Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0077

Direttiva tal-Kummissjoni 2014/77/UE tal- 10 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Annessi I u II tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 170, 11.6.2014, p. 62–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/77/oj

11.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/62


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/77/UE

tal-10 ta' Ġunju 2014

li temenda l-Annessi I u II tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 98/70/KE tistipula speċifikazzjonijiet ambjentali kif ukoll metodi analitiċi għall-karburanti tal-petrol u d-diżil imqiegħda fis-suq.

(2)

Dawk il-metodi analitiċi jirreferu għal ċertu standards stabbiliti mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN). Billi s-CEN issostitwixxa dawk l-istandards b'oħrajn ġodda minħabba l-progress tekniku, huwa xieraq li jiġu aġġornati r-referenzi għal dawk l-istandards fl-Annessi I u II tad-Direttiva 98/70/KE.

(3)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kwalità tal-Karburanti stabbilit bl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/70/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 98/70/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

it-test tan-nota ta' qiegħ il-paġna 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Il-metodi tal-ittestjar għandhom ikunu dawk speċifikati f'EN 228:2012. L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-metodu analitiku speċifikat minflok l-istandard EN 228:2012 jekk ikun jista' jintwera li jipprovdi għall-inqas l-istess eżattezza u għall-inqas l-istess livell ta' preċiżjoni bħall-metodu analitiku li jkun qed jissostitwixxi.”

(b)

it-test tan-nota ta' qiegħ il-paġna 6 jinbidel b'dan li ġej:

“Mono-alkoħols u eteri oħra b'punt finali ta' togħlija li ma jkunx ogħla minn dak iddikjarat fl-EN 228:2012.”

(2)

Fl-Anness II, it-test tan-nota ta'qiegħ il-paġna 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Il-metodi tal-ittestjar għandhom ikunu dawk speċifikati f'EN 590:2013. L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-metodu analitiku speċifikat minflok l-istandard EN 590:2013 jekk ikun jista' jintwera li jipprovdi għall-inqas l-istess eżattezza u għall-inqas l-istess livell ta' preċiżjoni bħall-metodu analitiku li jkun qed jissostitwixxi.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva fi żmien 12-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet fi żmien 12-il xahar mill-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jose Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.


Top