This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0839
2014/839/EU, Euratom: Commission Decision of 25 November 2014 on the publication of information on meetings held between Members of the Commission and organisations or self-employed individuals
2014/839/UE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li saru bejn Membri tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom
2014/839/UE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li saru bejn Membri tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom
ĠU L 343, 28.11.2014, p. 22–24
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 343/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-25 ta' Novembru 2014
dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li saru bejn Membri tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom
(2014/839/UE, Euratom)
THE EUROPEAN COMMISSION,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-istituzzjonijiet iridu, b'mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jesprimu u jaqsmu pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha tal-azzjoni tal-Unjoni. L-istituzzjonijiet huma meħtieġa wkoll iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. Minbarra dan, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u mal-Artikolu 11(3) tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta b'mod wiesa' qabel tipproponi atti leġiżlattivi. |
(2) |
Għal dawn l-għanijiet, il-Membri tal-Kummissjoni u l-membri tal-Kabinetti tagħhom, jiltaqgħu regolarment ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom, sabiex jitgħallmu dwar id-diffikultajiet li dawn jiffaċċaw u jifhmu l-fehmiet tagħhom dwar il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
(3) |
Skont l-Artikolu 10(3) tat-TUE, sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ possibbli, huwa importanti li ċ-ċittadini jkunu jafu x'kuntatti l-Membri tal-Kummissjoni u l-membri tal-Kabinetti tagħhom ikollhom mal-organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom. |
(4) |
Iċ-ċittadini diġà għandhom id-dritt tal-aċċess għal dokumenti ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Din id-Deċiżjoni ma tikkonċernax l-aċċess għad-dokumenti jew l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. |
(5) |
Skont il-Linji Gwida Politiċi tal-15 ta' Lulju 2014 stabbiliti mill-President tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ it-trasparenza fir-rigward tal-kuntatti mal-partijiet ikkonċernati u l-lobbyists. |
(6) |
Filwaqt li ma hemmx bżonn aktar miżuri fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Kummissjoni u l-membri tal-Kabinetti tagħhom f'avvenimenti pubbliċi, billi din l-informazzjoni diġà hija pubblika, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar laqgħat ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom tkompli ssaħħaħ it-trasparenza tal-azzjoni tal-Kummissjoni. |
(7) |
Il-Membri tal-Kummissjoni għandhom għalhekk jagħmlu pubblika l-informazzjoni dwar il-laqgħat li jkollhom huma jew il-membri tal-Kabinetti tagħhom ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom dwar kwistjonijiet relatati mat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-politika fl-Unjoni. |
(8) |
Laqgħat ma' rappreżentanti ta' istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni, li jirriflettu l-kors normali tar-relazzjonijiet interistituzzjonali, mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni. Laqgħat ma' rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni billi dawk l-awtoritajiet isegwu l-interess ġenerali u jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Kummissjoni skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera. Sabiex jitħarsu r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, laqgħat ma' rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta' pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni. Din id-Deċiżjoni mhijiex applikabbli għar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni għal-laqgħat li jkollha fil-kapaċità tagħha ta' Rappreżentant Għoli. |
(9) |
Sabiex tirrispetta l-karattru speċifiku tad-djalogu mas-sħab soċjali, stipulat fl-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll il-karattru speċifiku tad-djalogu mal-knejjes u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali, stipulat fl-Artikolu 17(3) tat-TFUE, il-laqgħat li jsiru f'dawn il-kuntesti ma għandhomx ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni. |
(10) |
Fid-dawl tar-rwol speċifiku tal-partiti politiċi rikonoxxut mill-Artikolu 10(4) tat-TUE, u fid-dawl li l-ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta' April 2014 dwar ir-reġistru tat-trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni (2) tal-politika tal-Unjoni jistipula li r-reġistru ma japplikax għall-partiti politiċi, laqgħat ma' rappreżentanti tal-partiti politiċi wkoll ma għandhomx ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni. |
(11) |
Billi f'ċerti każijiet speċifiċi l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar il-laqgħat tista' ddgħajjef il-protezzjoni tal-ħajja, l-integrità jew il-privatezza ta' individwu, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni, l-istabbilità tas-suq jew informazzjoni kummerċjali sensittiva, il-kondotta xierqa ta' proċedimenti tal-qorti jew spezzjonijiet, investigazzjonijiet, verifiki jew proċeduri amministrattivi oħra; jew il-protezzjoni ta' kull interess pubbliku importanti ieħor rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni, il-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni ma għandhiex issir f'dawn il-każijiet. |
(12) |
Skont l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-ismijiet tal-Membri tal-Kummissjoni kif ukoll il-membri tal-Kabinetti li jattendu l-laqgħat mal-organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom jistgħu jsiru pubbliċi; individwi oħra jridu jagħtu l-kunsens tagħhom b'mod mhux ambigwu. |
(13) |
Din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju għar-rekwiżiti jew impenji msaħħa tat-trasparenza li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew minn ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Membri tal-Kummissjoni jagħmlu pubblika l-informazzjoni dwar il-laqgħat kollha li jkollhom huma u l-membri tal-Kabinetti tagħhom ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom dwar kwistjonijiet relatati mat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika fl-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-informazzjoni li għandha ssir pubblika tkun tikkonsisti fid-data tal-laqgħa, il-post tagħha, l-isem tal-Membru tal-Kummissjoni u/jew membru tal-Kabinett, l-isem tal-organizzazzjoni jew individwu li jaħdem għal rasu u s-suġġett tal-laqgħa.
Artikolu 2
Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“laqgħa” tfisser inkontru bilaterali organizzat fuq inizjattiva ta' organizzazzjoni jew individu li jaħdem għal rasu jew Membru tal-Kummissjoni u/jew membru tal-Kabinett tiegħu/tagħha sabiex jiddiskutu kwistjoni marbuta mat-teħid u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni. Inkontri li jseħħu fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva stabbilita mit-Trattati jew minn atti tal-Unjoni, li hija responsabbiltà diretta tal-Membru tal-Kummissjoni kif ukoll inkontri ta' natura purament privata jew soċjali jew inkontri spontanji huma esklużi minn dan il-kunċett; |
(b) |
“organizzazzjoni jew individwu jaħdem għal rasu” tfisser kull organizzazzjoni jew individwu, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom, involuti f'attivitajiet imwettqa bil-għan li jinfluwenzaw direttament jew indirettament il-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-politika u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament minn fejn isiru dawn l-attivitajiet u mill-kanal jew mezz ta' komunikazzjoni użat. Dan il-kunċett ma jinkludix rappreżentanti ta' istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali ta' Stati Membri u ta' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, ikopri kull assoċjazzjoni jew netwerk maħluq biex jirrappreżenta reġjuni jew awtoritajiet pubbliċi subnazzjonali oħra kollettivament. |
Artikolu 3
1. Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal laqgħat li jsiru ma' sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni fil-kuntest tad-djalogu soċjali, jew għal laqgħat li jsiru fil-kuntest tad-djalogu mal-knejjes, assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.
2. Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal laqgħat li jsiru ma' rappreżenanti ta' partiti politiċi.
Artikolu 4
1. L-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tiġi ppubblikata f'format standardizzat fuq is-siti web tal-Membri tal-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa.
2. Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni tista' tinżamm lura fejn din il-pubblikazzjoni tkun ta' ħsara għall-protezzjoni ta' xi wieħed mill-interessi msemmija fl-Artikolu 4(1), (2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b'mod partikolari l-ħajja, l-integrità jew il-privatezza ta' individwu, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni, l-istabbiltà tas-suq jew informazzjoni kummerċjali sensittiva, il-kondotta xierqa ta' proċedimenti jew spezzjonijiet tal-qorti, investigazzjonijiet, verifiki jew proċeduri amministrattivi oħra; jew il-protezzjoni ta' xi interess pubbliku importanti ieħor rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni.
Artikolu 5
L-ismijiet ta' individwi (li jaġixxu f'isem organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom) jew uffiċjali tal-Kummissjoni (għajr membri tal-Kabinetti) li jattendu l-laqgħat ma jsirux pubbliċi sakemm ma jkunux taw il-kunsens tagħhom b'mod mhux ambigwu.
Artikolu 6
L-organizzazzjonijiet jew persuni li jaħdmu għal rashom jiġu infurmati bil-fatt li l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tkun se ssir pubblika.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Tapplika mill-1 ta' Diċembru 2014.
Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Novembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(2) ĠU L 277, 19.9.2014, p. 11.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).