EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0070

2014/70/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Jannar 2014 dwar prinċipji minimi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli

OJ L 39, 8.2.2014, p. 72–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2014/70/oj

8.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/72


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Jannar 2014

dwar prinċipji minimi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli

(2014/70/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta’ enerġija tagħhom, sakemm jirrispettaw il-ħtieġa li jippreservaw, jipproteġu u jtejbu l-kwalità tal-ambjent.

(2)

Fl-istat attwali ta’ żvilupp teknoloġiku, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi, bħall-gass tax-shale, jeħtieġu l-użu kkombinat ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli u ta’ tħaffir direzzjonali (speċjalment orizzontali) fuq skala u intensità li fl-Unjoni hemm esperjenza limitata ħafna dwarhom. Din it-teknika tal-fratturazzjoni idrawlika toħloq sfidi speċifiċi, b’mod partikolari għas-saħħa u l-ambjent.

(3)

Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2012 il-Parlament Ewropew innota l-benefiċċji potenzjali sinifikanti tal-produzzjoni tal-gass u taż-żejt tax-shale, u talab lill-Kummissjoni biex tintroduċi qafas tal-ġestjoni tar-riskju applikabbli għall-Unjoni kollha għall-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dispożizzjonijiet armonizzati għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent ikunu applikabbli fl-Istati Membri kollha.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa ta’ diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa u tal-iżvilupp ta’ riżorsi indiġeni tal-enerġija biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista, titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-enerġija esterna u jiġi stimolat it-tkabbir ekonomiku. Il-Kunsill irrikonoxxa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel valutazzjoni ta’ approċċ aktar sistematiku għall-użu ta’ sorsi indiġeni tal-enerġija b’mod aktar sistematiku, bil-għan li l-użu tagħhom isir aktar sikur, sostenibbli u ekonomiku filwaqt li tiġi rispettata l-għażla tal-Istati Membri għat-taħlita enerġetika tagħhom.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) fl-UE bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli (1), il-Kummissjoni ddeskriviet l-opportunitajiet u l-isfidi potenzjali ġodda relatati mal-estrazzjoni tal-idrokarburi mhux konvenzjonali fl-Unjoni kif ukoll l-elementi ewlenin meqjusa meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ din it-teknika. Il-Komunikazzjoni kkonkludiet li hemm bżonn ta’ rakkomandazzjoni li tistabbilixxi prinċipji minimi li jappoġġaw lill-Istati Membri fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ gass naturali mill-formazzjonijiet tax-shale u li jiżguraw li l-klima u l-ambjent jiġu mħarsa, ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti u l-pubbliku jinżamm infurmat.

(6)

Fil-livell internazzjonali, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija żviluppat rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp sikur tal-gass mhux konvenzjonali. Dawn ir-“Regoli tad-Deheb” jesiġu t-twaqqif ta’ oqfsa regolatorji robusti u xierqa, l-għażla tas-sit b’attenzjoni xierqa, l-ippjanar adegwat tal-proġetti, il-karatterizzazzjoni tar-riskji sotterranji, regoli robusti għad-disinn tal-bjar, trasparenza dwar l-operazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-impatti assoċjati, ġestjoni prudenti tal-ilma u tal-iskart, u mitigazzjoni tal-emissjonijiet atmosferiċi u ta’ gassijiet serra.

(7)

Kemm il-leġiżlazzjoni ġenerali kif ukoll dik ambjentali tal-Unjoni huma applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ esplorazzjoni u produzzjoni tal-idrokarburi li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli. B’mod partikolari, id-Direttiva Qafas Nru 89/391/KEE tal-Kunsill Ewropew (2) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tintroduċi miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol; Id-Direttiva Nru 92/91/KEE tal-Kunsill (3) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir, tistabbilixxi rekwiżiti minimi għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir; Id-Direttiva Nru 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għal prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi tesiġi l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet b’mod mhux diskriminatorju; Id-Direttiva Nru 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li tistabbilixxi l-qafas għall-politika dwar l-ilma tesiġi li l-operatur jikseb awtorizzazzjoni għall-astrazzjoni tal-ilma u tipprojbixxi r-rimi dirett ta’ sustanzi li jniġġsu fl-ilma ta’ taħt l-art; Id-Direttiva Nru 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar valutazzjoni ambjentali strateġika teħtieġ valutazzjoni ta’ pjanijiet u programmi fl-oqsma tal-enerġija, l-industrija, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, it-trasport jew l-użu tal-art; Id-Direttiva Nru 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ambjentali hija applikabbli għall-attivitajiet tax-xogħol li jinkludu attivitajiet bħall-immaniġġjar tal-iskart u l-astrazzjoni tal-ilma; Id-Direttiva Nru 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-iskart mit-tħaffir fil-minjieri tirregola l-immaniġġjar tal-iskart tal-estrazzjoni mill-wiċċ jew minn taħt l-art li jirriżulta mill-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli. Id-Direttiva Nru 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-ilma ta’ taħt l-art tobbliga lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jipprevenu jew jillimitaw l-introduzzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu fl-ilma ta’ taħt l-art Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali huma applikabbli għall-użu ta’ kimiċi u prodotti bijoċidali li jistgħu jintużaw għall-fratturazzjoni; Id-Direttiva Nru 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) li tistabbilixxi l-qafas għall-politika dwar l-iskart tistipula l-kundizzjonijiet applikabbli għall-użu mill-ġdid ta’ fluwidi li jfeġġu fil-wiċċ wara l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli u waqt il-produzzjoni; Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra sal-2020 huma applikabbli għall-emissjonijiet tal-metan li jaħarbu; Id-Direttiva Nru 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-emissjonijiet industrijali hija applikabbli għal installazzjonijiet li fihom isiru attivitajiet elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva; Id-Direttiva Nru 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tesiġi li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali għall-proġetti li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ żejt mhux maħdum u gass naturali għal skopijiet kummerċjali jekk l-ammont estratt ikun ta’ aktar minn 500 tunnellata kuljum fil-każ taż-żejt mhux maħdum u ta’ aktar minn 500 000 m3 kuljum fil-każ tal-gass naturali u li jsir skrinjar tal-proġetti ta’ tħaffir fil-fond u tal-installazzjonijiet fuq wiċċ l-art/il-baħar għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass; Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 96/82/KE (17) dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi u, mill-1 ta’ Ġunju 2015, id-Direttiva Nru 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) li tobbliga lill-operaturi tal-istabbilimenti li fihom ikun hemm sustanzi perikolużi f’ammonti ogħla minn ċerti limiti stipulati fl-Anness I ta’ dawk id-Direttivi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu aċċidenti kbar u biex jillimitaw il-konsegwenzi tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Dan huwa applikabbli, inter alia, għal operazzjonijiet ta’ proċessar kimiku u termali u għall-ħżin relatat ma’ dawn l-operazzjonijiet fil-qafas tal-esplojtazzjoni ta’ minerali fil-minjieri u fil-barrieri kif ukoll għall-ħżin ta’ gass f’postijiet sotterrrani fuq l-art.

(8)

Madankollu, il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni ġiet żviluppata fi żmien meta l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli ma kinetx tintuża fl-Ewropa. Għalhekk, ċerti aspetti ambjentali assoċjati mal-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi li jinvolvu din il-prattika mhumiex indirizzati b’mod komprensiv fil-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni, b’mod partikolari dwar l-ippjanar strateġiku, il-valutazzjoni tar-riskji sotterranji, l-integrità tal-bir, il-monitoragg ta’ referenza u operazzjonali, il-qbid ta’ emissjonijiet ta’ metan u l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-kimiċi kif użati f’kull bir.

(9)

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji minimi li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri meta dawn japplikaw jew jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom relatata ma’ attivitajiet li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli. Sett ta’ regoli għandu jġib kundizzjonijiet indaqs għall-operaturi, u jsaħħaħ il-fiduċja tal-investituri u l-funzjonament tas-suq uniku tal-enerġija. Regoli ċari u trasparenti għandhom jgħinu wkoll biex jittaffa t-tħassib tal-pubbliku, u possibbilment anke l-oppożizzjoni għall-iżvilupp tal-gass tax-shale. Dan is-sett ta’ regoli la jimplika li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jwettqu attivitajiet ta’ esplorazzjoni jew esplojtazzjoni bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli jekk jagħżlu li ma jagħmlux hekk u lanqas li l-Istati Membri huma projbiti milli jżommu fis-seħħ jew idaħħlu miżuri aktar dettaljati li jaqblu mal-kundizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, reġjonali jew lokali.

(10)

Ma hemm l-ebda esperjenza fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli, u esperjenza limitata fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-esplorazzjoni fl-Unjoni. Għaldaqstant, huwa meħtieġ il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fl-Istati Membri. L-aġġornament ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jew l-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet legalment vinkolanti jistgħu jkunu meħtieġa fid-dawl tal-progress tekniku, tal-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji u l-impatti tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi li jużaw tekniki differenti mill-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli, tal-isfidi mhux mistennija fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli f’operazzjonijiet lil hinn mill-kosta.

(11)

Għalhekk, f’dan il-waqt hija meħtieġa din ir-Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi prinċipji minimi li għandhom jiġu applikati bħala bażi komuni għall-esplorazzjoni jew il-produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli. Din hija komplementari għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni applikabbli għal proġetti li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli u għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri fi żmien sitt xhur.

(12)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-integrità tal-persuna, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Din ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi implimentata f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u prinċipji,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.   GĦAN U SUĠĠETT

1.1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji minimi meħtieġa biex jappoġġjaw lill-Istati Membri li jixtiequ jwettqu esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli, filwaqt li jiġi żgurat li s-saħħa pubblika, il-klima u l-ambjent jiġu mħarsa, ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti u l-pubbliku jinżamm infurmat.

1.2.

Meta japplikaw jew jadattaw id-dispożizzjonijiet eżistenti tagħhom li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni għall-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta’ esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli, l-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw dawn il-prinċipji, li jikkonċernaw l-ippjanar, il-valutazzjoni tal-installazzjonijiet, il-permessi, il-prestazzjoni operazzjonali u ambjentali u l-għeluq, kif ukoll il-parteċipazzjoni pubblika u t-tixrid tal-informazzjoni.

2.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

“fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli” tfisser l-injezzjoni, f’bir, ta’ 1 000 m3 jew aktar ta’ ilma għal kull stadju ta’ fratturazzjoni jew ta’ 10 000 m3 jew aktar ta’ ilma matul il-proċess kollu ta’ fratturazzjoni;

(b)

“installazzjoni” tinkludi kwalunkwe strutturi sottoterranji maħsuba għall-esplorazzjoni jew il-produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli.

3.   IPPJANAR STRATEĠIKU U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT AMBJENTALI

3.1.

Qabel ma jagħtu liċenzji għall-esplorazzjoni u/jew il-produzzjoni ta’ idrokarburi li jistgħu jwasslu għall-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli, l-Istati Membri għandhom jippreparaw valutazzjoni ambjentali strateġika biex jipprevjenu, jamministraw u jnaqqsu l-impatti u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Din il-valutazzjoni għandha titwettaq abbażi tar-rekwiżiti tad-Direttiva Nru 2001/42/KE.

3.2.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu regoli ċari dwar restrizzjonijiet possibbli ta’ attivitajiet, pereżempju f’żoni protetti jew f’żoni suxxettibbli għall-għargħar jew għat-terremoti, u fuq id-distanzi minimi bejn l-operazzjonijiet awtorizzati u ż-żoni residenzjali u ta’ protezzjoni tal-ilma. Barra minn hekk, għandhom jistabbilixxu limitazzjonijiet fir-rigward tal-fond minimu bejn iż-żona li tkun se tiġi fratturata u l-ilma ta’ taħt l-art.

3.3.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali abbażi tar-rekwiżiti tad-Direttiva Nru 2011/92/UE.

3.4.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubbliku kkonċernat b’opportunitajiet bikrija u effettivi biex jieħu sehem fl-iżvilupp tal-istrateġija msemmija fil-punt 3.1 u fil-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fil-punt 3.3.

4.   PERMESSI GĦALL-ESPLORAZZJONI U L-PRODUZZJONI

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ksib ta’ permessi skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni jiġu koordinati bis-sħiħ jekk:

(a)

ikun hemm iktar minn awtorità kompetenti waħda responsabbli mill-permess(i) meħtieġ(a);

(b)

ikun hemm aktar minn operatur wieħed involut;

(c)

ikun meħtieġ aktar minn permess wieħed għal fażi speċifika tal-proġett;

(d)

ikun meħtieġ aktar minn permess wieħed skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dik tal-Unjoni.

5.   L-GĦAŻLA TAS-SIT TAL-ESPLORAZZJONI U L-PRODUZZJONI

5.1.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-formazzjoni ġeoloġika tas-sit hija adattata għall-esplorazzjoni jew il-produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli. Għandhom ukoll jiżguraw li l-operaturi jwettqu karatterizzazzjoni u valutazzjoni tar-riskji tas-sit potenzjali, taż-żona ta’ fuq l-art tal-madwar u taż-żona ta’ taħt l-art.

5.2.

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq dejta suffiċjenti biex ikun possibbli li tiġi karatterizzata ż-żona potenzjali tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni u li jiġu indentifikati l-possibbiltajiet kollha ta’ esponiment. B’dan il-mod ikun possibbli li jiġi evalwat ir-riskju ta’ tnixxija jew migrazzjoni ta’ fluwidi tat-tħaffir, fluwidi ta’ fratturazzjoni idrawlika, materjal fi stat naturali, idrokarburi u gassijiet mill-bir jew mill-formazzjoni tal-blata bersall, kif ukoll ta’ sismiċità indotta.

5.3.

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha:

(a)

tkun ibbażata fuq l-aqwa tekniki disponibbli u tqis ir-riżultati rilevanti tal-iskambju ta’ informazzjoni, organizzat mill-Kummissjoni, bejn l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent;

(b)

tantiċipa l-imġiba varjabbli tal-formazzjoni tal-blata bersall, is-saffi ġeoloġiċi li jisseparaw il-blata ġibjun mill-ilma ta’ taħt l-art u mill-bjar eżistenti jew strutturi artifiċjali oħra esposti għal pressjonijiet għolja ta’ injezzjoni li jintużaw fil-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli u għall-volumi ta’ fluwidi injettati;

(c)

tirrispetta distanza minima ta’ separazzjoni vertikali bejn iż-żona li tkun se tiġi fratturata u l-ilma ta’ taħt l-art.;

(d)

tiġi aġġornata waqt l-operazzjonijiet, kull meta tinġabar dejta ġdida.

5.4.

Sit għandu jintgħażel biss jekk valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont il-punti 5.1, 5.2 u 5.3 turi li l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli ma tirriżultax fir-rimi dirett ta’ sustanzi li jniġġsu fl-ilma ta’ taħt l-art u li ma tiġi kkawżata ebda ħsara għal attivitajiet oħra qrib l-installazzjoni.

6.   STUDJU TA’ REFERENZA

6.1.

Qabel jinbdew l-operazzjonijiet ta’ fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-operatur jiddetermina l-istatus ambjentali (ix-xenarju ta’ referenza) tas-sit tal-installazzjoni u taż-żona ta’ fuq l-art tal-madwar u taż-żona ta’ taħt l-art tiegħu, li potenzjalment jistgħu jintlaqtu mill-attivitajiet;

(b)

ix-xenarju ta’ referenza jiġi deskritt u rrappurtat lill-awtorità kompetenti qabel jinbdew l-operazzjonijiet.

6.2.

Ix-xenarju ta’ referenza għandu jiġi ddeterminat għal:

(a)

il-kwalità u l-karatteristiċi tal-fluss tal-ilma tas-superfiċje u tal-ilma ta’ taħt l-art;

(b)

il-kwalità tal-ilma fil-punti ta’ astrazzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb;

(c)

il-kwalità tal-arja;

(d)

il-kundizzjoni tal-ħamrija;

(e)

il-preżenza ta’ metan u ta’ komposti organiċi volatili oħra fl-ilma;

(f)

is-siżmiċità;

(g)

l-użu tal-art;

(h)

il-bijodiversità,

(i)

l-istatus tal-infrastruttura u tal-bini;

(j)

il-bjar eżistenti u l-istrutturi abbandunati.

7.   DISINN U KOSTRUZZJONI TAL-INSTALLAZZJONI

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-installazzjoni tkun mibnija b’tali mod li tipprevjeni t-tnixxija għall-wiċċ l-art u t-tixrid possibbli fil-ħamrija, fl-ilma u fl-arja.

8.   INFRASTRUTTURA TAŻ-ŻONA TA’ PRODUZZJONI

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-operaturi jew gruppi ta’ operaturi japplikaw approċċ integrat għall-iżvilupp taż-żona ta’ produzzjoni bil-għan li jipprevjenu u jnaqqsu l-impatti u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-pubbliku ġenerali;

(b)

rekwiżiti tal-infrastruttura adegwati għall-manutenzjoni tal-installazzjoni jiġu installati qabel ma tinbeda l-produzzjoni; Jekk l-għan ewlieni tal-installazzjoni jkun il-produzzjoni taż-żejt bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli, għandha tiġi installata infrastruttura speċifika li taqbad u tittrasporta l-gass naturali assoċjat.

9.   REKWIŻITI OPERATTIVI

9.1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi jużaw l-aqwa tekniki disponibbli filwaqt li jqisu r-riżultati rilevanti tal-iskambju ta’ informazzjoni, organizzat mill-Kummissjoni, bejn l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent, u jqisu wkoll il-prattika tajba tal-industrija biex jipprevjenu, jamministraw u jnaqqsu l-impatti u r-riskji assoċjati ma’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi.

9.2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi:

(a)

jiżviluppaw pjanijiet speċifiċi għall-immaniġġjar tal-ilma biex jiġi żgurat li l-ilma jintuża b’mod effiċjenti waqt il-proġett kollu. L-operaturi għandhom jiżguraw it-traċċabilità tal-flussi tal-ilma. Il-pjan tal-immaniġġjar tal-ilma għandu jqis il-varjazzjonijiet staġjonali fid-disponibbiltà tal-ilma u jevita l-użu ta’ sorsi tal-ilma f’kundizzjoni kritika;

(b)

jiżviluppaw pjanijiet ta’ mmaniġġjar tat-trasport biex jiġu minimizzati l-emissjonijiet fl-arja b’mod ġenerali u l-impatti fuq il-komunitajiet lokali u l-bijodiversità b’mod partikolari;

(c)

jaqbdu gassijiet għall-użu sussegwenti, jimminimizzaw l-ivvampjar u jevitaw l-ivventjar tal-gassijiet. B’mod partikolari, l-operaturi għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri li jiżguraw li l-emissjonijiet fl-arja fl-istadju tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni jiġu mtaffija permezz tal-qbid tal-gass u l-użu sussegwenti tiegħu. Għal raġunijiet ta’ sikurezza, l-ivventjar tal-metanu u sustanzi oħra li jniġġsu l-arja għandhom jiġu limitati għall-aktar ċirkostanzi operattivi eċċezzjonali;

(d)

iwettqu l-proċess tal-fratturazzjoni b’volum għoli b’mod ikkontrollat u b’ġestjoni adegwata tal-pressjoni bl-għan li l-fratturazzjoni sseħħ biss fil-blata ġibjun u biex tiġi evitata s-siżmiċità indotta;

(e)

jiżguraw l-integrità tal-bir permezz ta’ disinn u kostruzzjoni korretti tal-bir, u testijiet tal-integrità tiegħu. Ir-riżultati tat-testijiet tal-integrità għandhom jiġu riveduti minn parti terza indipendenti u kwalifikata biex jiġu żgurati l-prestazzjoni operazzjonali tal-bir, is-sigurtà ambjentali u tas-saħħa tiegħu fl-istadji kollha ta’ żvilupp tal-proġett u wara l-għeluq tal-bir;

(f)

jiżviluppaw pjan ta’ ġestjoni tar-riskji u l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu u/jew jimmitigaw l-impatti, u l-miżuri meħtieġa għar-rispons;

(g)

iwaqqfu l-operazzjonijiet u b’mod urġenti jieħdu kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju meħtieġa f’każ li jkun hemm xi telf ta’ integrità tal-bir jew jekk aċċidentalment jiġu skarikati sustanzi li jniġġsu fl-ilma ta’ taħt l-art;

(h)

jirrapportaw minnufih lill-awtorità kompetenti fil-każ ta’ kwalunkwe inċident jew aċċident li jaffettwa s-saħħa pubblika jew l-ambjent. Ir-rapport għandu jinkludi l-kawżi tal-inċident jew aċċident, il-konsegwenzi tiegħu u l-passi ta’ rimedju meħuda. L-istudju ta’ referenza meħtieġ skont il-punti 6.1 u 6.2 għandu jintuża bħala referenza.

9.3.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu responsabbli tar-riżorsi tal-ilma fil-proċess tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli.

10.   L-UŻU TA’ SUSTANZI KIMIĊI U TAL-ILMA FIL-FRATTURAZZJONI IDRAWLIKA B’VOLUM GĦOLI

10.1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti eventwali ta’ sustanzi kimiċi li jintużaw fil-fratturazzjoni idrawlika jirreferu għall-“fratturazzjoni idrawlika” fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(b)

l-użu ta’ sustanzi kimiċi fil-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli jiġi minimizzat;

(c)

il-kapaċità tat-trattament tal-fluwidi li jfeġġu fil-wiċċ wara l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli titqies waqt l-għażla tas-sustanzi kimiċi li jintużaw.

10.2.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-operaturi jużaw tekniki tal-fratturazzjoni li jimminimizzaw il-konsum tal-ilma u l-flussi tal-iskart u ma jużawx sustanzi kimiċi perikolużi, sakemm ikun teknikament fattibbli u raġonevoli mil-lat tas-saħħa tal-bniedem, ambjentali u klimatiku.

11.   REKWIŻITI TAL-MONITORAĠĠ

11.1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur jimmonitorja, b’mod regolari, l-installazzjoni, iż-żona tal-madwar u ż-żona ta’ taħt l-art, li jistgħu jiġu affettwati minn dawn l-operazzjonijiet waqt il-fażi tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni u b’mod partikolari qabel, matul u wara l-proċess tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli.

11.2.

L-istudju ta’ referenza meħtieġ skont il-punti 6.1 u 6.2 għandu jintuża bħala referenza għall-monitoraġġ sussegwenti.

11.3.

Minbarra l-parametri ambjentali stabbiliti fl-istudju ta’ referenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur jimmonitorja l-parametri operattivi li ġejjin:

(a)

il-kompożizzjoni preċiża tal-fluwidu tal-fratturazzjoni użat għal kull bir;

(b)

il-volum ta’ ilma użat għall-fratturazzjoni ta’ kull bir;

(c)

il-pressjoni applikata waqt il-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli;

(d)

il-fluwidi li jfeġġu fil-wiċċ wara l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli: ir-rata ta’ ritorn, il-volumi, il-karatteristiċi, il-kwantitajiet li jerġgħu jiġu użati u/jew ittrattati, għal kull bir;

(e)

l-emissjonijiet fl-arja ta’ metan, komposti organiċi volatili oħra u gassijiet oħra li x’aktarx ikollhom effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent.

11.4.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi jimmonitorjaw l-impatti tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli fuq l-integrità tal-bjar u strutturi artifiċjali oħra fiż-żona tal-madwar u fiż-żona ta’ taħt l-art, li potenzjalment jistgħu jintlaqtu mill-operazzjonijiet.

11.5.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati tal-monitoraġġ jiġu rrapportati lill-awtoritajiet kompetenti.

12.   RESPONSABBILTÀ AMBJENTALI U GARANZIJA FINANZJARJA

12.1.

L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ambjentali għall-attivitajiet kollha li jsiru f’sit ta’ installazzjoni, inklużi dawk li attwalment ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva Nru 2004/35/KE.

12.2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur jipprovdi garanzija finanzjarja jew ekwivalenti li tkopri d-dispożizzjonijiet tal-permess u r-responsabbiltajiet potenzjali għall-ħsara ambjentali, qabel jinbdew l-operazzjonijiet li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawliku b’volum għoli.

13.   KAPAĊITÀ AMMINISTRATTIVA

13.1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji adegwati biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

13.2.

L-Istati Membri għandhom jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess bejn il-funzjoni regolatorja tal-awtoritajiet kompetenti u l-funzjoni tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku tar-riżorsi.

14.   OBBLIGI TAL-GĦELUQ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir stħarriġ wara kull għeluq ta’ installazzjoni biex l-istatus ambjentali tas-sit tal-installazzjoni, taż-żona tal-madwar u taż-żona ta’ taħt l-art li potenzjalment jistgħu jintlaqtu mill-attivitajiet jiġi mqabbel mal-istatus tagħhom qabel inbdew l-operazzjonijiet kif stabbilit mill-istudju ta’ referenza.

15.   TIXRID TAL-INFORMAZZJONI

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-operatur jippubblika informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u l-volumi ta’ ilma li huma maħsuba li jintużaw u li eventwalment jintużaw għall-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli, għal kull bir. Din l-informazzjoni għandha telenka l-ismijiet u n-numri tal-indiċi tal-Chemical Abstracts Service (CAS) tas-sustanzi kollha u tinkludi skeda ta’ dejta ta’ sigurtà, jekk disponibbli, u l-konċentrazzjoni massima tas-sustanza fil-fluwidu tal-fratturazzjoni;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw l-informazzjoni li ġejja fuq sit tal-Internet li jista’ jiġi aċċessat mill-pubbliku fi żmien 6 xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u f’intervalli ta’ mhux aktar minn 12-il xahar:

(i)

l-għadd ta’ bjar lesti u ta’ proġetti ppjanati li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli;

(ii)

(ii) l-għadd ta’ permessi mogħtija, l-ismijiet tal-operaturi involuti u l-kundizzjonijiet tal-permess;

(iii)

(iii) l-istudju ta’ referenza elaborat skont il-punti 6.1 u 6.2 u r-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq skont il-punti 11.1, 11.2 u 11.3(b) sa (e);

(c)

l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jinfurmaw lill-pubbliku dwar dan li ġej, mingħajr dewmien żejjed.

(i)

inċidenti u aċċidenti skont il-punt 9.2(f);

(ii)

ir-riżultati tal-ispezzjonijiet, każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u sanzjonijiet.

16.   REVIŻJONI

16.1.

L-Istati Membri li jkunu ddeċidew jesploraw jew jesplojtjaw l-idrokarburi bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli huma mistiedna japplikaw il-prinċipji minimi stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni sat-28 ta’ Lulju 2014 u huma mistiedna jinformaw lill-Kummissjoni kull sena dwar il-miżuri li jdaħħlu fis-seħħ b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni, u għall-ewwel darba, sa Diċembru 2014.

16.2.

Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni billi tippubblika tabella ta’ valutazzjoni li fuqha tqabbel is-sitwazzjoni fl-Istati Membri.

16.3.

Il-Kummissjoni se tirrevedi l-effettività tar-Rakkomandazzjoni 18-il xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha.

16.4.

Ir-reviżjoni se tinkludi valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, tqis il-progress li jsir fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aqwa mezzi tekniċi disponibbli u l-applikazzjoni ta’ dokumenti ta’ referenza dwar l-aqwa mezzi tekniċi disponibbli rilevanti, u kwalunkwe ħtieġa ta’ aġġornament tad-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk hux meħtieġ li tippreżenta proposti leġiżlattivi b’dispożizzjonijiet legalment vinkolanti dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b’volum għoli.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2014) 23.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.)

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/91/KEE tat-3 ta’ Novembru 1992 li tikkonċerna l-ħtiġijiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir (il-ħdax-il Direttiva individwali fil-qofol tat-tifsir tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Nru 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 9).

(4)  Id-Direttiva Nru 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU L 164, tad-30.6.1994, p. 3).

(5)  Id-Direttiva Nru 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(6)  Id-Direttiva Nru 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, tal-21.7.2001, p. 30).

(7)  Id-Direttiva Nru 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(8)  Id-Direttiva Nru 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE, (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15).

(9)  Id-Direttiva Nru 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19)

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva Nru 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill Nru 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni Nru 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(12)  Id-Direttiva Nru 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

(14)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(15)  Id-Direttiva Nru 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(16)  Id-Direttiva Nru 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13)

(18)  Id-Direttiva Nru 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill Nru 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1).


Top