EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0661

2014/661/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta' Settembru 2014 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tat-2 u 3-monokloropropan- 1,2-dijol (2 u 3-MCPD), it-2- u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 271, 12.9.2014, p. 93–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2014/661/oj

12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/93


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta' Settembru 2014

dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tat-2 u 3-monokloropropan- 1,2-dijol (2 u 3-MCPD), it-2- u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/661/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

it-3-monokloropropan-1,2-dijol (3-MCPD) huwa kontaminant fl-ipproċessar tal-ikel ikklassifikat bħala karċinoġenu possibbli għall-bniedem li għalih ġiet stabbilita doża tollerabbli ta' kuljum (TDI) ta' 2 μg/kg b.w (1). Ġie stabbilit livell massimu ta' 20 μg/kg għall-proteina veġetali idrolizzata (HVP) u għaz-zalza tas-sojja bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) għal prodotti likwidi li fihom 40 % ta' materja niexfa, li jikkorrispondi għal massimu ta' 50 μg/kg f'materja niexfa.

(2)

L-esteri tal-2 — u 3-monokloropropan- 1,2-dijol (MCPD) u l-esteri tal-gliċidol huma kontaminanti importanti fiż-żjut ipproċessati tal-ikel użati bħala ikel jew ingredjenti tal-ikel. Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) qabel mal-istima ta' rilaxx ta' 100 % tat-3-MCPD mill-esteri tiegħu fil-bnedmin (3).

(3)

L-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol (GE) huma kontaminanti li jiġu ġġenerati matul l-istadju ta' deodorizzazzjoni fil-proċess tar-raffinar taż-żejt tal-ikel. Ir-rilevanza tossikoloġika tal-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol għadha ma ġietx kompletament iċċarata. Il-gliċidol innifsu huwa kkategorizzat bħala li huwa x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem. L-aktar studji xjentifiċi reċenti jindikaw rilaxx (kważi) sħiħ ta' gliċidol mill-esteri tal-aċidi grassi ġewwa t-tubi diġestivi tal-bniedem.

(4)

Fl-20 ta' Settembru 2013, l-EFSA ppubblikat rapport xjentifiku dwar l-analiżi ta' okkorrenza tat-3-monokloropropan- 1,2-dijol (3-MCPD) fl-ikel fl-Ewropa fis-snin 2009-2011 u valutazzjoni tal-espożizzjoni preliminari (4).

(5)

Jeħtieġ iktar dejta dwar l-okkorrenza tal-preżenza tal-esteri tal-aċidi grassi MCPD u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol biex tista' ssir valutazzjoni aktar preċiża tal-espożizzjoni.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li jkun irrakkomandat il-monitoraġġ tal-preżenza ta' MCPD, tal-esteri MCPD u l-esteri tal-gliċidol fiż-żjut u x-xaħmijiet veġetali, l-ikel li ġej minnhom u l-ikel li fih żjut u xaħmijiet veġetali.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi kummerċjali tal-għalf u l-ikel, għandhom iwettqu monitoraġġ għall-preżenza tat-2 u 3-MCPD, it-2 u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel, u partikolarment fi:

(a)

żjut u xaħmijiet veġetali u prodotti derivati bħal marġerina u prodotti simili,

(b)

ikel għal użu ta' nutriment partikolari kif iddefinit fid-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u intiż għat-trabi u għat-tfal żgħar, inkluż formuli għat-trabi u dawk ta' prosegwiment (follow on) kif iddefinit fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE (6) u ikel tad-dieta għal raġunijiet mediċi speċjali kif iddefinit fid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE (7) intiż għat-trabi,

(c)

prodotti fini tal-forn, ħobż u bziezen,

(d)

laħam fil-bott (iffumigat) u ħut fil-bott (iffumigat),

(e)

snakks abbażi tal-patata jew taċ-ċereali, prodotti oħra abbażi ta' patata moqlija,

(f)

ikel li fih żejt veġetali u ikel ippreparat/prodott bi żjut veġetali.

Huwa magħruf li l-analiżi tat-2 u 3-MCPD, 2 u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel imsemmija fil-punti (b) sa (f) hija diffiċli ħafna u l-ebda metodi ta' analiżi vvalidati minn studju kollaborattiv ma huma disponibbli għalissa. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari fl-analiżi tal-ikel imsemmija fil-punti (b) sa (f) sabiex ikun żgurat li d-dejta ġġenerata hija affidabbli.

Għalhekk, l-Istati Membri li bi ħsiebhom janalizzaw il-preżenza tat-2 u 3-MCPD, it-2 u 3-MCPD esteri tal-aċidi grassi u l-esteri tal-aċidi grassi tal-gliċidol fl-ikel imsemmija fil-punti (b) sa (f) jistgħu jitolbu, jekk ikun xieraq u meħtieġ, l-assistenza teknika tal-Istitut għall-Materjali u l-Kejl ta' Referenza (IRMM), Standards ta' Unità għall-Bijoxjenza tal-Ikel taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

2.

Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni huma rappreżentattivi tal-lott ikkampjunat, l-Istati Membri għandhom isegwu l-proċeduri stabbiliti fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (8).

3.

Sabiex jiġi ddeterminat l-MCPD u l-gliċidol maqugħda mal-esteri, huwa rrakkomandat li jintużaw il-metodi standard tal-American Oil Chemists Society. Dawn il-metodi huma metodi ta' Gasskromatografija-Spettrometrija tal-Massa (GC-MS) ivvalidati minn studju kollaborattiv għal żjut u xaħmijiet veġetali u huma disponibbli fuq www.aocs.org.

Il-Limitu ta' Kwantifikazzjoni (LOQ) m'għandux ikun ogħla minn 100 μg/kg għall-analiżi ta' MCPD u l-gliċidol maqugħda mal-esteri tal-aċidi grassi fi żjut u xaħmijiet tal-ikel. Għal ikel ieħor li fih aktar minn 10 % xaħam, l-LOQ preferibbilment ma għandux ikun ogħla meta jkun relatat mal-kontenut ta' xaħam tal-ikel, jiġifieri l-LOQ għall-analiżi tal-esteri tal-aċidi grassi ta' MCPD u l-gliċidol f'ikel li jkun fih 20 % xaħam m'għandux ikun ogħla minn 20 μg/kg abbażi tal-piż komplessiv. Għal ikel li għandu inqas minn 10 % ta' xaħam, l-LOQ ma għandux ikun ogħla minn 10 μg/kg abbażi tal-piż komplessiv.

4.

Il-laboratorji għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri ta' kontroll tal-kwalità biex matul l-analiżi tiġi evitata t-trasformazzjoni tal-esteri tal-gliċidol f'esteri MCPD u viċi versa. Barra minn hekk, jeħtieġ speċifikazzjoni mhux ambigwa tal-kwantità mkejla u rapporti separati tat-2- u 3- MCPD preżenti fi stat liberu fil-matriċi analizzata mill-esteri tal-aċidi grassi 2- u 3-MCPD, minħabba li t-tnejn jitkejlu bħala 3-MCPD. Il-kwantitajiet li ġejjin li jridu jitkejlu għandhom jiġu rrappurtati separatament:

2-MCPD

3-MCPD

esteri 2-MCPD

esteri 3-MCPD

esteri tal-gliċidol.

Ma hemm l-ebda evidenza għalissa tal-preżenza ta' gliċidol fi stat liberu fl-ikel imsemmi fil-Punt (1). Madankollu f'każ fejn jiġi analizzat il-gliċidol fi stat liberu, dan għandu jiġi rrappurtat b'mod separat.

5.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati analitiċi jiġu pprovduti fuq bażi regolari (kull sitt xhur) lill-EFSA fil-format tal-preżentazzjoni tad-dejta tal-EFSA f'konformità mar-rekwiżiti tal-EFSA's Guidance on Standard Sample Description (SSD) for Food and Feed (9) u r-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi ta' rappurtar tal-EFSA.

Se jkun disponibbli format issemplifikat b'inqas oqsma obbligatorji li jridu jimtlew biex tkun żgurata preżentazzjoni massima tad-dejta ta' monitoraġġ disponibbli u utli.

6.

Se tiġi elaborata nota ta' gwida sabiex tkun żgurata applikazzjoni uniformi ta' din ir-Rakkomandazzjoni u jkun żgurat rapportar komparabbli tar-riżultati.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel dwar it-3-monokloropropan-1,2-dijol (3-MCPD) li taġġorna l-opinjoni SCF tal-1994 (adottata fit-30 ta' Mejju 2001) http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/out91_en.pdf.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  Stqarrija tal-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-katina tal-Ikel (CONTAM) fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-esteri ta' 3-MCPD http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/1048.pdf

(4)  European Food Safety Authority, 2013 Analysis of occurrence of 3-monochloropropane-1,2-diol (3-MCPD) in food in Europe in the years 2009-2011 and preliminary exposure assessment. EFSA Journal 2013;11(9):3381, 45 pp. doi:10.2903/j.efsa.2013.3381. Jinstab onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.

(5)  Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21).

(6)  Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1).

(7)  Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE tal-25 ta' Marzu 1999 dwar l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali(ĠU L 91, 7.4.1999, p. 29).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u idrokarburi poliċikliċi aromatiċi fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(9)  http://www.efsa.europa.eu/en/datex/datexsubmitdata.htm


Top