Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0035

Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 96, 29.3.2014, p. 357–374 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/35/oj

29.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 96/357


DIRETTIVA 2014/35/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ

(riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Għandhom isiru numru ta’ emendi fid-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (3). Fl-interess taċ-ċarezza, dik id-Direttiva għandha tiġi riformulata.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (4) jistipula regoli dwar l-akkreditament tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità, jipprovdi qafas għas-sorveljanza tas-suq u l-kontrolli fuq prodotti minn pajjiżi terzi, u jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-marka CE.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (5) tistipula prinċipji komuni u dispożizzjonijiet ta’ referenza intenzjonati biex japplikaw għal leġislazzjoni settorjali sabiex jipprovdu bażi koerenti għar-reviżjoni jew ir-riformulazzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni. Id-Direttiva 2006/95/KE għandha tkun adattata għal dik id-Deċiżjoni.

(4)

Din id-Direttiva tkopri t-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ li huwa ġdid għas-suq tal-Unjoni Ewropea meta jintroduċi fis-suq; jiġifieri, jew huwa tagħmir elettriku ġdid fjamant magħmul minn manifattur stabbilit fl-Unjoni, inkella huwa tagħmir elettriku (kemm jekk ġdid fjamant kif ukoll jekk użat) importat minn pajjiż terz.

(5)

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-forom kollha ta’ provvista, inkluż il-bejgħ mill-bogħod.

(6)

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu responsabbli għall-konformità tat-tagħmir elettriku ma’ din id-Direttiva, fir-rigward tar-rwoli rispettivi tagħhom fil-katina tal-provvista, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħalma huma s-saħħa u s-sikurezza tal-persuni, tal-annimali domestiċi, u tal-proprjetà, u biex jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni.

(7)

L-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li jqiegħdu fis-suq dawk il-prodotti biss li jkunu konformi ma’ din id-Direttiva. Jeħtieġ li tkun prevista distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu mar-rwol rispettiva ta’ kull operatur ekonomiku fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni.

(8)

Sabiex tkun faċilitata l-komunikazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u l-konsumaturi, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-operaturi ekonomiċi jinkludu indirizz tal-websajt minbarra l-indirizz postali.

(9)

Il-manifattur, li jkollu konoxxenza dettaljata tad-disinn u tal-proċess tal-produzzjoni, huwa fl-aħjar pożizzjoni li jesegwixxi l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità. Il-valutazzjoni tal-konformità għalhekk għandha tibqa’ unikament l-obbligu tal-manifattur. M’hemm l-ebda proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità f’din id-Direttiva li tirrikjedi l-intervent ta’ korp notifikat.

(10)

Jeħtieġ li jkun żgurat li t-tagħmir elettriku minn pajjiżi terzi li jidħol fl-Unjoni jkun konformi ma’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari li l-manifatturi jkunu għamlu l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità xierqa fir-rigward ta’ dak it-tagħmir elettriku. Għalhekk għandha ssir dispożizzjoni għall-importaturi biex ikun żgurat li t-tagħmir elettriku li jintroduċu fis-suq ikun konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u biex dawn ma jintroduċux fis-suq tagħmir elettriku li ma jikkonformax ma’ dawn ir-rekwiżiti jew li jippreżenta xi riskju. Għandha ssir ukoll dispożizzjoni għall-importaturi biex ikun żgurat li jkunu saru l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u li l-marki tat-tagħmir elettriku u d-dokumentazzjoni magħmulin mill-manifatturi jkunu disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(11)

Meta jintroduċi tagħmir elettriku fis-suq, kull importatur għandu jindika fuq it-tagħmir elettriku ismu, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata u l-indirizz postali fejn ikun jista’ jsir kuntatt miegħu. Għandhom jiġu previsti xi eċċezzjonijiet meta d-daqs jew in-natura tat-tagħmir elettriku ma jippermettux li dan isir. Dawn jinkludu l-każijiet fejn l-importatur ikollu jiftaħ l-ippakkjar biex jagħmel ismu u l-indirizz tiegħu fuq it-tagħmir elettriku.

(12)

Id-distributur iqiegħed tagħmir elettriku fis-suq wara li dan ġie introdott fis-suq mill-manifattur jew mill-importatur, u għandu jaġixxi bil-kura dovuta sabiex jiżgura li t-trattament tiegħu tat-tagħmir elettriku min-naħa tiegħu ma jolqotx ħażin il-konformità tat-tagħmir elettriku.

(13)

Kull operatur ekonomiku li jqiegħed tagħmir elettriku f’ismu jew bil-marka kummerċjali tiegħu jew jimmodifika tagħmir elettriku b’mod li dan jista’ jinċidi fuq il-konformità ma’ din id-Direttiva, għandu jitqies bħala l-manifattur u għandu jassumi l-obbligi tal-manifattur.

(14)

Id-distributuri u l-importaturi, minħabba li huma qrib tas-suq, għandhom ikunu involuti fix-xogħol tas-sorveljanza tas-suq li jsir minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u għandhom jitħejjew biex jipparteċipaw b’mod attiv, billi jagħtu lil dawk l-awtoritajiet l-informazzjoni kollha neċessarja dwar it-tagħmir elettriku kkonċernat.

(15)

Meta tkun żgurata t-traċċabbiltà tat-tagħmir elettriku fil-katina kollha tal-provvista, dan jikkontribwixxi biex is-sorveljanza tas-suq tkun aktar sempliċi u effikaċi. Sistema effikaċi ta’ traċċabbiltà tħaffef ix-xogħol tal-awtoritajiet tas-sorveljanza biex jittraċċaw lil operaturi ekonomiċi li jkunu qiegħdu fis-suq tagħmir elettriku mhux konformi. Meta tinżamm l-informazzjoni meħtieġa taħt din id-Direttiva għall-identifikazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi oħra, l-operaturi ekonomiċi m’għandhomx ikunu mitluba li jaġġornaw din l-informazzjoni fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi oħra li jkunu għaddewlhom tagħmir elettriku jew ta’ dawk li lilhom għaddew tagħmir elettriku.

(16)

Din id-Direttiva għandha tkun limitata għall-espressjoni tal-għanijiet ta’ sikurezza. Sabiex titħaffef il-valutazzjoni tal-konformità ma’ dawk l-għanijiet, hemm bżonn li tiġi prevista l-preżunzjoni tal-konformità tat-tagħmir elettriku li hu f’konformità mal-istandards armonizzati li jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (6) għall-iskop biex ikunu espressi speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta’ dawk l-għanijiet.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jipprovdi għal proċedura għall-oġġezzjonijiet kontra standards armonizzati fejn dawk l-istandards ma jissodisfawx kompletament l-għanijiet ta’ sikurezza stabbiliti f’din id-Direttiva.

(18)

L-istandards armonizzati rilevanti għal din id-Direttiva għandhom jieħdu kont ukoll tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’ Disabilita (7).

(19)

Il-moviment liberu tat-tagħmir elettriku li għalih ma jeżistux l-istandards armonizzati għandu jinkiseb billi jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-istandards internazzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni Internazzjonali Elettroteknika jew billi jiġu applikati l-istandards nazzjonali.

(20)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu juru, u biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiżguraw, li t-tagħmir elettriku li jitqiegħed fis-suq ikun konformi mal-għanijiet ta’ sikurezza, hemm bzonn li jkun provdut għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tistabbilixxi moduli għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jinkludu proċeduri mill-anqas sal-aktar stretti, fi proporzjon mal-livell ta’ riskju involut u l-livell ta’ sikurezza meħtieġa. Sabiex tkun żgurata l-koerenza intersettorjali u biex ikunu evitati varjanti ad hoc, il-proċeduri dwar il-valutazzjoni tal-konformità għandhom jintgħażlu minn fost dawk il-moduli.

(21)

Il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE biex jipprovdu informazzjoni mitluba taħt din id-Direttiva dwar il-konformità tat-tagħmir elettriku ma’ din id-Direttiva u ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni rilevanti oħra tal-armonizzazzjoni.

(22)

Biex jiġi żgurat aċċess effettiv għal informazzjoni għall-iskop tas-sorveljanza tas-suq, l-informazzjoni mitluba biex ikunu identifikati l-atti applikabbli kollha tal-Unjoni għandha tkun disponibbli f’dikjarazzjoni unika ta’ konformità tal-UE. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi, dik id-dikjarazzjoni unika ta’ konformità tal-UE tista’ tkun dossier magħmul minn dikjarazzjonijiet rilevanti individwali ta’ konformità.

(23)

Il-marka CE, li tindika l-konformità tat-tagħmir elettriku, hija l-konsegwenza viżibbli ta’ proċess sħiħ li jinkludi l-valutazzjoni tal-konformità f’sens wiesa’. Prinċipji ġenerali li jirregolaw il-marka CE huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Regoli li jirregolaw it-twaħħil tal-marka CE għandhom jiġu stipulati f’din id-Direttiva.

(24)

Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, hemm bżonn li jkun iċċarat li r-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u l-kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni presvisti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 japplikaw għat-tagħmir elettriku. Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi l-Itati Membri milli jagħżlu l-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu dawk il-ħidmiet.

(25)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li t-tagħmir elettriku jista’ jiġi introdott fis-suq biss jekk, meta jinħażen kif suppost u jintuża għall-għan li huwa maħsub għalih, jew skont kundizzjonijiet ta’ użu li jistgħu jkunu previsti b’mod raġonevoli, huwa ma jkunx ta’ periklu għas-saħħa u għas-sikurezza tal-persuni. It-tagħmir elettriku għandu jkun ikkunsidrat bħala mhux konformi mal-għanijiet ta’ sikurezza stabbiliti f’din id-Direttiva biss skont kundizzjonijiet ta’ użu li jistgħu jkunu previsti b’mod raġonevoli, jiġifieri meta dan l-użu jista’ jirriżulta minn imġiba umana legali u faċilment prevedibbli.

(26)

Id-Direttiva 2006/95/KE diġà tipprovdi għal proċedura ta’ salvagwardja li tapplika biss f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri dwar miżuri meħudin minn Stat Membru. Biex tiżdied it-trasparenza u biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar jeħtieġ li tittejjeb il-proċedura ta’ salvagwardja, bil-għan li ssir aktar effiċjenti u biex jintużaw il-ħiliet esperti li jistgħu jinkisbu mill-Istati Membri.

(27)

Is-sistema eżistenti għandha tkun supplimentata bi proċedura li skontha l-partijiet interessati jiġu informati b’miżuri maħsubin biex jittieħdu fir-rigward ta’ tagħmir elettriku li jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sikurezza ta’ persuni, jew annimali domestiċi, jew għall-proprjetà. Għandha tippermetti l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, b’koperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi rilevanti, li jaġixxu fi stadju minn qabel dwar dak it-tagħmir elettriku.

(28)

Fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu dwar il-ġustifikazzjoni ta’ miżura meħuda minn Stat Membru, ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-Kummissjoni jkollha tinvolvi lilha nnifisha aktar, ħlief fejn in-nuqqas ta’ konformità jkun jista’ jiġi attribwit lin-nuqqasijiet f’xi standard armonizzat.

(29)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (8).

(30)

Il-proċedura ta’ eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ tagħmir elettriku konformi li jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni jew ta’ aspetti oħra tal-protezzjoni tal-interess pubbliku.

(31)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f’każijiet debitament ġustifikati relatati ma’ tagħmir elettriku konformi li jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, tal-annimali domestiċi u tal-proprjeta’, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(32)

F’ konformita’ mal-prattika stabbilita, il-kumitat imwaqqaf minn din id-Direttiva jista’ jkollu rwol utli fl-eżaminar ta’ kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mqajma jew mill-president tiegħu jew minn rappreżentant ta’ Stat Membru skont ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(33)

Meta kwistjonijiet relatati ma’ din id-Direttiva, ħlief għall-implimentazzjoni jew il-ksur tagħha, ikunu qed jiġu eżaminati, jiġifieri fi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu, f’konformità mal-prattika eżistenti, jirċievi informazzjoni u dokumentazzjoni sħiħa u, fejn opportun, stedina biex jattendi għal dawn il-laqgħat.

(34)

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u, minħabba n-natura speċjali tagħhom, waqt li taġixxi mingħajr l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, tiddetermina jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fir-rigward ta’ tagħmir elettriku li ma jkunux konformi humiex ġustifikati jew le.

(35)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawk ir-regoli jiġu infurzati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(36)

Hemm bżonn li jkunu previsti arranġamenti tranżizzjonali raġonevoli li jippermettu li jitqiegħed fis-suq, mingħajr il-ħtieġa ta’ konformità ma’ rekwiżiti addizzjonali tal-prodott, tagħmir elettriku li kien diġà ġie introdott fis-suq taħt id-Direttiva 2006/95/KE qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. Id-distributuri għandhom, għalhekk, ikunu jistgħu jfornu tagħmir elettriku li ġie introdott fis-suq, jiġifieri stokk li diġà jinsab fil-katina tad-distribuzzjoni, qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(37)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jkun żgurat li tagħmir elettriku fis-suq jissodisfa l-għanijiet ta’ sikurezza li jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħa u sikurezza tal-persuni, tal-annimali domestiċi u tal-proprjetà, waqt li l-iżgurar tal-funzjonament tas-suq intern ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista’, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(38)

L-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva preċedenti. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti ġie mid-Direttiva preċedenti.

(39)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati għall-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness V,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li t-tagħmir elettriku fis-suq jissodisfa r-rekwiżiti li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni, u tal-annimali domestiċi, u tal-proprjetà filwaqt li jiġi ggarantit il-funzjonament tas-suq intern.

Din id-Direttiva għandha tapplika għal tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu ma’ skala tal-voltaġġ ta’ bejn il-50 u l-1 000 V għall-kurrent alternant u bejn il-75 u l-1 500 V għall-kurrent dirett, għajr għat-tagħmir u l-fenomeni elenkati fl-Anness II.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ tagħmir elettriku għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;

(2)

“introduzzjoni fis-suq” tfisser l-ewwel darba li jsir disponibbli tagħmir elettriku fis-suq tal-Unjoni;

(3)

“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura tagħmir elettriku, jew li tqabbad lil min ifassal jew jimmanifattura tali oġġett, u jikkumerċjalizza dak it-tagħmir taħt isimha jew il-marka kummerċjali tagħha;

(4)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-manifattur sabiex taġixxi f’ismu relattivament għal kompiti speċifiċi;

(5)

“importatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi tagħmir elettriku minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(6)

“distributur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, barra l-manifattur jew l-importatur, u li tqiegħed tagħmir elettriku fis-suq;

(7)

“operaturi ekonomiċi” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur;

(8)

“speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistipula r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati minn tagħmir elettriku;

(9)

“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(10)

“valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk l-għanijiet ta’ sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I relatati ma’ tagħmir elettriku ġewx issodisfati;

(11)

“teħid lura” tfisser kull miżura maħsuba biex jittieħed lura tagħmir elettriku li jkun diġà sar disponibbli għall-utent aħħari;

(12)

“irtirar” tfisser kull miżura maħsuba biex ma tħallix li tagħmir elettriku fil-katina tal-provvista jitqiegħed fis-suq;

(13)

“leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni” tfisser kull leġislazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti;

(14)

“marka CE” tfisser marka li permezz tagħha l-manifattur jindika li t-tagħmir elettriku huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha.

Artikolu 3

Tqegħid fis-suq u l-għanijiet tas-sikurezza

It-tagħmir elettriku jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni biss jekk ikun mibni skont il-prattika tajba tal-inġinerija f’dik li hi sikurezza li tkun fis-seħħ fl-Unjoni, u għaldaqstant ma jipperikolax is-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni, u tal-annimali domestiċi, jew il-proprjetà meta jkun installat u miżmum sewwa u użat għal skopijiet li għalihom kien magħmul.

L-elementi prinċipali tal-għanijiet tas-sikurezza huma elenkati fl-Anness I.

Artikolu 4

Moviment liberu

L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu, għall-aspetti koperti b’din id-Direttiva, it-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku li jikkonforma ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 5

Provvista tal-elettriku

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħmir elettriku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rekwiżiti tas-sikurezza aktar stretti mill-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I ma jiġux imposti mill-korpi tal-provvista tal-elettriku sabiex titqabbad mal-grilja, jew għall-provvista tal-elettriku lill-utenti tat-tagħmir elettriku.

KAPITOLU 2

OBBLIGI TAL-OPERATURI EKONOMIĊI

Artikolu 6

Obbligi tal-manifatturi

1.   Meta jintroduċu t-tagħmir elettriku tagħhom fis-suq, il-manifatturi għandhom jiżguraw li dan tfassal u ġie mmanifatturat skont l-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I.

2.   Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness III u jwettqu proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Anness III jew iqabbdu lil xi ħadd jagħmilhielhom.

Fejn ikun intwera permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-ewwel subparagrafu li t-tagħmir elettriku huwa konformi mal-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u jwaħħlu l-marka CE.

3.   Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness III u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għal 10 snin wara li t-tagħmir elettriku jkun ġie introdott fis-suq.

4.   Il-manifatturi għandhom jaraw li jkollhom f’posthom proċeduri biex il-produzzjoni ta’ serje tibqa’ konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jitqiesu b’mod suffiċjenti dawk it-tibdiliet fid-disinn jew il-karatteristiċi u t-tibdiliet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 12, l-istandards nazzjonali jew internazzjonali imsemmija fl-Artikoli 13 u 14, jew fi speċifikazzjonijiet tekniċi oħra li b’referenza għalihom tiġi dikjarata l-konformità ta’ tagħmir elettriku.

Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn tagħmir elettriku, il-manifatturi għandhom, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-konsumaturi, jagħmlu testijiet kampjunarji tat-tagħmir elettriku mqiegħed fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta’ lmenti, ta’ tagħmir elettriku mhux konformi u ta’ teħid lura tat-tagħmir elettriku u għandhom iżommu lid-distributuri infurmati dwar kull monitoraġġ ta’ dan it-tip.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir elettriku li huma introduċew fis-suq, ikollu numru tat-tip, tal-partita jew tas-serje jew element ieħor biex ikun jista’ jiġi identifikat, jew, jekk id-daqs jew in-natura tiegħu ma jagħmlux dan possibbli, li l-informazzjoni meħtieġa tingħata fuq l-ippakkjar tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja t-tagħmir elettriku.

6.   Il-manifatturi, fuq it-tagħmir elettriku, għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja t-tagħmir elettriku. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista’ jiġi kkuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

7.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir elettriku jkun akkumpanjat minn istruzzjonijiet u informazzjoni ta’ sikurezza provduti b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat. Dawn l-istruzzjonijiet u informazzjoni ta’ sikurezza kif ukoll kull tip ta’ tikkettar għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.

8.   Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir elettriku li jkunu introduċew fis-suq mhuwiex konformi ma’ din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak t-tagħmir elettriku jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir elettriku jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu qiegħdu t-tagħmir elettriku fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.

9.   Il-manifatturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja fuq karta jew elettronikament biex juru l-konformità tat-tagħmir elettriku ma’ din id-Direttiva, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, wara talba tagħha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji preżentati mit-tagħmir elettriku li huma jkunu introduċew fis-suq.

Artikolu 7

Rappreżentanti awtorizzati

1.   Il-manifatturi jistgħu, b’mandat bil-miktub, jaħtru rappreżentant awtorizzat.

L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u l-obbligu tat-tfassil tad-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 6(2) ma għandhomx jiffurmaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

2.   Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jirċievi mingħand il-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat għall-inqas li jagħmel dan li ġej:

(a)

iżomm id-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq għal perjodu ta’ 10 snin wara li t-tagħmir elettriku jkun ġie introdott fis-suq;

(b)

wara talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, li jipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ppruvata l-konformità tat-tagħmir elettriku;

(c)

jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara talba tagħhom, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati riskji preżentati minn tagħmir elettriku kopert mill-mandat tar-rappreżentanti awtorizzati.

Artikolu 8

Obbligi tal-importaturi

1.   L-importaturi għandhom jintroduċu fis-suq tal-Unjoni biss dak it-tagħmir elettriku li jkunu konformi.

2.   Qabel ma jintroduċu tagħmir elettriku fis-suq, l-importaturi għandhom jiżguraw li tkun saret il-proċedura xierqa ta’ valutazzjoni tal-konformità mill-manifattur. Għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika, li t-tagħmir elettriku jkollu l-marka CE u jkollu miegħu d-dokumenti rikjesti, u li l-manifattur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(5) u (6).

Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li tagħmir elettriku ma jkunx konformi mal-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I, dan ma għandux jintroduċi t-tagħmir elettriku fis-suq sakemm dan ikun għadu ma sarx konformi. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir elettriku jippreżenta riskju, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

3.   L-importaturi, fuq it-tagħmir elettriku, għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja t-tagħmir elettriku. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

4.   L-importaturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir elettriku jkun akkumpanjat minn istruzzjonijiet u informazzjoni ta’ sikurezza provduti b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat.

5.   L-importaturi għandhom jiżguraw li, filwaqt li t-tagħmir elettriku jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mal-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I.

6.   Meta jitqies meħtieġ fir-rigward tar-riskji preżentati minn tagħmir elettriku, l-importaturi, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-konsumaturi, għandhom jagħmlu testijiet kampjunarji tat-tagħmir elettriku mqiegħed fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta’ lmenti, ta’ tagħmir elettriku mhux konformi u ta’ teħid lura tat-tagħmir elettriku u għandhom iżommu lid-distributuri informati dwar kwalunkwe monitoraġġ ta’ dan it-tip.

7.   L-importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir elettriku li jkunu introduċew fis-suq mhuwiex konformi ma’ din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak it-tagħmir elettriku jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir elettriku jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu qiegħdu t-tagħmir elettriku fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.

8.   L-mportaturi, għal 10 snin wara li t-tagħmir elettriku jkun ġie introdott fis-suq, għandhom iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun disponibbli għal dawk l-awtoritajiet jekk jitolbuha.

9.   L-importaturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja fuq karta jew f’forma elettronika biex juru l-konformità tat-tagħmir elettriku, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, wara talba tagħha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji preżentati mit-tagħmir elettriku li huma jkunu introduċew fis-suq.

Artikolu 9

Obbligi tad-distributuri

1.   Meta jqiegħdu tagħmir elettriku fis-suq, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta b’rabta mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

2.   Qabel ma jqiegħdu tagħmir elettriku fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li t-tagħmir elettriku jkollu l-marka CE, li jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa u minn istruzzjonijiet u informazzjoni ta’ sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra fl-Istat Membru fejn ikun se jitqiegħed fis-suq it-tagħmir elettriku, u li l-manifattur u l-importatur ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(5) u (6) u fl-Artikolu 8(3) rispettivament.

Meta distributur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li t-tagħmir elettriku ma jkunx konformi mal-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I, dan ma għandux iqiegħed it-tagħmir elettriku fis-suq sakemm dan ikun għadu ma sarx konformi. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir elettriku jippreżenta riskju, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur kif ukoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

3.   Id-distributuri għandhom jiżguraw li, filwaqt li t-tagħmir elettriku jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mal-għanijiet ta’ sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I.

4.   Id-distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir elettriku li jkunu qiegħdu fis-suq ma jkunx konformi ma’ din id-Direttiva, għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex it-tagħmir elettriku jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir elettriku jippreżenta riskju, id-distributuri għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu qiegħdu t-tagħmir elettriku fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.

5.   Id-distributuri għandhom, wara talba motivata mill-awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja fuq karta jew f’forma elettronika biex juru l-konformità tat-tagħmir elettriku. Dawn għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, wara talba tagħha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mit-tagħmir elettriku li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 10

Każijiet fejn l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u għandu jkun suġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 6, fejn huwa introduċa tagħmir elettriku fis-suq taħt ismu jew il-marka kummerċjali tiegħu, jew jimmodifika t-tagħmir elettriku li diġà jkun ġie introdott fis-suq b’tali mod li jista’ jaffettwa l-konformità ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 11

Identifikazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi

L-operaturi ekonomiċi għandhom, wara li ssir talba, jidentifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq:

(a)

kull operatur ekonomiku li jkun ipprovdiehom b’tagħmir elettriku;

(b)

kull operatur ekonomiku li lilu jkunu pprovdew it-tagħmir elettriku.

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għal 10 snin wara li jkunu ġew ipprovduti bit-tagħmir elettriku u għal 10 snin wara li jkunu pprovdew it-tagħmir elettriku.

KAPITOLU 3

IL-KONFORMITÀ TAT-TAGĦMIR ELETTRIKU

Artikolu 12

Preżunzjoni ta’ konformità fuq il-bażi ta’ standards armonizzati

It-tagħmir elettriku li jkun konformi ma’ standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mal-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I, koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.

Artikolu 13

Preżunzjoni ta’ konformità fuq il-bażi ta’ standards internazzjonali

1.   F’każ li l-istandards armonizzati msemmijin fl-Artikolu 12 ma ġewx imfassla u ppubblikati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw, għall-finijiet ta’ tqegħid fis-suq jew tal-moviment liberu msemmi fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament, li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom iqisu wkoll, bħala li jikkonforma mal-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I dak it-tagħmir elettriku li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-istandards internazzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) fir-rigward ta’ liema l-proċedura ta’ pubblikazzjoni stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu tkun ġiet applikata.

2.   Id-dispożizzjonijiet tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jigu nnotifikati lill-Istati Membri mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, għandha tiddikjara d-dispożizzjonijiet tas-sikurezza u, b’mod partikolari, il-varjazzjonijiet tagħhom li hija tirrakkomanda li jiġu ppubblikati.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data li tkun ġiet ikkomunikata l-informazzjoni b’kull oġġezzjoni li jista’ jkollhom għad-dispożizzjonijiet tas-sikurezza nnotifikati, f’konformità mal-paragrafu 2 filwaqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tas-sikurezza li dwarhom dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jiġu rrikonoxxuti.

Għall-finijiet ta’ informazzjoni ir-referenzi tad-dispożizzjonijiet tas-sikurezza li għalihom ma tkun ġiet imqajma l-ebda oġġezzjoni għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Preżunzjoni ta’ konformità fuq il-bażi ta’ standards nazzjonali

F’każ li l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 12 jkunu għadhom ma tfasslux u ma ġewx pubblikati u l-istandards internazzjonali msemmija fl-Artikolu 13 jkunu għadhom ma ġewx pubblikati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw li, għall-finijiet ta’ tqegħid fis-suq jew tal-moviment liberu kif imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom iqisu wkoll bħala konformi mal-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I dak it-tagħmir elettriku fabbrikat skont id-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-istandards fis-seħħ fl-Istat Membru tal-fabbrikant, jekk jiġi żgurat livell ta’ sikurezza ekwivalenti għal dak mitlub fit-territorju tagħhom stess.

Artikolu 15

Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

1.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiddikjara li l-osservanza tal-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I intweriet.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell stipulata fl-Anness IV, għandu jkollha l-elementi speċifikati fil-modulu A stipulati fl-Anness III u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Hija għandha tiġi tradotta fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn it-tagħmir elettriku ġie introdott jew tqiegħed fis-suq.

3.   Fejn tagħmir elettriku huwa suġġett għal aktar minn att wieħed tal-Unjoni li jesiġi d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE unika fir-rigward ta’ tali atti kollha tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkollha l-identifikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati inklużi r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.

4.   Meta jfassal id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur ikun qed jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tat-tagħmir elettriku mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 16

Prinċipji ġenerali tal-marka CE

Il-marka CE għandha tkun suġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artiklu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 17

Regoli u kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka CE

1.   Il-marka CE għandha titwaħħal b’mod viżibbli, leġġibbli u indelibbli fuq it-tagħmir elettriku jew fuq it-tikketta tad-dejta tiegħu. Fejn dan ma jkunx possibbli jew in-natura tat-tagħmir elettriku ma tistħoqqilhiex, din għandha titwaħħal fuq il-pakkett u fuq id-dokumenti li jakkumpanjaw it-tagħmir.

2.   Il-marka CE għandha titwaħħal qabel ma t-tagħmir elettriku jiġi introdott fis-suq.

3.   L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema tal-marka CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-każ ta’ użu mhux korrett ta’ dik il-marka.

KAPITOLU 4

IS-SORVELJANZA TAS-SUQ TAL-UNJONI, IL-KONTROLL TAT-TAGĦMIR ELETTRIKU LI JIDĦOL FIS-SUQ TAL-UNJONI U L-PROĊEDURA TA’ SALVAGWARDJA TAL-UNJONI

Artikolu 18

Is-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u l-kontroll tat-tagħmir elettriku li jidħol fis-suq tal-Unjoni

L-Artikolu 15(3) u l-Artikoli minn 16 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw għat-tagħmir elettriku.

Artikolu 19

Proċedura għat-trattament ta’ tagħmir elettriku li jippreżenta riskju fil-livell nazzjonali

1.   Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru wieħed għandhom raġunijiet suffiċjenti sabiex jemmnu li tagħmir elettriku kopert minn din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, jew tal-annimali domestiċi, jew għall-proprjetà, huma għandhom jagħmlu evalwazzjoni fir-rigward tat-tagħmir elettriku konċernat li jkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw skont kif ikun meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak il-għan.

Fejn, tul l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li t-tagħmir elettriku ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jeżiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa biex it-tagħmir elettriku jsir konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, li jirtira t-tagħmir elettriku mis-suq jew li jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif jistabbilixxu.

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta’ konformità mhuwiex ristrett biss għat-territorju nazzjonali tagħhom, dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u dwar l-azzjonijiet li huma rabtu lill-operatur li jieħu.

3.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi xierqa kollha fir-rigward tat-tagħmir elettriku kollu konċernat li huwa jkun qiegħed fis-suq fl-Unjoni kollha.

4.   Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva adegwata fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tagħmir elettriku milli jitqiegħed fis-suq nazzjonali tagħhom, biex it-tagħmir elettriku jiġi rtirat minn dak is-suq jew biex dan jittieħed lura.

L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.

5.   L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, partikolarment id-dejta neċessarja għall-identifikazzjoni tat-tagħmir elettriku li mhux konformi, l-oriġini tat-tagħmir elettriku, in-natura tal-allegat nuqqas ta’ konformità u r-riskju involut, in-natura u t-tul ta’ żmien tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx dovut għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

in-nuqqas tat-tagħmir elettriku li jissodisfa l-għanijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 3 u stabbiliti fl-Anness I relatati mas-saħħa jew mas-sikurezza tal-persuni, jew l-annimali domestiċi, jew għall-proprjetà; jew

(b)

nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija li l-Artikolu 12 jew fl-istandards nazzjonali jew internazzjonali msemmija fl-Artikoli 13 u 14 li jikkonferixxu preżunzjoni tal-konformità.

6.   L-Istati Membri, barra mill-Istat Membru li jkun beda l-proċedura skont dan l-Artikolu, għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull miżura adottata u kull informazzjoni addizzjonali fuq in-nuqqas tal-konformità tat-tagħmir elettriku kkonċernat għad-dispożizzjoni tagħhom, u, jekk ma jkunx hemm qbil fuq il-miżura nazzjonali adottata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

7.   Fejn, fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tat-tagħmir elettriku kkonċernat, bħall-irtirar tat-tagħmir elettriku mis-suq tagħhom, mingħajr dewmien.

Artikolu 20

Proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni

1.   Jekk, wara t-tlestija tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19(3) u (4), jitressqu oġġezzjonijiet kontra l-miżuri meħuda minn Stat Membru, jew fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li miżura nazzjonali tmur kontra l-leġislazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-operatur(i) ekonomiku/ċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur(i) ekonomiku/ċi rilevanti.

2.   Jekk miżura nazzjonali tkun ikkunsidrata ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li t-tagħmir elettriku li ma jikkonformax jiġi rtirat mis-suq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kif inhu xieraq. Jekk il-miżura nazzjonali titqies li mhix ġustifikata, l-Istat Membru konċernat għandu jirtira dik il-miżura.

3.   Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir elettriku jinstab kien minħabba xi nuqqas fl-istandards armonizzati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 19(5) ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 21

Tagħmir elettriku konformi li jippreżenta riskju

1.   Fejn Stat Membru, wara li jkun wettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 19(1), isib li, għalkemm it-tagħmir elettriku jkun konformi ma’ din id-Direttiva, ikun jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni, jew għall-annimali domestiċi jew għall-proprjetà, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li t-tagħmir elettriku kkonċernat, meta jiġi introdott fis-suq, ma jippreżentax aktar dak ir-riskju jew jirtira t-tagħmir elettriku jew jieħdu lura mis-suq fi żmien perjodu raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif hu jistabbilixxi.

2.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward tat-tagħmir elettriku kollu kkonċernat li huwa jkun qiegħed fis-suq fl-Unjoni kollha.

3.   L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, partikolarment id-dejta meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir elettriku ikkonċernat, l-oriġini u l-katina ta’ provvista tat-tagħmir elettriku, in-natura tar-riskju involut u n-natura u t-tul ta’ żmien tal-miżuri nazzjonali meħuda.

4.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda. Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni, jekk il-miżura nazzjonali tkunx ġustifikata jew le, u fejn ikun meħtieġ, tipproponi miżuri adegwati.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

Għal raġunijiet indispensabbli ġġustifikati ta’ urġenza relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni, jew tal-annimali domestiċi jew tal-proprjeta’, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta’ implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(3).

5.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.

Artikolu 22

Nuqqas ta’ konformità formali

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 19, fejn Stat Membru jasal għal xi waħda mill-konklużjonijiet li ġejjin, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jwaqqaf in-nuqqas fir-rigward tal-konformità kkonċernata:

(a)

il-marka CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva;

(b)

il-marka CE ma tkunx twaħħlet;

(c)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx saret;

(d)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx saret b’mod korrett;

(e)

id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;

(f)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(6) jew fl-Artikolu 8(3) hi nieqsa, falza jew inkompleta;

(g)

kwalunkwe rekwiżit amministrattiv ieħor previst fl-Artikolu 6 jew fl-Artikolu 8 ma jkunx issodisfat.

2.   Fejn jippersisti n-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi li t-tagħmir elettriku jitqiegħid fis-suq jew jiżgura li dan jinġabar lura jew jiġi rtirat mis-suq.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KUMITAT, U DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 23

Il-proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għat-Tagħmir Elettriku. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

4.   Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe materja li għaliha hija meħtieġa konsultazzjoni ta’ esperti settorjali mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jew meħtieġa minn xi leġislazzjoni oħra tal-Unjoni.

Il-kumitat, barra minn hekk, jista’ jeżamina kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mqajma jew mill-President tiegħu jew minn rappreżentant ta’ Stat Membru skont ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 24

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur, minn operaturi ekonomiċi, tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiddaħħlu fis-seħħ. Tali regoli jistgħu jinkludu penali kriminali għal ksur serju.

Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 25

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu li jitqiegħed fis-suq tagħmir elettriku kopert bid-Direttiva 2006/95/KE li jkun konformi ma’ dik id-Direttiva u li ġie introdott fis-suq qabel l-20 ta’ April 2016.

Artikolu 26

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mid-19 ta’ April 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità mal-Artikoli 2, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, l-Artikolu 4, l-Artikoli 6 sa 12, l-Artikolu 13(1), l-Artikoli 14 sa 25 u l-Annessi II, III u IV. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-20 ta’ April 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu dikjarazzjoni li r-referenzi tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti tad-Direttiva mħassra b’din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza u kif għandha tiġi formulata dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 27

Tħassir

Id-Direttiva 2006/95/KE titħassar b’effett mill-20 ta’ April 2016, bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati ta’ applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness V.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VI.

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3, l-Artikolu 5, l-Artikolu 13(2) u (3) u l-Annessi I, V u VI għandhom japplikaw mill-20 ta’ April 2016.

Artikolu 29

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 105.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Frar 2014.

(3)  ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10. Id-Direttiva 2006/95/KE hija l-kodifikazzjoni tad-Direttiva 73/23/KEE tad-19 ta’ Frar 1973 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 77, 26.3.1973, p. 29).

(4)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(5)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(6)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(7)  Approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35).

(8)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


ANNESS I

L-ELEMENTI PRINĊIPALI TAL-GĦANIJIET TA’ SIKUREZZA GĦAL TAGĦMIR ELETTRIKU DDISINJAT GĦALL-UŻU FI ĦDAN ĊERTI LIMITI TA’ VOLTAĠĠ

1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali

(a)

il-karatteristiċi essenzjali, li l-għarfien u l-ħarsien tagħhom jiżguraw li t-tagħmir elettriku jintuża bla ma jkun ta’ periklu u f’dawk l-applikazzjonijiet li kien magħmul għalihom, għandhom jiġu mmarkati fuq it-tagħmir elettriku, jew, jekk dan mhux possibbli, fuq dokument li jkun mehmuż miegħu;

(b)

it-tagħmir elettriku, flimkien mal-partijiet komponenti tiegħu, għandu jkun magħmul hekk li jkun żgurat li jista’ jiġi mmuntat u kkonnettjat sewwa u b’mod li ma jkunx ta’ periklu;

(c)

it-tagħmir elettriku għandu jkun ddisinjat u ffabbrikat hekk li jiżgura l-protezzjoni kontra r-riskji elenkati fil-punti 2 u 3, sakemm it-tagħmir jintuża f’applikazzjonijiet li kien magħmul għalihom u jkun mantenut kif mistenni.

2.   Protezzjoni kontra r-riskji li jinħolqu mit-tagħmir elettriku

Miżuri ta’ natura teknika għandhom jiġu stabbiliti skont il-punt 1, sabiex ikun żgurat li:

(a)

il-persuni u l-annimali domestiċi jkunu protetti b’mod adegwat mill-periklu tal-ħsara fiżika jew ta’ dannu ieħor li jista’ jkun ikkawżat minn kuntatt dirett jew indirett;

(b)

ma jinħolqux temperaturi, skariki jew radjazzjoni li jistgħu jikkawżaw il-periklu;

(c)

il-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà jkunu protetti b’mod adegwat minn perikli li mhumiex elettriċi kkawżati mit-tagħmir elettriku u li jinkixfu bl-esperjenza;

(d)

l-insulation tkun xierqa għall-kundizzjonijiet prevedibbli.

3.   Protezzjoni kontra r-riskji li jistgħu jiġu kkawżati minn influwenzi esterni fuq it-tagħmir elettriku

Miżuri ta’ natura teknika għandhom jiġu stabbiliti skont il-punt 1, sabiex ikun żgurat li t-tagħmir elettriku:

(a)

jilħaq ir-rekwiżiti mekkaniċi mistennija hekk li l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà ma jitqegħdux fil-periklu;

(b)

ikun reżistenti għal influwenzi mhux mekkaniċi fil-kundizzjonijiet ambjentali mistennija, hekk li l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà ma jitqegħdux fil-periklu;

(c)

ma jqegħidx fil-periklu l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà fil-każ ta’ kundizzjonijiet prevedibbli ta’ overload.


ANNESS II

TAGĦMIR U FENOMENI ‘LILHINN MILL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA’ DIN ID-DIRETTIVA

Tagħmir elettriku għall-użu f’atmosfera splussiva

Tagħmir elettriku għar-radjoloġija u skopijiet mediċi

Partijiet tal-elettriku għal-lifts tal-merkanzija u tal-passiġġieri

Meters tal-elettriku

Il-plakek u s-socket outlets għall-użu domestiku

Il-kontrolluri tal-ħitan tal-elettriku

L-interferenza radjuelettrika

Tagħmir elettriku speċjalizzat, għall-użu fuq il-bastimenti, il-vetturi tal-ajru u l-ferroviji, li jħares id-dispożizzjonijiet tas-sikurezza stabbiliti mill-korpi internazzjonali li fihom l-Istati Membri jieħdu sehem.

Kits ta’ evalwazzjoni mibnija apposta u destinati għall-professjonisti biex jintużaw biss fil-faċilitajiet ta’ riċerka u żvilupp għal tali finijiet.


ANNESS III

IL-MODULU A

Il-kontroll intern tal-produzzjoni

1.   Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3, u 4, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir elettriku kkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva applikabbli għalih.

2.   Dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni għandha tagħmel possibbli l-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir elettriku mar-rekwiżiti rilevanti, u għandha tinkludi analiżi u valutazzjoni xierqa tar-riskju jew riskji. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn u l-manifattura tat-tagħmir elettriku u kif jaħdem. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, mill-anqas dawn l-elementi:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tat-tagħmir elettriku,

(b)

id-disinn kunċettwali u t-tpinġijiet u l-iskemi tal-manufattura tal-komponenti, it-tagħmir sekondarju tal-immuntar, iċ-ċirkwiti, eċċ.,

(c)

deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet neċessarji biex wieħed jifhem id-disinji u l-iskemi skemi msemmija u kif jaħdem it-tagħmir elettriku,

(d)

lista ta’ standards armonizzati, applikati b’mod sħiħ jew parzjali, li r-referenzi tagħhom ġew pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew tal-istandards internazzjonali jew nazzjonali msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u, fejn dawk l-istandards armonizzati jew l-istandards internazzjonali jew nazzjonali ma ġewx applikati, deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu ssodisfati l-għanijiet tas-sikurezza ta’ din id-Direttiva, inkluża lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra applikati. Fil-każ ta’ standards armonizzati applikati parzjalment jew standards internazzjonali jew nazzjonali msemmija fl-Artikoli 13 u 14, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika l-partijiet li jkunu ġew applikati,

(e)

ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinji magħmula, l-eżamijiet li jsiru, eċċ., u

(f)

rapporti ta’ testijiet.

3.   Il-manifatturar

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-proċess ta’ manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tat-tagħmir elettriku manifatturat mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 u mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva li japplikaw għalih.

4.   Il-marka CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

4.1.

Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE fuq kull tagħmir elettriku individwali li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva.

4.2.

Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE bil-miktub għal mudell ta’ prodott u jżommha flimkien mad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq għal perjodu ta’ 10 snin wara li t-tagħmir elettriku jkun ġie introdott fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tidentifika t-tagħmir elettriku li tkun inħarġet għalih.

Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti ta’ sorveljanza tas-suq.

5.   Ir-rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur, kif stabbiliti fil-punt 4, jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.


ANNESS IV

DIKJARAZZJONI TA’ KONFORMITÀ TAL-UE (Nru XXXX) (1)

1.

Il-prodott (numru tal-prodott, tal-lott, tat-tip jew tas-serje):

2.

L-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu:

3.

Din id-dikjarazzjoni ta’ konformità tinħareg taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur.

4.

L-għan tad-dikjarazzjoni (l-identifikazzjoni tat-tagħmir elettriku li tippermetti t-traċċabbiltà; din tista’ tinkludi immaġini bil-kulur ta’ ċarezza suffiċjenti meta tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir elettriku).

5.

L-għan tad-dikjarazzjoni deskritt hawn fuq huwa konformi mal-leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjoni:

6.

Ir-referenzi għall-istandards armonizzati rilevanti li ntużaw jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħra li skonthom qed tiġi ddikjarata l-konformità:

7.

Informazzjoni addizzjonali:

Iffirmata għal u f’isem:

(post u data tal-ħruġ):

(isem, funzjoni) (firma):


(1)  Il-manifattur għandu l-fakoltà li jassenja numru għad-dikjarazzjoni ta’ konformità.


ANNESS V

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u dati ta’ applikazzjoni tad-direttivi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness V tad-Direttiva 2006/95/KE

(imsemmija fl-Artikolu 27)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data tal-applikazzjoni

73/23/KEE

21 ta’ Awwissu 1974 (1)

93/68/KEE

fl-1 ta’ Lulju 1994.

1 ta’ Jannar 1995 (2)


(1)  Fil-każ tad-Danimarka l-limitu ta’ żmien ġie estiż għal ħames snin, i.e. 21 ta’ Frar 1978. Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 73/23/KEE.

(2)  Sal-1 ta’ Jannar 1997 l-Istati Membri kellhom jippermettu l-introduzzjoni fis-suq u l-bidu tal-użu ta’ prodotti li kkonformaw mal-arranġamenti dwar l-immarkar fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1995. Ara l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 93/68/KEE.


ANNESS VI

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 2006/95/KE

Id-Direttiva preżenti

Artikolu 1

Artikolu 1, it-tieni paragrafu

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 12

Artikolu 6

Artikolu 13

Artikolu 7

Artikolu 14

Artikolu 8(1)

Artikoli 16 u 17

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3)

Artikolu 9

Artikoli 18 sa 20

Artikolu 10

Artikoli 16 u 17

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 26

Artikolu 14

Artikolu 27

Artikolu 15

Artikolu 28

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Artikoli 15 u 16 u l-Anness IV

Anness IV

Anness III

Anness V

Anness V


DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Parlament Ewropew iqis li huwa biss meta u sakemm atti ta' implimentazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 jiġu diskussi fil-laqgħat tal-kumitati, li dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala "kumitati ta' komitoloġija" fis-sens tal-Anness I tal-Qafas ta' Ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-laqgħat tal-kumitati, għaldaqstant, jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-punt 15 tal-Qafas ta' Ftehim meta u sakemm jiġu diskussi kwistjonijiet oħra.


Top