitarju f’kontijiet segregati skont il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE, li jkunu nfetħu f’isem l-UCITS jew il-kumpanija tal-maniġment li tkun qed taġixxi f’isem l-UCITS, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar bħala li jappartjenu lill-UCITS f’konformità mal-liġi applikabbli f’kull ħin;

(b)

għal assi oħra, id-depożitarju għandu:

(i)

jivverifika s-sjieda mill-UCITS jew mill-kumpanija tal-maniġment li taġixxi f’isem l-UCITS, ta’ dawn l-assi billi jivvaluta jekk l-UCITS jew il-kumpanija tal-maniġment li taġixxi f’isem l-UCITS jkollhiex is-sjieda abbażi tal-informazzjoni jew id-dokumenti pprovduti mill-UCITS jew mill-kumpanija tal-maniġment u, fejn disponibbli, minn evidenza esterna;

(ii)

iżomm rekord ta’ dawk l-assi li dwarhom ikun sodisfatt li l-UCITS jew il-kumpanija tal-maniġment li taġixxi f’isem l-UCITS jkollha s-sjieda u jżomm dak ir-reġistru aġġornat.

6.   Id-depożitarju għandu jipprovdi lill-kumpanija tal-maniġment jew lill-kumpanija ta’ investiment, fuq bażi regolari, b’inventarju komprensiv tal-assi kollha tal-UCITS.

7.   L-assi li jinżammu f’kustodja mid-depożitarju ma għandhomx jerġgħu jintużaw mid-depożitarju, jew minn xi parti terza li lilha tkun ġiet iddelegata l-funzjoni ta’ kustodja akkont proprju. L-użu mill-ġdid jinkludi kwalunkwe tranżazzjoni ta’ assi miżmuma f’kustodja inkluż, iżda mhux limitat għal, trasferiment, ippleġġjar, bejgħ u self.

L-assi miżmuma f’kustodja mid-depożitarju jistgħu jitħallew jerġgħu jintużaw biss fejn:

(a)

l-użu mill-ġdid hu eżegwit għal kont tal-UCITS;

(b)

id-depożitarju jkun qed iwettaq l-istruzzjonijiet tal-kumpanija tal-maniġment f’isem l-UCITS;

(c)

l-użu mill-ġdid ikun għall-benefiċċju tal-UCITS u l-interess tad-detenturi tal-unità; u

(d)

it-transazzjoni jkunu koperti mill-kollateral ta’ kwalità għolja u likwidu riċevut mill-UCTIS taħt arranġament ta’ trasferiment ta’ titoli.

Il-valur tas-suq tal-kollateral għandu, f’kull ħin, jammonta għal tal-inqas il-valur tas-suq tal-assi li intużaw mill-ġdid flimkien ma’ primjum.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’każ ta’ insolvenza tad-depożitarju u/jew ta’ kwalunkwe parti terza lokalizzata fl-Unjoni li lilha tkun ġiet iddelegata l-kustodja tal-assi tal-UCITS, l-assi ta’ UCITS miżmuma f’kustodja ma jkunux disponibbli għal distribuzzjoni fost jew realizzazzjoni għall-benefiċċju tal-kredituri ta’ tali depożitarju u/jew tali parti terza.

(******)  Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26).”;"

(5)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

1.   Id-depożitarju ma għandux jiddelega lil partijiet terzi l-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(3) u (4).

2.   Id-depożitarju jista’ jiddelega lil partijiet terzi l-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(5) biss fejn:

(a)

il-kompiti ma jkunux ġew iddelegati bl-intenzjoni li jiġu evitati r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;

(b)

id-depożitarju jista’ juri li hemm raġuni oġġettiva għad-delega;

(c)

id-depożitarju jkun eżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fl-għażla u l-ħatra ta’ kwalunkwe parti terza li lilha bi ħsiebu jiddelega partijiet mill-kompiti tiegħu, u jkompli jeżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fir-reviżjoni perjodika u l-monitoraġġ kontinwu ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jkun iddelega partijiet tal-kompiti tiegħu u tal-arranġamenti tal-parti terza fir-rigward tal-kwistjonijiet iddelegati lilha;

3.   Il-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(5) jistgħu jiġu ddelegati mid-depożitarju lil parti terza biss fejn dik il-parti terza f’kull ħin matul it-twettiq tal-kompiti ddelegati lilha:

(a)

ikollha strutturi u kompetenza esperta li huma adegwati u proporzjonati man-natura u l-kumplessità tal-assi tal-UCITS jew tal-kumpanija tal-maniġment li tkun qed taġixxi f’isem il-UCITS li jkunu ġew fdati lilha;

(b)

għal kompiti tal-kustodja msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 22(5), tkun soġġetta għal:

(i)

regolamentazzjoni prudenzjali effettiva, inkluż rekwiżiti kapitali minimi, u superviżjoni fil-ġurisdizzjoni konċernata;

(ii)

awditu estern perjodiku biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jinsabu fil-pussess tagħha;

(c)

tissegrega l-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi proprji u mill-assi tad-depożitarju b’tali mod li fi kwalunkwe ħin dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar bħala li jappartjenu lill-klijenti ta’ depożitarju partikolari;

(d)

tieħu l-passi kollha raġonevoli biex jiżgura li f’każ ta’ insolvenza ta’ parti terza, l-assi ta’ UCITS miżmuma f’kustodja mill-parti terza ma jkunux disponibbli għal distribuzzjoni fost, jew realizzazzjoni għall-benefiċċju tal-kredituri tal-parti terza; u

(e)

tkun konformi mal-obbligi ġenerali u mal-projbizzjonijiet stipulati fil-Artikolu 22(2), (5) u (7) u fl-Artikolu 25.

Minkejja l-punt (b)(i) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-liġi ta’ pajjiż terz titlob li ċerti strumenti finanzjarji jinżammu f’kustodja minn entità lokali u l-ebda entità lokali ma tissodisfa r-rekwiżiti tad-delega stabbiliti f’dak il-punt, id-depożitarju jista’ jiddelega l-funzjonijiet tiegħu lil din l-entità lokali sal-punt meħtieġ mil-liġi tal-pajjiż terz biss, u biss sakemm ma jkunx hemm entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-delega, u biss fejn:

(a)

l-investituri tal-UCITS rilevanti qabel l-investiment tagħhom, jiġu infurmati kif dovut, dwar il-fatt li tali delega hija meħtieġa minħabba l-limitazzjonijiet legali fil-liġi tal-pajjiż terz, taċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw id-delega u tar-riskji involuti f’tali delega;

(b)

l-UCITS, jew il-kumpanija tal-maniġment f’isem l-UCITS, tkun tat struzzjonijiet lid-depożitarju biex jiddelega l-kustodja ta’ tali strumenti finanzjarji lil tali entità lokali.

Il-parti terza tista’, suċċessivament, tissottodelega dawk il-funzjonijiet, soġġett għall-istess rekwiżiti. F’dan il-każ, l-Artikolu 24(2) għandu japplika mutatis mutandis għall-partijiet rilevanti.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-provvista ta’ servizzi kif speċifikat fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*******) permezz ta’ sistemi tas-saldu tat-titoli kif stabbiliti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva jew il-provvista ta’ servizzi simili permezz ta’ sistemi tas-saldu tat-titoli minn pajjiżi terzi ma għandhiex titqies li hi delega tal-funzjonijiet ta’ kustodja tagħha.

(*******)  Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).”;"

(6)

L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 sa 4 jinbidlu b’dan li ġej:

“2.   Id-depożitarju għandu jkun:

(a)

bank ċentrali nazzjonali;

(b)

istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE; jew

(c)

entità legali oħra, awtorizzata mill-awtorità kompetenti taħt il-liġi tal-Istat Membru biex twettaq attivitajiet depożitarji taħt din id-Direttiva, li hija soġġetta għal rekwiżiti ta’ adegwatezza kapitali mhux inqas mir-rekwiżiti kkalkolati skont l-approċċ magħżul f’konformità mal-Artikolu 315 jew 317 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (********) u li għandha fondi proprji ta’ mhux inqas mill-ammont tal-kapital inizjali taħt l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2013/36/UE.

Entità ġuridika kif imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għal regolamentazzjoni prudenzjali, superviżjoni kontinwa u għandha tissodisfa r-rekwiżiti minimi li ġejjin:

(a)

hija għandu jkollha l-infrastruttura neċessarja biex iżżomm f’kustodja strumenti finanzjarji li jistgħu jiġu rreġistrati f’kont ta’ strumenti finanzjarji li jinfetaħ fil-kotba tad-depożitarju;

(b)

hija għandha tistabbilixxi linji politiċi u proċeduri adegwati li jkunu suffiċjenti biex tkun żgurata l-konformità tal-entità, inklużi l-maniġers u l-impjegati tagħha, mal-obbligi tagħha taħt din id-Direttiva;

(c)

hija għandu jkollha proċeduri sodi amministrattivi u tal-kontabbiltà, mekkaniżmi interni tal-kontroll, proċeduri effettivi għall-valutazzjoni tar-riskji u arranġamenti effettivi għall-kontroll u għas-salvagwardja tas-sistemi tal-ipproċessar tat-tagħrif;

(d)

hija għandha żżomm u topera arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi bil-ħsieb li tieħu l-passi kollha raġonevoli maħsuba biex jipprevjenu l-konflitti ta’ interess;

(e)

hija għandha tieħu ħsieb li jinżammu reġistri tas-servizzi, l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minnha, li għandhom ikunu suffiċjenti biex l-awtorità kompetenti tissodisfa l-kompiti superviżorji tagħha u twettaq l-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni previsti f’ din id-Direttiva;

(f)

hija għandha tieħu passi raġonevoli biex tiżgura l-kontinwità u r-regolarità fit-twettiq tal-funzjonijiet depożitarji tagħha billi tuża sistemi, riżorsi u proċeduri adatti u proporzjonati inkluż biex twettaq l-attivitajiet depożitarji tagħha;

(g)

il-membri kollha tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri tagħha għandhom, f’kull ħin, ikunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed, ikollhom biżżejjed konoxxenza, ħiliet u esperjenza;

(h)

il-korp maniġerjali tagħha għandu jkollu konoxxenza, ħiliet u esperjenza kollettivi adegwati biex ikun jista’ jifhem l-attivitajiet tad-depożitarju, inklużi r-riskji ewlenin;

(i)

kull membru tal-korp maniġerjali tagħha u tal-maniġment superjuri għandu jaġixxi b’onestà u integrità.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema mill-kategoriji ta’ istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandhom ikunu eliġibbli biex ikunu depożitarji.

4.   Il-kumpaniji tal-investiment jew kumpaniji tal-maniġment li jaġixxu f’isem l-UCITS li jimmaniġġaw, li, qabel it-18 ta’ Marzu 2016, ħatru bħala depożitarju, istituzzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti mniżżlin fil-paragrafu 2, għandhom jaħtru depożitarju li jissodisfa dawk ir-rekwiżiti qabel it-18 ta’ Marzu 2018.

(********)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafi 5 u 6 jitħassru.

(7)

l-Artikolu 24 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 24

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju jkun responsabbli lejn l-UCITS u lejn id-detenturi tal-unitajiet tal-UCITS, għat-telf mid-depożitarju jew minn parti terza li lilhom tkun ġiet iddelegata l-kustodja ta’ strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja skont il-punt (a) tal-Artikolu 22(5).

Fil-każ ta’ telf ta’ strument finanzjarju waqt li dan kien f’kustodja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju jrodd lura strument finanzjarju ta’ tip identiku jew tal-istess ammont lill-UCITS jew lill-kumpanija tal-maniġment li tkun qed taġixxi f’isem l-UCITS mingħajr dewmien bla bżonn. Id-depożitarju ma għandux jinżamm responsabbli jekk ikun jista’ jipprova li t-telf ikun seħħ bħala riżultat ta’ avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha għall-kuntrarju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju jkun responsabbli wkoll fir-rigward tal-UCITS u l-investituri tal-UCITS għal kull telf ieħor li huma jsofru b’riżultat tan-nuqqas negliġenti jew intenzjonat tad-depożitarju li jissodisfa l-obbligi tiegħu b’mod xieraq skont din id-Direttiva.

2.   Ir-responsabbiltà tad-depożitarju msemmija fil-paragrafu 1 ma għandha tiġi affettwata minn ebda delega msemmija fl-Artikolu 22a.

3.   Ir-responsabbiltà tad-depożitarju msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tiġi eskluża jew limitata minn ftehim.

4.   Kwalunkwe ftehim li jikser il-paragrafu 3 għandu jkun null.

5.   Id-detenturi ta’ unitajiet fl-UCITS jistgħu jinvokaw ir-responsabbiltà tad-depożitarju direttament jew indirettament permezz tal-kumpanija tal-maniġment jew il-kumpanija ta’ investiment dment li dan ma jwassalx għal duplikazzjoni tar-rimedji jew għal trattament mhux ugwali tad-detenturi tal-unitajiet.”;

(8)

l-Artikolu 25 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 25

1.   L-ebda kumpanija ma għandha taġixxi fl-istess ħin bħala kumpanija tal-maniġment u bħala depożitarju. L-ebda kumpanija ma għandha taġixxi fl-istess ħin bħala kumpanija ta’ investiment u bħala depożitarju.

2.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom, il-kumpanija tal-maniġment u d-depożitarju għandhom jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali, u b’mod indipendenti u unikament fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS. Fit-twettiq tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom, il-kumpanija ta’ investiment u d-depożitarju għandhom jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali, u b’mod indipendenti u unikament fl-interess tal-investituri tal-UCITS.

Depożitarju ma għandux iwettaq attivitajiet fir-rigward tal-UCITS jew tal-kumpanija tal-maniġment f’isem tal-UCITS li jistgħu joħolqu konflitti ta’ interess bejn l-UCITS, l-investituri fl-UCITS, il-kumpanija tal-maniġment u hu stess, sakemm id-depożitarju ma jkunx issepara skont il-funzjoni u l-ġerarkija t-twettiq tal-kompiti depożitarji tiegħu mill-kompiti l-oħra tiegħu li potenzjalment jistgħu jkunu konfliġġenti, u sakemm il-konflitti ta’ interess potenzjali ma jkunux identifikati, immaniġġati, immonitorjati u ddivulgati lill-investituri tal-UCITS b’mod xieraq.”;

(9)

l-Artikolu 26 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 26

1.   Il-liġi jew ir-regoli tal-fond komuni għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-kumpanija tal-maniġment u tad-depożitarju, kif ukoll regoli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-detenturi tal-unitajiet f’każ li sseħħ sostituzzjoni bħal din.

2.   Il-liġi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-kumpanija tal-maniġment u tad-depożitarju, kif ukoll regoli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-detenturi tal-unità f’każ li sseħħ tali sostituzzjoni.”;

(10)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 26a

Id-depożitarju għandu, fuq talba, jagħmel disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, l-informazzjoni kollha li jkun kiseb filwaqt li jwettaq il-qadi tad-dmirijiet tiegħu u li tista’ tkun meħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti tiegħu jew għall-awtoritajiet kompetenti tal-UCITS jew il-kumpanija tal-maniġment.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-UCITS jew il-kumpanija tal-maniġment huma differenti minn dawk tad-depożitarju, l-awtoritajiet kompetenti tad-depożitarju għandhom bla dewmien jaqsmu l-informazzjoni li jirċievu mal-awtoritajiet kompetenti tal-UCITS u tal-kumpanija tal-maniġment.

Artikolu 26b

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 112a li jispeċifikaw:

(a)

id-dettalji li jeħtieġ jiġu inklużi fil-kuntratt bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 22(2);

(b)

il-kondizzjonijiet għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ depożitarju skont l-Artikolu 22(3), (4) u (5), inkluż:

(i)

it-tipi ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta’ kustodja tad-depożitarju f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 22(5);

(ii)

il-kondizzjonijiet li taħthom id-depożitarju jkun jista’ jeżerċita dmirijietu ta’ kustodja fuq strumenti finanzjarji rreġistrati ma’ depożitarju ċentrali;

(iii)

il-kondizzjonijiet li taħthom id-depożitarju għandu jżomm taħt salvagwardja l-istrumenti finanzjarji maħruġa f’forma nominattiva u li jkunu ġew irreġistrati ma’ emittent jew reġistratur, f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 22(5);

(c)

id-dmirijiet ta’ diliġenza dovuta tad-depożitarji skont il-punt (c)(ii) tal-Artikolu 22a(2);

(d)

l-obbligu ta’ segregazzjoni skont il-punt (c) tal-Artikolu 22a(3);

(e)

il-passi li għandhom jittieħdu mill-parti terza skont il-punt (d) tal-Artikolu 22a(3);

(f)

il-kondizzjonijiet li jiddeterminaw meta, u ċ-ċirkostanzi li fihom, strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja jistgħu jiġu kkunsidrati li huma mitlufa, għall-fini tal-Artikolu 24;

(g)

dak li għandu jiġi mifhum minn avvenimenti esterni lil hinn mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tagħhom kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra, skont l-Artikolu 24(1);

(h)

il-kondizzjonijiet biex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ indipendenza msemmi fl-Artikolu 25(2).”;

(11)

fl-Artikolu 30, l-ewwel paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“L-Artikoli 13 sa 14b għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kumpaniji tal-investiment li ma jkunux innominaw kumpanija tal-maniġment awtorizzata skont din id-Direttiva.”

(12)

Titħassar it-Taqsima 3 tal-Kapitolu V;

(13)

L-Artikolu 69 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-prospett għandu jinkludi jew:

(a)

id-dettalji tal-politika ta’ remunerazzjoni aġġornata, inklużi imma mhux limitati għal, deskrizzjoni ta’ kif inhuma kkalkolati r-remunerazzjoni u l-benefiċċji, l-identitajiet tal-persuni responsabbli għall-għoti tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji inkluż il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ remunerazzjoni, fejn jeżisti tali kumitat; jew

(b)

sommarju tal-politika ta’ remunerazzjoni u dikjarazzjoni li tgħid li d-dettalji tal-politika ta’ remunerazzjoni aġġornata, inklużi imma mhux limitati għal, deskrizzjoni ta’ kif inhuma kkalkolati r-remunerazzjoni u l-benefiċċji, l-identitàtal-persuni responsabbli għall-għoti tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji, inkluż il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ remunerazzjoni fejn jeżisti tali kumitat, huma disponibbli permezz ta’ sit elettroniku inkluż referenza għal dak is-sit elettroniku u li, fuq talba, ser issir disponibbli kopja stampata bla ħlas.”;

(b)

fil-paragrafu 3 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll:

(a)

l-ammont totali ta’ remunerazzjoni għas-sena finanzjarja, maqsum f’remunerazzjoni fissa u varjabbli mħallsa mill-kumpanija tal-maniġment u mill-kumpanija ta’ investiment lill-persunal tagħha, u l-għadd ta’ benefiċjarji, u fejn rilevanti, kwalunkwe ammont imħallas direttament mill-UCITS stess, inkluż kwalunkwe onorarju tal-prestazzjoni;

(b)

l-ammont aggregat ta’ remunerazzjoni maqsum skont il-kategoriji ta’ impjegati jew membri oħra tal-persunal kif imsemmi fl-Artikolu 14a(3);

(c)

deskrizzjoni ta’ kif ġew ikkalkolati r-remunerazzjoni u l-benefiċċji;

(d)

eżiti ta’ reviżjonijiet imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 14b(1) inkluż kwalunkwe irregolarità li seħħet;

(e)

bidliet materjali għall-politika ta’ remunerazzjoni adottata.”;

(14)

l-Artikolu 78 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

identifikazzjoni tal-UCTIS u tal-awtorità kompetenti tal-UCITS;”;

(b)

fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“It-tagħrif ewlieni għall-investituri għandu jinkludi wkoll dikjarazzjoni li tgħid li d-dettalji tal-politika ta’ remunerazzjoni aġġornata, inklużi, iżda mhux limitati għal, deskrizzjoni kif huma kkalkolati r-remunerazzjoni u l-benefiċċji, l-identita tal-persuni responsabbli għall-għoti tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji inkluż il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ remunerazzjoni, fejn jeżisti tali kumitat, huma disponibbli permezz ta’ websajt inkluż referenza għal dak websajt u li, jekk tintalab, issir disponibbli kopja stampata bla ħlas.”;

(15)

fl-Artikolu 98(2) il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

jesiġu:

(i)

sa fejn huwa permess mil-liġi nazzjonali, rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni, fejn hemm suspett raġonevoli ta’ ksur u fejn tali rekords jistgħu jkunu rilevanti għal investigazzjoni fuq il-ksur ta’ din id-Direttiva;

(ii)

ir-reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konversazzjonijiet telefoniċi jew l-komunikazzjonijiet elettroniċi jew rekords oħra tat-traffiku tad-data miżmuma mill-UCITS, il-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji tal-investiment, id-depożitarji jew entitajiet oħra regolati b’din id-Direttiva;”;

(16)

L-Artikolu 99 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 99

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 98 u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li għandhom jiġu imposti fuq kumpaniji u persuni fir-rigward ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għal ksur li huwa soġġett għal-liġi kriminali nazzjonali, huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

Is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Sat-18 ta’ Marzu 2016, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu dan l-Artikolu, inkluża kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tal-liġi kriminali, lill-Kummissjoni u lill-ESMA. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien bla bżonn bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

2.   Fejn l-Istati Membri jkunu għażlu, f’konformità mal-paragrafu 1, li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu, huma għandhom jiżguraw li l-miżuri adatti jkunu fis-seħħ sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex jikkoordinaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika relatata mal-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti kriminali għal ksur possibbli ta’ din id-Direttiva u jipprovdu l-istess lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin u mal-ESMA għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-irkupru ta’ sanzjonijiet pekunjarji.

3.   Bħala parti mir-rieżami ġenerali tagħha tal-funzjonament ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami, mhux aktar tard mit-18 ta’ Settembru 2017, tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali, u b’mod partikolari tal-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi stipulati għall-ksur tar-rekwiżiti stipulati f’ din id-Direttiva.

4.   Awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li taġixxi fuq talba għal informazzjoni jew talba għall-kooperazzjoni f’investigazzjoni fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ġejjin biss, jiġifieri fejn:

(a)

komunikazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti tista’ taffettwa b’mod negattiv is-sigurtà tal-Istat Membru indirizzat, b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati serji oħrajn;

(b)

il-konformità mat-talba x’aktarx li taffettwa b’mod negattiv l-investigazzjoni, attivitajiet ta’ infurzar jew, fejn applikabbli, investigazzjoni kriminali tagħha stess;

(c)

ikunu diġà nbdew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat; jew

(d)

tkun diġà ngħatat sentenza finali fir-rigward ta’ tali persuni għall-istess azzjonijiet fl-Istat Membru indirizzat.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-obbligi japplikaw għall-UCITS, il-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji tal-investiment jew id-depożitarji, fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, il-penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn jistgħu jiġu applikati, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għall-membri tal-korp tal-maniġment u għal persuni fiżiċi oħrajn li skont il-liġi nazzjonali jkunu responsabbli għall-ksur.

6.   F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1, il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn li jistgħu jiġu applikati tal-inqas jinkludu dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni pubblika li tidentifika l-persuna responsabbli u n-natura tal-ksur;

(b)

ordni li jitlob lill-persuna responsabbli twaqqaf l-imġiba u li ma tirrepetix dik l-imġiba;

(c)

fil-każ ta’ UCITS jew ta’ kumpanija tal-maniġment, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-UCITS jew tal-kumpanija tal-maniġment;

(d)

projbizzjoni temporanja jew, għal ksur serju ripetut, projbizzjoni permanenti kontra membru tal-korp tal-maniġment tal-kumpanija tal-maniġment jew tal-kumpanija tal-investiment jew kontra kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli, milli teżerċita funzjonijiet tal-maniġment f’dawk il-kumpaniji jew f’kumpaniji oħra bħal dawn;

(e)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi ta’ EUR 5 000 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fis-17 ta’ Settembru 2014 jew 10 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp tal-maniġment; meta l-persuna ġuridika tkun impriża ewlenija jew sussidjarja ta’ impriża ewlenija li jkollha tipprepara kontijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*********), il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ dħul skont il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kontabilità rilevanti skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp tal-maniġment tal-aħħar impriża ewlenija;

(f)

fil-każ ta’ persuna fiżika, sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi tal-inqas ta’ EUR 5 000 000, jew fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fis-17 ta’ Settembru 2014;

(g)

bħala alternattiva għall-punti (e) u (f), sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi tal-inqas sad-doppju tal-ammont tal-benefiċċju meħud mill-ksur fejn dak il-benefiċċju jista’ jiġi determinat, anke jekk jaqbeż l-ammonti massimi fil-punti (e) u (f).

7.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti, skont il-liġi nazzjonali, biex jimponu tipi ta’ piena ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 6 jew biex jimponu penali pekunjarji li jaqbżu l-ammonti msemmija fil-punti (e), (f) u (g) tal-paragrafu 6.

(*********)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;"

(17)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 99a

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti, jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom li jittrasponu din id-Direttiva jipprovdu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari meta:

(a)

jitwettqu attivitajiet ta’ UCITS mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 5;

(b)

ikun eżerċitat negozju ta’ kumpanija tal-maniġment mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel, bi ksur tal-Artikolu 6;

(c)

ikun eżerċitat negozju ta’ kumpanija tal-investiment mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel, bi ksur tal-Artikolu 27;

(d)

tinkiseb holding kwalifikattiva f’kumpanija tal-maniġment, direttament jew indirettament, jew tali holding kwalifikattiva f’kumpanija tal-maniġment tiżdied aktar sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jaqbeż l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew sabiex il-kumpanija tal-maniġment issir sussidjarja tagħha (“l-akkwist propost”), mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati bil-miktub dwar il-kumpanija tal-maniġment li fiha l-akkwirent ikun beħsiebu jakkwista jew iżid holding kwalifikattiva, bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(e)

holding kwalifikattiva f’kumpanija tal-maniġment tiġi ttrasferita, direttament jew indirettament, jew titnaqqas sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jaqa’ taħt l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew sabiex il-kumpanija tal-maniġment ma tibqax sussidjarja, mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati bil-miktub, bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(f)

kumpanija tal-maniġment tkun kisbet awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew kwalunkwe mezz irregolari ieħor, bi ksur tal-punt (b) tal-Artikolu 7(5);

(g)

kumpanija tal-investiment tkun kisbet awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew kwalunkwe mezz irregolari ieħor, bi ksur tal-punt (b) tal-Artikolu 29(4);

(h)

kumpanija tal-maniġment, malli ssir taf bi kwalunkwe akkwist jew trasferiment ta’ holdings fil-kapital tagħhom li jikkawżaw lill-holdings biex jaqbżu jew jaqgħu f’livell aktar baxx minn wieħed mil-limiti msemmija fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tonqos milli tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti dwar dawn l-akkwisti jew it-trasferimenti, bi ksur tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-Direttiva;

(i)

kumpanija tal-maniġment tonqos milli tgħarraf lill-awtorità kompetenti, tal-inqas darba fis-sena, rigward l-ismijiet tal-azzjonisti u tal-membri li għandhom holding kwalifikattiva u rigward id-daqsijiet ta’ dawn il-holdings, bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(j)

kumpanija tal-maniġment tonqos milli tosserva l-proċeduri u l-arranġamenti imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-punt (a) tal-Artikolu 12(1);

(k)

kumpanija tal-maniġment tonqos milli tosserva r-rekwiżiti strutturali u organizzazzjonali imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-punt (b) tal-Artikolu 12(1);

(l)

kumpanija tal-investiment tonqos milli tosserva l-proċeduri u l-arranġamenti imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 31;

(m)

kumpanija tal-maniġment jew kumpanija tal-investiment tonqos milli tosserva r-rekwiżiti relatati mad-delega tal-funzjonijiet tagħha lil partijiet terzi imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13 u 30;

(n)

kumpanija tal-maniġment jew kumpanija tal-investiment tonqos milli tosserva r-regoli ta’ kondotta imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 14 u 30;

(o)

depożitarju jonqos milli jwettaq il-kompiti tiegħu skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 22(3) sa (7);

(p)

kumpanija tal-investiment jew, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġa, kumpanija tal-maniġment tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw il-politiki dwar l-investiment ta’ UCITS stipulati fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu il-Kapitolu VII;

(q)

kumpanija tal-maniġment jew kumpanija tal-investiment tonqos milli tadotta proċess tal-ġestjoni tar-riskju jew proċess għal valutazzjoni preċiża u indipendenti tal-valur ta’ derivattivi OTC kif fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 51(1);

(r)

kumpanija tal-investiment jew, għal kull fond komuni li timmaniġġa, kumpanija tal-maniġment, tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82;

(s)

kumpanija tal-maniġment jew kumpanija tal-investiment li tkun qed tikkumerċjalizza unitajiet ta’ UCITS li timmaniġġa fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS tonqos milli tosserva r-rekwiżit ta’ notifika stipulati fl-Artikolu 93(1).

Artikolu 99b

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippublikaw kwalunkwe deċiżjoni, li ma tistax tiġi appellata, li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, fuq is-siti elettroniċi uffiċjali tagħhom mingħajr dewmien żejjed wara li l-persuna li fuqha ġiet imposta s-sanzjoni jew miżura tkun ġiet informata b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli. Dak l-obbligu ma japplikax għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta’ natura investigattiva.

Madankollu, fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi jew tad-data personali tal-persuni fiżiċi titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti wara li ssir valutazzjoni ta’ kull każ individwali dwar il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ din id-data, jew fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

jipposponu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni jew il-miżura sa meta r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu;

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni li timponi l-piena jew il-miżura fuq bażi anonima b’mod li jkun konformi mal-liġi nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tkun tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; jew

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura fil-każ li l-għażliet stipulati fil-punti (a) u (b) jitqiesu bħala insuffiċjenti biex jiżguraw:

(i)

li ma tiġix mhedda l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

(ii)

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-miżuri titqies bħala ta’ natura minuri.

Fil-każ ta’ deċiżjoni biex tiġi ppubblikata piena jew miżura fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta għal perijodu ta’ żmien raġonevoli jekk ikun mistenni li f’dak il-perijodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jkunux ser jibqgħu jeżistu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ESMA dwar is-sanzjonijiet amministrattivi kollha imposti iżda mhux ippubblikati f’konformità mal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 inkluż dwar kwalunkwe appell relatat magħhom u r-riżultat ta’ tali appell. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni u s-sentenza finali b’rabta ma’ kwalunkwe piena kriminali imposta u jibagħtuha lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm bażi ta’ data ċentrali ta’ sanzjonijiet kkomunikati lilha unikament għall-finijiet tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Dik il-bażi ta’ data għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti biss u għandha tiġi aġġornata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Fejn id-deċiżjoni li timponi piena jew miżura tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet rilevanti oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jippubblikaw immedjatament, fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta’ tali appell. Għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li timponi sanzjoni jew miżura.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom tal-inqas għal perijodu ta’ ħames snin mill-pubblikazzjoni tagħha. Id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-awtorità kompetenti unikament għall-perijodu li huwa meħtieġ skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 99c

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġu determinati t-tip ta’ penali jew miżuri amministrattivi u l-livell ta’ penali pekunjarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li dawn ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn ikun il-każ:

(a)

il-gravità tal-ksur u kemm dam sejjer;

(b)

il-livell ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat, pereżempju, mill-fatturat totali tagħha fil-każ ta’ persuna ġuridika jew id-dħul annwali fil-każ ta’ persuna fiżika;

(d)

l-importanza tal-profitti miksuba jew telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur, il-ħsara kkawżata lil persuni oħra u, fejn applikabbli, il-ħsara għall-funzjonament tas-swieq jew għall-ekonomija inġenerali, sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(e)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti;

(f)

ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(g)

il-miżuri li ttieħdu wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex jiġi evitat li jiġi ripetut.

2.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu penali taħt l-Artikolu 99, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li s-setgħat superviżorji u investigattivi u penali amministrattivi jipproduċu r-riżultati mmirati minn din id-Direttiva. Huma għandhom jikkoordinaw ukoll l-azzjonijiet tagħhom sabiex jevitaw il-possibbiltà ta’ duplikazzjoni u sovrapożizzjoni meta japplikaw is-setgħat superviżorji u investigattivi u l-penali u l-miżuri amministrattivi f’każijiet transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 101.

Artikolu 99d

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi u affidabbli biex jiġi mħeġġeġ ir-rappurtar ta’ ksur potenzjali jew attwali tad- dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva lill-awtoritajiet kompetenti, inklużi mezzi sikuri ta’ komunikazzjoni għar-rappurtar ta’ tali ksur.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu tal-inqas:

(a)

proċeduri speċifiċi għar-riċevuta ta’ rapporti dwar ksur u għas-segwitu tagħhom;

(b)

protezzjoni adatta għall-impjegati ta’ kumpaniji tal-investiment, kumpaniji tal-maniġment u depożitarji li jirrapportaw ksur li jseħħ fi ħdan dawk l-entitajiet, għall-inqas kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni u tipi oħrajn ta’ trattament inġust;

(c)

protezzjoni tad-data personali li tirrigwarda kemm lill-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll lill-persuna fiżika li allegatement tkun responsabbli għall-ksur, f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**********);

(d)

regoli ċari li jiżguraw li l-kunfidenzjalità tiġi ggarantita fil-każijiet kollha fir-rigward tal-persuna li tirrapporta ksur, sakemm l-iżvelar ma jkunx meħtieġ mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet ulterjuri jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.

3.   L-ESMA għandha tipprovdi mezz sikur ta’ komunikazzjoni jew aktar għar-rappurtar ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-ESMA għandha tiżgura li dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni jkunu konformi mal-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappurtar minn impjegati ta’ kumpaniji tal-investiment, kumpaniji tal-maniġment u d-depożitarji msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ma għandux jitqies li hu ksur ta’ kwalunkwe restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew bi kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva, u ma għandux jissuġġetta lill-persuna li tagħmel ir-rappurtar għal xi responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip relatat ma’ tali rappurtar.

5.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji tal-investiment u d-depożitarji jkollhom fis-seħħ proċeduri adatti għall-impjegati tagħhom sabiex jirrapportaw ksur internament b’mezz speċifiku, indipendenti u awtonomu.

Artikolu 99e

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu kull sena lill-ESMA informazzjoni aggregata dwar il-penali u l-miżuri kollha imposti f’konformità mal-Artikolu 99. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f’rapport annwali.

2.   Fejn l-awtorità kompetenti tkun żvelat penali jew miżuri amministrattivi lill-pubbliku, għandha fl-istess ħin tirrapporta dawk il- penali jew il-miżuri amministrattivilill-ESMA. Fejn penali jew miżura ppubblikata tkun relatata ma’ kumpanija tal-maniġment jew kumpanija tal-investiment, l-ESMA għandha żżid referenza għall- penali jew il-miżura ppubblikata fil-lista tal-kumpaniji tal-maniġment ppubblikata taħt l-Artikolu 6(1).

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex jiġu determinati l-proċeduri u l-formoli għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni kif imsemmi f’dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Settembru 2015.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(**********)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar ilmoviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).”;"

(18)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 104a

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-data personali li jitwettaq fl-Istati Membri skont din id-Direttiva.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***********) għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-ESMA skont din id-Direttiva.

(***********)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).”;"

(19)

fl-Artikolu 12(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 43(5), l-Artikolu 51(4), l-Artikolu 60(6), l-Artikolu 61(3), l-Artikolu 62(4), l-Artikolu 64(4), l-Artikolu 75(4), l-Artikolu 78(7), l-Artikolu 81(2), l-Artikolu 95(1) u l-Artikolu 111, il-kliem: ‘skont l-Artikolu 112(2), (3) u (4), u soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 112a u 112b’ jinbidlu bil-kliem: ‘skont l-Artikolu 112a’;

(20)

fl-Artikolu 50a, il-kliem: ‘f’konformità mal-Artikolu 112a, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 112b u 112c’ jinbidlu bil-kliem: ‘skont l-Artikolu 112a’;

(21)

fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 52(4), ir-referenza għall-‘Artikolu 112(1)’ tinbidel b’referenza għall-‘Artikolu 112’;

(22)

l-Artikolu 112 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 112

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tat-Titoli Ewropej stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE (************).

(************)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45)”;"

(23)

L-Artikolu 112a jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 112a

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 12, 14, 43, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ erba’ snin mill-4 ta’ Jannar 2011.

Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 26b hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ erba’ snin mis-17 ta’ Settembru 2014.

Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 50a hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ erba’ snin mill-21 ta’ Lulju 2011.

Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 51 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ erba’ snin mill-20 ta’ Ġunju 2013.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar is-setgħa delegata mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem ta’ perijodi ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 12, 14, 26b, 43, 50a, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 12, 14, 26b, 43, 50a, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(24)

L-Artikolu 112b jitħassar;

(25)

fl-Iskeda A tal-Anness I, il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej;

“2.

Informazzjoni dwar id-depożitarju:

2.1.

L-identità tad-depożitarju tal-UCITS u deskrizzjoni ta’ dmirijietu u tal-konflitti ta’ interess li jistgħu jirriżultaw;

2.2.

Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe funzjoni ta’ salvagwardja delegata mid-depożitarju, il-lista tad-delegati u s-subdelegati u kwalunkwe konflitt ta’ interess li jista’ jirriżulta minn din id-delega;

2.3.

Dikjarazzjoni li tgħid li informazzjoni aġġornata dwar il-punti 2.1 u 2.2 ssir disponibbli għall-investituri, kull meta tintalab.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-18 ta’ Marzu 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu mit-18 ta’ Marzu 2016. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 96, 4.4.2013, p. 18.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(3)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE tat-30 ta’ April 2009 dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22).

(5)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(6)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(7)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(8)  Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26).

(9)  Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(10)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(11)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(12)  Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22).

(13)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(14)  ĠU C 369, 17.12.2011,p. 14.

(15)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(16)  ĠU C 100, 6.4.2013, p. 12.


Top