Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0049

Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 173, 12.6.2014, p. 149–178 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/49/oj

12.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/149


DIRETTIVA 2014/49/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ April 2014

dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti

(riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet emendata sostanzjalment (4). Billi għandhom isiru aktar emendi, dik id-Direttiva għandha tiġi riformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Sabiex ikun aktar faċli li jinbeda u jiġi eżerċitat in-negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, jeħtieġ li jiġu eliminati ċerti differenzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri rigward ir-regoli tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD) li għalihom dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma soġġetti.

(3)

Din id-Direttiva tikkostitwixxi strument essenzjali għall-ksib tas-suq intern min-naħa ta’ kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji fil-qasam ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, filwaqt li tiżdied l-istabbiltà tas-sistema bankarja u tal-protezzjoni tad-depożitanti. Fid-dawl tal-ispejjeż tal-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fuq l-ekonomija in ġenerali u l-effetti negattivi tiegħu fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja tad-depożitanti, wieħed għandu jipprovdi billi mhux biss jaħseb għar-rimborż tad-depożitanti iżda wkoll biex tinħoloq biżżejjed flessibbiltà sabiex l-SGD twettaq miżuri li jnaqqsu l-probabbiltà ta’ pretensjonijiet futuri kontra l-SGD. Dawk il-miżuri għandhom dejjem ikunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(4)

Sabiex jittieħed kont tal-integrazzjoni dejjem tikber fis-suq intern, għandu jkun possibbli li jkun hemm fużjoni bejn l-SDG ta’ Stati Membri differenti jew li jinħolqu skemi transkonfinali separati fuq bażi volontarja. L-Istati Membri għandhom jiżguraw stabbiltà suffiċjenti u kompożizzjoni bilanċjata tal-SGD l-ġodda u dawk eżistenti. L-effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, pereżempju fejn istituzzjonijiet ta’ kreditu bi profil ta’ riskju għoli biss jiġu trasferiti għal SGD transkonfinali, għandhom jiġu evitati.

(5)

Id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tobbliga lill-Kummissjoni li, jekk ikun il-każ, tressaq proposti biex temenda dik id-Direttiva. Din id-Direttiva tinkludi l-armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-SGD, l-introduzzjoni ta’ kontribuzzjonijiet abbażi tar-riskju u l-armonizzazzjoni tal-ambitu tal-prodotti u d-depożitanti koperti.

(6)

Id-Direttiva 94/19/KE hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni minima. Konsegwentament, fl-Unjoni attwalment hemm diversità ta’ SGD b’karatteristiċi differenti ħafna. Bħala riżultat tar-rekwiżiti komuni stabbiliti f’din id-Direttiva, għandu jkun provdut livell uniformi ta’ protezzjoni għal depożitanti madwar l-Unjoni filwaqt li jiġi żgurat l-istess livell ta’ stabbiltà tal-SGD. Fl-istess ħin, dawk ir-rekwiżiti komuni huma tal-akbar importanza sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni fis-suq. B’hekk din id-Direttiva tikkontribwixxi sabiex is-suq intern ikun komplut.

(7)

Bħala riżultat ta’ din id-Direttiva, id-depożitanti ser jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb b’mod sinifikanti għall-SGD, bis-saħħa tal-ambitu mwessa’ u ċċarat ta’ kopertura, perijodi ta’ ħlas lura aktar malajr, informazzjoni mtejba u rekwiżiti ta’ finanzjament robusti. Dan ser itejjeb il-fiduċja tal-konsumatur fl-istabbiltà finanzjarja fis-suq intern.

(8)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi tagħhom ikollhom stabbiliti prattiki tajbin ta’ governanza u li jipproduċu rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom.

(9)

F’każ ta’ xoljiment tal-istituzzjoni ta’ kreditu insolventi id-depożitanti fi kwalunkwe fergħa li tkun tinsab fi Stat Membru apparti minn dak li fih l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha, għandhom ikunu protetti bl-istess SGD bħad-depożitanti l-oħrajn tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

(10)

Din id-Direttiva ma għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) skont l-Artikolu 2(5) ta’ dik id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li, għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati ma’ dak il-korp ċentrali huma ttrattati bħala istituzzjoni ta’ kreditu waħda.

(11)

Fil-prinċipju, din id-Direttiva teħtieġ li kull istituzzjoni ta’ kreditu tissieħeb f’SGD. Stat Membru li jilqa’ fergħat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’pajjiż terz għandu jiddeċiedi kif japplika din id-Direttiva fir-rigward ta’ fergħat bħal dawn u għandu jieħu kont tal-ħtieġa li jiġu protetti d-depożitanti u li tinżamm l-integrità tas-sistema finanzjarja. Id-depożitanti f’fergħat bħal dawn għandhom ikunu konxji għalkollox mill-arranġamenti ta’ garanzija li jaffetwawhom.

(12)

Għandu jiġi rrikonoxxut li hemm skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali (SPI) li jipproteġu lill-istituzzjoni ta’ kreditu stess u li, partikolarment, jiżguraw il-likwidità u s-solvibbiltà tagħha. Fejn tali skema tkun separata minn SGD, ir-rwol addizzjonali tagħha ta’ salvagwardja għandu jitqies meta jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet tal-membri tagħha lill-SGD. Il-livell armonizzat ta’ kopertura previst minn din id-Direttiva ma għandux jaffettwa skemi li jipproteġu l-istituzzjoni ta’ kreditu stess sakemm ma jħallsux lura lid-depożitanti.

(13)

Kull istituzzjoni ta’ kreditu għandha tagħmel parti minn SGD rikonoxxuta skont din id-Direttiva, biex b’hekk jiġu żgurati livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u kondizzjonijiet indaqs bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u biex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju. SGD għandha tkun tista’ tipprovdi dik il-protezzjoni fi kwalunkwe ħin.

(14)

Il-funzjoni ewlenija ta’ SGD hija li tipproteġi d-depożitanti mill-konsegwenzi tal-insolvenza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. L-SGD għandhom ikunu jistgħu jipprovdu din il-protezzjoni b’diversi modi. L-SGD għandhom prinċipalment jintużaw biex jitħallsu lura d-depożitanti skont din id-Direttiva (funzjoni ta’ “paybox”).

(15)

L-SGD għandhom ukoll jassistu fil-finanzjament tar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu f’konformità mad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(16)

Għandu jkun possibbli wkoll, fejn ikun permess taħt il-liġi nazzjonali, li l-SGD jmorru lil hinn minn sempliċement funzjoni ta’ rimborż u li jintużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli sabiex jiġi evitat falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu bl-għan li jiġu evitati l-ispejjeż ta’ rimborż tad-depożitanti u impatti negattivi oħrajn. Dawk il-miżuri għandhom, madankollu, jitwettqu fil-qafas definit b’mod ċar u għandhom f’kull każ ikunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-SGD għandhom, inter alia, jkollhom stabbiliti sistemi u proċeduri adegwati għall-għażla u l-implimentazzjoni ta’ miżuri bħal dawn u l-monitoraġġ tar-riskji affiljati. L-implimentazzjoni ta’ miżuri bħal dawn għandha tkun soġġetta għall-impożizzjoni ta’ kondizzjonijiet fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu li jinvolvu mill-inqas monitoraġġ tar-riskju aktar strett u aktar drittijiet tal-verifika għas-SGD. L-ispejjeż tal-miżuri meħudin biex jiġi evitat falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu m’għandhomx jaqbżu l-ispejjeż biex jissodisfaw il-mandat statutorju jew kuntrattwali tal-SGD rispettiva fir-rigward tal-protezzjoni tad-depożiti koperti fl-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-istituzzjoni nnifisha.

(17)

L-SGD għandhom ukoll ikunu jistgħu jieħdu l-forma ta’ SPI. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jirrikonoxxu lil SPI, kif bħala SGD jekk jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti f’din id-Direttiva.

(18)

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal skemi kuntrattwali jew SPI li mhumiex rikonoxxuti uffiċjalment bħala SGD, ħlief fir-rigward ta’ rekwiżiti limitati fuq ir-reklamar u l-informazzjoni tad-depożitanti fil-każ tal-esklużjoni jew irtirar ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Fi kwalunkwe każ, l-iskemi kuntrattwali u s-SPI huma soġġetti għal regoli tal-għajnuna mill-istat.

(19)

Fil-kriżi finanzjarja reċenti, żidiet mhux koordinati fil-livell ta’ kopertura madwar l-Unjoni wasslu biex f’xi każijiet id-depożitanti jittrasferixxu flus f’istituzzjonijiet ta’ kreditu f’pajjiżi fejn il-garanziji tad-depożiti kienu ogħla. Tali żidiet mhux koordinati xorbu l-likwidità mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fi żminijiet ta’ diffikultà. Fi żminijiet ta’ stabbiltà huwa possibbli li livelli differenti ta’ kopertura jwasslu biex id-depożitanti jagħżlu l-ogħla protezzjoni tad-depożiti minflok l-aktar prodott depożitarju xieraq għalihom. Huwa possibbli li tali livelli differenti ta’ kopertura jirriżultaw f’distorsjoni fil-kompetittività fis-suq intern. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi żgurat livell ta’ armonizzazzjoni tal-protezzjoni tad-depożiti mill-SGD rikonoxxuti kollha, irrispettivament minn fejn jinsabu d-depożiti fl-Unjoni. Madankollu, għal żmien limitat għandu jkun possibbli li ċerti depożiti relatati mas-sitwazzjoni personali tad-depożitanti jiġu koperti f’livell ogħla.

(20)

L-istess livell ta’ kopertura għandu japplika għad-depożitanti kollha irrispettivament minn jekk il-munita tal-Istat Membru hijiex l-euro jew le. L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom ikunu jistgħu jaġġustaw l-ammonti li jirriżultaw mill-konverżjoni għall-eqreb numru sħiħ mingħajr ma jikkompromettu l-protezzjoni ekwivalenti tad-depożitanti.

(21)

Minn naħa waħda, il-livell ta’ kopertura preskritt f’din id-Direttiva m’għandux iħalli proporzjon kbir ta’ depożiti mingħajr protezzjoni fl-interessi kemm tal-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Min-naħa l-oħra, l-ispiża għall-iffinanzjar tal-SGD għandha tkun ikkunsidrata. Għalhekk huwa raġonevoli l-livell ta’ kopertura armonizzat li jiġi stabbilit għal EUR 100 000.

(22)

Din id-Direttiva żżomm il-prinċipju ta’ limitu armonizzat għal kull depożitant aktar milli għal kull depożitu. Għalhekk huwa xieraq li tittieħed konsiderazzjoni tad-depożiti magħmulin minn depożitanti li jew mhumiex imsemmija bħala dententuri ta’ kont jew li mhumiex dententuri uniċi ta’ kont. Il-limitu għandu għalhekk jiġi applikat għal kull depożitant identifikabbli. Il-prinċipju li l-limitu għandu jiġi applikat għal kull depożitant identifikabbli m’għandux japplika għall-impriżi tal-investimenti kollettivi soġġetti għal regoli speċjali ta’ protezzjoni li ma japplikawx għal tali depożiti.

(23)

Id-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) introduċiet livell fiss ta’ kopertura ta’ EUR 100 000, li poġġa xi Stati Membri fis-sitwazzjoni li jkollhom inaqqsu l-livell ta’ kopertura tagħhom, bir-riskji li tkun imminata l-fiduċja tad-depożitanti. Filwaqt li l-armonizzazzjoni hija essenzjali sabiex jiġu żgurati l-kondizzjonijiet ekwi u l-istabbiltà finanzjarja fis-suq intern, ir-riskji li tiġi mminata l-fiduċja tad-depożitanti għandhom jiġu kkunsidrati. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw livell ta’ kopertura ogħla jekk huma pprovdew għal livell ta’ kopertura li kien ogħla mil-livell armonizzat qabel l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/14/KE. Tali livell ta’ kopertura ogħla għandu jkun limitat fiż-żmien u fl-ambitu u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jaġġustaw il-livell ta’ mira u l-kontribuzzjonijiet imħallsin lill-SGD tagħhom proporzjonalment. Ladarba mhuwiex possibbli li taġġusta l-livell ta’ mira, jekk il-livell ta’ kopertura jkun illimitat, mhuwiex xieraq li tiġi limitata l-għażla għall-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 2008, applikaw livell ta’ kopertura f’medda ta’ bejn EUR 100 000 u EUR 300 000. Sabiex jiġi limitat l-impatt tal-livelli ta’ kopertura diverġenti, u meta jitqies li l-Kummissjoni ser tirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sal-31 Diċembru 2018, huwa xieraq li din l-għażla tkun permessa sa dik id-data.

(24)

L-SGD għandhom ikunu permessi li jpaċu l-obbligazzjonijiet ta’ depożitant kontra l-pretensjonijiet ta’ ħlas lura ta’ dak id-depożitant biss jekk dawn l-obbligazzjonijiet ikunu waslu għall-ħlas fid-data tal-indisponibbiltà jew qabilha. Tali tpaċija m’għandhiex timpedixxi l-kapaċità ta’ SGD li jħallsu lura d-depożiti fi żmien l-iskadenza stipulata minn din id-Direttiva. L-Istati Membri ma għandhomx jinżammu milli jieħdu miżuri adatti rigward id-drittijiet ta’ SGD fi proċedura ta’ stralċ jew ta’ riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

(25)

Għandu jkun possibbli li jiġi eskluż il-ħlas lura ta’ depożiti fejn, skont il-liġi nazzjonali, il-fondi depożitati ma jkunux għad-dispożizzjoni tal-depożitant minħabba li l-depożitant u l-istituzzjoni ta’ kreditu jkunu qablu kuntrattwalment li d-depożitu jservi biss biex jitħallas lura self ikkuntrattat għax-xiri ta’ proprjetà immobiljari. Dawn id-depożiti għandhom jitnaqqsu mill-ammont pendenti tas-self.

(26)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-protezzjoni ta’ depożiti li jirriżultaw minn ċerti tranżazzjonijiet, jew li jservu ċerti skopijiet soċjali jew oħrajn, tkun ogħla minn EUR 100 000 għal perijodu partikolari. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar livell massimu temporanju ta’ kopertura għal dawn id-depożiti u, meta jagħmlu dan, għandhom iqisu l-importanza tal-protezzjoni għad-depożitanti u l-kondizzjonijiet tal-ħajja fl-Istati Membri. Fil-każijiet kollha bħal dawn, għandhom jiġu osservati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(27)

Huwa meħtieġ li jiġu armonizzati l-metodi ta’ finanzjament tal-SGD. Min-naħa waħda, huwa meħtieġ li l-ispiża tal-finanzjament tal-SGD titħallas, bħala prinċipju, mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu nnifishom, u, min-naħa l-oħra, li l-kapaċità ta’ finanzjament tal-SGD għandha tkun proporzjonata mal-obbligazzjonijiet tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li depożitanti fl-Istati Membri kollha jgawdu minn livell għoli simili ta’ protezzjoni, il-finanzjament tal-SGD għandu jiġi armonizzat f’livell għoli ma’ livell ta’ mira finanzjarju uniformi ex-ante għall-SGD kollha.

(28)

Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu joperaw f’suq ikkonċentrat ħafna fejn ħafna istituzzjonijiet ta’ kreditu huma ta’ tali daqs u grad ta’ interkonnessjoni li huwa improbabbli li dawn jiġu stralċjati taħt il-proċeduri normali ta’ insolvenza mingħajr ma jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja u għalhekk ikun aktar probabbli li jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ riżoluzzjoni ordnati. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-iskemi jistgħu jkunu soġġetti għal livell ta’ mira aktar baxx.

(29)

Il-flus elettroniċi u l-fondi riċevuti bi skambju għall-flus elettroniċi m’għandhomx, f’konformità mad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jiġu ttrattati bħala depożitu u għalhekk m’għandhomx jaqgħu fl-ambitu tal-kopertura ta’ din id-Direttiva.

(30)

Sabiex id-depożiti jiġu limitati sa fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u t-trasparenza għad-depożitanti u biex jiġi evitat it-trasferiment ta’ riskji ta’ investiment għall-SGD, l-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-kopertura, ħlief għal prodotti ta’ tfaddil eżistenti b’xhieda ta’ ċertifikat tad-depożitu magħmula lil persuna msemmija.

(31)

Ċerti depożitanti m’għandhomx ikunu eliġibbli għall-protezzjoni tad-depożiti, partikolarment l-awtoritajiet pubbliċi jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra. L-għadd limitat tagħhom meta mqabbel mad-depożitanti l-oħra kollha jimminimizza l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja fil-każ li tfalli istituzzjoni ta’ kreditu. L-awtoritajiet għandhom aċċess ħafna aktar faċli għall-kreditu milli għandhom iċ-ċittadini. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu li jiddeċiedu li d-depożiti tal-awtoritajiet lokali b’baġit annwali sa EUR 500 000 jkunu koperti. L-impriżi nonfinanzjarji għandhom fil-prinċipju jkunu koperti, irrispettivament mid-daqs tagħhom.

(32)

Id-depożitanti li l-attivitajiet tagħhom jinkludu l-ħasil tal-flus fit-tifsira tal-Artikolu 1(2) jew (3) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għandhom jiġu esklużi mill-ħlas lura minn SGD.

(33)

L-ispiża għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipparteċipaw f’ SDG m’għandha l-ebda rabta mal-ispiża li tirriżulta mill-ġbir massiv ta’ depożiti mhux biss minn istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà, imma wkoll minn istituzzjonijiet b’saħħithom, wara li jkun hemm telf ta’ fiduċja tad-depożitanti fis-saħħa tas-sistema bankarja.

(34)

Huwa meħtieġ li l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD jammontaw għal ċertu livell ta’ mira u li jkunu jistgħu jinġabru kontribuzzjonijiet straordinarji. Fi kwalunkwe każ, l-SGD għandu jkollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi u adegwati sabiex jippermettulhom jiksbu fondi għal perijodu qasir ta’ żmien ħalli jissodisfaw il-pretensjonijiet li jsiru fuqhom. Għandu jkun possibbli li l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD jinkludu kontanti, depożiti, impenji ta’ pagamenti u assi b’riskju baxx, li jistgħu jiġu likwidati f’perijodu ta’ żmien qasir. L-ammont ta’ kontribuzzjonijiet lill-SGD għandu jieħu kont dovut taċ-ċiklu tan-negozju, tal-istabbiltà tas-settur li jiġbor id-depożiti u tal-obbligazzjonijiet eżistenti tal-SGD.

(35)

L-SGD għandhom jinvestu f’assi b’riskju baxx.

(36)

Il-kontribuzzjonijiet għall-SGD għandhom ikunu bbażati fuq l-ammont ta’ depożiti koperti u l-ammont ta’ riskju mġarrab mill-membru rispettiv. Dan jippermetti li l-profili tar-riskji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali, inklużi l-mudelli tan-negozju differenti tagħhom, jiġu riflessi. Dan għandu wkoll iwassal għal kalkolu ġust tal-kontribuzzjonijiet u jipprovdi inċentivi ħalli joperaw skont mudell ta’ negozju inqas riskjuż. Sabiex il-kontribuzzjonijiet jitfasslu skont iċ-ċirkustanzi tas-suq u l-profili tar-riskju, l-SGD għandhom ikunu jistgħu jużaw il-metodi bbażati fuq ir-riskju tagħhom stess. Sabiex jittieħed kont partikolarment ta’ setturi ta’ riskju baxx li huma regolati skont il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jitħallew jipprevedu t-tnaqqis korrispondenti fil-kontribuzzjonijiet waqt li jirrispettaw il-livell ta’ mira għal kull SGD. Fi kwalunkwe każ, il-metodi ta’ kalkolu għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti. L-Awtorità Ewropea ta’ Superviżjoni (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (‘ABE’) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) għandha toħroġ linji gwida dwar kif jiġu speċifikati l-metodi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet.

(37)

Il-protezzjoni ta’ depożiti hija element essenzjali sabiex jiġi kompjut is-suq intern u element komplementari indispensabbli għas-sistema ta’ superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu minħabba s-solidarjetà li toħloq fost l-istituzzjonijiet kollha f’suq finanzjarju partikolari fil-każ ta’ falliment ta’ xi wieħed minnhom. Għalhekk, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jippermettu lill-SGD li jsellfu flus lil xulxin fuq bażi volontarja.

(38)

Il-perijodu ta’ ħlas lura eżistenti imur kontra l-ħtieġa li tinżamm il-fiduċja tad-depożitanti u ma jissodisfax il-ħtiġijiet tad-depożitanti. Il-perijodu ta’ ħlas lura għandu għalhekk jitnaqqas għal sebat ijiem ta’ xogħol.

(39)

F’ħafna każijiet, madankollu, għadhom ma jeżistux il-proċeduri neċessarji għal limitu qasir għall-ħlas lura. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, jingħataw l-għażla, waqt perijodu tranżizzjonali, li jitnaqqas il-perijodu tal-ħlas lura gradwalment għal sebat ijiem. Id-dewmien massimu ta’ ħlas lura stabbiliti f’din id-Direttiva m’għandux jipprevjeni l-SGD milli jagħmlu ħlasijiet lura aktar kmieni lid-depożitanti. Sabiex jiġi żgurat li, matul il-perijodu tranżizzjonali, id-depożitanti ma jiltaqgħux ma’ diffikultajiet finanzjarji fil-każ ta’ falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tagħhom, id-depożitanti għandhom, madankollu, fuq talba, ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal ammont xieraq ta’ depożiti koperti tagħhom biex ikopru l-għoli tal-ħajja tagħhom. Tali aċċess għandu jsir biss abbażi tad-data pprovduta mill-istituzzjoni ta’ kreditu. Minħabba d-differenzi fl-għoli tal-ħajja bejn l-Istati Membri, dak l-ammont għandu jiġi determinat mill-Istati Membri.

(40)

Il-perijodu ta’ żmien meħtieġ għall-ħlas lura ta’ depożiti għandu jieħu kont ta’ każijiet fejn skemi jkollhom diffikultà fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ ħlas lura u d-drittijiet tad-depożitant, partikolarment jekk id-depożiti jkunu ġejjin minn transazzjonijiet immobiljari residenzjali jew ċerti avvenimenti tal-ħajja, jekk depożitant mhuwiex assolutament intitolat għas-somom f’kont, jekk id-depożitu huwa soġġett għal tilwima legali jew pretensjonijiet f’kompetizzjoni għas-somom miżmumin f’kont jew jekk depożitu huwa soġġett għal sanzjonijiet ekonomiċi imposti minn gvernijiet nazzjonali jew korpi internazzjonali.

(41)

Sabiex jiġi żgurat il-ħlas lura, l-SGD għandhom ikunu intitolati li jissurrogaw fuq id-drittijiet ta’ depożitanti mħallsin lura kontra istituzzjoni ta’ kreditu falluta. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jillimitaw il-ħin li fih id-depożitanti li d-depożiti tagħhom ma tħallsux lura, jew ma ġewx rikonoxxuti fiż-żmien għall-ħlas lura, jistgħu jitolbu l-ħlas lura tad-depożiti tagħhom, sabiex jippermettu lill-SGD jeżerċitaw id-drittijiet li fihom tiġi surrogata sad-data li fiha dawk id-drittijiet ikunu dovuti li jiġu rreġistrati fil-proċedimenti ta’ falliment.

(42)

L-SGD fi Stati Membri fejn istituzzjoni ta’ kreditu tkun stabbilixxiet fergħat, għandhom jinformaw u jħallsu lura lid-depożitanti f’isem l-SGD fl-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu kienet awtorizzata. Huma meħtieġa salvagwardji biex jiġi żgurat li SGD li tagħmel il-ħlas lura lid-depożitanti tirċievi mill-SGD ta’ domiċilju l-mezzi finanzjarji u l-istruzzjonijiet meħtieġa qabel ma jsir tali ħlas lura. L-SGD li jistgħu jkunu kkonċernati għandhom jidħlu fi ftehimiet minn qabel biex jiġu ffaċilitati dawk il-kompiti.

(43)

L-informazzjoni hija element essenzjali fil-protezzjoni ta’ depożitanti. Għalhekk, id-depożitanti għandhom jiġu informati dwar il-kopertura u l-SGD responsabbli fuq id-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tagħhom. Dawk li jkollhom l-intenzjoni li jsiru depożitanti għandhom jiġu informati permezz ta’ karta ta’ informazzjoni standardizzata li għandhom jintalbu jirrikonoxxu l-irċevuta tagħha. Il-kontenut ta’ informazzjoni bħal din għandu jkun identiku għad-depożitanti kollha. L-użu mhux regolat fir-reklamar ta’ referenzi għal-livell ta’ kopertura u l-ambitu ta’ SGD jista’ jaffettwa l-istabbiltà tas-sistema bankarja jew il-fiduċja tad-depożitanti. Għalhekk, ir-referenzi għall-SGD fir-riklami għandhom ikunu limitati għal dikjarazzjonijiet qosra u fattwali.

(44)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) tapplika għall-ipproċessar tad-data personali li titwettaq skont din id-Direttiva. L-SGD u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrattaw b’attenzjoni kbira data relatata ma’ depożiti ta’ individwi u għandhom iżommu standard għoli ta’ protezzjoni tad-data f’konformità ma’ dik id-Direttiva.

(45)

Din id-Direttiva m’għandhiex tirriżulta f’li l-Istati Membri jew l-awtoritajiet rilevanti tagħhom isiru responsabbli rigward depożitanti jekk huma jkunu żguraw li skema waħda jew aktar, li tiggarantixxi depożiti jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nnifishom u li tiżgura l-kumpens jew il-protezzjoni ta’ depożitanti taħt il-kondizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva, jkunu ġew introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti.

(46)

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 attribwixxa għadd ta’ kompiti li jirrigwardaw id-Direttiva 94/19/KE lill-ABE.

(47)

Filwaqt li tirrispetta s-superviżjoni tal-SGD mill-Istati Membri, l-ABE għandha tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan li jsir eħfef għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jibdew u jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni effikaċi għad-depożitanti u jimminimizzaw ir-riskju għall-persuni li jħallsu t-taxxa. L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni u lill-ABE informati dwar l-identità tal-awtorità maħtura tagħhom fid-dawl tal-ħtieġa għall-kooperazzjoni bejn l-ABE u l-awtoritajiet maħturin previsti f’din id-Direttiva.

(48)

Hemm ħtieġa li jiġu introdotti linji gwida fis-servizzi finanzjarji biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi u protezzjoni adatta għad-depożitanti fl-Unjoni kollha. Linji gwida bħal dawn għandhom jinħarġu sabiex jiġi speċifikat il-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet abbażi tar-riskju.

(49)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti u effikaċi tal-SGD u konsiderazzjoni bbilanċjata tal-pożizzjonijiet tagħhom fi Stati Membri differenti, l-ABE għandha tkun kapaċi ssolvi n-nuqqasijiet ta’ qbil bejniethom b’effett vinkolanti.

(50)

Minħabba d-diverġenzi fil-prattiki amministrattivi relatati mal-SGD fl-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu liema awtorità tiddetermina l-indisponibbiltà tad-depożiti.

(51)

L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet maħturin, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni, l-awtoritajiet amministrattivi rilevanti u l-SGD għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva. Huma għandhom jikkooperaw minn stadju bikri fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont li bih l-SGD jkunu responsabbli meta l-mezzi finanzjarji jintużaw biex jiffinanzjaw ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

(52)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex taġġusta l-livell ta’ kopertura għad-depożiti kollha tal-istess depożitant kif stabbilit f’din id-Direttiva skont l-inflazzjoni fl-Unjoni abbażi tal-bidliet fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumaturi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell espert. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(53)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjegazzjon (13), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar fejn jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis it-trasmissjoni ta’ tali dokumenti bħala waħda ġustifikata.

(54)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-funzjonament tal-SGD, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost jinkisbu biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-objettiv.

(55)

L-obbligu li din id-Direttiva tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali għandu jiġi limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostanzjali meta mqabbla mad-direttivi preċedenti. L-obbligu li jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux joriġina mid-direttivi preċedenti.

(56)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli u proċeduri relatati mal-istabbiliment u l-funzjonament ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD).

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a)

SGD statutorji;

(b)

SGD kuntrattwali li huma uffiċjalment rikonoxxuti bħala SGD skont l-Artikolu 4(2);

(c)

skemi ta’ protezzjoni li huma uffiċjalment rikonoxxuti bħala SGD skont l-Artikolu 4(2);

(d)

istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati mal-iskemi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(5) u (7), l-iskemi li ġejjin m’għandhomx ikunu soġġetti għal din id-Direttiva:

(a)

skemi kuntrattwali li mhumiex uffiċjalment rikonoxxuti bħala SGD, inklużi skemi li joffru protezzjoni addizzjonali għal-livell ta’ kopertura stabbilit fl-Artikolu 6(1);

(b)

skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali (IPS) li mhumiex uffiċjalment rikonoxxuti bħala SGD;

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu jkollhom stabbiliti mezzi finanzjarji adegwati jew arranġamenti ta’ finanzjament rilevanti biex iwettqu l-obbligi tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘skemi ta’ garanzija tad-depożiti’ jew ’ SGD’ tfisser skemi msemmijin fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 1(2);

(2)

‘skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali’ jew ‘IPS’ tfisser skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali kif imsemmijin fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) No 575/2013;

(3)

‘depożitu’ tfisser bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn tranżazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas lura taħt il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, inkluż depożitu ta’ żmien fiss u depożitu ta’ tfaddil, iżda eskluż bilanċ ta’ kreditu fejn:

(a)

l-eżistenza tiegħu tista’ tintwera biss permezz ta’ strument finanzjarju kif definit fl-Artikolu 4(17) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), sakemm ma jkunx prodott ta’ tfaddil li huwa evidenti permezz ta’ ċertifikat ta’ depożitu mogħti lil persuna msemmija u li jeżisti fi Stat Membru Stat fit-2 ta’ Lulju 2014;

(b)

il-kapital mhux ripagabbli at par;

(c)

il-kapital tiegħu huwa ripagabbli biss at par taħt garanzija jew ftehim partikolari mogħti mill-istituzzjoni ta’ kreditu jew parti terza;

(4)

‘depożiti eliġibbli’ tfisser depożiti li mhumiex esklużi mill-protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 5;

(5)

‘depożiti koperti’ tfisser il-parti ta’ depożiti eliġibbli li ma jeċċedux il-livell ta’ kopertura stabbilit fl-Artikolu 6;

(6)

‘depożitant’ tfisser id-detentur jew, fil-każ ta’ kont (d) konġunt, kull wieħed u waħda mid-detenturi tad-depożitu;

(7)

‘kont konġunt’ tfisser kont miftuħ fl-ismijiet ta’ żewġ persuni jew aktar jew li fuqu żewġ persuni jew aktar jkollhom drittijiet li huma eżerċitati permezz ta’ firma ta’ wieħed jew aktar minn dawk il-persuni;

(8)

‘depożitu mhux disponibbli’ tfisser depożitu li huwa dovut u pagabbli imma li ma kienx tħallas minn istituzzjoni ta’ kreditu skont il-kondizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli għalihom, fejn jew:

(a)

l-awtoritajiet amministrattivi rilevanti jkunu ddeterminaw li fil-fehma tagħhom l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun tidher li fiż-żmien kurrenti ma tkunx tista’, għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħha, li tħallas lura d-depożitu u l-istituzzjoni ma jkollha l-ebda prospett attwali li jkun jista’ jsir dan; jew

(b)

awtorità ġudizzjarja li tkun tat digriet għar-raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-effett li tissospendi d-drittijiet tad-depożitanti li jagħmlu pretensjonijiet kontrih;

(9)

‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(10)

‘fergħa’ tfisser post tan-negozju fi Stat Membru li jifforma parti legalment dipendenti minn istituzzjoni ta’ kreditu u li jwettaq b’mod dirett it-tranżazzjonijiet kollha jew uħud minnhom inerenti fin-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(11)

‘livell ta’ mira’ tfisser l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli li l-SGD hija meħtieġa tilħaq skont l-Artikolu 10(2), espress bħala perċentwali tad-depożiti koperti tal-membri tagħha;

(12)

‘mezzi finanzjarji disponibbli’ tfisser kontanti, depożiti u assi b’riskju baxx li jistgħu jiġu likwidati f’perijodu li ma jeċċedix dak imsemmi fl-Artikolu 8(1) u l-impenji ta’ pagament sal-limitu stabbilit fl-Artikolu 10(3);

(13)

‘impenji ta ‘pagament’ tfisser impenji ta’ pagament ta’ istituzzjoni ta’ kreditu lejn SGD li huma kompletament kollateralizzati sakemm il-kollateral:

(a)

ikun jikkonsisti f’assi b’riskju baxx;

(b)

ikun frank minn kwalunkwe drittijiet ta’ partijiet terzi u jkun għad-dispożizzjoni tal-SGD;

(14)

‘assi b’riskju baxx’ tfisser assi li jaqgħu fl-ewwel jew it-tieni kategoriji msemmija fit-Tabella 1 tal-Artikolu 336 tar-Regolament (UE) No 575/2013 jew kwalunkwe ass li huwa meqjus li jkun similarment sikur u likwidu mill-awtoritajiet kompetenti jew l-awtorità maħtura;

(15)

‘Stat Membru domiċiljari’ tfisser Stat Membru domiċiljari kif definit fil-punt (43) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(16)

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser Stat Membru ospitanti kif definit fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(17)

‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità kompetenti nazzjonali kif definita fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(18)

‘awtorità maħtura’ tfisser korp li jamministra SGD skont din id-Direttiva, jew, fejn l-operazzjoni ta’ SGD tkun amministrata minn entità privata, awtorità pubblika maħtura mill-Istati Membri konċernat għas-superviżjoni ta’ dik l-iskema skont din id-Direttiva.

2.   Fejn din id-Direttiva tirriferi għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, korp li jamministra l-SGD jew fejn l-operazzjoni tal-SGD tiġi amministrata minn kumpanija privata, l-awtorità pubblika li tissorvelja dik l-iskema, għandha, għall-fini ta’ dak ir-Regolament, titqies bħala awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Ishma f’building societies fl-Irlanda jew fir-Renju Unit apparti minn dawk ta’ natura kapitali koperti fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) għandhom jiġu ttrattati bħala depożiti.

Artikolu 3

Awtoritajiet amministrattivi rilevanti

1.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-awtorità amministrattiva rilevanti fl-Istat Membru tagħhom għall-fini tal-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1).

2.   L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet maħturin, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u l-awtoritajiet amministrattivi rilevanti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva.

L-awtorità amministrattiva rilevanti għandha tagħmel id-determinazzjoni msemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1) malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li l-ewwel tkun issodisfat ruħha li istituzzjoni ta’ kreditu tkun naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli.

Artikolu 4

Rikonoxximent uffiċjali, sħubija u superviżjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li fit-territorju tiegħu, waħda jew aktar SGD jkunu introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti.

Dan m’għandux jipprekludi l-fużjoni ta’ SGD ta’ Stati Membri differenti jew l-istabbiliment ta’ SGD transkonfinali. L-approvazzjoni ta’ tali SGD transkonfinali jew magħquda għandha tinkiseb mill-Istati Membri fejn l-SGD kkonċernati jkunu stabbiliti.

2.   Skema kuntrattwali kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2)) ta’ din id-Direttiva tista’ tiġi uffiċjalment rikonoxxuta bħala SGD jekk tikkonforma ma’ din id-Direttiva.

IPS tista’ tiġi uffiċjalment rikonoxxuta bħala SGD jekk tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tkun konformi ma’ din id-Direttiva.

3.   Ebda istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata fi Stat Membru skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE m’għandha tieħu depożiti sakemm ma tkunx membru ta’ skema uffiċjalment rikonoxxuta fl-Istat Membru domiċiljari tagħha skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Jekk istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx konformi mal-obbligi tagħha bħala membru ta’ SGD, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu nnotifikati minnufih u, f’koordinazzjoni mal-SGD, għandhom jieħdu fil-pront il-miżuri kollha xierqa inkluża, jekk meħtieġa, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li jiżguraw li l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun konformi mal-obbligi tagħha.

5.   Jekk il-miżuri meħudin taħt il-paragrafu 4 jonqsu milli jiżguraw konformità min-naħa tal-istituzzjoni ta’ kreditu, l-SGD tista’, soġġett għal-liġi nazzjonali u għall-kunsens espress tal-awtoritajiet kompetenti, tagħti notifika ta’ mhux anqas minn xahar tal-intenzjoni tagħha li teskludi l-istituzzjoni ta’ kreditu mis-sħubija tal-SGD. Id-depożiti magħmula qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ dik in-notifika għandhom jibqgħu koperti bis-sħiħ mill-SGD. Jekk, meta jiskadi l-perijodu ta’ dik in-notifika, l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx konformi mal-obbligi tagħha, l-SGD għandha teskludi l-istituzzjoni ta’ kreditu.

6.   Id-depożiti miżmumin fid-data li fiha istituzzjoni ta’ kreditu tiġi eskluża mis-sħubija fl-SGD għandhom ikomplu jiġu koperti minn dak l-SGD.

7.   L-awtoritajiet maħturin għandhom jissorveljaw l-SGD kollha msemmijin fl-Artikolu 1 fuq bażi kontinwa għall-konformità tagħhom ma’ din id-Direttiva.

L-SGD transkonfinali, għandhom jiġu sorveljati minn rappreżentanti tal-awtoritajiet maħturin tal-Istati Membri fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati huma awtorizzati

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li SGD, fi kwalunkwe ħin u fuq talba tal-SGD, jirċievu mingħand il-membri tagħhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jitħejja għal ħlas lura tad-depożitanti, inklużi l-marki skont l-Artikolu 5(4).

9.   L-SGD għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data li tappartjeni għal kontijiet tad-depożitanti. L-ipproċessar ta’ tali data għandu jitwettaq f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD jwettqu testijiet ta’ stress tas-sistemi tagħhom u li l-SGD jiġu informati malajr kemm jista’ jkun fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jiskopru problemi f’istituzzjoni ta’ kreditu li x’aktarx jagħtu lok għall-intervent ta’ SGD.

Tali testijiet għandhom isiru tal-anqas kull tliet snin u aktar ta’ spiss fejn xieraq. L-ewwel test għandu jsir sat-3 ta’ Lulju 2017.

Abbażi tar-riżultati tat-testijiet tal-istress, l-ABE għandha, mill-inqas kull ħames snin, twettaq analiżijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 sabiex tiġi eżaminata r-reżiljenza tal-SGD. L-SGD għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 70 ta’ dak ir-Regolament meta jiskambjaw informazzjoni mal-ABE.

11.   L-SGD għandhom jużaw l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu testijiet ta’ stress tas-sistemi tagħhom biss għat-twettiq ta’ dawk it-testijiet u għandhom iżommu din l-informazzjoni mhux iktar milli hu meħtieġ għal dik il-fini.

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD tagħhom ikollhom stabbiliti prattiki ta’ governanza tajbin u trasparenti. L-SGD għandhom jipproduċu rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 5

Eliġibbiltà tad-depożiti

1.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi minn kwalunkwe ħlas lura minn SGD:

(a)

soġġett għall-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva, depożiti magħmulin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn f’isimhom jew għan-nom tagħhom,

(b)

fondi proprji kif definiti fil-punt 118 tal-Artikolu 4(1)tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

depożiti li joriġinaw minn transazzjonijiet li b’konnessjoni magħhom kien hemm kundanna kriminali għal ħasil tal-flus kif definit f-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/60/KE;

(d)

depożiti minn istituzzjoni ta’ kreditu kif definit fil-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e)

depożiti minn ditti tal-investiment kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(f)

depożiti li d-detenturi tagħhom qatt ma ġie identifikat skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2005/60/KE, meta ma baqgħux disponibbli;

(g)

depożiti minn impriżi tal-assigurazzjoni u minn impriżi tar-riassigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) sa (6) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(h)

depożiti minn impriżi tal-investiment kollettiv;

(i)

depożiti minn fondi tal-pensjonijiet u tal-irtirar;

(j)

depożiti minn awtoritajiet pubbliċi;

(k)

titoli ta’ dejn maħruġin minn istituzzjoni ta’ kreditu u obbligazzjonijiet li joriġinaw mill-aċċettazzjonijiet proprji u kambjali.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiżguraw li dawn li ġejjin huma inklużi sal-livell ta’ kopertura stabbilit fl-Artikolu 6(1):

(a)

depożiti miżmumin minn skemi ta’ pensjoni personali u skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali ta’ intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju;

(b)

depożiti miżmumin minn awtoritajiet lokali b’baġit annwali sa EUR 500 000.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li depożiti li jistgħu jiġu rilaxxati skont il-liġi nazzjonali biss biex jitħallas self fuq proprjetà immobiljari kemm jekk magħmulin mill-istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni oħra li tkun qed iżżomm id-depożitu jiġu esklużi mill-ħlas lura minn SDG.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimmarkaw id-depożiti eliġibbli b’mod li tali depożiti jkunu jistgħu jiġu identifikati immedjatament.

Artikolu 6

Livell ta’ kopertura

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livell ta’ kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandu jkun ta’ EUR 100 000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

2.   Addizzjonalment għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożiti li ġejjin ikunu protetti ‘l fuq minn EUR 100 000 għal mill-inqas tliet xhur u mhux aktar minn 12-il xahar wara li l-ammont ikun ġie kkreditat jew mill-mument meta tali depożiti jsiru legalment trasferibbli.

(a)

depożiti li jirriżultaw minn transazzjonijiet fuq proprjetà immobiljari relatati ma’ proprjetajiet ta’ residenza privata;

(b)

depożiti li jaqdu skopijiet soċjali definiti fil-liġi nazzjonali u li huma marbutin ma’ avvenimenti partikolari matul il-ħajja ta’ depożitant bħal żwieġ, divorzju, irtirar, tkeċċija, senjsar, invalidità jew mewt;

(c)

depożiti li jaqdu finijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali u li huma bbażati fuq il-ħlas ta’ benefiċċji ta’ assigurazzjoni jew kumpens għal korrimenti kriminali jew kundanna inġusta.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jimpedixxu lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu skemi li jipproteġu prodotti ta’ provediment u pensjonijiet tal-anzjanità, sakemm dawn l-iskemi ma jkoprux biss id-depożiti iżda joffru kopertura komprensiva tal-prodotti u s-sitwazzjonijiet rilevanti f’dan ir-rigward.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħlasijiet lura jsiru fi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-munita tal-Istat Membru fejn tkun tinsab l-SGD;

(b)

il-munita tal-Istat Membru fejn ikun residenti d-detentur tal-kont;

(c)

l-euro;

(d)

il-munita tal-kont;

(e)

il-munita tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont.

Id-depożitanti għandhom jiġu informati dwar il-munita ta’ ħlas lura.

Jekk il-kontijiet ikunu nżammu f’munita differenti minn dik tal-ħlas, ir-rata tal-kambju użata għandha tkun dik tad-data li fiha l-awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1) jew meta awtorità ġudizzjarja tagħti deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1).

5.   L-Istati Membri li jikkonvertu fil-munita nazzjonali tagħhom l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 inizjalment għandhom jużaw fil-konverżjoni r-rata tal-kambju li tipprevalixxi fit-3 ta’ Lulju 2015.

L-Istati Membri jistgħu jaġġustaw għall-eqreb numru sħiħ l-ammonti li jirriżultaw mill-konverżjoni, sakemm tali aġġustament ma jeċċedix il-EUR 5 000.

Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jaġġustaw il-livelli ta’ kopertura konvertiti f’muniti oħra sal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu kull ħames snin. L-Istati Membri għandhom jagħmlu aġġustament tal-livelli ta’ kopertura aktar kmieni, wara li jikkonsultaw mal-Kummissjoni, wara li jseħħu xi avvenimenti mhux previsti bħal ċaqliq fil-munita.

6.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi rieżaminat perjodikament mill-Kummissjoni u mill-inqas darba kull ħames snin. Jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal Direttiva biex isir aġġustament tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud partikolarment ta’ żviluppi fis-settur bankarju u fis-sitwazzjoni ekonomika u dik monetarja fl-Unjoni. L-ewwel rieżami m’għandux isseħħ qabel it-3 ta’ Lulju 2020 sakemm avvenimenti mhux previsti jkunu jeħtieġu rieżami aktar kmieni.

7.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 sabiex jiġi aġġustat l-ammont imsemmi fil-paragrafu 6, tal-inqas kull ħames snin, skont l-inflazzjoni fl-Unjoni abbażi tal-bidliet fl-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea mill-aġġustament ta’ qabel.

Artikolu 7

Determinazzjoni tal-ammont ripagabbli

1.   Il-limitu msemmi fl-Artikolu 6 (1) għandu japplika għad-depożiti aggregati mqiegħda mal-istess istituzzjoni ta’ kreditu irrispettivament mill-għadd ta’ depożiti, il-munita u l-lokalità fl-Unjoni.

2.   Is-sehem ta’ kull depożitant f’kont konġunt għandu jittieħed kont tiegħu fil-kalkolu tal-limitu previst fl-Artikolu 6 (1).

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċjali, tali kont għandu jitqassam b’mod ekwu fost id-depożitanti.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li depożiti f’kont li għalih żewġ persuni jew aktar jkunu intitolati bħala membri ta’ sħubija ta’ negozju, assoċjazzjoni jew gruppi ta’ natura simili, mingħajr personalità legali, jistgħu jkunu aggregati u ttrattati bħallikieku kienu magħmula minn depożitant wieħed għall-fini tal-kalkolu tal-limitu previst fl-Artikolu 5 (1).

3.   Fejn depożitant ma jkunx assolutament intitolat għas-somom miżmumin f’kont, il-persuna li tkun assolutament intitolata għandha tkun koperta mill-garanzija, sakemm dik il-persuna tkun ġiet identifikata jew tkun identifikabbli qabel id-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1)jew awtorità ġudizzjarja tagħti deċiżjoni kif imsemmija fil–punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1). Fejn ikun hemm diversi persuni li jkunu assolutament intitolati, is-sehem ta’ kull wieħed minnhom taħt l-arranġamenti li tkun soġġetta għalihom l-amministrazzjoni tas-somom għandu jittieħed kont tiegħu meta jiġi kkalkolat l-limitu previst fl-Artikolu 6(1).

4.   Id-data ta’ referenza għall-kalkolu tal-ammont ripagabbli għandha tkun id-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1)jew meta awtorità ġudizzjarja tagħti deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1). L-obbligazzjonijiet tad-depożitant lejn l-istituzzjoni ta’ kreditu m’għandhomx jitqiesu meta jiġi kkalkolat l-ammont ripagabbli.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-obbligazzjonijiet tad-depożitant lejn l-istituzzjoni ta’ kreditu jittieħed kont tagħhom meta jkun qed jiġi kkalkolat l-ammont ripagabbli, fejn ikunu waslu għall-ħlas fid-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1)jew qabilha jew meta awtorità ġudizzjarja tagħti deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1)sa fejn il-ħlas ikun possibbli taħt id-dispożizzjonijiet statutorji u dawk kuntrattwali li jirregolaw il-kuntratt bejn l-istituzzjoni ta’ kreditu u d-depożitant.

Id-depożitanti għandhom jiġu informati qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-istituzzjoni ta’ kreditu fejn l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn l-istituzzjoni ta’ kreditu jittieħed kont tagħhom meta jiġi kkalkolat l-ammont ripagabbli.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD jkunu jistgħu fi kwalunkwe ħin jitolbu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jinformawhom dwar l-ammont aggregat ta’ depożiti eliġibbli ta’ kull depożitant.

7.   L-imgħax fuq id-depożiti li ġew akkumulati sad-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1) jew meta awtorità ġudizzjarja tagħti deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1)iżda li ma jkunux ġew ikkreditat f’din id-data għandhom jiġu rimborżati mill-SGD. Il-limitu msemmi fl-Artikolu 5(1) ma għandux jinqabeż.

8.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ċerti kategoriji ta’ depożiti li jissodisfaw skop soċjali definit mil-liġi nazzjonali, li għalihom parti terza tkun tat garanzija konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ma jitqisux meta jiġu aggregati d-depożiti li jkollu l-istess depożitant mal-istess istituzzjoni ta’ kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. F’tali każijiet, il-garanzija tal-parti terza għandha tkun limitata għal-livell ta’ kopertura stabbilit fl-Artikolu 6(1).

9.   Fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu permessi skont il-liġi nazzjonali joperaw taħt trademarks differenti kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), Stat Membru għandu jiżgura li d-depożitanti jkunu informati b’mod ċar li l-istituzzjoni ta’ kreditu topera taħt trademarks differenti u li l-livell ta’ kopertura stabbilit fl-Artikolu 6(1), (2) u (3) ta’ din id-Direttiva japplika għad-depożiti aggregati li d-depożitant ikollu mal-istituzzjoni ta’ kreditu. Dik l-informazzjoni għandha tkun inkluża fl-informazzjoni tad-depożitant imsemmija fl-Artikolu 16, u l-Anness I, ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 8

Ħlas lura

1.   L-SGD għandhom jiżguraw li l-ammont ripagabbli jkun disponibbli fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1)jew awtorità ġudizzjarja tagħti deċiżjoni kif imsemmija filpunt (8)(b) tal-Artikolu 2(1).

2.   Madankollu, l-Istati Membri jistgħu għall-perijodu tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2023 jistabbilixxu l-perijodi ta’ ħlas lura li ġejjin sa:

(a)

20 jum ta’ xogħol sal-31 ta’ Diċembru 2018;

(b)

15-il jum ta’ xogħol mill-1 ta’ Jannar 2019 u sal-31 ta’ Diċembru 2020;

(c)

10 ijiem ta’ xogħol mill-1 ta’ Jannar 2021 u sal-31 ta’ Diċembru 2023.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li d-depożiti msemmija fl-Artikolu 7(3) jiġu soġġetti għal perijodu itwal ta’ ħlas lura li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur mid-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1) jew awtorità ġudizzjarja tagħti deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1).

4.   Matul il-perijodu tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2023, u fejn l-SGD ma jkunux jistgħu jagħmlu l-ammont ta’ ħlas lura disponibbli fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol, huma għandhom jiżguraw li d-depożitanti jkollhom aċċess għal ammont adegwat tad-depożiti koperti tagħhom biex ikopru l-għoli tal-ħajja fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta ssir talba.

L-SGD jistgħu jagħtu aċċess għall-ammont xieraq kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu biss abbażi ta’ data provduta mill-SGD jew mill-istituzzjoni ta’ kreditu.

L-ammontxieraq imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ ħlas lura kif imsemmi fl-Artikolu 7.

5.   Il-ħlas lura kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jkun pospost fejn:

(a)

ikun hemm inċertezza dwar jekk persuna hijiex intitolata biex tirċievi ħlas lura jew id-depożitu jkun soġġett għal tilwima legali;

(b)

id-depożitu jkun soġġett għal miżuri restrittivi imposti minn gvernijiet nazzjonali jew korpi internazzjonali;

(c)

b’deroga mill-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni marbuta mad-depożitu fl-aħħar 24 xahar (il-kont mhux attiv);

(d)

l-ammont li jrid jitħallas lura jitqies bħala parti minn bilanċ għoli temporanju kif definit fl- Artikolu 6(2); jew

(e)

l-ammont li jrid jitħallas lura jkollu jitħallas mill-SGD tal-Istat Membru ospitanti f’konformità mal-Artikolu 114(2).

6.   L-ammont li jrid jitħallas lura għandu jkun disponibbli mingħajr ma tkun meħtieġa talba lill-SGD. Għal dak il-għan, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tittrasmetti l-informazzjoni meħtieġa dwar id-depożiti u d-depożitanti hekk kif tintalab mill-SGD.

7.   Kwalunkwe korrispondenza bejn l-SGD u d-depożitanti għandha ssir:

(a)

fil-lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni użata mill-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qed iżżomm id-depożitu kopert meta tikkomunika mad-depożitant; jew

(b)

fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikun jinstab id-depożitu kopert.

Jekk istituzzjoni ta’ kreditu topera direttament fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollha fergħat stabbiliti, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-lingwa li kienet intgħażlet mid-depożitant meta nfetaħ il-kont.

8.   Minkejja l-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn depożitant jew kwalunkwe persuna intitolata għal jew interessata f’somom miżmuma f’kont tkun ġiet akkużata b’reat li joriġina minn jew b’relazzjoni ma’ ħasil tal-flus kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/60/KE, l-SGD tista’ tissospendi kwalunkwe pagament relatat mad-depożitant konċernat, sakemm ikun hemm sentenza mill-qorti.

9.   Ma għandu jsir l-ebda ħlas lura fejn ma jkun hemm l-ebda tranżazzjoni relatata mad-depożitu fl-aħħar 24 xahar u l-valur tad-depożitu jkun aktar baxx mill-ispejjeż amministrattivi mġarrba mill-SGD kieku jsir tali ħlas lura.

Artikolu 9

Pretensjonijiet kontra SGD

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tad-depożitanti għal kumpens jistgħu jkunu soġġetti għal azzjoni kontra l-SGD.

2.   Mingħajr preġudizzju għal drittijiet li huma jista’ jkollha skont il-liġi nazzjonali, l-SGD li tagħmel pagamenti taħt garanzija fi ħdan qafas nazzjonali għandu jkollha d-dritt ta’ surrogazzjoni għad-drittijiet ta’ depożitanti fi proċedimenti ta’ stralċ jew ta’ riorganizzazzjoni għal ammont ekwivalenti għall-pagamenti tagħha magħmula lid-depożitanti. Meta SGD tagħmel pagamenti fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni, inkluż l-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 11, l-SGD għandu jkollha pretensjoni kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu rilevanti għal ammont ekwivalenti għall-pagamenti tagħha. Dik il-pretensjoni għandha tiġi klassifikata fl-istess livell bħad-depożiti koperti skont il-liġi nazzjonali li tirregola l-proċedimenti normali ta’ insolvenza kif definit fid-Direttiva 2014/59/UE.

3.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw iż-żmien li fih id-depożitanti li d-depożiti tagħhom ma tħallsux lura jew ma ġewx rikonoxxuti mill-SGD sal-iskadenzi stipulati fl-Artikoli 7(1) u (3) jista’ jkollhom pretensjoni fuq il-ħlas lura tad-depożiti tagħhom.

Artikolu 10

Finanzjament ta’ SGD

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD jkollhom fis-seħħ sistemi adegwati biex jiġu ddeterminati l-obbligazzjonijiet potenzjali tagħhom. Il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawn l-obbligazzjonijiet.

L-SGD għandhom iżidu l-mezzi finanzjarji disponibbli b’kontribuzzjonijiet li għandhom isiru mill-membri tagħhom mill-inqas darba fis-sena. Dan ma għandux jipprevjeni finanzjament addizzjonali minn sorsi oħra.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat-3 ta’ Lulju 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ SGD għandhom tal-anqas jilħqu livell ta’ mira ta’ 0,8 % tal-ammont tad-depożiti koperti mill-membri tagħha.

Meta l-kapaċità finanzjarja ma tilħaqx il-livell ta’ mira, għandu jerġa’ jibda l-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-anqas sakemm jerġa’ jintlaħaq il-livell ta’ mira.

Jekk, wara li l-livell ta’ mira jkun intlaħaq għall-ewwel darba, il-mezzi finanzjarji disponibbli jkunu ġew imnaqqsa għal anqas minn żewġ terzi tal-livell ta’ mira, il-kontribuzzjoni regolari għandha tiġi stabbilita għal livell li jippermetti l-livell ta’ mira li jintlaħaq fi żmien sitt snin.

Il-kontribuzzjoni regolari għandha tieħu kont dovut tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju, u l-impatt li jista’ jkollhom il-kontribuzzjonijiet pro-ċikliċi fl-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-perijodu inizjali msemmi fl-ewwel subparagrafu b’mhux aktar minn erba’ snin jekk l-SGD tkun għamlet żborzi kumulattivi ta’ aktar minn 0,8 % tad-depożiti koperti.

3.   Il-mezzi finanzjarji disponibbli li għandu jittieħed kont tagħhom sabiex jintlaħaq il-livell ta’ mira jista’ jinkludi impenji ta’ pagament. Is-sehem totali ta’ impenji ta’ pagament ma għandux jaqbeż 30 % tal-ammont totali ta’ mezzi finanzjarji disponibbli miżjuda f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva, l-ABE għandha toħroġ linji gwida dwar impenji ta’ pagament.

4.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’, għall-fini li jaqdi l-obbligi taħtu, jiġbor il-mezzi finanzjarji disponibbli permezz tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu lil skemi eżistenti ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji stabbiliti minn Stat Membru fit-territorju tiegħu bil-għan li jkopru l-ispejjeż relatati mar-riskju sistemiku, il-falliment, u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet.

L-SGD huma intitolati għal ammont ekwivalenti għall-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet sal-livell ta’ mira fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li l-Istat Membru fuq talba jagħmel immedjatament disponibbli għal dawk l-SGD, għall-użu esklussivament għall-finijiet previsti fl-Artikolu 11.

L-SGD huma intitolati għal dak l-ammont biss jekk l-awtorità kompetenti tqis li huma mhumiex kapaċi jiġbru kontribuzzjonijiet straordinarji mill-membri tagħhom, u l-SGD għandhom iħallsu lura dak l-ammont permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom f’konformità mal-Artikolu 10(1) u (2).

5.   Il-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni taħt it-Titolu VII tad-Direttiva 2014/59/UE, inklużi l-mezzi finanzjarji disponibbli li għandu jittieħed kont tagħhom biex jintlaħaq il-livell ta’ mira tal-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni taħt l-Artikolu 102(3b) tad-Direttiva 2014/59/UE, ma għandhomx jingħaddu għall-iskop tal-livell ta’ mira.

6.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu, fejn ikun ġustifikat u bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jawtorizzaw livell ta’ mira mimimu aktar baxx mil-livell ta’ mira speċifikat fil-paragrafu 2, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li x’aktarx mhux ser tintuża parti sinifikanti mill-mezzi disponibbli għal miżuri li jipproteġu depożitanti koperti, minbarra kif previst fl-Artikolu 11(2) u (6); u

(b)

is-settur bankarju li joperaw fih l-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati għall-SGD huwa kkonċentrat ħafna bi kwantità kbira ta’ assi miżmuma minn għadd żgħir ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi ta’ banek, soġġetti għal superviżjoni fuq bażi konsolidata li, b’kont meħud tad-daqs tagħhom, x’aktarx li f’każ ta’ falliment ikunu soġġetti għall-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni.

Dak il-livell ta’ mira mnaqqas ma għandux ikun aktar baxx minn 0,5 % tad-depożiti koperti.

7.   Il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD għandu jiġi investit b’mod suffiċjentement diversifikat u ta’ riskju baxx.

8.   Jekk il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ SGD ikunu insuffiċjenti biex jitħallsu lura d-depożitanti meta d-depożiti ma jibqgħux disponibbli, il-membri tagħha għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet straordinarji li ma jeċċedux 0,5 % tad-depożiti koperti tagħhom kull sena tal-kalendarju. L-SGDs tista’ f’ċirkostanzi eċċezzjonali u bil-kunsens tal-awtorità kompetenti tirrikjedi kontribuzzjonijiet ogħla.

L-awtorità kompetenti tista’ tiddiferixxi, kompletament jew parzjalment, il-ħlas minn istituzzjoni ta’ kreditu ta’ kontribuzzjonijiet staordinarji ex post lis-SGD jekk il-kontribuzzjonijiet jipperikolaw il-likwidità jew is-solvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

Tali diferiment m’għandhux jingħata għal perijodu ta’ aktar minn sitt xhur iżda jista’ jiġġedded fuq talba tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-kontribuzzjonijiet diferiti taħt dan il-paragrafu għandhom jitħallsu meta tali ħlas ma jipperikolax aktar il-likwidità jew is-solvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD ikollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi u adegwati sabiex jippermettulhom li jiksbu fondi f’qasir żmien sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet kontra dawk l-SGD.

10.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-ABE dwar l-ammont ta’ depożiti koperti fl-Istat Membru tagħhom u l-ammont ta’ mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD tagħhom fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti.

Artikolu 11

Użu ta’ fondi

1.   Il-mezzi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jintużaw prinċipalment sabiex jitħallsu lura d-depożitanti skont din id-Direttiva.

2.   Il-mezzi finanzjarji ta’ SGD għandhom jintużaw biex tiġi ffinanzjata r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59/UE. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina, wara konsultazzjoni mal-SGD, l-ammont li bih hija responsabbli l-SGD.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li SGD tuża l-mezzi finanzjarji disponibbli għal miżuri alternattivi sabiex tevita falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma ħadet l-ebda azzjoni ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)

l-SGD għandha sistemi u proċeduri xierqa għall-għażla u l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-monitoraġġ tar-riskji affiljati;

(c)

l-ispejjeż tal-miżuri ma jaqbżux l-ispejjeż meħtieġa biex jiġi sodisfatt il-mandat statutorju jew kuntrattwali tal-SGD;

(d)

l-użu ta’ miżuri alternattivi mill-SGD huwa marbut ma’ kondizzjonijiet imposti fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qed tiġi appoġġata, u jinkludi tal-anqas monitoraġġ imsaħħaħ tar-riskji u aktar drittijiet tal-verifika tal-SGD;

(e)

l-użu ta’ miżuri alternattivi mill-SGD huwa marbut ma’ impenji mill-istituzzjoni ta’ kreditu li qed tiġi appoġġata bil-ħsieb li jiġi żgurat l-aċċess għal depożiti koperti;

(f)

il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati li jħallsu l-kontribuzzjonijiet straordinarji skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu huwa konfermat fil-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti.

L-SGD għandha tikkonsulta mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-awtorità kompetenti dwar il-miżuri u l-kondizzjonijiet imposti fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu.

4.   Ma għandhomx jiġu applikati miżuri alternattivi kif imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fejn l-awtorità kompetenti wara konsultazzjoni mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tikkunsidra bħala sodisfatti l-kondizzjonijiet għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni taħt l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

5.   Jekk jintużaw mezzi finanzjarji disponibbli f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati għandhom immedjatament jipprovdu lill-SGD bil-mezzi użati għal miżuri alternattivi, fejn meħtieġ fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji, fejn:

(a)

tinqala’ l-ħtieġa li jiġu mħallsa lura d-depożitanti u l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD jammontaw għal anqas minn żewġ terzi tal-livell ta’ mira;

(b)

il-mezzi finanzjarji disponibbli jaqgħu taħt 25 % tal-livell ta’ mira.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-mezzi finanzjarji disponibbli jistgħu jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw miżuri li jippreservaw l-aċċess tad-depożitanti għal depożiti koperti, inkluż it-trasferiment ta’ assi u obbligazzjonijiet u t-trasferiment tal-ktieb ta’ depożitu, fil-kuntest ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza, dment li l-ispejjeż imġarrba mill-SGD ma jaqbżux l-ammont nett għall-kumpens tad-depożitanti koperti fl-istituzzjoni ta’ kreditu konċernata.

Artikolu 12

Self bejn SGD

1.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li SGD jsellfu lil SGD oħrajn fi ħdan l-Unjoni fuq bażi volontarja, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-SGD li tissellef ma tistax tissodisfa l-obbligi skont l-Artikolu 8(1) minħabba nuqqas ta’ mezzi finanzjarji disponibbli kif imsemmija fl-Artikolu 10;

(b)

l-SGD li tissellef tkun irrikorriet għall-kontribuzzjonijiet straordinarji msemmija fl-Artikolu 10(8)

(c)

l-SGD li tissellef tieħu l-impenn legali li l-fondi mislufa ser jintużaw sabiex jitħallsu pretensjonijiet taħt l-Artikolu 9(1).

(d)

l-SGD li tissellef mhijiex attwalment soġġetta għal obbligu li tħallas lura self lil SGD oħrajn taħt dan l-Artikolu;

(e)

l-SGD li tissellef għandha tiddikjara l-ammont ta’ flus mitlub.

(f)

l-ammont totali misluf ma jaqbiżx 0,5 % tad-depożiti koperti tal-SGD li tissellef;

(g)

l-SGD li tissellef tinforma mingħajr dewmien lill-ABE u tiddikjara r-raġunijiet għalfejn l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu huma sodisfatti u l-ammont ta’ flus mitlub.

2.   Is-self għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-SGD li tissellef għandha tħallas lura s-self fi żmien 5 snin. Tista’ tħallas lura s-self f’pagamenti akkont annwali. L-imgħax għandu jkun dovut biss fi żmien tal-ħlas lura.

(b)

ir-rata tal-imgħax stabbilita għandha tkun tal-anqas ekwivalenti għar-rata marġinali tal-faċilità tas-self tal-Bank Ċentrali Ewropew matul il-perijodu tal-kreditu;

(c)

l-SGD li tissellef għandha tinforma lill-ABE dwar ir-rata ta’ imgħax inizjali u t-tul ta’ żmien tas-self.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet miġbura mill-SGD li tissellef ikunu biżżejjed biex jiġi rimborżat l-ammont misluf u jiġi stabbilit mill-ġdid il-livell ta’ mira mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 13

Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lil SGD

1.   Il-kontribuzzjonijiet lill-SGD msemmija fl-Artikolu 10 għandhom ikunu bbażati fuq l-ammont ta’ depożiti koperti u l-ammont ta’ riskju mġarrab mill-membru rispettiv.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu kontribuzzjonijiet aktar baxxi għal setturi b’riskju żgħir li huma regolati mil-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li membri ta’ SPI iħallsu kontribuzzjonijiet aktar baxxi lill-SGD.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati b’mod permanenti mal-korp ċentrali kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jkunu soġġetti b’mod ġenerali għall-piż tar-riskju li jkun ġie ddeterminat għal korp ċentrali u l-istituzzjonijiet affiljati tiegħu fuq bażi konsolidata.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jħallsu kontribuzzjoni minima, irrispettivament mill-ammont tad-depożiti koperti tagħhom.

2.   L-SGD jistgħu jużaw il-metodi tagħhom stess ibbażati fuq ir-riskju għad-determinazzjoni u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet bbażati fuq ir-riskju mill-membri tagħhom. Il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għandu jkunu proporzjonali għar-riskju tal-membri u għandu jieħu kont dovut tal-profili ta’ riskju tal-mudelli varji ta’ negozju. Dawk il-metodi jistgħu ukoll jieħdu kont tan-naħa tal-attiv tal-karta tal-bilanċ u l-indikaturi tar-riskju, bħall-adegwatezza tal-kapital, il-kwalità u l-likwidità tal-assi.

Kull metodu għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti b’kooperazzjoni mal-awtorità maħtura. L-ABE għandha tiġi infurmata dwar il-metodi approvati.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva, l-ABE għandha, sat-3 ta’ Lulju 2015, toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 biex jiġi speċifikati l-metodu għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lill-SGD f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

B’mod partikolari, hija għandha tinkludi formula ta’ kalkolu, indikaturi speċifiċi, klassijiet tar-riskju għall-membri, limiti għal piżijiet tar-riskju assenjati lil klassijiet tar-riskju speċifiċi, u element oħra meħtieġa.

Sat-3 ta’ Lulju 2017 u tal-anqas kull ħames snin wara dan, l-ABE għandha twettaq reviżjoni tal-linji gwida dwar metodi bbażati fuq ir-riskju jew metodi alternattivi tar-riskju proprju applikati mill-SGD.

Artikolu 14

Kooperazzjoni fi ħdan l-Unjoni

1.   L-SGD għandhom ikopru lid-depożitanti fil-fergħat stabbiliti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma membri tagħhom fl-Istati Membri l-oħra.

2.   Depożitanti f’fergħat stabbiliti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri oħra għandhom jitħallsu lura minn SGD fl-Istat Membru ospitanti f’isem l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti fl-Istat Membru tad-domiċilju. L-SGD tal-Istat Membru ospitanti għandha tagħmel il-ħlasijiet lura f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-SGD tal-Istat Membru tad-domiċilju. L-SGD tal-Istat Membru ospitanti ma għandha ġġorr l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ atti magħmula f’konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-SGD tal-Istat Membru tad-domiċilju. L-SGD tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tipprovdi l-finanzjament meħtieġ qabel l-iżborż u għandha tikkumpensal-SGD tal-Istat Membru ospitanti għall-ispejjeż kollha li jkunu ġġarrbu.

L-SGD tal-Istat Membru ospitanti għandha wkoll tinforma lid-depożitanti konċernati f’isem l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti tal-Istat Membru tad-domiċilju u għandha tkun intitolata tirċievi korrispondenza mingħand dawn id-depożitanti f’isem l-SGD tal-Istat Membru tad-domiċilju.

3.   Jekk istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru ta’ SGD u tissieħeb fi SGD oħra, il-kontribuzzjonijiet li jkunu tħallsu matul it-tnax-il xahar li ppreċedew it-tmiem tas-sħubija, bl-eċċezzjoni tal-kontribuzzjonijiet straordinarji konformi mal-Artikolu 10(8), għandhom jiġu ttrasferiti lill-Iskemi ta’ SGD l-oħra. Dan ma għandux japplika jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet eskluża minn Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti skont l-Artikolu 4(5).

Jekk x’uħud mill-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jiġu trasferiti għal Stat Membru ieħor u għalhekk jiġu soġġetti għal SGD oħra, il-kontribuzzjonijiet ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu mħallsa matul it-12-il xahar li ppreċedew it-trasferiment, bl-eċċezzjoni tal-kontribuzzjonijiet straordinarji f’konformità mal-Artikolu 10(8), għandhom jiġu ttrasferiti lill-SGD l-oħra għall-ammont ta’ depożiti koperti trasferiti.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD tal-Istat Membru tad-domiċilju jiskambjaw l-informazzjoni msemmija taħt l-Artikolu 4(7) jew 4(8) u (10) ma’ dawk fl-Istati Membri ospitanti. Għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu.

Jekk istituzzjoniji ta’ kreditu jkollha l-intenzjoni li tittrasferixxi minn SGD għal oħra f’konformità ma’ din id-Direttiva, għandha tagħti notifika ta’ mill-anqas sitt xhur mill-intenzjoni tagħha li tagħmel dan. Matul dak il-perijodu, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tibqa’ taħt l-obbligu li tikkontribwixxi għall-SGD oriġinali tagħha f’konformità mal-Artikolu 10 kemm f’termini ta’ finanzjament ex-ante kif ukoll ex-post.

5.   Sabiex tiġi ffaċilitata kooperazzjoni effikaċi bejn l-SGD, partikolarment fir-rigward ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 12, l-SGD, jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet maħtura, għandhom ikollhom fis-seħħ ftehimiet bil-miktub ta’ kooperazzjoni. Tali ftehimiet għandhom jieħdu kont tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(9).

L-awtorità maħtura għandha tinnotifika lill-ABE bl-eżistenza u l-kontenut ta’ tali ftehimiet u l-ABE tista’ tagħti opinjonijietf’konformità mal- Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. Jekk l-awtoritajiet maħtura jew l-SGD ma jistgħux jaslu għal ftehim jew jekk ikun hemm tilwima dwar l-interpretazzjoni ta’ ftehim, kwalunkwe parti tista’ tirriferi l-kwistjoni lill-ABE u f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u l-ABE għandha taġixxi f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

In-nuqqas ta’ tali ftehimiet ma għandux jaffettwa l-pretensjonijiet ta’ depożitanti taħt l-Artikolu 9(1) jew tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri adegwati jkunu fis-seħħ biex l-SGD jkunu jistgħu jikkondividu l-informazzjoni u jikkomunikaw b’mod effikaċi ma’ SGD oħra, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati u l-awtoritajiet kompetenti u maħtura fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tagħhom stess u ma’ aġenziji oħra fuq bażi transkonfinali, fejn ikun xieraq.

7.   L-ABE u l-awtoritajiet kompetenti u maħtura għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u jużaw is-setgħat tagħhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u mar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ABE dwar l-identità’ tal-awtorità maħtura sat-3 ta’ Lulju 2015.

8.   L-ABE għandha tikkoopera mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) dwar analiżi dwar tar-riskju sistemiku fir-rigward ta’ SGD.

Artikolu 15

Fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti f’pajjiż terzi

1.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-fergħat stabbiliti fit-territorju tagħhom minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha barra mill-Unjoni jkollhom protezzjoni ekwivalenti għal dik prevista f’din id-Direttiva.

Jekk il-protezzjoni ma tkunx ekwivalenti, l-Istati Membri jistgħu, soġġett għall-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, jistipulaw li l-fergħat stabbiliti minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha barra mill-Unjoni għandhom jissieħbu ma’ SGD li tkun qed topera fit-territorji tagħhom.

Meta jagħmlu l-verifika prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom tal-anqas jivverifikaw li d-depożitanti jibbenefikaw mill-istess livell ta’ kopertura u ambitu ta’ protezzjoni kif previst f’din id-Direttiva.

2.   Kull fergħa stabbilita minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha barra mill-Unjoni u li ma tkunx membru ta’ SGD li tkun qed topera fi Stat Membru għandha tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-arranġamenti ta’ garanzija għad-depożiti ta’ depożitanti attwali u dawk li jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu depożitu f’dik il-fergħa.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun disponibbli fil-lingwa li ġiet miftiehma mid-depożitant u l-istituzzjoni ta’ kreditu meta nfetaħ il-kont jewfil-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita fergħa fil-mod preskritt mill-liġi nazzjonali u għandha tkun ċara u li tinftiehem.

Artikolu 16

Informazzjoni lid-depożitanti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jagħmlu disponibbli lid-depożitanti attwali u lil dawk li jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu depożitu, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazjoni tal-SGD li tagħha l-istituzzjoni jew il-fergħat huma membri fl-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jgħarrfu lid-depożitanti attwali u lil dawk li jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu depożitu bl-esklużjonijiet applikabbli mill-protezzjoni ta-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti.

2.   Qabel ma jidħlu f’kuntratt dwar it-teħid ta’ depożiti, id-depożitanti għandhom jiġu jingħataw l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1. Huma għandhom jirrikonoxxu li rċevew dik l-informazzjoni. Il-formula standard stipulata fl-Anness III għandha tintuża għal dak il-għan.

3.   Il-konferma li l-depożiti huma depożiti eliġibbli għandha tingħata lid-depożitanti fir-rendikonti tagħhom tal-kont u jinkludu referenza għall-karta ta’ informazzjoni stipulata fl-Anness III. Is-sit tal-Internet tal-SGD rilevanti għandha tiġi indikata fuq il-karta ta’ informazzjoni. Il-karta ta’ informazzjoni stipulata fl-Anness III għandha tingħata lid-depożitant tal-anqas darba fis-sena.

Is-sit tal-Internet tal-SGD għandu jkollu l-informazzjoni meħtieġa għad-depożitanti, b’mod partikolari l-informazzjoni li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar il-proċess u l-kondizzjonijiet tal-garanziji tad-depożiti kif previsti f’din id-Direttiva.

4.   L-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli fil-mod preskritt mill-liġi nazzjonali fil-lingwa li ġiet miftiehma mid-depożitant u l-istituzzjoni ta’ kreditu meta nfetaħ il-kont jewfil-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-fergħa.

5.   L-Istati Membri għandhom jillimitaw l-użu fir-reklamar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għal referenza fattwali għall-SGD li tiggarantixxi l-prodott li jirriferi għalih ir-reklam u għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa mil-liġi nazzjonali.

Tali informazzjoni tista’ testendi għad-deskrizzjoni fattwali tal-funzjonament tal-SGD iżda ma għandiex tinkludi referenza għal kopertura illimitata ta’ depożiti.

6.   F’każ ta’ fużjoni, il-konverżjoni ta’ sussidjarji f’fergħat jew operazzjonijiet simili, id-depożitanti għandhom jiġu infurmati tal-anqas xahar qabel ma l-operazzjoni jkollha effett legali sakemm l-awtorità kompetenti ma tippermettix data ta’ skadenza iqsar għal raġunijiet ta’ segretezza kummerċjali jew stabbiltà finanzjarja.

Id-depożitanti għandhom jingħataw perijodu ta’ tliet xhur wara n-notifika tal-fużjoni jew konverżjoni jew operazzjoni simili sabiex jiġbdu jew jittrasferixxu f’istituzzjoni ta’ kreditu ieħor, mingħajr ma jġarrbu kwalunkwe penalità, id-depożiti eliġibbli tagħhom inklużi l-imgħax u l-benefiċċji kollha akkumulati, sa fejn jaqbżu l-livell ta’ kopertura fl-Artikolu 6 fil-mument tal-operazzjoni.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk istituzzjoni ta’ kreditu tirtira, jew tiġi eskluża minn SGD, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tinforma lid-depożitanti fi żmien xahar minn tali irtirar jew esklużjoni.

8.   Jekk depożitant juża l-Internet banking, l-informazzjoni li tkun meħtieġ li tiġi divulgata minn din id-Direttiva tista’ tiġi kkomunikata b’mezz elettroniku. Fejn id-depożitant jitlob hekk, din għandha tiġi kkomunikata bil-miktub.

Artikolu 17

Lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jinnotifikaw lill-ABE dwar l-awtorizzazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw ta’ liema DGS kull istituzzjoni ta’ kreditu hija membru.

2.   Meta jkunu qed jippubblikaw u jaġġornaw il-lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati f’konformità mal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-ABE għandha tindika ta’ liema DGS kull istituzzjoni ta’ kreditu hija membru.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(7) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(7) tista’ tkun revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fit-tmiem id-delega tas-setgħa speċifikat f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tagħti notifika dwaru fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 6(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew lanqas mill-Kunsill f’perijodu ta’ żmien ta’ tliet xhur min-notifika dwar dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Fejn ċerti depożiti jew kategoriji ta’ depożiti jew strumenti oħra ma jibqgħux jiġu koperti għal kollox jew parzjalment mill-SGD wara t-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva jew id-Direttiva 2009/14/KE fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tali depożiti u strumenti oħra li għandhom data ta’ maturità inizjali jiġu koperti sad-data ta’ maturità inizjali tagħhom jekk ikunu tħallsu jew ħarġu qabel it-2 ta’ Lulju 2014.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitanti jiġu infurmati dwar id-depożiti u l-kategoriji ta’ depożiti jew strumenti oħra li mhux ser jibqgħu koperti minn SGD mit-3 ta’ Lulju 2015.

3.   Sa meta l-livell ta’ mira jintlaħaq għall-ewwel darba, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-limiti fl-Artikolu 11(4fir-rigward tal-mezzi finanzjarji disponibbli.

4.   B’deroga mill-Artikolu 6(1), l-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 2008, kienu jipprevedu għal-livell ta’ kopertura bejn EUR 100 000 u EUR 300 000, jistgħu japplikaw mill-ġdid dak il-livell ta’ kopertura għola sal-31 ta’ Diċembru 2018. F’dak il-każ, il-livell ta’ mira u l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiġu aġġustati kif xieraq.

5.   Sat-3 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, u, jekk xieraq, proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tistabbilixxi, kif l-SGD li joperaw fl-Unjoni jistgħu jikkooperaw permezz ta’ skema Ewropea biex jevitaw riskji li jirriżultaw minn attivitajiet transkonfinali u jipproteġu d-depożiti minn tali riskji.

6.   Sat-3 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni, appoġġata mill-ABE, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill ▐ rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu, b’mod partikolari jindirizza:

(a)

il-livell ta’ mira abbażi tad-depożiti koperti, b’valutazzjoni tal-adegwatezza tal-perċentwal iffissat, b’kont meħud tal-falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni fil-passat;

(b)

l-impatt ta’ miżuri alternattivi użati f’konformità mal-Artikolu 11(3) dwar il-protezzjoni tad-depożitanti u l-konsistenza mal-proċeduri ta’ stralċ ordinati fis-settur bankarju

(c)

l-impatt fuq id-diversità tal-mudelli bankarji;

(d)

l-adegwatezza tal-livell ta’ kopertura attwali għad-depożitanti; u

(e)

jekk il-kwistjonijiet imsemmija f’dan is- subparagrafu ġewx trattati b’ mod li tiġi mħarsal-protezzjoni tad-depożitanti.

Sat-3 ta’ Lulju 2019, l-ABE għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar mudelli ta’ kalkolu u r-rilevanza tagħhom għar-riskju kummerċjali tal-membri. Meta tirrapporta, l-ABE għandha tieħu kont dovut tal-profili ta’ riskju tal-mudelli varji ta’ negozju.

Artikolu 20

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mal-Artikoli 1sa 4, punti (d) u (k) tal-Artikolu 5(1), Artikolu 5 (2), Artikolu 5(3) u Artikolu 5(4) Artikolu 6(2) sa (7), Artikolu 7(4) sa (9), Artikolu 8(1), (2), (3), (4), (5), (6), (7) u (9), Artikolu 9(2) u (3), Artikoli 10 sa 16, 18 u19, u l-Anness I sat-3 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikolu 8(4) sal-31 ta’ Mejju 2016.

Jekk, wara eżami fil-fond, l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li SDG għadha mhix f’pożizzjoni li tikkonforma mal-Artikolu 13 sat-3 ta’ Lulju 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti għandhom jiddaħħlu fis-seħħ sal-31 ta’ Mejju 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li referenzi f’liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-direttivi mħassrin minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif għandha tkun ifformulata dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 21

Tħassir

Id-Direttiva 94/19/KE, kif emendata bid-Direttiva elenkata fl-Anness II hija mħassra b’effett mill-4 ta’ Lulju 2019 mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati tal-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II.

Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 5(1), Artikolu 6(1), Artikolu 6(1) sa (3), Artikolu 8(8), Artikolu 9(1) u Artikolu 17 għandhom japplikaw mill-4 ta’ Lulju 2015.

Artikolu 23

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 99, 31.3.2011, p. 1.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2012 (ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 81) u Deċiżjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-3 ta’ Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5).

(4)  Ara l-Anness III.

(5)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(7)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 15 Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 (Ara paġna 190 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors (ĠU L 68, 13.3.2009, p. 3).

(9)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(10)  Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(11)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(12)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(13)  Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14).

(14)  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(15)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(16)  Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25).

(17)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).


ANNESS I

FORMULA STANDARD TA’ INFORMAZZJONI TAD-DEPOŻITANTI

Informazzjoni bażika dwar il-protezzjoni ta’ depożitu

Depożiti minn (daħħal l-isem ta’ istituzzjoni ta’ kreditu) huma protetti minn:

[daħħal l-isem tal-SGD rilevanti] (1)

Limitu ta’ protezzjoni:

EUR 100 000 għal kull depożitant għal kull istituzzjoni ta’ kreditu (2)

[issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR]

[fejn applikabbli:] It-trademarks li ġejjin huma parti mill-istituzzjoni ta’ kreditu tiegħek [daħħal it-trademarks kollha li joperaw taħt l-istess liċenzja]

Jekk għandek aktar depożiti fl-istess istituzzjoni ta’ kreditu:

Id-depożiti kollha tiegħek fl-istess istituzzjoni ta’ kreditu huma “aggregati” u t-total huwa soġġett għal-limitu ta’ EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR] (2)

Jekk għandek kont konġunt ma’ persuna(i) oħra:

Il-limitu ta’ EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR] japplika għal kull depożitant separatament (3)

Perijodu ta’ rimborż f’każ ta’ falliment tal-istituzzjoni ta’ kreditu:

7 ijiem ta’ xogħol (4)

[issostitwixxi bi skadenza oħra jekk applikabbli]

Munita ta’ rimborż:

euro [issostitwixxi b’munita oħra fejn applikabbli]

Kuntatt:

[daħħal id-data tal-kuntatt tal-SDG rilevanti

(indirizz, it-telefon, il-posta elettronika, eċċ)]

Aktar informazzjoni:

[daħħal is-sit tal-Internet tal-SDG rilevanti]

Rikonoxximent ta’ riċezzjoni mid-depożitant:

 

Informazzjoni addizzjonali (kollha jew uħud minn dawn ta hawn taħt)


(1)  [Fejn ikun applikabbli biss:] Id-depożitu tiegħek huwa kopert minn skema kuntrattwali rikonoxxuta bħala Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti. Jekk iseħħ insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu tiegħek, id-depożiti tiegħek jitħallsu lura sa EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR].

[Fejn ikun applikabbli biss:] L-istituzzjoni ta’ kreditu tiegħek hija parti minn Skema ta’ Protezzjoni Istituzzjonali rikonoxxuta uffiċjalment bħala Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet kollha li huma membri ta’ din l-iskema jappoġġaw reċiprokament lil xulxin sabiex jevitaw l-insolvenza. Jekk isseħħ insolvenza, id-depożiti tiegħek jitħallsu lura sa EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR].

[Fejn ikun applikabbli biss:] Id-depożitu tiegħek huwa kopert minn Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti statutorja u Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti kuntrattwali. Jekk isseħħ insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu tiegħek, id-depożiti tiegħek fi kwalunkwe każ jitħallsu lura sa EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR].

[Fejn ikun applikabbli biss:] Id-depożitu tiegħek huwa kopert minn Skema ta’ Garanzija tad-Depożitistatutorja. Barra minn hekk, l-istituzzjoni ta’ kreditu tiegħek hija parti minn Skema ta’ Protezzjoni Istituzzjonali fejn il-membri kollha jappoġġaw reċiprokament lil xulxin sabiex jevitaw l-insolvenza. Jekk iseħħ insolvenza, id-depożiti tiegħek jitħallsu lura sa EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR] mill-Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti.

(2)  Jekk depożitu ma jkunx disponibbli minħabba li istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha, id-depożitanti jitħallsu lura minn SSkema ta’ Garanzija tad-Depożiti. Dan il-ħlas lura jkopri sa massimu EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR] għal kull istituzzjoni ta’ kreditu. Dan ifisser li d-depożiti kollha fl-istess istituzzjoni ta’ kreditu jingħaddu flimkien sabiex jiġi determinat il-livell ta’ kopertura. Jekk, pereżempju depożitant ikollu kont tat-tfaddil b’EUR 90 000 u kont kurrenti b’EUR 20 000, hu jew hi titħallas lura biss EUR 100 000.

[Fejn ikun applikabbli biss:] Dan il-metodu ser jiġi applikat ukoll jekk istituzzjoni ta’ kreditu topera taħt trademarks differenti. Il-[daħħal l-isem tal-istituzzjoni ta’ kreditu fejn hemm il-kont] tinnegozja wkoll bħala [daħħal it-trademarks kollha l-oħra tal-istess istituzzjoni ta’ kreditu]. Dan ifisser li d-depożiti kollha ma’ wieħed jew aktar minn dawn it-trademarks flimkien huma koperti sa total ta’ EUR 100 000.

(3)  Fil-każ ta’ kontijiet konġunti, il-limitu ta’ EUR 100 000 japplika għal kull depożitant.

[Fejn ikun applikabbli biss:] Madankollu, depożiti f’kont li għalih żewġ persuni jew aktar ikunu intitolati bħala membri ta’ sħubija ta’ negozju, assoċjazzjoni jew gruppi ta’ natura simili, mingħajr personalità legali, jiġu aggregati u ttrattati bħallikieku ġew magħmula minn depożitant wieħed għall-fini tal-kalkolu tal-limitu ta’ EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR].

F’xi każijiet [daħħal każijiet definiti fil-liġi nazzjonali] id-depożiti huma protetti ‘l fuq minn EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR]. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb taħt [daħħal is-sit tal-Internet tal-SDG rilevanti].

(4)  

Ħlas lura [għandu jiġi adattat]

L-Skema ta’ Garanzija tad-Depożitiresponsabbli hija [daħħal l-isem u l-indirizz, it-telefon, il-posta elettronika u s-sit tal-Internet]. Hija ser tħallas lura d-depożiti tiegħek (sa EUR 100 000 [issostitwixxi bl-ammont adegwat jekk il-munita mhix EUR]) fi żmien [daħħal il-perijodu ta’ ħlas lura kif mitlub mil-liġi nazzjonali] mhux aktar tard, minn [31 ta’ Diċembru 2023] fi żmien [7 ijiem ta’ xogħol].

[Żid l-informazzjoni dwar ir-rimborż ta’ emerġenza/interim jekk l-ammont(i) ta’ ħlas lura ma jkunux disponibbli fi żmien 7 jiem ta’ xogħol.]

Jekk tkun għadek ma tħallastx lura fi żmien dawn l-iskadenzi, għandek tikkuntattja lill-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti peress li ż-żmien biex tippreżenta pretensjoni għal rimborż jista’ jingħalaq wara ċertu limitu ta’ żmien. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn [daħħal il-websajt tal-SDG responsabbli].

Informazzjoni importanti oħra

B’mod ġenerali, id-depożitanti kollha f’livell ta’ konsumatur u n-negozji kollha huma koperti mill-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti. Eċċezzjonijiet għal ċerti depożiti jinsabu mniżżla fis-sit tal-Internet tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożitiresponsabbli. Fuq talba, l-istituzzjoni tal-kreditu tiegħek ser tinfurmak ukoll jekk ċerti prodotti humiex koperti jew le. Jekk id-depożiti huma koperti, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha wkoll tikkonferma dan fid-dikjarazzjoni tal-kont.


ANNESS II

PARTI A

Id-Direttiva mħassra, flimkien mal-emendi suċċessivi tagħha (imsemmija fl-Artikolu 21)

Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti

Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimborż

PARTI B

Skadenzi għat-traspożizzjoni (imsemmija fl-Artikolu 21)

Direttiva

Skadenza għat-traspożizzjoni

94/19/KE

1.7.1995

2009/14/KE

30.6.2009

2009/14/KE (it-tieni paragrafu tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1, l-Artikolu 7(1a) u (3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19/KE kif emendata mid-Direttiva 2009/14/KE)

31.12.2010


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 94/19/KE

Id-Direttiva 2009/14/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

 

 

Artikolu 2(1)(1)

Artikolu 1(1)

 

Artikolu 2(1)(3)

 

 

Artikolu 2(1)(4)

Artikolu 1(2)

 

Artikolu 2(1)(7)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(1)

Artikolu 2(1)(8)

Artikolu 1(4)

 

Artikolu 2(1)(9)

Artikolu 1(5)

 

Artikolu 2(1)(10)

 

 

Artikolu 2(11) sa (18)

 

 

Artikolu 2(2)

Artikolu 1(1)

 

Artikolu 2(3)

 

 

Artikolu 2(4)

 

 

Artikolu 3

Artikolu 3(1)

 

Artikolu 4(1)

 

 

Artikolu 4(2)

Artikolu 3(1)

 

Artikolu 4(3)

Artikolu 3(2)

 

Artikolu 4(4)

Artikolu 3(3)

 

Artikolu 4(5) u (6)

 

 

Artikolu 4(9)

 

 

Artikolu 4(10) u (11)

Artikolu 2

 

Artikolu 5(1)(a), (b) u (c)

Artikolu 7(2), Anness I(1)

 

Artikolu 5(1)(d)

 

 

Artikolu 5(1)(e)

Artikolu 7(2), Anness I(10)

 

Artikolu 5(1)(f)

Artikolu 7(2), Anness I(2)

 

Artikolu 5(1)(g)

Artikolu 7(2), Anness I(5)

 

Artikolu 5(1)(h)

Artikolu 7(2), Anness I(6)

 

Artikolu 5(1)(i)

Artikolu 7(2), Anness I(3), (4)

 

Artikolu 5(1)(j)

Artikolu 7(2), Anness I(12)

 

Artikolu 5(1)(k)

Artikolu 7(1)

Artikolu 1(3)(a)

Artikolu 6(1)

 

 

Artikolu 6(2) u (3)

 

 

Artikolu 6(4)

 

Article 1(3)(a)

Artikolu 6(5)

Artikolu 7(5)

 

Artikolu 6(6)

 

Artikolu 1(3)(d)

Artikolu 6(7)

Artikolu 8

 

Artikolu 7(1),(2) u (3)

 

 

Artikolu 7(4) sa (9)

Artikolu 10(1)

Artikolu 1(6)(a)

Artikolu 8(1)

 

 

Artikolu 8(2) sa (6)

Artikolu 10(4)

 

Artikolu 8(7)

Artikolu 10(5)

 

Artikolu 8(8)

 

 

Artikolu 8(9)

Artikolu 7(6)

 

Artikolu 9(1)

Artikolu 11

 

Artikolu 9(2)

 

 

Artikolu 9(3)

 

 

Artikoli 10-13

Artikolu 4(1)

 

Artikolu 14(1)

 

 

Artikolu 14(2) sa (8)

Artikolu 6

 

Artikolu 15

Artikolu 9(1)

Artikolu 1(5)

Artikolu 16(1), (2) u (3)

Artikolu 9(2)

 

Artikolu 16(4)

 

 

Artikolu 16(5)

Artikolu 13

 

Artikolu 17

 

Artikolu 1(4)

Artikolu 18


Top