EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0062

Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI

OJ L 151, 21.5.2014, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/62/oj

21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/1


DIRETTIVA 2014/62/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Bħala l-munita unika kondiviża mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-euro sar fattur importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħha. Madankollu, mill-introduzzjoni tiegħu fl-2002, bħala munita kontinwament fil-mira tal-gruppi kriminali organizzati attivi fl-iffalsifikar tal-flus, il-falsifikazzjoni tal-euro kkawżat ħsara finanzjarja ta' mill-inqas EUR 500 miljun. Huwa fl-interessi tal-Unjoni kollha li topponi u tippenalizza kwalunkwe attività li probabbilment tipperikola l-awtentiċità tal-euro minħabba l-falsifikazzjoni.

(2)

Il-flus foloz għandhom effett konsiderevolment ħażin fuq is-soċjetà. Dawn huma ta' ħsara għaċ-ċittadini u n-negozji li mhumiex rimborżati għall-falsifikazzjonijiet anke jekk jirċevuhom in bona fide. Jistgħu iwasslu għal tħassib tal-konsumaturi fir-rigward tal-protezzjoni suffiċjenti tal-flus kontanti u għall-biża' li jirċievu karti u muniti foloz. Għaldaqstant huwa ta' importanza fundamentali li jiġu żgurati l-fiduċja u l-kunfidenza fl-awtentiċità tal-karti u l-muniti għaċ-ċittadini, in-negozji u l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri kollha kif ukoll f'pajjiżi terzi.

(3)

Huwa essenzjali li jiġi żgurat li miżuri tal-liġi kriminali effettivi u effiċjenti jipproteġu l-euro u kwalunkwe munita oħra li ċ-ċirkolazzjoni tagħha hija legalment awtorizzata b'mod xieraq fl-Istati Membri kollha.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 (4) jobbliga l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li jiżguraw sanzjonijiet kontra l-frodi u l-iffalsifikar tal-karti u l-muniti tal-euro.

(5)

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (5) u (KE) Nru 1339/2001 (6) jistabbilixxu l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro, b'mod partikolari miżuri biex il-karti u l-muniti tal-euro foloz jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni.

(6)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Iffalsifikar tal-Munita iffirmata f'Ġinevra fl-20 ta' April 1929 u l-Protokoll tagħha (il-“Konvenzjoni ta' Ġinevra”) (7) tistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar tar-reat tal-iffalsifikar tal-flus. B'mod partikolari, din għandha l-għan li tiżgura li pieni kriminali iebsa u sanzjonijiet oħrajn jistgħu jiġu imposti għal reati ta' falsifikar tal-flus. Il-partijiet kontraenti kollha għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra jridu japplikaw il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni għal muniti oħra li mhumiex il-munita domestika tagħhom.

(7)

Din id-Direttiva tissupplimenta id-disposizzjonijiet u tiffaċilita l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra mill-Istati Membri. Għal dak il-fini, huwa importanti li l-Istati Membri jkunu partijiet għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra.

(8)

Din id-Direttiva tibni fuq u taġġorna d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (8). Din tikkumplimenta dik id-Deċiżjoni Kwadru b'aktar dispożizzjonijiet fil-livell ta' sanzjonijiet, għodod investigattivi u l-analiżi, l-identifikazzjoni u s-sejba ta' karti u muniti tal-euro foloz matul il-proċedimenti ġudizzjarji.

(9)

Din id-Direttiva għandha tipproteġi kwalunkwe karta tal-flus u munita li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija legalment awtorizzata, irrispettivament minn jekk dawn ikunux tal-karta, tal-metall jew ta' kwalunkwe materjal ieħor.

(10)

Il-protezzjoni tal-euro u muniti oħrajn teħtieġ definizzjoni komuni tar-reati kriminali marbuta mal-iffalsifikar tal-munita kif ukoll sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi komuni kemm għall-persuni fiżiċi u kif ukoll dawk ġuridiċi. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, din id-Direttiva għandha tipprevedi li l-istess reati jkunu punibbli bħal kif inhuma fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Għalhekk, il-produzzjoni ta' karti u muniti foloz u d-distribuzzjoni tagħhom għandu jkun reat kriminali. Ix-xogħol preparatorju importanti għal dawk ir-reati, pereżempju l-produzzjoni tal-istrumenti u l-komponenti għall-iffalsifikar, għandhom jiġu kkastigati b'mod indipendenti. L-għan komuni ta' dawk id-definizzjonijiet tar-reati għandu jkun li jaġixxi bħala deterrent għal kull att li jinvolvi karti u muniti foloz, strumenti u mezzi oħra għall-iffalsifikar.

(11)

L-użu ħażin ta' faċilitajiet jew materjali legali ta' stamperiji jew zekek awtorizzati għall-produzzjoni ta' karti u muniti mhux awtorizzati għal użu qarrieq għandu jitqies ukoll bħala reat kriminali. Tali użu ħażin ikopri s-sitwazzjoni fejn bank ċentrali nazzjonali jew zekka jew industrija awtorizzata oħra tipproduċi ammont ta' karti jew muniti li jaqbeż il-kwota awtorizzata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Dan ikopri wkoll is-sitwazzjoni fejn impjegat ta' stamperija jew zekka awtorizzata jabbuża mill-faċilitajiet għall-iskopijiet tiegħu stess. Dak l-aġir għandu jkun punibbli bħala reat kriminali anke jekk il-kwantitajiet awtorizzati ma jkunux inqabżu, għaliex il-karti jew muniti prodotti, ladarba jkunu daħlu fiċ-ċirkolazzjoni, ma jkunux jistgħu jintgħarfu minn munita awtorizzata.

(12)

Il-karti tal-flus u l-muniti li l-Bank Ċentrali Ewropew jew il-banek ċentrali u z-zekek nazzjonali jkunu għadhom ma ħarġux formalment għandhom jkunu protetti wkoll minn din id-Direttiva. Għaldaqstant, pereżempju, il-muniti tal-euro b'naħat nazzjonali ġodda jew serje ġdida ta' karti tal-euro għandhom ikunu protetti qabel ma jiddaħħlu uffiċjalment fiċ-ċirkolazzjoni.

(13)

Istigazzjoni, għajnuna u kompliċità, tentattiv biex jitwettqu r-reati prinċipali tal-iffalsifikar, inkluż l-użu ħażin ta' faċilitajiet jew materjal legali u inkluż l-iffalsifikar ta' karti u muniti li jkunu għadhom ma ħarġux iżda li jkunu maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, għandhom ukoll jiġu ppenalizzati fejn xieraq. Din id-Direttiva ma teħtieġx li l-Istati Membri jagħmlu punibbli tentattiv li jitwettaq reat marbut ma' strument jew komponent għall-iffalsifikar.

(14)

L-intenzjoni għandha tagħmel parti mill-elementi kollha li jikkostitwixxu r-reati stabbiliti f'din id-Direttiva.

(15)

L-iffalsifikar tal-munita huwa tradizzjonalment reat soġġett għal livell għoli ta' sanzjonijiet fl-Istati Membri. Dak huwa minħabba n-natura serja u l-impatt tar-reat fuq iċ-ċittadini u n-negozji, u minħabba l-bżonn li tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadini u n-negozji fin-natura ġenwina tal-euro u ta' muniti oħra. Dak hu partikolarment minnu għall-euro, li huwa l-munita unika ta' iktar minn 330 miljun persuna fiż-żona tal-euro u li hija t-tieni l-aktar munita internazzjonali importanti.

(16)

L-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-munita. Dawk is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jinkludu l-priġunerija. Il-livell minimu tat-terminu massimu ta' priġunerija previst f'din id-Direttiva għar-reati stabbiliti fiha għandu japplika mill-anqas għall-aktar forom serji ta' dawk ir-reati.

(17)

Il-livelli tas-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi u dissważivi iżda ma għandhomx imorru oltre dak li huwa proporzjonat għar-reati. Għalkemm l-att li wieħed jgħaddi intenzjonalment flus foloz li jkun irċieva in bona fede jista' jiġi ssanzjonat b'sanzjoni kriminali ta' tip differenti, inkluż multi, fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, dawk il-liġijiet nazzjonali għandhom jipprevedu l-priġunerija bħala sanzjoni massima. Is-sanzjonijiet ta' priġunerija għal persuni fiżiċi ser iservu bħala deterrent qawwi għal kriminali potenzjali, b'effett f'kull parti tal-Unjoni.

(18)

Billi din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli aktar rigorużi għal reati ta' ffalsifikar tal-munita.

(19)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għar-regoli u għall-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi skont iċ-ċirkustanzi konkreti ta' kull każ individwali.

(20)

Billi l-fiduċja fin-natura ġenwina tal-karti u l-muniti tista' wkoll tiġi pperikolata jew mhedda bl-aġir ta' persuni ġuridiċi, il-persuni ġuridiċi għandhom ikunu responsabbli għar-reati mwettqa f'isimhom.

(21)

Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta' reati ta' ffalsifikar tal-munita, dawk responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali reati għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu użu minn għodod investigattivi effettivi bħal dawk li jintużaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew reati serji oħra. Tali għodod, fejn adatt, jistgħu jinkludu, pereżempju, l-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet, is-sorveljanza bil-moħbi inkluża s-sorveljanza elettronika, il-monitoraġġ tal-kontijiet tal-bank u investigazzjonijiet finanzjarji oħra. B'kont meħud, fost l-oħrajn, tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-użu ta' għodod bħal dawn skont il-liġi nazzjonali għandu jkun proporzjonat man-natura u l-gravità tar-reati taħt investigazzjoni. Id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali għandu jiġi rispettat.

(22)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom b'manjiera konsistenti mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni f'leġislazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-liġi kriminali, jiġifieri, fuq reati kommessi fit-territorju tagħhom u fuq reati mwettqa miċ-ċittadini tagħhom, fid-dawl tal-fatt li b'mod ġenerali, ir-reati l-aħjar jiġu trattati fl-ambitu tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż li fih iseħħu.

(23)

Ir-rwol ewlieni tal-euro fl-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni, kif ukoll it-theddida speċifika għall-euro bħala munita ta' importanza dinjija kif manifestata mill-eżistenza ta' għadd konsiderevoli ta' stamperiji li jinsabu f'pajjiżi terzi teħtieġ miżura oħra biex din tkun imħarsa. Għalhekk għandha tiġi stabbilita ġurisdizzjoni fuq reati marbuta mal-euro mwettqa barra mit-territorju ta' Stat Membru partikolari jekk jew min iwettaq ir-reat ikun fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u mhuwiex estradit, jew inkella jekk karti jew noti foloz marbuta mar-reat jinstabu f'dak l-Istat Membru.

Minħabba s-sitwazzjoni oġġettivament differenti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, huwa xieraq li l-obbligu li tiġi stabbilita tali ġurisdizzjoni japplika biss għal dawn l-Istati Membri. Għall-fini tal-prosekuzzjoni tar-reati stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2) u (3), fejn dawn jirrigwardaw il-punt (a) tal-Artikolu 3(1), kif ukoll l-istigazzjoni, l-għajnuna u l-kompliċità u t-tentattivi li jitwettqu dawk ir-reati, il-ġurisdizzjoni m'għandhiex tkun subordinata għall-kondizzjoni li dawk l-atti jikkostitwixxu reat fil-post fejn ikunu twettqu. Meta jkunu qegħdin jeżerċitaw tali ġurisdizzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk ir-reati humiex qed jiġu trattati mis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż fejn twettqu, u għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, b'mod partikolari fir-rigward ta' kundanni minn pajjiż terz għall-istess aġir.

(24)

Għall-euro, l-identifikazzjoni ta' karti u muniti tal-euro foloz hija ċċentralizzata fiċ-Ċentri għall-Analiżi Nazzjonali u fiċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi tal-Muniti, rispettivament, li nħatru jew twaqqfu skont ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001. Għandu jkun possibbli wkoll li ssir analiżi, identifikazzjoni u sejba ta' karti u muniti foloz tal-euro waqt li jkunu għaddejjin il-proċedimenti ġudizzjarji sabiex tiġi aċċelerata s-sejba tas-sors ta' produzzjoni ta' flus foloz f'investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali speċifika u biex dawn it-tipi ta' flus foloz jiġu evitati u jinżammu jew jitwaqqfu milli jibqgħu jiċċirkolaw, bir-rispett dovut tal-prinċipju ta' proċess ġust u effettiv. Dak jikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-ġlieda kontra r-reati ta' ffalsifikar u fl-istess ħin iżid in-numru ta' trasmissjonijiet ta' flus foloz sekwestrati matul proċedimenti kriminali li jkunu għaddejja, soġġett għal eċċezzjonijiet limitati fejn għandu jiġi pprovdut biss aċċess għal flus foloz. B'mod ġenerali, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jawtorizzaw it-trasmissjoni fiżika tal-flus foloz liċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi u ċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi tal-Muniti. F'ċerti ċirkostanzi, pereżempju fejn ikunu biss ftit karti u muniti foloz li jikkostitwixxu l-provi għall-proċedimenti kriminali jew fejn it-trasmissjoni fiżika tirriżulta f'riskju ta' qerda tal-provi bħall-marki tas-swaba', l-awtoritajiet kompetenti għandhom minflok ikunu jistgħu jiddeċiedu li jagħtu l-aċċess għall-karti tal-flus u l-muniti.

(25)

Hemm il-ħtieġa li tinġabar data komparabbli dwar ir-reati stabbiliti f'din id-Direttiva. Biex tinkiseb stampa aktar kompluta tal-problema tal-iffalsifikar fil-livell tal-Unjoni u b'dan il-mod jingħata kontribut għat-tiswir ta' rispons aktar effettiv, l-Istati Membri għandhom jitrażmettu lill-Kummissjoni data tal-istatistika rilevanti li tirrigwarda l-għadd ta' reati li jikkonċernaw noti u muniti foloz u l-għadd ta' persuni mħarrka u kkundannati.

(26)

Biex jiġi segwit l-objettiv tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti u l-muniti tal-euro, għandha ssir ħidma biex jiġu konklużi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk il-pajjiżi li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom skont il-proċeduri rilevanti tat-Trattat.

(27)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għal ħajja privata u tal-familja, il-libertà li wieħed jagħżel impjieg u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, kif ukoll id-dritt li wieħed ma jiġix ġudikat jew punit darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għal dawn id-drittijiet u prinċipji u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

(28)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI. Minħabba li l-emendi li għandhom isiru huma ta' għadd u natura sostanzjali, dik id-Deċiżjoni Kwadru għandha fl-interessi taċ-ċarezza tiġi sostitwita kollha kemm hi għall-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva.

(29)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar, ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta l-miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(30)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

(31)

F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(32)

F'konformità mal-Artikoli 1, 2 u 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-iffalsifikar tal-euro u muniti oħra. Hija tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet komuni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra dawn ir-reati u biex l-investigazzjoni tagħhom tittejjeb u biex tkun żgurata kooperazzjoni aqwa kontra l-iffalsifikar.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“munita” tfisser karti tal-flus u muniti li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija legalment awtorizzata, inklużi karti u muniti tal-euro li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom ġiet awtorizzata skont ir-Regolament (KE) Nru 974/98;

(b)

“persuna ġuridika” tfisser kull entità li jkollha personalità ġuridika skont il-liġi applikabbli, barra minn Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità Statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 3

Reati

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aġir li ġej, meta jsir intenzjonalment, ikun punibbli bħala reat kriminali:

(a)

kull fabrikazzjoni jew alterazzjoni frawdulenti ta' munita, ikun x'ikun il-mezz li jintuża;

(b)

it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni b'mod frawdulenti ta' munita falza;

(c)

l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport, li tirċievi jew tikseb munita falza bl-iskop li titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u bl-għarfien tal-kontrafazzjoni tagħha;

(d)

li b'mod frawdulenti tagħmel, tirċievi, tikseb jew ikollok

(i)

strumenti, artikoli, programmi tal-kompjuter u data, u kwalunkwe mezz ieħor partikolarment addattat għall-iffalsifikar jew l-alterazzjoni tal-munita; jew

(ii)

karatteristiċi ta' sigurtà, bħal ologrammi, marki tal-ilma (watermarks) jew komponenti oħrajn tal-munita li jservu biex jipproteġu mill-iffalsifikar.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aġir imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) ta' paragrafu 1 jkun punibbli wkoll fir-rigward ta' muniti jew karti tal-flus li saru jew qed isiru bl-użu ta' faċilitajiet jew materjali legali bi ksur tad-drittijiet jew il-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu l-muniti jew il-karti tal-flus.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aġir imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ikun punibbli anke fir-rigward ta' karti tal-flus u muniti li għadhom ma ħarġux, iżda huma maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni bħala valuta legali.

Artikolu 4

Istigazzjoni, għajnuna u kompliċità, u tentattiv

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-istigazzjoni jew l-għajnuna u l-kompliċità fir-rigward ta' reat imsemmi fl-Artikolu 3 ikun punibbli bħala reat kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li xi tentattiv biex jitwettaq reat imsemmi fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2), jew l-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-aġir imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) ikun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 5

Sanzjonijiet għal persuni fiżiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-aġir imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 ikun punibbli b'sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(1), ir-reati msemmija fl-Artikolu 3(2) u r-reati msemmija fl-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-aġir imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 3(1) għandhom ikunu punibbli b'sanzjoni massima li tipprevedi priġunerija.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-aġir imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) għandhom ikunu punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas tmien snin.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-aġir imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom ikunu punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin.

5.   Fir-rigward tar-reat imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi minbarra dak imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, inklużi multi u priġunerija, jekk il-flus foloz ikunu waslu mingħajr għarfien li huma ffalsifikati, iżda jiġu mgħoddija lil partijiet terzi bl-għarfien li huma foloz.

Artikolu 6

Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikolu 3 u 4 li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna li jew taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:

(a)

setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna ġuridika tkun tista' tinżamm responsabbli meta n-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tkun għamlet possibbli t-twettiq ta' reat imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta' persuna ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu m'għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi, istigaturi jew aċċessorji fir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 7

Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun meqjusa responsabbli skont Artikolu 6 tiġi soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u li jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji pubbliċi jew l-għajnuna pubblika;

(b)

l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-eżerċizzju ta' attivitajiet kummerċjali;

(c)

it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

(d)

l-istralċ ġudizzjarju;

(e)

l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li ntużaw biex isir ir-reat.

Artikolu 8

Ġurisdizzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 fejn:

(a)

ir-reat jitwettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tiegħu; jew

(b)

l-awtur tar-reat huwa wieħed miċ-ċittadini tiegħu;

2.   Kull Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 mwettqa barra mit-territorju tiegħu, almenu meta dawn ikunu marbuta mal-euro u fejn

(a)

l-awtur tar-reat ikun fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u ma jkunx ġie estradit; jew

(b)

instabu karti u muniti foloz tal-euro marbuta mar-reat fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

Għall-prosekuzzjoni tar-reati, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2) u (3), fejn dawn jirrigwardaw punt (a) tal-Artikolu 3(1), kif ukoll l-istigazzjoni, l-għajnuna u l-kompliċità, u t-tentattivi ta' dawk ir-reati, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ġurisdizzjoni tiegħu ma tkunx subordinata għall-kondizzjoni li l-atti jkunu reat kriminali fil-post fejn ikunu twettqu.

Artikolu 9

Għodod investigattivi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għodod investigattivi, bħal dawk li jintużaw fil-każijiet ta' kriminalità organizzata jew f'każijiet oħra ta' delitti serji, ikunu disponibbli għall-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 10

L-obbligu tat-trażmissjoni ta' karti u muniti foloz tal-euro għall-analiżi u s-sejba ta' flus foloz

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul proċedimenti kriminali l-eżami miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Analiżi u ċ-Ċentru għall-Analiżi Nazzjonali tal-Muniti tal-karti u l-muniti tal-euro suspettati bħala foloz għall-analiżi, l-identifikazzjoni u s-sejba ta' aktar flus foloz ikun permess mingħajr dewmien. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu l-kampjuni meħtieġa bla ebda dewmien, u sa mhux aktar tard minn meta tkun intlaħqet deċiżjoni finali rigward il-proċedimenti kriminali.

Artikolu 11

Statistiċi

L-Istati Membri għandhom, tal-inqas kull sentejn, jittrażmettu data lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta' reati stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, u l-għadd ta' persuni mħarrka u kkundannati għar-reati stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 12

Rappurtar tal-Kummissjoni u rieżami

Sat-23 ta' Mejju 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 13

Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI

Id-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI hija b'dan sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI.

Għall-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 14

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-23 ta' Mejju 2016. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma se jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 179, 25.6.2013, p. 9.

(2)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 42.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2014.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar id-dħul tal-Euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar għal dawk l-Istati Membri li m'adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 11).

(7)  Nru 2623, p. 372 il-Lega tan-Nazzjonijiet — is-Serje ta' Trattati tal-1931.

(8)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/JHA tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-falsifikazzjoni in konnessjoni mal-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 140, 14.6.2000, p. 1).


Top