Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0771

2014/771/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 31 ta' Ottubru 2014 dwar l-identifikazzjoni tal-verżjoni 2.1 tal- “Universal Business Language” għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 315, 1.11.2014, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/771/oj

1.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/44


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta' Ottubru 2014

dwar l-identifikazzjoni tal-verżjoni 2.1 tal-“Universal Business Language” għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/771/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara konsultazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT u ma' esperti settorjali,

Billi:

(1)

L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti fil-ħidma favur l-Istrateġija Ewropa 2020, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (2). Diversi inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jisħqu dwar l-importanza ta' standardizzazzjoni volontarja fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi sabiex tkun żgurata l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà bejn il-prodotti u s-servizzi, sabiex jitrawwem l-iżvilupp teknoloġiku u sabiex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni.

(2)

Fis-soċjetà diġitali l-istrumenti tal-istandardizzazzjoni saru indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn it-tagħmir, l-applikazzjonijiet, ir-repożitorji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020” (3) tagħraf l-ispeċifiċità tal-istandardizzazjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT), fejn is-soluzzjonijiet, l-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-ICT ħafna drabi jiġu żviluppati minn Fora u Konsorzji globali tal-ICT, li saru organizzazzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp tal-istandards tal-ICT.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għandu l-għan li jimmodernizza u jtejjeb il-qafas Ewropew tal-istandardizzazzjoni. Dan jistabbilixxi sistema li biha l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li huma l-iktar rilevanti u aċċettati b'mod wiesa', maħruġa minn organizzazzjonijiet li mhumiex organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali tal-istandardizzazzjoni. Il-possibbiltà li tintuża l-medda sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fl-akkwist ta' ħardwer, softwer u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni se tippermetti l-interoperabbiltà, se tgħin sabiex jiġu evitati r-restrizzjonijiet għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u se tħeġġeġ il-kompetizzjoni fil-provvista ta' soluzzjonijiet interoperabbli tal-ICT.

(4)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li jistgħu jkunu eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti tiggarantixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT huma stabbiliti f'konformità mal-prinċipji ta' ftuħ, imparzjalità, oġġettività u nondiskriminazzjoni li huma rrikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) fil-qasam tal-istandardizzazzjoni.

(5)

Id-deċiżjoni li tiġi identifikata l-ispeċifikazzjoni tal-ICT għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (4) ikkumplimentata minn forom oħra ta' konsultazzjoni ma' esperti settorjali.

(6)

Fit-22 ta' Mejju 2014, il-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT evalwat il-verżjoni 2.1 tal-“Universal Business Language” (UBL 2.1) billi qabblitha mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u tat parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tagħha għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku. Sussegwentement, l-evalwazzjoni tal-UBL 2.1 ġiet sottomessa għall-konsultazzjoni ta' esperti settorjali li wkoll taw parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tagħha.

(7)

Il-UBL 2.1 żviluppata mill-Organizzazzjoni għall-avvanz tal-istandards tal-informazzjoni strutturata (“Organization for the Advancement of Structured Information Standards”) hija librerija ħielsa mir-royalties ta' dokumenti elettroniċi standard għan-negozju fil-format tal-“Extensible Markup Language” (XML). Hija mfassla biex tidħol direttament fil-prattiċi eżistenti tan-negozju, tal-liġi, tal-awditjar u tal-immaniġġjar tar-rekords, u biex topera fi ħdan qafas kummerċjali standard bħall-ISO 15000 (ebXML) sabiex tipprovdi infrastruttura kompleta bbażata fuq l-istandards li tista' testendi l-benefiċċji tas-sistemi eżistenti tal-Iskambju Elettroniku tad-Dejta (EDI) għan-negozji ta' kull daqs,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-verżjoni 2.1 tal-“Universal Business Language” żviluppata mill-Organizzazzjoni għall-avvanz tal-istandards tal-informazzjoni strutturata hija eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  COM(2010) 2020 final tat-3 ta' Marzu 2010.

(3)  COM(2011) 311 final tal-1 ta' Ġunju 2011.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2011 li twaqqaf Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT (ĠU C 349, 30.11.2011, p. 4).


Top