EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0825

2014/825/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta' Novembru 2014 li tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali u tan-network tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/168/KE

OJ L 334, 21.11.2014, p. 98–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/10/2022; Imħassar b' 32022D1864

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/825/oj

21.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/98


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta' Novembru 2014

li tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali u tan-network tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/168/KE

(2014/825/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(4) u 53(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali ġie stabbilit skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għan-netwerking ta' netwerks, organizzazzjonijiet, u amministrazzjonijiet nazzjonali attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni.

(2)

In-netwerk ta' Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (“l-EIP”) ġie stabbilit skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 li jappoġġa l-EIP għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola msemmija fl-Artikolu 55 ta' dak ir-Regolament u biex jippermetti netwerking ta' gruppi operattivi, servizzi konsultattivi u riċerkaturi.

(3)

Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu adottati regoli li jistabbilixxu l-istruttura organizzattiva u l-operat kemm tan-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali (“l-ENRD”) u kemm tan-Netwerk tal-EIP.

(4)

Bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tan-netwerking rurali fil-livell Ewropew stabbiliti fl-Artikoli 52(2) u 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u sabiex jitwettqu l-kompiti previsti fl-Artikoli 52(3) and 53(3) ta' dak ir-Regolament għan-netwerks tal-ENRD u tal-EIP rispettivament, jinħtieġ li tiġi stabbilita Assemblea tan-Netwerks Rurali u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tagħha, f'konformità mal-White Paper mill-Kummissjoni bl-isem ta' European governance (2), u f'konformità mal-Komunikazzjoni mill-President tal-Kummissjoni bl-isem ta' Framework for Commission expert groups: horizontal rules and public register (3) (“Framework for Commission expert groups”).

(5)

L-Assemblea għandha tippromwovi b'mod partikolari l-iskambju u n-netwerking fost l-entitajiet pubbliċi u privati attivi fl-iżvilupp rurali u l-innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola. Għandha tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-ENRD u n-netwerk tal-EIP, tipprovdi l-qafas strateġiku għall-attivitajiet tagħhom, fosthom il-ħidma tematika, u tiżgura monitoraġġ u valutazzjoni xierqa ta' din attività. Għandha tipproponi l-membri tal-Grupp ta' Tmexxija.

(6)

L-Assemblea għandha tkun magħmula min-netwerks rurali nazzjonali, l-awtoritajiet tal-ġestjoni, l-aġenziji tal-pagamenti, l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni, il-gruppi ta' azzjoni lokali tal-LEADER, il-fornituri tas-servizzi konsultattivi agrikoli attivi fis-servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni marbuta ma' gruppi operattivi u l-istituti tar-riċerka attivi fl-attivitajiet ta' innovazzjoni marbuta ma' gruppi operattivi.

(7)

Sabiex tiġi garantita rappreżentazzjoni miftuħa, trasparenti u bilanċjata, il-membri tal-Assemblea li huma organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu dawk maħtura fi ħdan il-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE (4) (minn hawn 'il quddiem “il-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali”).

(8)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attività tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, skont l-opinjonijiet tal-Assemblea, jinħtieġ li jitwaqqaf Grupp ta' Tmexxija tan-Netwerks Rurali u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(9)

Il-Grupp ta' Tmexxija għandu b'mod partikolari jħejji l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP. Għandu jikkoordina l-ħidma tematika tan-networks u jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea ma' dik ta'gruppi oħra ta' esperti u l-kumitati stabbiliti fil-kuntest tal-iżvilupp rurali u tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment.

(10)

Il-Grupp ta' Tmexxija għandu jkun magħmul mill-awtoritajiet tal-ġestjoni u/jew in-netwerks rurali nazzjonali, l-organizzazzjonijiet madwar l-UE kollha attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali, il-fornituri ta' servizzi ta' konsulenza agrikola u/jew l-istituti ta' riċerka agrikola.

(11)

Bil-għan li jinżamm skambju miftuħ u regolari bejn l-ENRD, in-netwerk tal-EIP u l-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali, il-President u l-Viċi Presidenti tal-grupp ta' djalogu ċivili għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija bħala osservaturi.

(12)

Għandhom jiġu stipulati regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-Assemblea u tal-Grupp ta' Tmexxija.

(13)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(14)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/168/KE (6) tipprovdi għall-istruttura organizzattiva tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2007-2013. Għalhekk dik id-Deċiżjoni għandha titħassar.

(15)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

SUĠĠETT

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali (“l-ENRD”) u tan-network tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola (“in-netwerk tal-EIP”) permezz tal-istabbiliment ta' Assemblea u Grupp ta' Tmexxija, u tipprovdi għall-kompożizzjoni tagħhom u għall-kompiti tagħhom u tistipula r-regoli għall-operat tagħhom.

KAPITOLU II

ASSEMBLEA TAN-NETWERKS RURALI

Artikolu 2

Assemblea tan-Netwerks Rurali

L-Assemblea tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “l-Assemblea”, hija b'dan stabbilita.

Artikolu 3

Kompiti tal-Assemblea

Il-kompiti tal-Assemblea għandhom ikunu b'mod partikolari:

(a)

il-promozzjoni tal-iskambju u n-netwerking fost l-entitajiet pubbliċi u privati attivi fl-iżvilupp rurali u l-innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola;

(b)

l-iżgurar tal-koordinazzjoni bejn l-ENRD u n-netwerk tal-EIP;

(c)

il-provvista ta' qafas strateġiku għall-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, fosthom il-ħidma tematika;

(d)

l-iżgurar ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP b'mod xieraq fir-rigward tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 52(2) u 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u l-kompiti elenkati fl-Artikoli 52(3) u 53(3) ta' dak ir-Regolament;

(e)

il-proposta tal-membri tal-Grupp ta' Tmexxija lid-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (“id-Direttur Ġenerali”).

Artikolu 4

Sħubija fl-Assemblea

1.   L-Assemblea għandha tkun magħmula mill-membri li ġejjin:

(a)

netwerks rurali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(b)

awtoritajiet tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(c)

aġenziji tal-pagament msemmija fl-Artikolu 7 tar- Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar l-UE kollha, li huma rreġistrati fir-Reġistru Konġunt Ewropew tat-Trasparenza, li ġew maħtura bħala membri tal-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali skont id-Deċiżjoni 2013/767/UE (minn hawn 'il quddiem “il-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali”) u li jkunu esprimew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fl-Assemblea (massimu ta' 29 membru);

(e)

organizzazzjonijiet madwar l-UE li jirrappreżentaw l-awtoritajiet reġjonali u/jew lokali attivi fl-iżvilupp rurali, fosthom il-konnessjonijiet bejn iż-żoni rurali u dawk urbani (massimu ta' 3 membri);

(f)

gruppi ta' azzjoni lokali LEADER msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(g)

fornituri tas-servizzi ta' konsulenza agrikola attivi fis-servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni marbuta ma' gruppi operattivi (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(h)

istituti ta' riċerka agrikola attivi f'attivitajiet ta' innovazzjoni marbuta ma' gruppi operattivi (membru wieħed minn kull Stat Membru).

2.   Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (f), (g) u (h) għandhom jinħatru mill-Istat Membru rispettiv.

Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(e) għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali abbażi ta' sejħa għall-applikazzjonijiet.

3.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti permanenti għal kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (f), (g) u (h).

L-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(d) u (e) għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti permanenti tagħhom.

4.   Il-membri tal-Assemblea għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru”) u fuq is-siti tal-Internet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP.

5.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi proċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Operat tal-Assemblea

1.   L-Assemblea għandha tkun preseduta minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-President għandu jsejjaħ laqgħa tal-inqas darba fis-sena.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, l-Assemblea tista' twaqqaf sottogruppi fuq suġġetti speċifiċi relatati mal-objettivi u l-kompiti ta' ENRD u tan-netwerk tal-EIP, fosthom sottogruppi permanenti dwar:

(a)

innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola;

(b)

żvilupp immexxi minn LEADER u mill-komunità; kif ukoll

(c)

l-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali.

Is-sottogruppi għandhom iwettqu ħidma tematika abbażi ta' mandat iddefinit mill-Assemblea.

Is-sottogruppi mhux permanenti għandhom jiġu xolti malli jwettqu l-mandat tagħhom.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jistieden esperti u osservaturi minn barra l-Assemblea b'kompetenza speċifika f'suġġett tal-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Assemblea jew f'sottogruppi fuq bażi ad hoc.

4.   Il-membri tal-Assemblea, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (8). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha.

5.   Il-laqgħat tal-Assemblea u tas-sottogruppi tagħha għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali. Uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Assemblea u tas-sottogruppi tagħha.

6.   L-Assemblea għandha tadotta r-regoli ta' proċedura tagħha abbażi tar-regoli standard ta' proċedura għal gruppi ta' esperti adottati mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti kollha rilevanti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Assemblea (bħal aġendi, minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) billi jew tinkludihom fir-Reġistru jew permezz ta' ħolqa mir-Reġistru għal sit tal-Internet iddedikat.

8.   Il-ħidma tal-Assemblea għandha tkun ikkoordinata ma' dik ta' gruppi oħra ta' esperti u kumitati stabbiliti fil-kuntest tad-djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali kif ukoll fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament;

Artikolu 6

Rimborż tal-ispejjeż

1.   Il-membri tal-Assemblea ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

2.   L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien li jġarrbu l-membri tal-Assemblea għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Assemblea, inklużi s-sottogruppi, għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati sal-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

KAPITOLU III

GRUPP TA' TMEXXIJA TAN-NETWERKS RURALI

Artikolu 7

Grupp ta' Tmexxija tan-netwerks rurali

Il-Grupp ta' Tmexxija tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, minn hawn 'il quddiem magħruf bħala “l-Grupp ta' Tmexxija”, huwa b'dan stabbilit.

Artikolu 8

Kompiti tal-Grupp ta' Tmexxija

Il-kompiti tal-Grupp ta' Tmexxija għandhom ikunu b'mod partikolari:

(a)

it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, f'konformità mal-qafas strateġiku previst mill-Assemblea;

(b)

il-koordinazzjoni tal-ħidma tematika skont il-qafas ipprovdut mill-Assemblea u s-segwitu tal-implimentazzjoni tagħha;

(c)

il-valutazzjoni fuq bażi kontinwa tal-effettività u l-effiċjenza tal-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP;

(d)

l-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea ma' dik ta' gruppi oħra ta' esperti u kumitati stabbiliti fil-kuntest tad-djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali kif ukoll fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament;

(e)

ir-rappurtar lill-Assemblea dwar l-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 9

Sħubija fil-Grupp ta' Tmexxija

1.   Il-Grupp ta' Tmexxija għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin tal-Assemblea:

(a)

l-awtoritajiet ta' ġestjoni u/jew netwerks rurali nazzjonali (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(b)

l-organizzazzjonijiet madwar l-UE kollha msemmija fl-Artikolu 4(1)(d) u (e) (massimu ta' 12-il membru);

(c)

l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali (massimu ta' 4 membri);

(d)

il-fornituri tas-servizzi ta' konsulenza agrikola u/jew l-istituti ta' riċerka agrikola msemmija fl-Artikolu 4(1)(g) u (h) (massimu ta' 4 membri).

2.   Il-membri tal-Grupp ta' Tmexxija għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali wara proposta tal-Assemblea li tkun tirrifletti d-diversità ġeografika u tematika tal-membri tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP u bbażata fuq l-impenn volontarju tal-membri proposti.

Għal kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1, l-Assemblea tista' tipproponi rotazzjoni tal-membri tal-Grupp ta' Tmexxija.

3.   Membru tal-Grupp ta' Tmexxija jista' jiġi sostitwit mid-Direttur Ġenerali wara proposta tal-Assemblea meta:

(a)

jirtira mill-Grupp ta' Tmexxija;

(b)

ma jaħtarx b'mod regolari rappreżentanti għal-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija;

(c)

ma jkunx għadu kapaċi jagħti kontribut b'mod effettiv għall-kompiti tal-Grupp ta' Tmexxija;

(d)

ma jkunx konformi mar-rekwiżit ta' nuqqas ta' divulgazzjoni fejn tidħol informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali stabbilit fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

4.   Il-President u l-Viċi Presidenti tal-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija bħala osservaturi.

Artikolu 10

Operat u spejjeż tal-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija

L-Artikoli 5 u 6 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-operat u l-ispejjeż tal-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2008/168/KE hija mħassra.

Artikolu 12

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(2)  White Paper tal-Kummissjoni — European governance, il-25 ta' Lulju 2001, COM(2001) 428 final.

(3)  Komunikazzjoni mill-President tal-Kummissjoni — Framework for Commission expert groups: horizontal rules and public register, l-10 ta' Novembru 2012, C(2010) 7649 final.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE tas-16 ta' Diċembru 2013 li twaqqaf qafas għal djalogu ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-politika agrikola komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/391/KE (ĠU L 338, 17.12.2013, p. 115).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/168/KE tal-20 ta' Frar 2008 li tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ĠU L 56, 29.2.2008, p. 31).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


Top