EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0073

Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni 2014/73/UE tat- 13 ta' Marzu 2014 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb f'elettrodi tal-platinu platinizzat użati għall-kejl tal-konduttività Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 148, 20.5.2014, p. 80–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2014/73/oj

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/80


DIRETTIVA TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI 2014/73/UE

tat-13 ta' Marzu 2014

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb f'elettrodi tal-platinu platinizzat użati għall-kejl tal-konduttività

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

Elettrodi tal-platinu platinizzat (PPEs) huma elettrodi tal-platinu miksija b'saff irqiq ta' platinu iswed. Dawn l-elettrodi jintużaw meta jkunu meħtieġa miżuri ta' konduttività fuq firxa wiesgħa jew għall-kejl tal-konduttività f'kundizzjonijiet aċidużi jew alkalini ħafna. Kemm is-sostituzzjoni kif ukoll it-tneħħija taċ-ċomb fil-PPEs u s-sostituzzjoni tal-PPEs b'tipi oħra ta' elettrodi mhumiex prattiċi, kemm mil-lat xjentifiku kif ukoll mil-lat tekniku, f'dawn il-kundizzjonijiet.

(3)

Għaldaqstant, l-użu taċ-ċomb fil-PPEs għall-kejl tal-konduttività fuq firxa wiesgħa jew għall-kejl tal-konduttività f'kundizzjonijiet aċidużi jew alkalini ħafna għandu jiġi eżentat mill-projbizzjoni sal-31 ta' Diċembru 2018. Dan il-perjodu ta' tranżizzjoni huwa meħtieġ għar-riċerka u probabbli li ma jkollu l-ebda impatt negattiv fuq l-innovazzjoni.

(4)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/65/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-dħul fis-seħħ. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 37 li ġej:

“37.

Iċ-ċomb f'elettrodi tal-platinu platinizzat użati għall-kejl tal-konduttività fejn tapplika tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kejl fuq firxa wiesgħa b'firxa ta' konduttività li tkopri aktar minn daqs wieħed (eż. firxa bejn 0,1 mS/m u 5 mS/m) fl-applikazzjonijiet tal-laboratorju għal konċentrazzjonijiet mhux magħrufa;

(b)

kejl ta' soluzzjonijiet meta jkunu meħtieġa preċiżjoni ta' +/- 1 % tal-kampjun tal-firxa u reżistenza qawwija għall-korrużjoni tal-elettrodu għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

soluzzjonijiet b'aċidità < pH 1;

(ii)

soluzzjonijiet b'alkalinità < pH 13;

(iii)

soluzzjonijiet korrużivi li jkun fihom il-gass aloġenu.

(c)

kejl ta' konduttivitajiet aktar minn 100 mS/m li jrid jitwettaq bi strumenti portabbli.

Tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018.”


Top