Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0763

2014/763/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta' Ottubru 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti assorbenti tal-iġjene (notifikata bid-dokument C(2014) 7735) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 320, 6.11.2014, p. 46–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/763/oj

6.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/46


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta' Ottubru 2014

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti assorbenti tal-iġjene

(notifikata bid-dokument C(2014) 7735)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/763/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' tingħata lil dawk il-prodotti li jkollhom impatt ambjentali mnaqqas matul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jistipula li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi ta' prodotti.

(3)

Il-kriterji u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati magħhom għandhom ikunu validi għal erba' snin mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu ta' innovazzjoni għal dan il-grupp ta' prodotti.

(4)

Billi l-konsum tal-materjali jista' jgħin sew fl-impatti ambjentali ġenerali tal-prodotti assorbenti tal-iġjene, jixraq li jiġu stabbiliti kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għal dan il-grupp ta' prodotti. B'mod partikolari, il-kriterji għandhom jippromwovu l-ksib sostenibbli tal-materjali, l-użu limitat ta' sustanzi perikolużi u prodotti ta' kwalità għolja u ta' prestazzjoni għolja li jkunu adegwati għall-użu u ddisinjati b'tali mod li jnaqqsu kemm jista' jkun il-produzzjoni tal-iskart.

(5)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp ta' prodotti “prodotti assorbenti tal-iġjene” għandu jinkludi ħrieqi tat-trabi, assorbenti iġjeniċi tan-nisa, tampuni u assorbenti tat-treddigħ (magħrufa wkoll bħala assorbenti tas-sider), li jintremew wara li jintużaw, u magħmulin minn taħlita ta' fibri naturali u polimeri, b'kontenut tal-fibra inqas minn 90 % bil-piż (ħlief għat-tampuni).

2.   Il-grupp ta' prodotti ma għandux jinkludi prodotti ta' inkontinenza u xi tip ieħor ta' prodotti li jkun fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE (2).

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“polpa taċ-ċelluloża” tfisser materjal fibruż primarjament taċ-ċelluloża li jinkiseb mit-trattament ta' materjali linjoċellulożiċi b'soluzzjoni milwiema waħda jew aktar ta' sustanzi kimiċi għall-ippolpar u/jew l-ibbliċjar;

(2)

“brillatur ottiku” u “aġent bjankatur fluworexxenti” jfissru kull addittiv użat biss sabiex “jitbajjad” jew “jiddawwal” il-materjal;

(3)

“materjali tal-plastik”, li jissejħu wkoll “plastik”, tfisser polimeri sintetiċi li jaf ikollhom addittivi jew sustanzi oħra miżjuda magħhom u li jistgħu jingħataw forma u jintużaw bħala l-komponent strutturali ewlieni f'materjali u oġġetti finali;

(4)

“polimeri sintetiċi” tfisser sustanzi makromolekulari, minbarra l-polpa taċ-ċelluloża, miksuba apposta bi proċess ta' polimerizzazzjoni jew permezz ta' modifika kimika tal-makromolekuli naturali jew sintetiċi jew permezz tal-fermentazzjoni tal-mikrobi;

(5)

“polimeri super-assorbenti” tfisser polimeri sintetiċi ddisinjati biex jassorbu u jżommu ammont kbir ta' likwidu meta mqabbla mal-massa tagħhom stess.

Artikolu 3

Sabiex prodott jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, dan għandu jkun jifforma parti mill-grupp ta' prodotti “prodotti assorbenti tal-iġjene” kif jiddefinixxi l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u għandu jkun konformi mal-kriterji u mar-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati li jistabbilixxi l-Anness.

Artikolu 4

Il-kriterji għall-grupp ta' prodotti “prodotti assorbenti tal-iġjene”, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati, għandhom jibqgħu validi għal erba' snin mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti “prodotti assorbenti tal-iġjene” għandu jkun “047”.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta' Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1).


ANNESS

IR-REKWIŻITI TAL-VALUTAZZJONI U TAL-VERIFIKA

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.

Kull meta l-applikant ikun jeħtieġlu jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra biex juri l-konformità mal-kriterji, dawn jistgħu joriġinaw mingħand l-applikant jew mingħand il-fornitur tiegħu jew mingħand it-tnejn li huma.

Meta jiġu biex jirrikonoxxu t-testijiet, il-korpi kompetenti għandhom jagħtu preferenza lil testijiet akkreditati skont l-istandard ISO 17025 u l-verifiki li jagħmlu l-korpi akkreditati skont l-istandard EN 45011 jew standard internazzjonali ekwivalenti.

Meta jixraq, jistgħu jintużaw metodi ta' ttestjar oħra minbarra dawk indikati għal kull kriterju, dejjem jekk il-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Meta jixraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' sostenn u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti.

Bħala prerekwiżit, il-prodott għandu jissodisfa kull rekwiżit legali rispettiv tal-pajjiż(i) fejn il-prodott ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dan ir-rekwiżit.

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti assorbenti tal-iġjene:

1.

Deskrizzjoni tal-prodott

2.

Polpa fluff

3.

Fibri taċ-ċellulożi magħmula mill-bniedem (inklużi l-visk, il-modal, il-lijoċell, il-kupru, u t-triaċetat)

4.

Il-qoton u fibri ċellulożiċi naturali oħra miż-żrieragħ

5.

Materjali tal-plastik u polimeri super-assorbenti

6.

Materjali u komponenti oħrajn

7.

Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati

8.

L-effiċjenza tal-materjali fil-manifattura

9.

Gwida dwar ir-rimi tal-prodotti

10.

L-adegwatezza għall-użu u l-kwalità tal-prodott

11.

Aspetti soċjali

12.

Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jixhdu l-prodotti bl-aqwa prestazzjoni ambjentali fis-suq tal-prodotti assorbenti tal-iġjene.

Kriterju 1. Deskrizzjoni tal-prodott

Għandha tingħata deskrizzjoni tal-prodott u tal-ippakkjar (isem il-prodott, il-klassifikazzjoni, il-funzjonalitajiet) u informazzjoni dwar dawn il-karatteristiċi kollha:

il-piż totali tal-prodott u tal-ippakkjar,

il-komponenti, il-materjali u l-addittivi użati fil-prodott bil-piżijiet rispettivi tagħhom u, meta applikabbli, in-numri tal-CAS rispettivi tagħhom.

Fuq l-ippakkjar għandha tingħata wkoll informazzjoni dwar il-piż tal-prodott.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-prodott u rapport li jkun fih deskrizzjoni teknika u l-piż tal-prodott u ta' kull komponent, materjal u addittiv użat fih.

Kriterju 2. Polpa fluff

2.1   Il-ksib

Kull fibra tal-polpa għandha tkun koperta b'ċertifikati validi tal-katina tal-kustodja maħruġin minn skema ta' ċertifikazzjoni ta' parti terza indipendenti bħall-FSC, il-PEFC jew ekwivalenti.

Għallinqas 25 % tal-fibri tal-polpa għandhom ikunu koperti b'ċertifikati validi tal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Forestrija maħruġin minn skema ta' ċertifikazzjoni ta' parti terza indipendenti bħall-FSC, il-PEFC jew ekwivalenti.

Il-bqija tal-fibri tal-polpa għandhom ikunu koperti b'sistema ta' verifika li tiżgura li dawn ikunu ġejjin minn sorsi legali u jkunu jissodisfaw kull rekwiżit ieħor tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni fejn jidħol il-materjal mhux iċċertifikat.

Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni li joħorġu ċ-ċertifikati tal-foresti u/jew iċ-ċertifikati tal-katina tal-kustodja għandhom ikunu akkreditati/irrikonoxxuti minn dik l-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

Valutazzjoni u verifika:

Mingħand il-manifattur(i) tal-polpa, l-applikant għandu jikseb ċertifikati tal-katina tal-kustodja validi u ċċertifikati indipendentement, li jkunu juru li l-fibri tal-injam tkabbru skont il-prinċipji tal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Forestrija u/jew li dawn ġejjin minn sorsi legali u kkontrollati. L-FSC, il-PEFC jew skemi ekwivalenti għandhom jitqiesu bħala ċertifikazzjoni aċċettabbli ta' parti terza indipendenti.

2.2   L-ibbliċjar

Il-polpa użata fil-prodott m'għandhiex tkun ibbliċjata permezz tal-gass tal-kloru. B'kollox, l-ammont ta' emissjonijiet tal-aloġeni organiċi assorbibbli (AOX) mill-manifattura tal-polpa m'għandux jaqbeż iż-0.170 kg/ADT.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-manifattur tal-polpa li ma ntużax gass tal-klorin u rapport tat-test li juri l-konformità mal-valur ta' limitu tal-AOX. L-ISO 9562 jew l-EPA 1650C ekwivalenti għandhom jitqiesu bħala metodi aċċettabbli ta' ttestjar, u għandu jkollhom magħhom kalkoli dettaljati li juru l-konformità ma' dan ir-rekwiżit flimkien mad-dokumentazzjoni relatata ta' sostenn.

Id-dokumentazzjoni ta' sostenn għandu jkun fiha indikazzjoni tal-frekwenza tal-kejl. L-AOX għandhom jitkejlu biss fi proċessi fejn jintużaw il-komposti tal-kloru għall-ibbliċjar tal-polpa.

Il-kejl għandu jsir fuq kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, jew wara trattament fl-impjant jew wara trattament minn impjant ta' trattament pubbliku.

Il-perjodu tal-kejl għandu jkun ta' 12-il xahar ta' produzzjoni. Il-kejl għandu jsir kull xahar minn kampjuni komposti rappreżentattivi (komposti ta' 24 siegħa).

F'impjant ġdid jew mibni mill-ġdid jew meta jinbidel il-proċess fl-impjant tal-produzzjoni, il-kejl għandu jsir kull ġimgħa għal tmien (8) ġimgħat konsekuttivi wara li l-impjant jibda jitħaddem b'mod stabbli. Il-kejl għandu jkun rappreżentattiv tal-kampanja rispettiva.

2.3   Brillaturi ottiċi u koloranti

Il-brillaturi ottiċi u l-koloranti, inklużi l-aġenti bjankaturi fluworexxenti, m'għandhomx jiżdiedu mal-popla bi ħsieb.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur li turi li r-rekwiżiti ġew issodisfati.

2.4   Emissjoni ta' COD u fosfru (P) fl-ilma u ta' komposti tal-kubrit (S) u ossidi tan-nitroġenu (NOx) fl-arja mill-produzzjoni

L-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma mill-produzzjoni tal-polpa għandhom jingħataw f'termini tal-punti (PCOD, PP, PS u PNOx). Il-punti huma kkalkulati billi l-emissjoni attwali tiġi diviża bil-valuri ta' referenza msemmija fit-Tabella 1.

L-ebda punt individwali mill-punti PCOD, PP, PS u PNOx, m'għandu jaqbeż il-1,5.

L-għadd totali tal-punti (Ptotal = PCOD + PP + PS + PNOx) m'għandux jaqbeż l-4,0.

Għal kull polpa “i” miksuba, l-emissjonijiet relatati mkejla (mogħtija f'kg/tunnellata mnixxfa bl-arja — ADT) għandhom ikunu ppeżati skont il-proporzjon ta' kull polpa miksuba (il-polpa “i” fir-rigward ta' tunnellata ta' polpa mnixxfa bl-arja), u għandhom jingħaddu flimkien. Il-valuri ta' referenza għal kull tip ta' polpa użata u għall-produzzjoni tal-karta jingħataw fit-Tabella 1. Fl-aħħar nett, l-emissjonijiet totali għandhom jiġu diviżi bil-valuri ta' referenza totali kif jidher f'din il-formola għas-COD:

Formula

Tabella 1

Il-valuri ta' referenza għall-emissjonijiet minn tipi differenti ta' polpa

Grad ta' polpa

Valuri ta' referenza (f'kg/ADT)

CODref

Pref

Sref

NOxref

Polpa kimika bbliċjata (ħlief is-sulfit)

18,0

0,045 (*)

0,6

1,6

Polpa kimika bbliċjata (is-sulfit)

25,0

0,045

0,6

1,6

CTMP

15,0

0,01

0,2

0,3

Jekk l-istess impjant jikkoġenera s-sħana u l-elettriku, l-emissjonijiet ta' S u NOx li toħloq il-ġenerazzjoni tal-elettriku jistgħu jitnaqqsu mill-ammont totali. Biex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-emissjonijiet li toħloq il-ġenerazzjoni tas-sħana għandha tintuża din l-ekwazzjoni: [MWh(sħana) — MWh(sħana)mibjugħa]/[MWh(sħana) + 2 × MWh(elettriku)]

fejn,

MWh(elettriku) hu l-elettriku ġġenerat fl-impjant ta' koġenerazzjoni.

MWh(sħana) hi s-sħana utli ġġenerata fi proċess ta' koġenerazzjoni.

MWh(sħana)mibjugħa hi s-sħana utli li tintuża barra mill-impjant tal-manifattura tal-polpa.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jagħti kalkoli dettaljati li juru l-konformità ma' dan il-kriterju, flimkien ma' dokumentazzjoni relatata ta' sostenn li għandu jkun fiha r-rapporti tat-testijiet li għalihom ikunu ntużaw dawn il-metodi ta' ttestjar:

għas-COD: ISO 6060, EPA SM 5220D jew HACH 8000;

għall-P: ISO 6878, SM 4500, APAT IRSA CNR 4110 jew Dr Lange LCK 349.

għas-S(ossidizzat): EPA 8 jew ekwivalenti;

għas-S(imnaqqas): EPA 8, EPA 16 A jew ekwivalenti;

għall-kontentut ta' S fiż-żejt: ISO 8754 jew EPA 8;

għall-kontentut ta' S fil-faħam: ISO 351 jew EPA 8;

għan-NOx: ISO 11564 jew EPA 7E.

Id-dokumentazzjoni ta' sostenn għandu jkun fiha indikazzjoni tal-frekwenza tal-kejl u l-kalkolu tal-punti għas-COD, il-P, is-S u n-NOx. Din għandha tinkludi kull emissjoni ta' S u NOx li sseħħ waqt il-produzzjoni tal-polpa, inkluż il-fwar iġġenerat barra mill-post tal-produzzjoni, ħlief għal dawk l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-elettriku.

Il-kejl għandu jinkludi lill-bojlers tal-irkupru, il-kalkari tal-ġir, il-bojlers tal-fwar u l-fran għall-qerda ta' gassijiet jintnu ħafna. Għandhom jitqiesu l-emissjonijiet diffużi.

Il-valuri tal-emissjonijiet irrappurtati għal S fl-arja għandhom jinkludu kemm l-emissjonijiet ossidizzati kif ukoll dawk imnaqqsa ta' S (is-sulfur tad-dimetil, il-merkaptan tal-metil, is-sulfur tal-idroġenu u emissjonijiet simili). Minflok jitkejlu, jistgħu jiġu kkalkulati u jitqiesu l-emissjonijiet ta' S li għandhom x'jaqsmu mal-ġenerazzjoni tal-enerġija tas-sħana miż-żejt, mill-faħam u minn fjuwils esterni oħra b'kontenut magħruf ta' S.

Il-kejl tal-emissjonijiet fl-ilma għandu jsir fuq kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, jew wara trattament fl-impjant jew wara trattament minn impjant ta' trattament pubbliku.

Il-perjodu tal-kejl għandu jkun ta' 12-il xahar ta' produzzjoni. Għal COD u P, il-kejl għandu jsir kull xahar u għal S u NOx il-kejl għandu jsir kull sena. Inkella, hu aċċettabbli li jsir kejl kontinwu jekk dan tivverifikah parti terza mill-inqas darba fis-sena.

F'impjant ġdid jew mibni mill-ġdid jew meta jinbidel il-proċess fl-impjant tal-produzzjoni, il-kejl għandu jsir kull ġimgħa għal tmien (8) ġimgħat konsekuttivi wara li l-impjant jibda jitħaddem b'mod stabbli. Il-kejl għandu jkun rappreżentattiv tal-kampanja rispettiva.

2.5   Emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni

L-emissjonijiet tas-CO2 mis-sorsi tal-enerġija mhux rinnovabbli ma għandhomx jaqbżu l-450 kg għal kull tunnellata ta' polpa prodotta, inklużi l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-elettriku (kemm fil-post kif ukoll barra mill-post). Fil-kalkolu tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils għandhom jintużaw il-valuri tal-emissjonijiet ta' referenza mogħtija fit-Tabella 2.

Tabella 2

Il-valuri ta' referenza għall-emissjonijiet tas-CO2 minn sorsi differenti tal-enerġija

Fjuwil

Emissjonijiet fossili tas-CO2

Unità

Faħam

95

g CO2 fossili/MJ

Żejt mhux raffinat

73

g CO2 fossili/MJ

Żejt tal-fjuwil 1

74

g CO2 fossili/MJ

Żejt tal-fjuwil 2-5

77

g CO2 fossili/MJ

LPG

69

g CO2 fossili/MJ

Gass naturali

56

g CO2 fossili/MJ

Elettriku mis-sistema

400

g CO2 fossili/kWh

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jagħti kalkoli dettaljati li juru l-konformità ma' dan ir-rekwiżit, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata ta' sostenn.

L-applikant għandu jipprovdi dejta dwar l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fl-arja. Din għandha tinkludi kull sors ta' fjuwils mhux rinnovabbli waqt il-produzzjoni tal-polpa, inklużi l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-elettriku (kemm fil-post kif ukoll barra mill-post).

Il-perjodu tal-kejl għandu jkun ta' 12-il xahar ta' produzzjoni. Il-kejl għandu jsir kull sena.

F'impjant ġdid jew mibni mill-ġdid jew meta jinbidel il-proċess fl-impjant tal-produzzjoni, il-kejl għandu jsir kull ġimgħa għal tmien (8) ġimgħat konsekuttivi wara li l-impjant jibda jitħaddem b'mod stabbli. Ir-riżultati għandhom jintwerew ukoll wara 12-il xahar ta' produzzjoni. Il-kejl għandu jkun rappreżentattiv tal-kampanja rispettiva.

L-ammont ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli (1) li jinxtara u jintuża għall-proċessi tal-produzzjoni mhux se jitqies fil-kalkolu tal-emissjonijiet tas-CO2: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa li turi li fil-fatt fl-impjant qed tintuża din it-tip ta' enerġija jew li l-applikant ikun qed jixtriha minn barra.

Kriterju 3. Fibri taċ-ċellulożi magħmulin mill-bniedem (inklużi l-visk, il-modal, il-lijoċell, il-kupru, u t-triaċetat)

3.1   Il-ksib

(a)

Kull fibra tal-polpa għandha tkun koperta b'ċertifikati tal-katina tal-kustodja validi maħruġin minn skema ta' ċertifikazzjoni ta' parti terza indipendenti bħall-FSC, il-PEFC jew ekwivalenti.

Għallinqas 25 % tal-fibri tal-polpa għandhom ikunu koperti b'ċertifikati validi tal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Forestrija maħruġin minn skema ta' ċertifikazzjoni ta' parti terza indipendenti bħall-FSC, il-PEFC jew ekwivalenti.

Il-bqija tal-fibri tal-polpa għandhom ikunu koperti b'sistema ta' verifika li tiżgura li dawn ikunu ġejjin minn sorsi legali u jkunu jissodisfaw kull rekwiżit ieħor tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni fejn jidħol il-materjal mhux iċċertifikat.

Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni li joħorġu ċ-ċertifikati tal-foresti u/jew iċ-ċertifikati tal-katina tal-kustodja għandhom ikunu akkreditati/irrikonoxxuti minn dik l-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

(b)

Il-polpa solubbli magħmula mil-linters tal-qoton għandha tissodisfa l-kriterju 4.1 għall-qoton (tal-ksib u t-traċċabilità).

Valutazzjoni u verifika:

(a)

Mingħand il-manifattur(i) tal-polpa, l-applikant għandu jikseb ċertifikati tal-katina tal-kustodja validi u ċċertifikati indipendentement, li jkunu juru li l-fibri tal-injam tkabbru skont il-prinċipji tal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Forestrija u/jew li dawn ġejjin minn sorsi legali u kkontrollati. L-FSC, il-PEFC jew skemi ekwivalenti għandhom jitqiesu bħala ċertifikazzjoni aċċettabbli ta' parti terza indipendenti.

(b)

L-applikazzjoni għandha turi l-konformità mal-kriterju 4.1 għall-qoton (tal-ksib u t-traċċabilità).

3.2   L-ibbliċjar

Il-polpa użata fil-manifattura tal-fibri m'għandhiex tkun ibbliċjata permezz tal-gass tal-kloru. L-ammont totali ta' aloġeni organiċi assorbibbli (AOX) u ta' kloru organiku (OCl) li jirriżulta m'għandux jaqbeż wieħed minn dawn:

0,170 kg/ADT, jekk jitkejjel fl-ilma mormi mill-produzzjoni tal-polpa (AOX), jew

150 ppm, jekk jitkejjel f'fibri lest (OCl).

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur tal-polpa li ma ntużax gass tal-kloru u rapport tat-test li juri l-konformità mar-rekwiżit tal-AOX jew tal-OCl, li jkun sar bil-metodu ta' ttestjar xieraq:

l-ISO 9562 jew l-EPA 1650C ekwivalenti għall-AOX;

u l-ISO 11480 għall-OCl.

Il-frekwenza tal-kejl għall-AOX għandha tkun stabbilita skont il-kriterju 2.2 għall-polpa fluff.

3.3   Brillaturi ottiċi u koloranti

Il-brillaturi ottiċi u l-koloranti, inklużi l-aġenti bjankaturi fluworexxenti, m'għandhomx jiżdiedu mal-fibri bi ħsieb.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur li r-rekwiżiti ġew issodisfati.

3.4   Produzzjoni tal-fibri

(a)

Aktar minn 50 % tal-polpa użata fil-manifattura tal-fibri għandha tinkiseb minn impjanti tal-polpa solubbli li jirkupraw il-valur mil-likur tal-proċess użat tagħhom, permezz ta':

il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-fwar fuq il-post, jew

il-manifattura ta' koprodotti kimiċi.

(b)

Dawn il-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet tal-komposti tal-kubrit fl-arja għandhom jiġu rrispettati fil-proċess tal-produzzjoni tal-fibri modali u tal-visk

Tabella 3

Il-valuri tal-emissjonijiet tal-kubrit tal-fibri modali u tal-visk

Tip ta' fibra

Emissjonijiet tal-kubrit fl-arja — Valur ta' limitu (fi g/kg)

Fibra diskontinwa

30

Fibra tal-filament

 

Ħasil f'lottijiet

40

Ħasil integrat

170

Nota: Il-valuri ta' limitu huma mogħtija bħala medja annwali.

Valutazzjoni u verifika:

(a)

L-applikant għandu jġiegħel lill-manifatturi tal-fibri jipprovdu lista tal-fornituri tal-polpa li ntużaw biex jipproduċu l-fibri u l-proporzjon li dawn fornew. Għandha tingħata dokumentazzjoni ta' sostenn u evidenza li turi li l-proporzjon meħtieġ ta' fornituri għandhom it-tagħmir ix-xieraq li jiġġenera l-elettriku jew is-sistemi x-xierqa tal-irkupru u tal-manifattura tal-koprodotti installati fis-siti tal-produzzjoni relatati.

(b)

L-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni dettaljata u rapporti tat-testijiet li juru l-konformità ma' dan il-kriterju, flimkien ma' dikjarazzjoni tal-konformità.

Kriterju 4. Il-qoton u fibri ċellulożiċi naturali oħrajn miż-żrieragħ

4.1   Il-ksib u t-traċċabbiltà

(a)

Il-qoton għandu jitkabbar skont ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (2), jew fil-Programm Organiku Nazzjonali tal-Istati Uniti (NOP) jew skont obbligi legali ekwivalenti stabbiliti minn sħab kummerċjali tal-Unjoni. Il-kontenut tal-qoton organiku jista' jkun fih il-qoton imkabbar b'mod organiku u l-qoton organiku tranżizzjonali.

(b)

Il-qoton imkabbar skont il-kriterju 4.1(a) u li jintuża fil-manifattura tal-prodotti assorbenti tal-iġjene għandu jkun traċċabbli mill-punt tal-verifika tal-produzzjoni standard.

Valutazzjoni u verifika:

(a)

Korp tal-kontroll indipendenti għandu jiċċertifika li l-kontenut tal-qoton organiku jkun magħmul skont ir-rekwiżiti tal-produzzjoni u l-ispezzjoni stipulati fir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jew fil-Programm Organiku Nazzjonali tal-Istati Uniti (NOP) jew dawk stabbiliti minn sħab kummerċjali oħra. Il-verifika għandha tingħata kull sena għal kull pajjiż tal-oriġini.

(b)

L-applikant għandu juri l-konformità mar-rekwiżit tal-kontenut tal-qoton għall-volum annwali ta' qoton mixtri għall-manifattura tal-prodott(i) finali u skont kull linja tal-prodotti fuq bażi annwali: Għandhom jingħataw rekords tat-tranżazzjonijiet jew fatturi li juru l-kwantità ta' qoton mixtri fis-sena mingħand il-bdiewa jew il-gruppi tal-produtturi, u l-piż totali tal-balal iċċertifikati.

4.2   L-ibbliċjar

Il-qoton m'għandux jiġi bbliċjat permezz tal-gass tal-kloru.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur li ma ntużax gass tal-kloru.

4.3   Il-brillaturi ottiċi u l-koloranti

Il-brillaturi ottiċi u l-koloranti, inklużi l-aġenti bjankaturi fluworexxenti, m'għandhomx jiżdiedu mal-qoton bi ħsieb.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur li r-rekwiżiti ġew issodisfati.

Kriterju 5. Materjali tal-plastik u polimeri superassorbenti

5.1   Produzzjoni ta' polimeri sintetiċi u ta' materjali tal-plastik

Kull impjant li jipproduċi l-polimeri sintetiċi u l-materjali tal-plastik użati fil-prodott għandu jkun implimenta sistemi li:

jiffrankaw l-ilma (eż: il-monitoraġġ tal-flussi tal-ilma f'faċilità u ċ-ċirkolazzjoni tal-ilma f'sistemi magħluqa);

jkollhom pjan integrat għall-immaniġġjar tal-iskart biex isiru l-aqwa prevenzjoni, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, irkupru u rimi finali tal-iskart (eż: is-separazzjoni ta' tipi differenti tal-iskart);

jkollhom ottimizzazzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija u l-ġestjoni tal-enerġija (eż: bl-użu mill-ġdid tal-fwar iġġenerat waqt il-manifattura tas-SAPs).

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornituri li turi l-konformità mar-rekwiżit. Id-dikjarazzjoni teħtieġ is-sostenn ta' rapport li jiddeskrivi fid-dettall il-proċeduri li adottaw il-fornituri biex jissodisfaw ir-rekwiżit għal kull wieħed mis-siti kkonċernati.

5.2   Addittivi fil-materjali tal-plastik

(a)

Il-kontenut taċ-ċomb, tal-kadmju, tal-kromju eżavalenti u tal-komposti relatati għandu jkun ta' inqas minn 0,01 % (100 ppm) tal-massa ta' kull materjal tal-plastik u polimeru sintetiku li jintuża fil-prodott.

(b)

L-addittivi użati fil-plastik b'konċentrazzjoni ta' aktar minn 0,10 % bil-piż m'għandhomx jiġu kklassifikati bi kwalunkwe waħda mid-dikjarazzjonijiet ta' periklu mniżżlin hawn taħt, skont ir-regoli tal-klassifika mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3):

karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni, il-kategoriji 1a, 1b u 2 (H340, H350, H350i, H360F, H360D, H360FD, H360Fd, H340Df);

tossiċi akuti, il-kategoriji 1 u 2 (H300, H310, H330, H304);

tossiċi għal organi fil-mira speċifiċi (STOT), il-kategorija 1: (H370, H372);

perikolużi għall-ambjent akkwatiku, il-kategoriji 1 u 2 (H400, H410, H411).

Valutazzjoni u verifika:

(a), (b) L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornituri li turi l-konformità mar-rekwiżiti. Għandha tingħata wkoll lista tas-sustanzi miżjuda, inklużi l-konċentrazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ta' periklu jew il-frażijiet ta' riskju relatati, sostnuti bi skedi tad-dejta dwar is-sikurezza.

Sabiex jeħfiefu s-segwitu u l-monitoraġġ tad-dokumentazzjoni mogħtija, jista' jiġi eżaminat kampjun aleatorju tal-fornituri. Il-fornitur għandu jipprovdi aċċess għall-faċilitajiet tal-produzzjoni, l-imħażen u l-installazzjonijiet simili. Il-kunfidenzjalità tapplika għal kull dokumentazzjoni u informazzjoni mressqa u kondiviża.

5.3   Polimeri superassorbenti

(a)

L-akrilamida (bin-numru tal-CAS: 79-06-1) m'għandhiex tiżdied mal-prodott bi ħsieb.

(b)

Il-polimeri superassorbenti li jintużaw fil-prodott jista' jkun fihom mhux aktar minn 1 000 ppm ta' monomeri residwi li huma kklassifikati bid-dikjarazzjonijiet ta' periklu rrappurtati fil-kriterju 7 dwar is-sustanzi jew it-taħlitiet esklużi jew limitati. Għall-poliakrilat tas-sodju, dawn jirrappreżentaw total ta' aċidu akriliku li ma jkunx irreaġixxa u retikolanti.

(c)

Il-polimeri superassorbenti li jintużaw fil-prodott jista' jkun fihom mhux aktar minn 10 % ta' estratti li jinħallu fl-ilma (f'piż skont il-piż) u dawn għandhom ikunu konformi mal-kriterju 7 dwar is-sustanzi jew it-taħlitiet esklużi jew limitati. Għall-poliakrilat tas-sodju, dawn jirrappreżentaw monomeri u oligomeri ta' aċidu akriliku b'inqas piż molekulari mill-polimeru superassorbenti skont l-istandard ISO 17190.

Valutazzjoni u verifika:

(a)

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li din is-sustanza ma ntużatx.

(b)

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur li tiddokumenta l-kompożizzjoni tal-polimeri superassorbenti li ntużaw fil-prodott. Dan għandu jsir fl-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza tal-prodott billi jissemmew l-isem sħiħ, in-numru tal-CAS u l-monomeri residwi li jkun fih il-prodott, ikklassifikati skont ir-rekwiżit u l-kwantitajiet tagħhom. Il-metodi ta' ttestjar irrakkomandati huma l-ISO 17190 u d-WSP 210. Għandhom jiġu deskritti l-metodi użati għall-analiżi u għandhom jissemmew l-ismijiet tal-laboratorji użati għall-analiżi.

(c)

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur li tispeċifika l-kwantità tal-estratti li jinħallu fl-ilma li jkun fihom il-polimeri superassorbenti. Il-metodi ta' ttestjar irrakkomandati huma ISO 17190 u WSP 270. Għandhom jiġu deskritti l-metodi użati għall-analiżi u għandhom jissemmew il-laboratorji użati għall-analiżi.

Kriterju 6. Materjali u komponenti oħrajn

6.1   Materjali adeżivi

Il-materjali adeżivi m'għandux ikun fihom xi waħda minn dawn is-sustanzi:

reżini tal-kolofoniji (in-numri tal-CAS 8050-09-7, 8052-10-6, 73138-82-6),

il-ftalat tad-diisobutil (DIBP, in-numru tal-CAS 84-69-5),

il-ftalat tad-diisononil (DINP, in-numru tal-CAS 28553-12-0),

il-formaldeid (in-numru tal-CAS 50-00-0).

Dan ir-rekwiżit m'għandux japplika meta dawk is-sustanzi ma jiżdidux mal-materjal jew mal-prodott finali bi ħsieb, u meta jkunu qegħdin fil-materjali adeżivi b'konċentrazzjoni ta' inqas minn 100 ppm (0,010 % skont il-piż).

Għall-formaldeid, il-limitu massimu għall-kontenut ta' formaldeid iġġenerat waqt il-produzzjoni adeżiva għandu jkun ta' 250 ppm, imkejjel fid-dispersjoni tal-polimeru maħluq ġdid. Il-kontenut ta' formaldeid liberu fl-adeżiv imwebbes (il-kolla) m'għandux jaqbeż l-10 ppm. L-adeżivi mdewba bis-sħana għandhom ikunu eżentati minn dan ir-rekwiżit.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur li r-rekwiżiti ġew issodisfati. L-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza jistgħu jintużaw bħala evidenza ta' dan. Ir-riżultati tat-testijiet għall-formaldeid għandhom jiġu pprovduti, ħlief għall-adeżivi mdewba bis-sħana.

6.2   Linki u koloranti

Il-prodott u kull parti omoġenja minnu m'għandhomx jinżebgħu bil-koloranti. Id-derogi għal dan ir-rekwiżit għandhom japplikaw għal:

l-ispaga tat-tampuni, il-materjali tal-imballaġġ u t-tejps;

id-diossidu tat-titanju fil-polimeri u l-visk;

il-materjali li ma jmissux direttament mal-ġilda jistgħu jinżebgħu bil-kolorant jekk iż-żebgħa tkun tissodisfa ċertu funzjonijiet speċifiċi (eż: biex il-prodott ikun jidher inqas mill-ilbies bajdani jew ċar, biex jintwera fejn għandu jeħel it-tejp, biex ikun jidher li l-prodott ikun imxarrab).

Il-linki u l-koloranti użati għandhom ikunu konformi wkoll mal-kriterju 7 dwar is-sustanzi jew it-taħlitiet esklużi jew limitati.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni u jġiegħel lill-fornituri jipprovdu dikjarazzjoni li r-rekwiżiti ġew issodisfati. Meta jintużaw il-koloranti, il-preżenza tagħhom għandha tiġġustifikaha xi waħda mill-funzjonijiet speċifiċi pprovduti.

6.3   Fwejjaħ

(a)

Il-prodotti kkummerċjalizzati kif imfassal u maħsubin għat-tfal, kif ukoll it-tampuni u l-assorbenti tat-treddigħ m'għandux ikollhom fwejjaħ.

(b)

Kull sustanza jew taħlita mdaħħla u miżjuda mal-prodott bħala fwieħa għandha tiġi mmanifatturata u mmaniġġjata skont il-kodiċi tal-prattika tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Fwejjaħ (IFRA). Il-kodiċi jinsab fis-sit elettroniku tal-IFRA: http://www.ifraorg.org. Il-manifattur għandu jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Istandards tal-IFRA dwar il-projbizzjoni, l-użu ristrett u l-kriterji tal-purità speċifikati għall-materjali.

(c)

Kull fwieħa li tintuża għandha tkun konformi wkoll mal-kriterju 7 dwar is-sustanzi jew it-taħlitiet esklużi jew limitati, irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħha fil-prodott finali.

(d)

M'għandhomx jintużaw il-fwejjaħ u l-ingredjenti tat-taħlitiet tal-fwejjaħ li l-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (4) jidentifika bħala allerġeni tal-kuntatt ta' tħassib speċjali, u lanqas m'għandhom jintużaw fwejjaħ li l-preżenza tagħhom, skont l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ikun jeħtiġilha titniżżel fil-lista tal-ingredjenti. Barra minn hekk, in-nitromiski u l-miski poliċikliċi mhumiex permessi jintużaw.

(e)

Fuq l-imballaġġ tal-prodotti għandu jitniżżel li ntużaw xi fwejjaħ. Barra minn hekk, il-fwejjaħ u/jew l-ingredjenti tat-taħlitiet tal-fwejjaħ li l-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur jidentifika bħala allerġeni stabbiliti tal-kuntatt fil-bnedmin u li ma jkunux limitati bil-kriterju 6.3(c) u (d), għandhom jissemmew apparti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità għal kull rekwiżit stipulat fil-punti (a) sa (e), sostnuta b'dikjarazzjoni mingħand il-manifattur tal-fwieħa, jekk ikun xieraq. Meta jintużaw il-fwejjaħ għandha tingħata wkoll il-lista tal-fwejjaħ użati u evidenza viżwali li l-informazzjoni tniżżlet fuq l-imballaġġ.

6.4   Il-likwidi tad-dlik

(a)

Il-likwidi tad-dlik m'għandhomx jintużaw fl-assorbenti iġjeniċi tan-nisa, fit-tampuni u fl-assorbenti tat-treddigħ. Meta fi prodotti oħrajn jintużaw il-likwidi tad-dlik, dan għandu jitniżżel fuq l-imballaġġ.

(b)

Kull likwidu tad-dlik li jintuża fi prodotti oħrajn ħlief fl-assorbenti iġjeniċi tan-nisa, fit-tampuni u fl-assorbenti tat-treddigħ, għandu jkun konformi mal-kriterju 6.3 dwar il-fwejjaħ u mal-kriterju 7 dwar is-sustanzi jew it-taħlitiet esklużi jew limitati, irrispettivament mill-konċentrazzjoni tiegħu fil-prodott finali.

(c)

Dawn is-sustanzi m'għandhomx jintużaw: it-triklożan, il-parabeni, il-formaldeid u r-rilaxxaturi tal-formaldeid.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità, sostnuta b'dikjarazzjoni mingħand il-manifattur tal-likwidu tad-dlik, jekk ikun xieraq. Meta jintużaw il-likwidi tad-dlik għandha tingħata wkoll evidenza viżwali li l-informazzjoni tniżżlet fuq l-imballaġġ.

6.5   Silikon

(a)

Meta l-komponenti tal-prodott jiġu ttrattati bis-silikon, il-manifattur għandu jiżgura li l-impjegati jkunu protetti mis-solventi.

(b)

La ċ-ċiklotetrasilossan tal-ottametil D4 (bin-numru tal-CAS 556-67-2) u lanqas iċ-ċiklopentasilossan tad-dekametil D5 (bin-numru tal-CAS 541-02-6) m'għandhom ikunu fil-prodotti kimiċi li jintużaw fit-trattament tal-komponenti bis-silikon. Dan ir-rekwiżit m'għandux japplika meta s-sustanzi D4 u D5 jiżdiedu mal-materjal jew mal-prodott finali bi ħsieb, u meta dawn is-sustanzi jkunu qegħdin fis-silikon b'konċentrazzjoni ta' inqas minn 100 ppm (0,01 % skont il-piż).

Valutazzjoni u verifika:

(a)

L-applikant għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-metodu użat għat-trattament tas-silikon u dokumentazzjoni li tiċċertifika li l-impjegati jkunu ġew protetti.

(b)

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni mingħand il-fornitur li dan ir-rekwiżit ġie ssodisfat.

6.6   Partiċelli tan-nanofidda

Partiċelli tan-nanofidda ma għandhomx jiżdiedu mal-prodott bi ħsieb, jew ma' xi parti jew materjal omoġenji minnu.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjonijiet u jġiegħel lill-fornituri jipprovdu dikjarazzjoni li dan ir-rekwiżit ġie ssodisfat.

Kriterju 7. Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati

7.1   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

L-Ekotikketta tal-UE tista' ma tingħatax jekk il-prodott jew xi oġġetti fih, kif jiddefinixxi l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew xi parti omoġenja minnu jkun fihom sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji tal-klassifikazzjoni li jagħmlu mad-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew mal-frażijiet tar-riskju speċifikati fit-tabella 4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jew id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (7), u lanqas jekk ikun fihom sustanzi jew taħlitiet li jissemmew fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ħlief meta tkun ingħatat deroga speċifika.

L-aktar regoli riċenti tal-klassifikazzjoni li adottat l-Unjoni għandhom jieħdu preċedenza fuq il-klassifikazzjonijiet tal-periklu u l-frażijiet tar-riskju elenkati. Għalhekk l-applikanti għandhom jiżguraw li kull klassifikazzjoni tkun ibbażata fuq l-aktar regoli riċenti ta' klassifikazzjoni.

Ħafna drabi d-dikjarazzjonijiet tal-periklu u l-frażijiet tar-riskju f'tabella 4 jkunu jirreferu għal sustanzi. Madankollu, meta ma tkunx tista' tinkiseb informazzjoni dwar is-sustanzi, għandhom japplikaw ir-regoli ta' klassifikazzjoni għat-taħlitiet.

Is-sustanzi jew it-taħlitiet li jibdlu l-proprjetajiet tagħhom bl-ipproċessar u allura ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jew jinbidlu kimikament b'tali mod li jitneħħa l-periklu identifikat qabel, għandhom ikunu eżentati mill-kriterju 7.1. Pereżempju, dan għandu jinkludi polimeri u monomeri jew addittivi modifikati li jintrabtu b'mod kovalenti ġol-plastik.

Il-limiti ta' konċentrazzjoni għal sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu assenjati jew li jkunu ġew assenjati d-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew il-frażi tar-riskju elenkati f'tabella 4, li jkunu jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet jew fil-kategoriji tal-periklu, u għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta' konċentrazzjoni ġeneriċi jew speċifiċi jinstabu skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Meta jinstabu limiti ta' konċentrazzjoni speċifiċi, dawn għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk ġeneriċi.

Tabella 4

Id-dikjarazzjonijiet tal-periklu u l-frażijiet tar-riskju

Dikjarazzjoni tal-Periklu (1)

Frażi tar-Riskju (2)

H300 Fatali jekk jinbela'

R28

H301 Tossiku jekk jinbela'

R25

H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

R65

H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

R27

H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

R24

H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

R23/26

H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

R23

H340 Jaf joħloq difetti ġenetiċi

R46

H341 Suspettat li joħloq difetti ġenetiċi

R68

H350 Jaf iġib il-kanċer

R45

H350i Jaf iġib il-kanċer jekk jinġibed man-nifs

R49

H351 Suspettat li jġib il-kanċer

R40

H360F Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R61

H360FD Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R60/61/60-61

H360Fd Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R60/63

H360Df Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R62

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R63

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf.

R62-63

H362 Jaf jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

R64

H370 Jagħmel ħsara lill-organi

R39/23/24/25/26/27/28

H371 Jaf jagħmel ħsara lill-organi

R68/20/21/22

H372 Jikkawża ħsara lill-organi minħabba espożizzjoni fit-tul jew ripetuta

R48/25/24/23

H373 Jista' jikkawża ħsara lill-organi minħabba espożizzjoni fit-tul jew ripetuta

R48/20/21/22

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti għal ħafna żmien

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti għal ħafna żmien

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b'effetti għal ħafna żmien

R52-53

H413 Jaf jaffettwa lill-organiżmi akkwatiċi għal ħafna żmien

R53

EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

R59

EUH029 Meta jmiss mal-ilma jerħi gass tossiku

R29

EUH031 Meta jmiss mal-aċidu jerħi gass tossiku

R31

EUH032 Meta jmiss mal-aċidu jerħi gass tossiku ħafna

R32

EUH070 Tossiku meta jmiss mal-għajnejn

R39-41

H317 (is-Sottokategorija 1 A): Jaf joħloq reazzjoni allerġika tal-ġilda (konċentrazzjoni ta' xkattar ≥ 0,1 % piż/piż) (3)

R43

H317 (is-Sottokategorija 1 B): Jaf joħloq reazzjoni allerġika tal-ġilda (konċentrazzjoni ta' xkattar ≥ 1,0 % piż/piż) (3)

H334: Jaf joħloq sintomi ta' allerġija jew tal-ażma jew diffikultajiet fin-nifs jekk jinġibed man-nifs

R42

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi l-lista tal-materjali tal-prodott, inkluża lista bl-oġġetti kollha u kull parti omoġenja minnu.

L-applikant għandu jgħarrex għall-preżenza ta' sustanzi u taħlitiet li jaf ikunu klassifikati fid-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew fil-frażijiet tar-riskju rrappurtati f'dan il-kriterju. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma' dan ir-rekwiżit għall-prodott, kull oġġett fih jew kull parti omoġenja minnu.

L-applikanti għandhom jagħżlu għamliet xierqa ta' verifika. L-għamliet ewlenin ta' verifika huma previsti kif ġej:

Partijiet omoġenji u kull trattament jew impurtià assoċjata (eż: saff tal-polimeru superassorbenti): għandhom jingħataw l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza għall-materjali li jsawru dik il-parti tal-prodott u għas-sustanzi u t-taħlitiet li ntużaw fit-tiswir u t-trattament tal-materjali li jibqa' fil-parti aħħarija 'l fuq mil-limitu tal-qtugħ ta' 0,10 % piż/piż diment li ma jkunx japplika limitu ta' konċentrazzjoni ġeneriku jew speċifiku skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

Ir-riċetti kimiċi li jintużaw biex joħolqu funzjoni speċifika tal-prodott jew tal-komponenti tal-prodott (eż: kolol u adeżivi, koloranti): għandhom jingħataw l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza għas-sustanzi u t-taħlitiet li ntużaw fit-tgħaqqid tal-prodott finali jew għas-sustanzi u t-taħlitiet applikati għall-komponenti tal-prodott u l-bqija tal-komponenti tal-prodott.

Id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha dokumentazzjoni relatata, bħal ngħidu aħna dikjarazzjonijiet tal-konformità bil-firma tal-fornituri, dwar in-nuqqas ta' klassifikazzjoni tas-sustanzi, it-taħlitiet jew materjali b'xi klassi tal-perikolu assoċjata mad-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew mal-frażijiet tar-riskju msemmija fil-lista ta' tabella 4 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, diment li dan ikun jista' jiġi stabbilit, bħala minimu, mill-informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

L-informazzjoni mogħtija għandha tkun relatata mal-għamliet jew mal-qagħdiet fiżiċi tas-sustanzi jew tat-taħlitiet użati fil-prodott finali.

Għandha tingħata din l-informazzjoni teknika biex issostni d-dikjarazzjoni tal-klassifikazzjoni jew in-nuqqas ta' klassifikazzjoni għal kull sustanza u taħlita:

(i)

għas-sustanzi li ma ġewx irreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew li għad ma għandhomx klassifikazzjoni CLP armonizzata, trid tingħata informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Anness VII ta' dak ir-Regolament;

(ii)

għas-sustanzi rreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-klassifikazzjoni CLP, trid tingħata informazzjoni bbażata fuq id-dossier tar-reġistrazzjoni REACH li tikkonferma l-istatus ta' nuqqas ta' klassifikazzjoni tas-sustanza;

(iii)

għas-sustanzi bi klassifikazzjoni armonizzata jew awtoklassifikati, iridu jingħataw l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza meta dawn ikunu disponibbli. Jekk dawn ma jkunux disponibbli jew is-sustanza tkun awtoklassifikata, għandha tingħata informazzjoni rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-periklu tas-sustanzi skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(iv)

fil-każ tat-taħlitiet, iridu jingħataw l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza meta dawn ikunu disponibbli. Jekk dawn ma jkunux disponibbli allura għandu jingħata kalkolu tal-klassifikazzjoni tat-taħlita skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 flimkien ma' informazzjoni rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-perikolu tat-taħlitiet skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

L-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza (SDS) għandhom jimtlew skont il-gwida stabbilita fit-Taqsimiet 10, 11 u 12 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ir-rekwiżiti għall-kumpilazzjoni tal-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza). SDS mhux kompluta tkun trid tiġi sostnuta b'aktar informazzjoni minn dikjarazzjonijiet tal-fornituri tal-kimika.

L-informazzjoni dwar il-karatteristiċi intrinsiċi tas-sustanzi ma hemmx għalfejn bilfors tinħoloq b'testijiet. Tista' tinstab b'metodi oħra bħal dawk in vitro, mudelli ta' attività bi struttura kwantitattiva, jew ta' ggruppar jew ta' read-across skont l-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. L-użu kondiviż tad-dejta rilevanti fil-katina tal-provvista hu mħeġġeġ bil-qawwa.

7.2   Is-sustanzi mniżżlin skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Ma għandha tingħata l-ebda deroga għall-esklużjoni mill-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 fejn jidħlu sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista prevista fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, meta jkunu preżenti fit-taħlitiet, f'oġġett jew f'xi parti omoġenja tal-prodott b'konċentrazzjonijiet > 0,10 % bil-piż.

Valutazzjoni u verifika:

Għandha ssir referenza għall-aħħar aġġornament tal-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna fid-data tal-applikazzjoni. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità mal-kriterju 7.2, u dokumentazzjoni relatata, inklużi dikjarazzjonijiet tal-konformità bil-firma tal-fornituri tal-materjali u kopji tal-SDSs għas-sustanzi jew it-taħlitiet skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Għas-sustanzi u t-taħlitiet, il-limiti ta' konċentrazzjoni għandhom jitniżżlu fl-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Kriterju 8. L-effiċjenza tal-materjali fil-manifattura

Il-kwantità tal-iskart iġġenerata fil-manifattura u fl-imballaġġ tal-prodotti, bil-frazzjoni tal-iskart li jintuża mill-ġdid jew li jsir materjal utli u/jew jissarraf f'enerġija, ma għandhiex taqbeż:

l-10 % bil-piż tal-prodotti finali għat-tampuni,

il-5 % bil-piż tal-prodotti finali għal kull prodott ieħor.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi evidenza tal-kwantità tal-iskart li ma reġax intuża fil-proċess tal-manifattura jew li ma sarx materjali u/jew li ma ssarrafx f'enerġija.

Il-kalkoli għandhom isiru skont ISO 14025 u l-applikant għandu jippreżenta kull wieħed minn dawn il-parametri:

il-piż totali tal-prodott u tal-imballaġġ,

il-flussi kollha tal-iskart iġġenerati fil-manifattura, u

l-ipproċessar tat-trattament rispettiv (pereżempju r-riċiklaġġ, l-inċinerazzjoni), inkluż il-frazzjoni tal-iskart irkuprat u mormi.

L-iskart nett għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn l-ammont ta' skart iġġenerat u l-ammont ta' skart irkuprat.

Kriterju 9. Gwida dwar ir-rimi tal-prodotti

Fuq l-imballaġġ, il-produtturi għandhom jiktbu jew juru b'simboli viżwali:

li l-prodott ma għandux jintrema fit-tojlits, u

l-mod korrett kif il-prodott għandu jintrema.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-imballaġġ.

Kriterju 10. L-adegwatezza għall-użu u l-kwalità tal-prodott

L-effiċjenza/kwalità tal-prodott għandha tkun sodisfaċenti u tal-anqas ekwivalenti għall-prodotti li diġà hemm fis-suq. L-adegwatezza għall-użu għandha tiġi ttestjata fir-rigward tal-karatteristiċi u l-parametri mniżżla f'Tabella 5. Meta jkunu ġew identifikati, il-limiti tal-prestazzjoni għandhom jitqabblu.

Tabella 5

Il-karatteristiċi u l-parametri li jiddeskrivu l-adegwatezza għall-użu tal-prodott li se jiġi ttestjat

Karatteristika

Il-prattika tal-ittestjar meħtieġa (il-limitu tal-prestazzjoni)

Ħrieqi tat-trabi

Assorbenti iġjeniċi tan-nisa

Tampuni

Assorbenti tat-treddigħ

Testijiet waqt l-użu

U1.

Assorbiment u protezzjoni mit-tnixxija (**)

Test tal-konsumatur (It-tnixxija tokkorri f'mhux aktar minn 5 % tal-prodotti)

U2.

It-tnixxif tal-ġilda

Test tal-konsumatur (80 % tal-konsumaturi li jittestjaw il-prodott għandhom jikklassifikaw il-prestazzjoni bħala sodisfaċenti)

Mhux applikabbli

Għall-ħrieqi tat-trabi

U3.

Tajbin u komdi

Test tal-konsumatur (80 % tal-konsumaturi li jittestjaw il-prodott għandhom jikklassifikaw il-prestazzjoni bħala sodisfaċenti)

U4.

Prestazzjoni ġenerali

Test tal-konsumatur (80 % tal-konsumaturi li jittestjaw il-prodott għandhom jikklassifikaw il-prestazzjoni bħala sodisfaċenti)

Testijiet tekniċi

T1.

Assorbiment u protezzjoni mit-tnixxija

Ir-rata ta' assorbiment u l-assorbiment qabel it-tnixxija

Il-metodu sinġina

Mhu rakkomandat l-ebda metodu

T2.

It-tnixxif tal-ġilda

TEWL, il-metodu msejjaħ “rewet” jew ittestjar korneometriku

Mhux applikabbli

Mhu rakkomandat l-ebda metodu

Valutazzjoni u verifika:

Għandu jingħata rapport tat-test għat-testijiet waqt l-użu u għat-testijiet tekniċi li jiddeskrivu l-metodi ta' ttestjar, ir-riżultati tat-test u d-dejta użata. It-testijiet għandhom jagħmluhom laboratorji ċċertifikati biex jimplimentaw sistemi ta' ġestjoni tal-kwalità, irrispettivament jekk hux interni jew esterni.

It-testijiet għandhom isiru għat-tip speċifiku u d-daqs tal-prodotti li japplikaw għall-Ekotikketta tal-UE. Madankollu, jekk jintwera li l-prodotti għandhom l-istess prestazzjoni, ikun biżżejjed li jiġi ttestjat daqs wieħed biss jew taħlita rappreżentattiva ta' qisien għal kull disinn tal-prodott. Għandha tingħata attenzjoni speċjali rigward it-teħid tal-kampjuni, it-trasport u l-ħażna tal-prodotti ħalli jkunu żgurati riżultati riproduċibbli. Huwa rakkomandat li l-prodotti ma jinsatrux jew jerġgħu jiġu ppakkjati f'imballaġġ newtrali minħabba r-riskju li tinbidel il-prestazzjoni tal-prodotti u/jew tal-imballaġġ.

Informazzjoni dwar l-ittestjar għandha ssir disponibbli għall-korpi kompetenti b'tali mod li tkun rispettata l-kunfidenzjalità. Ir-riżultati tat-test għandhom jitfissru ċar u tond u jitniżżlu bil-lingwa, l-unitajiet u s-simboli li jifhem l-utent tad-dejta. Għandhom jitniżżlu dawn id-dettalji: il-post u d-data tat-testijiet; il-kriterji użati biex jingħażlu l-prodotti ttestjati u r-rappreżentattività tagħhom; il-karatteristiċi magħżula tal-ittestjar u, jekk ikunu japplikaw, ir-raġunijiet għalfejn ċerti karatteristiċi ma tħaddmux; il-metodi ta' ttestjar użati u l-limitazzjonijiet tagħhom, jekk għandhom. Għandhom jingħataw linji gwida ċari dwar l-użu tar-riżultati tat-test.

Linji gwida oħrajn għat-testijiet tal-utent:

It-teħid tal-kampjuni, id-disinn esperimentali, il-panel tar-reklutaġġ u l-analiżi tar-riżultati tat-test għandhom ikunu konformi mal-prattiċi tal-istatistika standard (AFNOR Q 34-019, ASTM E1958-07e1 jew ekwivalenti).

Kull prodott għandu jiġi vvalutat skont kwestjonarju. It-test għandu jdum mill-inqas 72 siegħa, ġimgħa sħiħa meta possibbli, u għandu jsir f'kundizzjonijiet normali tal-użu tal-prodott;

L-għadd rakkomandat ta' testers għandu jkun tal-inqas 30. Kull individwu li jieħu sehem fl-istħarriġ għandu jkun utent attwali tat-tip/daqs speċifiku tal-prodott ittestjat.

Meta l-prodott ma jkunx maħsub b'mod speċifiku għal sess wieħed, il-proporzjon tal-irġiel u n-nisa għandu jkun ta' 1:1.

Fl-istħarriġ għandhom jieħdu sehem taħlita ta' individwi li jirrappreżentaw proporzjonalment gruppi differenti ta' konsumaturi disponibbli fis-suq. Għandhom jitniżżlu ċar u tond, l-etajiet, il-pajjiżi u s-sessi.

Individwi morda u persuni b'kundizzjoni kronika fil-ġilda m'għandhomx jieħdu sehem fit-test. Meta xi individwi jimirdu waqt il-prova tal-utenti, dan għandu jitniżżel fil-kwestjonarju u t-tweġibiet m'għandhomx jitqiesu fl-evalwazzjoni.

Għat-tnixxif tal-ġilda, għal prodotti tajbin u komdi, u għall-prestazzjoni ġenerali, 80 % tal-konsumaturi li jittestjaw il-prodott għandhom jikklassifikaw il-prestazzjoni bħala sodisfaċenti, li pereżempju tkun tfisser li konsumatur jagħti rata ogħla minn 60 (fi skala kwantitattiva bejn 1 u 100) jew li l-prodott ġie klassifikat bħala tajjeb jew tajjeb ħafna (fost il-ħames għażliet kwalitattivi: dgħajjef ħafna, dgħajjef, mhux ħażin, tajjeb, tajjeb ħafna). Għall-assorbiment u l-protezzjoni mit-tnixxija, it-tnixxija għandha ssir f'inqas minn 5 % tal-prodotti ttestjati.

Ir-riżultati għandhom jiġu evalwati statistikament wara li titlesta l-prova tal-utenti.

Għandhom jiġu kkomunikati wkoll fatturi esterni bħal marki kummerċjali, ishma mis-suq u reklamar li jaf ikollhom impatt fuq l-impressjoni tal-prestazzjoni tal-prodott.

Rekwiżiti oħrajn għat-testijiet tekniċi:

Il-metodi ta' ttestjar għandhom jissejsu kemm jista' jkun fuq metodi rilevanti għall-prodott, riproduċibbli u rigorużi.

Għandhom jiġu ttestjati mill-inqas ħames kampjuni. Ir-riżultati medji għandhom jiġu rrappurtati flimkien ma' indikazzjoni tad-devjazzjoni standard.

Il-piż, il-qisien u l-karatteristiċi tad-disinn tal-prodott għandhom jiġu deskritti u mogħtija skont il-kriterju 1.

Kriterju 11. Aspetti soċjali

L-applikanti għandhom jiżguraw li l-impjanti tal-produzzjoni fil-katina tal-provvista li jintużaw fil-manifattura tal-prodotti liċenjzati, josservaw il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol li jiddeskrivu l-Istandards Ewlenin tax-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Global Compact tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali. Għal finijiet ta' verifika, għandha ssir referenza għal dawn l-Istandards Ewlenin tax-Xogħol tal-ILO:

029

Xogħol bil-forza

087

Libertà tal-Assoċjazzjoni u t-Tħaris tad-Dritt tal-Organizzazzjoni

098

Id-Dritt tal-Organizzazzjoni u tan-Negozjar Kollettiv

100

Ħlas indaqs

105

L-Abolizzjoni tax-Xogħol bil-Forza

111

Id-Diskriminazzjoni (L-Impjiegi u l-Kariga)

138

Il-Konvenzjoni tal-Età Minima

155

Is-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol

182

L-eliminazzjoni tal-Agħar Forom ta' Xogħol mit-Tfal

Dawn l-istandards għandhom jiġu kkomunikati lill-impjanti tal-produzzjoni fil-katina tal-provvista li jintużaw fil-manifattura tal-prodott finali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu juri li saret verifika tal-konformità minn parti terza, premezz ta' verifika indipendenti jew evidenza dokumentarja, inklużi żjajjar fuq il-post minn awdituri waqt il-proċess ta' verifika tal-Ekotikketta għal impjanti tal-produzzjoni fil-katina tal-provvista tal-prodotti liċenzjati. Dan għandu jsir mal-applikazzjoni u, jekk jibdew jintużaw impjanti ġodda tal-produzzjoni, sussegwentement waqt il-perjodu tal-liċenzja.

Kriterju 12. L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Il-logo tal-Ekotikketta tal-UE jista' jidher kemm fuq l-imballaġġ kif ukoll fuq il-prodott. Kaxxa 2 tal-Ekotikketta tal-UE għandu jkun fiha dan it-test:

“Impatti mnaqqsa mill-konsum tar-riżorsi”

“Użu ristrett ta' sustanzi perikolużi.”

“It-testijiet tal-prestazzjoni u tal-kwalità ġew issodisfati”

Barra minn hekk, dan it-test għandu jidher fuq l-imballaġġ: “Biex tkun taf aktar għala dan il-prodott ingħata l-Ekotikketta tal-UE, żur http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/”.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li turi konformità mar-rekwiżit u mal-evidenza viżwali.


(*)  Fil-kalkolu jitqiesu l-emissjonijiet netti ta' P. Il-P li jkun jinsab b'mod naturali fil-materja prima tal-injam u fl-ilma jista' jitnaqqas mill-emissjonijiet totali ta' P. Għandu jiġi aċċettat tnaqqis sa 0,010 kg/ADT.

(1)  Bħalma tiddefinixxi d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(4)  L-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur dwar l-allerġeni tal-fwejjaħ fil-prodotti kożmetiċi, adottata f'Ġunju tal-2012: http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_102.pdf.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).

(1)  Skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(2)  Skont id-Direttiva 67/548/KEE u d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1).

(3)  Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 286/2011 tal-10 ta' Marzu 2011 li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet.

(**)  Panty liners mingħajr qalba maħsuba biex jipproteġu l-ilbies ta' taħt tan-nisa (panty liners ħfief) huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.


Top