Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0046

Direttiva 2014/46/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi

OJ L 127, 29.4.2014, p. 129–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/46/oj

29.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/129


DIRETTIVA 2014/46/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ April 2014

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-ittestjar tal-affidabilità stradali huwa parti minn sistema usa’ li tiżgura li l-vetturi jinżammu f’kundizzjoni sikura u ambjentali aċċettabbli matul l-użu tagħhom. Dik is-sistemagħandha tipprovdi għall-ttestjar perjodiku tal-affidabilità stradali għall-vetturi u l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt għall-vetturi użati għal attivitajiet tat-trasport tat-triq kummerċjali kif ukoll bħala proċedura għar-reġistrazzjoni tal-vettura li tippermetti s-sospensjoni tal-użu ta’ awtorizzazzjoni ta’ vettura fi traffiku fejn il-vettura tikkostitwixxi riskju immedjat għas-sikurezza stradali.

(2)

Ir-reġistrazzjoni ta’ vettura tagħti awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul tagħha fis-servizz fit-traffiku tat-triq. Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE (3) tapplika biss għall-għoti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi. Irrispettivament minn dan, speċjalment fil-każijiet fejn l-użu ta’ vettura fit-toroq pubbliċi jkun joħloq riskju, minħabba s-sitwazzjoni teknika tagħha, għandu jkun possibbli li tiġi sospiża awtorizzazzjoni għall-użu ta’ dik il-vettura għal ċertu perjodu ta’ żmien. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv li jirriżulta minn sospensjoni, ma għandux ikun meħtieġ li wieħed jerġa’ jgħaddi minn proċess ġdid tar-reġistrazzjoni meta titneħħa s-sospensjoni.

(3)

Għandu jiġi introdott obbligu li tiġi kkanċellata b’mod permanenti reġistrazzjoni ta’ vettura b’nota li tkun ġiet ittrattata bħala vettura fl-aħħar stadju ta’ ħajja bi qbil mad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-Istati Membri għandhom il-possibilità li jispeċifikaw fid-dritt nazzjonali raġunijiet oħra għall-kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura.

(4)

Anki meta tkun ġiet ikkanċellata reġistrazzjoni ta’ vettura, għandu jkun possibbli li jinżamm rekord ta’ dik ir-reġistrazzjoni.

(5)

Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-informazzjoni relatata mal-vetturi għandha tiġi rreġistrata elettronikament.

(6)

Din id-Direttiva m’għandhiex iżżomm lill-Istat Membru milli jqis is-sett tad-data elettroniku miżmum mill-awtoritajiet kompetenti tagħha bħala sors ewlieni ta’ informazzjoni dwar vettura rreġistrata fit-territorju tiegħu. Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jużaw netwerks elettroniċi, li fih data mill-bażijiet ta’ data nazzjonali, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni.

(7)

F’każijiet fejn jinstabu nuqqasijiet perikolużi matul test tal-affidabilità stradali, u l-awtorizzazzjoni ta’ vettura għall-użu fit-toroq pubbliċi tkun ġiet sospiża, dik is-sospensjoni għandha tiġi rreġistrata sakemm il-vettura tgħaddi minn test tal-affidabilità ieħor.

(8)

Sabiex jiġi aġġornat il-punt II.4, it-tieni inċiż u l-punt III.1.A(b) kemm tal-Anness I u l-Anness II għad-Direttiva 1999/37/KE fil-każ ta’ tkabbir tal-Unjoni, kif ukoll biex jiġi aġġornat il-punt II.6 tal-Anness I marbuta ma’ elementi mhux obbligatorji fil-każ ta’ bidliet fid-definizzjonijiet jew fil-kontenut ta’ ċertifikati ta’ konformità mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-fażi tax-xogħol ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(9)

Għalhekk id-Direttiva 1999/37/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 1999/37/KE

Id-Direttiva 1999/37/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dokumenti ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura maħruġin mill-Istati Membri.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-punti li ġejjin jiżdiedu:

“(e)   ‘sospensjoni’: tfisser perjodu limitat ta’ żmien li fih vettura ma tkunx awtorizzata minn Stat Membru biex tintuża fit-traffiku tat-triq li wara li jseħħ dan - sakemm ir-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux japplikaw - tista’ tiġi awtorizzata biex terġa’ tintuża mingħajr ma jkun involut proċess ġdid ta’ reġistrazzjoni;

(f)   ‘kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni’: tfisser il-kanċellazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru għal vettura biex tintuża fit-traffiku tat-triq.”

(3)

fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw elettronikament id-data dwar il-vetturi kollha rreġistrati fit-territorju tagħhom. Dawk id-data għandha tinkludi:

(a)

l-elementi obbligatorji kollha skont l-Anness I punt II.5 tal-Anness I kif ukoll l-elementi tal-punti II.6 (J) u II.6 (V.7) u (V.9) ta’ dak l-Anness, meta d-data tkun disponibbli;

(b)

data mhux obbligatorja oħra elenkata fl-Anness I jew data miċ-ċertifikat tal-konformità kif previst fid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), fejn possibbli;

(c)

l-eżitu ta’ testijiet perjodiċi obbligatorji tal-affidabilità stradali skont id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) u l-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat tal-affidabilità stradali.

L-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jitwettaq skont id-Direttivi 95/46/KE (***) u 2002/58/KE (****) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

5.   Data teknika dwar vettura għandha tkun disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti jew liċ-ċentri għall-finijiet tal-ittestjar perjodiku tal-affidabilità stradali. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-użu u t-tixrid ta’ tali data minn ċentri tal-ittestjar sabiex jiġi evitat użu ħażin.

(*)  Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1)."

(**)  Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom u tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51)."

(***)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31)."

(****)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).”;"

(4)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

1.   Fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tirċievi notifika ta’ test perjodiku tal-affidabilità stradali li juri li l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ vettura partikolari fit-traffiku tat-triq tkun ġiet sospiża bi qbil mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/45/UE, is-sospensjoni għandha tiġi rreġistrata elettronikament u għandu jitwettaq test ieħor tal-affidabilità stradali.

Is-sospensjoni għandha tkun effettiva sakemm il-vettura tgħaddi minn test ġdid tal-affidabilità stradali. Mat-tlestija b’suċċess tat-test tal-affidabilità stradali, l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza mill-ġdid mingħajr dewmien l-użu tal-vettura fit-traffiku tat-triq. Ma għandu jkun meħtieġ l-ebda proċess ġdid ta’ reġistrazzjoni.

L-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jadottaw miżuri biex jiffaċilitaw l-ittestjar mill-ġdid ta’ vettura li l-awtorizzazzjoni tagħha għall-użu fit-traffiku tat-triq ġiet sospiża. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-għoti ta’ -permess għall-ivvjaġġar fit-toroq pubbliċi bejn post tat-tiswija u ċentru tal-ittestjar għall-fini ta’ test tal-affidabilità stradali.

2.   Stat Membru jista’ jippermetti lid-detentur taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni biex jissottometti lill-awtorità kompetenti għat-trasferiment tar-reġistrazzjoni lis-sid il-ġdid tal-vettura.

3.   Fil-każ li awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tirċievi notifika li vettura ġiet ittratata bħala vettura fl-aħħar stadju ta’ ħajja skont id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*****), ir-reġistrazzjoni ta’ dik il-vwettura għandha tiġi kkanċellata b’mod permanenti u din l-informazzjoni f’dan is-sens għandha tiżdied mar-reġistru elettroniku.

(*****)  Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).”;"

(5)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu li ġej jiżdied:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5(4) u 8(3) tad-Direttiva 2014/45/UE, l-Istati Membri, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, għandhom jagħrfu l-validità taċ-ċertifikat tal-affidabilità stradali ta’ vettura fil-każ ta’ bidla fis-sjieda ta’ vettura - li jkollha prova valida tat-test tal-affidabbiltà stradali perjodiku.”;

(6)

L-Artikoli 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 7 sabiex temenda:

il-punt II.4, it-tieni inċiż u l-punt III.1.A(b) kemm tal-Anness I u tal-Anness II, fil-każ ta’ tkabbir tal-Unjoni,

il-punt II.6 tal-Anness I marbut ma’ elementi mhux obbligatorji fil-każ ta’ bidliet fid-definizzjonijiet jew tal-kontenut ta’ ċertifikati ta’ konformità fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip.

Artikolu 7

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 6 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-19 ta’ Mejju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni biex tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att ddelegat adottat skont l-Artikolu 6 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

(7)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Huma jistgħu jiskambjaw informazzjoni fuq livell bilaterali jew multilaterali b’mod partikolari sabiex jikkontrollaw, qabel kwalunkwe reġistrazzjoni ta’ vettura, l-istatus ġuridiku ta’ din tal-aħħar, meta jkun meħtieġ fl-Istat Membru fejn qabel kienet reġistrata. Tali verifika tista’ tinvolvi b’mod partikolari l-użu ta’ netwerk elettroniku, li fih data mill-bażijiet ta’ data nazzjonali biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni.”

(8)

fil-punt II.6 tal-Anness I, il-punt li ġej huwa miżjud:

“(X)

prova li vettura tkun għaddiet mit-test tal-affidabilità stradali, id-data tat-test tal-affidabilità stradali li jmiss jew l-iskadenza taċ-ċertifikat attwali”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal-20 ta’ Mejju 2017 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-20 ta’ Mejju 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 128.

(2)  2. Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2014.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57).

(4)  Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).


Top